EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0014(01)
Decision (EU) 2019/976 of the European Central Bank of 29 May 2019 laying down the principles for defining objectives and sharing feedback in joint supervisory teams and repealing Decision (EU) 2017/274 (ECB/2019/14)
Deċiżjoni (UE) 2019/976 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Mejju 2019 li tistabbilixxi l-prinċipji għad-definizzjoni ta' objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback fi ħdan it-timijiet superviżorji konġunti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2019/14)
Deċiżjoni (UE) 2019/976 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Mejju 2019 li tistabbilixxi l-prinċipji għad-definizzjoni ta' objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback fi ħdan it-timijiet superviżorji konġunti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2019/14)
OJ L 157, 14.6.2019, p. 61–66
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 157/61 |
DEĊIŻJONI (UE) 2019/976 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tad-29 ta' Mejju 2019
li tistabbilixxi l-prinċipji għad-definizzjoni ta' objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback fi ħdan it-timijiet superviżorji konġunti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2019/14)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u (7) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistipula li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Il-premessa 79 ta' dak ir-Regolament tistabbilixxi li persunal b'motivazzjoni għolja, imħarreġ sew u imparzjali huwa indispensabbli għal superviżjoni effettiva. |
(2) |
Skont l-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2), il-BĊE huwa inkarigat mill-istabbiliment u l-kompożizzjoni ta' timijiet superviżorji konġunti li huma komposti minn membri tal-persunal mill-BĊE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Koordinatur ta' tim superviżorju konġunt (TSK), assistit minn subkoordinatur wieħed jew iżjed tal-awtorità nazzjonali kompetenti (ANK), jiżgura l-koordinazzjoni tax-xogħol fi ħdan it-TSK. |
(3) |
Fid-dawl tar-rwoli importanti tal-koordinaturi tat-TSK u s-subkoordinaturi tal-ANK fil-koordinazzjoni tax-xogħol tal-membri tat-TSK mill-ANK, huwa neċessarju u proporzjonat li jiddaħħal proċess uniformi għad-definizzjoni tal-objettivi u l-kondiviżjoni tal-feedback fi ħdan it-TSK. |
(4) |
Il-feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-ANK kien ipprovdut qabel matul perijodu ta' prova inizjali bbażat fuq id-Deċiżjoni (UE) 2016/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/36) (3), u mbagħad matul perijodu ta' prova sussegwenti skont il-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2017/274 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/6) (4). Peress li dak il-perijodu ta' prova sussegwenti ġie konkluż, id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2017/6) għandha tiġi rrevokata fl-interessi taċ-ċertezza legali. |
(5) |
L-esperjenza akkwistata matul dak il-perijodu ta' prova sussegwenti indikat li mekkaniżmu ta' feedback fi ħdan it-TSK jista' jkun utli biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tagħhom, kollaborazzjoni u djalogu aħjar, u sabiex ikomplu jinbnew aktar il-fiduċja u l-ftuħ fi ħdan dawk it-timijiet. Il-mekkaniżmu ta' feedback għalhekk għandu jitkompla u jintuża fuq bażi regolari. Madankollu, sabiex jiġu akkomodati reviżjonijiet li għandhom isiru għall-mekkaniżmu tal-feedback, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ġdida. Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2017/6) għandha titħassar u tiġi ssostitwita b'din id-Deċiżjoni. |
(6) |
L-ANK huma weħidhom responsabbli għall-evalwazzjoni tal-persunal tagħhom, u l-BĊE huwa responsabbli biss għall-evalwazzjoni tal-persunal tiegħu. Fil-ġestjoni tal-persunal, l-ANK jistgħu jużaw il-feedback mogħti mill-koordinaturi tat-TSK lis-subkoordinaturi tal-ANK, jekk jitħallew jagħmlu dan taħt il-liġi nazzjonali relevanti, u l-BĊE jista' juża l-feedback mogħti mill-koordinatur tat-TSK, f'kull każ b'mod konformi ma' din id-Deċiżjoni. |
(7) |
Is-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u huwa ta opinjoni fis-7 ta' April 2015 li rrikonoxxiet li l-feedback huwa meħtieġ għall-ġestjoni tat-TSK, u filwaqt li approva l-mekkaniżmu tal-feedback ta parir li l-operazzjoni preċiża tiegħu tiġi ddefinita fi strument legali xieraq, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).
