EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0010(01)

Deċiżjoni (UE) 2018/546 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fuq fondi proprji (BĊE/2018/10)

OJ L 90, 6.4.2018, p. 105–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/09/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/546/oj

6.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/105


DEĊIŻJONI (UE) 2018/546 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta' Marzu 2018

dwar id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fuq fondi proprji (BĊE/2018/10)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 26(3), u l-Artikoli 28, 29, 77 u 78 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (3) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bħala awtorità kompetenti għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, huwa responsabbli biex jevalwa jekk il-ħruġ ta' strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 jissodisfawx il-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni jistgħu jikklassifikaw lil strumenti ta' kapital bħala strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 biss bil-permess minn qabel tal-BĊE.

(2)

Kif meħtieġ skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) stabbilixxiet u taġġorna regolarment lista pubblika ta' tipi ta' strumenti li jikkwalifikaw f'kull Stat Membru bħala Strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1. L-inklużjoni ta' tip ta' strument fil-lista ABE timplika li tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, fejn applikabbli, fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Meta jitqies l-iskrutinju tat-tipi ta' strumenti mill-awtoritajiet kompetenti u, wara t-28 ta' Ġunju 2013, mill-ABE, u n-natura pubblika u l-aġġornamenti regolari tal-lista ABE, huwa xieraq li tintuża dik il-lista biex jiġi ddeterminat l-ambitu tad-delega tas-setgħat għat-teħid tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Skont il-premessa 75 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dak ir-Regolament ma jipprevenix lill-awtoritajiet kompetenti milli jżommu proċessi ta' permess minn qabel fir-rigward tal-kuntratti li jirregolaw strumenti Addizzjonali ta' Grad 1 u ta' Grad 2. Għaldaqstant, il-liġijiet ta' ċerti Stati Membri jistabbilixxu tali proċessi għall-klassifikazzjoni ta' strumenti ta' kapital bħala strumenti Addizzjonali ta' Grad 1 jew ta' Grad 2. Il-BĊE huwa l-awtorità kompetenti li tagħti tali permess lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(4)

Il-BĊE huwa responsabbli wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, biex jagħti permess minn qabel lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni biex inaqqsu, jifdu jew jixtru mill-ġdid strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 maħruġa minnhom b'mod li huwa permess skont il-liġi nazzjonali u biex jagħmlu s-sejħa, il-fidi, il-ħlas lura jew ix-xiri mill-ġdid ta' istrumenti Addizzjonali ta' Grad 1 jew ta' Grad 2, qabel id-data tal-maturità tagħhom.

(5)

Meta l-BĊE jivvaluta t-talbiet minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għal permess minn qabel biex inaqqas il-fondi proprji, japplika l-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 (4).

(6)

Il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, huwa meħtieġ li jadotta numru sostanzjali ta' deċiżjonijiet dwar fondi proprji kull sena. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija neċessarja deċiżjoni ta' delega fir-rigward tal-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-delega ta' awtorità hija neċessarja biex tippermetti lil istituzzjoni meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq id-doveri tagħha. Bl-istess mod, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jaħdmu bħala prinċipju inerenti għas-sistemi istituzzjonali kollha (5).

(7)

Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun limitata u proporzjonata, u l-ambitu tad-delega għandu jkun iddefinit b'mod ċar.

(8)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' delega dwar is-superviżjoni u l-persuni li jistgħu jiġu ddelegati setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord Superviżorju li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompleti lill-Kunsill Governattiv.

(9)

Fejn il-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni, ma jintlaħqux, għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (6). Barra minn hekk, jekk il-kapijiet ta' unitajiet tax-xogħol ikollhom tħassib rigward it-twettiq tal-kriterji ta' valutazzjoni għal deċiżjonijiet dwar fondi proprji minħabba li ma tkunx mogħtija biżżejjed informazzjoni mill-entità sinifikanti taħt superviżjoni jew il-kumplessità tal-valutazzjoni, għandha tintuża wkoll il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

(10)

Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (7). Fil-każ ta' tali reviżjoni amministrattiva, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“deċiżjoni dwar fondi proprji” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar il-permess minn qabel biex jiġi kklassifikat strument bħala strument ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1, strument ta' Grad Addizzjonali 1 jew Grad 2 u fuq tnaqqis ta' fondi proprji;

(2)

“tnaqqis ta' fondi proprji” ifisser kwalunkwe azzjoni msemmija fl-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(3)

“tnaqqis b'sostituzzjoni” ifisser tnaqqis ta' fondi proprji kif msemmija fl-Artikolu 78(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(4)

“tnaqqis mingħajr sostituzzjoni” jfisser tnaqqis ta' fondi proprji kif msemmija fl-Artikolu 78(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(5)

“lista tal-ABE” tfisser lista stabbilita, miżmuma u ppubblikata (8) mill-ABE bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jkun fiha l-forom kollha ta' strumenti kapitali f'kull Stat Membru li jikkwalifikaw bħala strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 fuq il-bażi ta' informazzjoni minn kull awtorità kompetenti.