Artikolu 2
Iffissar ta' objettivi u kondiviżjoni ta' feedback
1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà unika tal-ANK bħala l-impjegatur tas-subkoordinaturi tal-ANK, il-koordinaturi tat-TSK għandhom, wara konsultazzjoni ma' kull subkoordinatur tal-ANK, jistabbilixxu l-kompiti u l-objettivi ewlenin ta' dak is-subkoordinatur tal-ANK.
2. L-objettivi u l-kompetenzi tar-rwol tal-koordinatur tat-TSK huma ddefiniti fi ħdan il-kuntest tal-proċess ta' ġestjoni u żvilupp tal-prestazzjoni tal-BĊE. Għall-finijiet tal-feedback fi ħdan it-TSK, is-subkoordinaturi tal-ANK għandhom jiġu infurmati dwar dawk il-kompetenzi stipulati u ddefiniti fil-qafas ta' kapaċità tal-BĊE (6) li huma applikabbi għar-rwol ta' koordinatur tat-TSK.
3. Il-feedback għandu jkun reċiproku: il-koordinaturi tat-TSK għandhom jipprovdu feedback lis-subkoordinaturi tal-ANK u s-subkoordinaturi tal-ANK għandhom jipprovdu feedback lill-koordinaturi tat-TSK, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Anness I.
4. Il-koordinatur relevanti tat-TSK u s-subkoordinaturi relevanti tal-ANK għandhom jipprovdu feedback konġuntament lit-TSK tagħhom bħala ħaġa sħiħa dwar kif dak it-tim ikun laħaq l-objettivi tiegħu skont il-prinċipji stabbiliti fl-Anness I.
5. Il-koordinaturi tat-TSK u s-subkoordinaturi tal-ANK għandhom jimmiraw li jipprovdu feedback fil-kuntest ta' laqgħa wiċċ imb'wiċċ.
6. Il-perijodu ta' referenza li għalih jiġu ddefiniti objettivi u jingħata feedback għandu jkun il-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena.
7. Il-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema li jintuża biex jimmaniġġja l-proċess tal-feedback għandu jiġi aċċessat biss minn persuni li jissodisfaw il-kriterji tal-ħtieġa ta' tagħrif kif stipulati fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Kategoriji speċifiċi ta' persuni interessati li jkollhom ħtieġa ta' tagħrif tal-feedback għandhom jiġu stipulati fir-rekord relevanti tal-operazzjoni tal-ipproċessar u l-avviż ta' privatezza pprovdut lis-suġġetti tad-dejta.
Artikolu 3
Revoka
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2017/6) hija b'dan imħassra.
Artikolu 4
Dispożizzjonijiet finali
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. B'deroga mill-Artikolu 2(6), l-ewwel perijodu ta' referenza li għalih huma ddefiniti l-objettivi u li għalih jingħata l-feedback għandu jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta' Mejju 2019.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).
(3) Deċiżjoni (UE) 2016/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/36) (ĠU L 1, 5.1.2016, p. 4).
(4) Deċiżjoni (UE) 2017/274 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi prinċipji biex jingħata feedback dwar il-prestazzjoni lil subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/3 (BĊE/2017/6) (ĠU L 40, 17.2.2017, p. 72).
(5) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu[individwi] fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(6) Ara d-dokument bit-titolu “The ECB capability framework: the competencies”, disponibbli fuq https://www.ecb.europa.eu/careers/pdf/leadership_competencies.en.pdf.
(7) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS I
Prinċipji għad-definizzjoni tal-objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback f'timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku
Prinċipju 1
Iffissar ta' objettivi
1. |
Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà unika tal-ANK bħala l-impjegatur ta' subkoordinaturi ta' ANK fil-bidu ta' kull perijodu ta' referenza jew meta subkoordinatur ta' ANK ikun ingħaqad ma' TSK, il-koordinatur tat-TSK, wara konsultazzjoni mas-subkoordinatur tal-ANK, għandu jistabbilixxi l-kompiti ewlenin u l-objettivi għal kull subkoordinatur ta' ANK. |
2. |
Il-koordinatur tat-TSK u s-subkoordinatur tal-ANK jiddefinixxu konġuntament l-objettivi tat-tim u jikkomunikaw dawn l-objettivi lit-TSK annwalment matul laqgħa tat-TSK li għandha sseħħ fil-bidu ta' kull perijodu ta' referenza jew meta jkun ġie stabbilit TSK ġdid. |
3. |
Il-kompiti u l-objettivi miftiehma għas-subkoordinaturi tal-ANK jistgħu jiġu rreġistrati fl-għodda tas-sistema użata għal-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback. |
Prinċipju 2
Kondiviżjoni ta' feedback
1. |
Il-koordinatur tat-TSK jipprovdi ta' mill-inqas darba fis-sena, fi kwalunkwe każ, wara t-tmiem ta' perijodu ta' referenza, feedback wiċċ imb'wiċċ lis-subkoordinatur tal-ANK dwar kif huma u t-timijiet tagħhom laħqu l-objettivi rispettivi tagħhom. Dan il-feedback iqis il-kompetenzi stabbiliti fl-Anness II. |
2. |
Is-subkoordinatur tal-ANK jipprovdi ta' mill-inqas darba fis-sena, fi kwalunkwe każ, wara t-tmiem ta' perijodu ta' referenza, feedback wiċċ imb'wiċċ lill-koordinatur tat-TSK dwar il-koordinazzjoni tagħhom tat-TSK. Dan il-feedback iqis il-kompetenzi stipulati fil-qafas tal-kapaċità tal-BĊE. |
3. |
Il-feedback kondiviż bejn il-koordinatur tat-TSK u s-subkordinatur tal-ANK kif deskritt fil-Prinċipju 2.1 u 2.2 jiġi rreġistrat, fuq talba mir-riċevitur tal-feedback permezz tal-għodda tas-sistema, fl-għodda tas-sistema, li tintuża għall-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback. |
4. |
Il-koordinatur tat-TSK u s-subkoordinatur tal-ANK jipprovdu feedback konġuntament lit-TSK tagħhom dwar kif it-tim laħaq l-objettivi tiegħu. Dan il-feedback jingħata lit-TSK ta' mill-inqas darba fis-sena, fi kwalunkwe każ, wara t-tmiem ta' perijodu ta' referenza, matul laqgħa tat-TSK. |
5. |
Sabiex jiġi żgurat djalogu kontinwu, il-koordinatur tat-TSK jipprovdi lil kull subkoordinatur tal-ANK bi gwida u feedback kontinwu matul is-sena. |
6. |
Il-koordinatur tat-TSK u s-subkoordinatur tal-ANK jipprovdu gwida u feedback kontinwu lit-tim tagħhom matul is-sena. |
Prinċipju 3
Aċċess għall-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema
1. |
Aċċess għall-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema użata għall-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback jingħata lill-koordinatur tat-TSK u lis-subkoordinatur tal-ANK. |
2. |
Aċċess mill-persunal tal-BĊE, minbarra l-koordinatur tat-TSK u l-amministratur tal-proċess għall-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema użata għall-ġestjoni tal-proċess tal-feedback jista' jiġi pprovdut fuq il-bażi tal-ħtieġa ta' tagħrif skont ir-Regolament (UE) 2018/1725. |
3. |
Fuq talba tal-ANK relevanti, din għandha tingħata aċċess u titħalla tuża l-feedback dwar is-subkoordinatur tal-ANK irreġistrat fl-għodda tas-sistema użata għall-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback, jekk dan ikun disponibbli:
|
4. |
L-aċċess għall-feedback, inkluż it-trasferiment tiegħu, jingħata lill-ANK skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Jekk jiġu riċevuti talbiet għal feedback u jsir trasferiment, is-subkoordinatur tal-ANK ikkonċernat jiġi infurmat kif meħtieġ. |
Prinċipju 4
Protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-kuntest tal-kondiviżjoni ta' feedback
1. |
Kull dejta personali relatata mal-iffissar ta' objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback dwar kif għandhom jintlaħqu dawn l-objettivi tiġi pproċessata mill-BĊE b'mod konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725. |
2. |
Dejta personali relatata mal-iffissar tal-objettivi u l-kondiviżjoni tal-feedback dwar kif jintlaħqu dawk l-objettivi tintuża biss għall-finijiet deskritti fil-Prinċipju 3, u tista' tinżamm għal perijodu massimu ta' ħames snin. |
ANNESS II
Lista ta' kompetenzi partikolarment rilevanti għall-persunal li jaħdem fl-MSU (kompetenzi MSU)
|
Tagħrif professjonali: Tagħrif dwar politiki, metodoloġiji u regolamenti superviżorji, speċjalment fil-kuntest tal-MSU, kif ukoll dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Wieħed għandu jżomm aġġornat dwar żviluppi f'dawk l-oqsma u japplika l-għarfien għall-oqsma ta' xogħol relevanti. |
|
Komunikazzjoni: Wieħed għandu jagħti informazzjoni b'mod ċar u konċiż lil gruppi jew individwi, jew verbalment jew bil-miktub, sabiex jiġi żgurat li huma jifhmu l-informazzjoni u l-messaġġ. Wieħed għandu jisma' u jirrispondi b'mod xieraq lil ħaddieħor. |
|
Kooperazzjoni u kollaborazzjoni: Wieħed għandu jibni u jiżviluppa relazzjonijiet ta' ħidma kontinwi u kollaborattivi mal-kollegi tiegħu sabiex jitwettqu l-kompiti tal-MSU tat-tim bid-dimensjoni Ewropea tagħhom. Wieħed għandu jiżviluppa u jżomm relazzjonijiet effettivi ma' ħaddieħor sabiex tiġi mħeġġa u appoġġata l-ħidma bejn tim. Wieħed għandu jaqsam b'mod proattiv dejta, informazzjoni u tagħrif fi ħdan it-tim. |
|
Determinazzjoni fil-kisba ta' objettivi: Wieħed għandu jwettaq kompiti b'tenaċità u perseveranza, isegwi soluzzjonijiet ta' suċċess waqt li jadatta l-imġiba tiegħu stess biex jinstab approċċ adattat għall-kisba ta' eżitu ta' suċċess. |
|
Ġudizzju u intrużività: Wieħed għandu janalizza u jivvaluta sitwazzjonijiet, dejta u informazzjoni sabiex jiġu żviluppati strateġiji, pjanijiet u politiki xierqa. Wieħed għandu jifhem u jifformula perspettivi differenti u kuntrarji dwar kwistjoni, jekk meħtieġ, jadatta l-approċċi hekk kif jinbidlu l-ħtiġijiet ta' sitwazzjoni, waqt li jikkunsidra l-problemi minn perspettivi ġodda u jespandi fuq il-ħsieb jew is-soluzzjonijiet proposti minn ħaddieħor. Wieħed għandu jipprova jifhem bis-sħiħ il-kwistjonijiet qabel ma jagħmel rakkomandazzjoni jew jilħaq konklużjoni, waqt li jiġbor informazzjoni sħiħa u preċiża hekk kif meħtieġ, u jasal għal ġudizzju sod billi jistaqsi b'rispett serje ta' domandi intrużivi u billi jfittex kontinwament għal kwistjonijiet potenzjali u informazzjoni varja. |
|
Kuxjenza wiesgħa u li wieħed ikun iħares 'il quddiem: Wieħed għandu jħares lil hinn mir-rwol tiegħu stess sabiex jistabbilixxi l-kuntest usa' li fih jopera, billi jifhem bis-sħiħ id-diversi funzjonijiet/oqsma, billi juri kuxjenza dwar diversi kuntesti kulturali u perspettivi, u billi jevalwa l-implikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tiegħu fuq ħaddieħor. Wieħed għandu jħares 'il quddiem u jantiċipa opportunitajiet u theddid fil-futur, jieħu azzjoni biex joħloq opportunitajiet jew biex jevita kwistjoni fil-futur. |
|
Aġir oġġettiv b'integrità u indipendenza: Wieħed għandu jaġixxi b'mod indipendenti u oġġettiv, fl-interess tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa, fuq il-bażi tal-istandards professjonali tal-MSU, waqt li jivverifika ċ-ċirkustanzi biex jikseb stampa sħiħa u realistika ta' sitwazzjoni. Wieħed għandu jaħdem biex inaqqas jew jelimina preferenzi, preġudizzji jew evalwazzjonijiet soġġettivi billi jibbaża fuq dejta u fatti verifikabbli. |
|
Immaniġġjar ta' timijiet tal-MSU (applikabbli għal maniġers biss): Wieħed għandu jidderieġi lit-timijiet (virtwali/remoti) u jiggwidahom lejn l-objettivi tat-tim. Wieħed għandu jikkoordina l-attivitajiet tat-tim bejn fruntieri, billi jipprovdi direzzjoni u billi juża l-kompetenzi u d-diversità tagħhom bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. Wieħed għandu jnaqqas u jimmaniġġja l-ambigwità u jsib mod kif jidderieġi u jwassal ir-riżultati taħt inċertezza. |