(6)

“Strument ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1”, “strument Addizzjonali ta' Grad 1” u “strument ta' Grad 2” ifissru strument kapitali li jikkwalifika bħala strument ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1, strument Addizzjonali ta' Grad 1 jew strument ta' Grad 2, rispettivament, skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(7)

“strument ta' sostituzzjoni” jfisser l-istrument kapitali li jissostitwixxi l-istrument kapitali li għandu jitnaqqas, jinxtra mill-ġdid, jissejjaħ jew jinfeda skont it-tifsira tal-Artikolu 78(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(8)

“strument issostitwit” ifisser l-istrument kapitali li għandu jkun suġġett għal azzjoni msemmija fl-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u ssostitwit bi strument ta' sostituzzjoni fi tnaqqis bis-sostituzzjoni skont l-Artikolu 78(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(9)

“Proporzjon ta' kapital ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1”, “proporzjon ta' kapital ta' Grad 1” u “proporzjon ta' kapital totali” jfissru proporzjon ta' kapital ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1, proporzjon ta' kapital ta' Grad 1 u proporzjon ta' kapital totali, rispettivament, kif imsemmi fl-Artikolu 92(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(10)

“Deċiżjoni SREP” tfisser id-deċiżjoni adottata mill-BĊE abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 wara r-rieżami superviżorju annwali u l-proċess ta' valutazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u li jistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali;

(11)

“deċiżjoni ta' delega” u “deċiżjoni ddelegata” għandhom l-istess tifsira bħal fil-punt (2) u l-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BCE/2016/40), rispettivament;

(12)

“kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol” tfisser il-kapijiet ta' unitajiet tax-xogħol tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet dwar fondi proprji;

(13)

“proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u speċifikata aktar fl-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2;

(14)

“deċiżjoni negattiva” tfisser deċiżjoni li tagħti jew ma tagħtix kompletament il-permess kif mitlub mill-entità sinifikanti taħt superviżjoni. Deċiżjoni b'dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet jew obbligi għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari (a) jiżguraw li l-entità taħt superviżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3(4), 4(3) u 5(6) u ġew miftiehma bil-miktub jew (b) sempliċiment jiddikjaraw mill-ġdid waħda jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-istituzzjoni trid tikkonforma magħha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(4), 4(3) u 5(6) jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta' waħda jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti.

(15)

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif definita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (10).

Artikolu 2

Delega tad-deċiżjonijiet dwar il-fondi proprji

1.   Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv b'dan jiddelega l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar (a) permess minn qabel għall-klassifikazzjoni ta' strumenti kapitali bħala strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; (b) permess minn qabel għall-klassifikazzjoni ta' strumenti ta' kapital bħala strumenti ta' Grad Addizzjonali 1 jew ta' Grad 2, fejn meħtieġ mil-liġi nazzjonali; u (c) permess minn qabel għal tnaqqis tal-fondi proprji skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, lill-kapijiet tal-unitajiet ta' xogħol innominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni.

2.   Id-deċiżjonijiet dwar il-fondi proprji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ddelegati, kif stabbilit fl-Artikoli 3, 4 u 5.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar fondi proprji m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk informazzjoni insuffiċjenti jew il-kumplessità tal-valutazzjoni jeħtieġu li jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

Artikolu 3

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ddelegati dwar permess minn qabel biex jiġu kklassifikati l-istrumenti bħala strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1.

1.   Id-deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni ta' strumenti ta' kapital bħala strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk it-tip ta' strumenti li għalihom ikun intalab il-permess minn qabel kien inkluż, fiż-żmien meta ġiet irċevuta l-applikazzjoni mill-BĊE, fil-lista ABE.

2.   Deċiżjonijiet negattivi u deċiżjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata.

3.   Fejn, bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2, deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' strumenti ta' kapital bħala strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 ma tistax tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

4.   Il-valutazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' strumenti ta' kapital bħala strumenti ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 għandha titwettaq skont l-Artikoli 27, 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikoli 4 sa 11 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014.

Artikolu 4

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar permess minn qabel biex jiġu kklassifikati l-istrumenti bħala strumenti ta' Grad Addizzjonali 1 jew ta' Grad 2

1.   Fejn il-permess minn qabel huwa meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, id-deċiżjonijiet dwar il-permess minn qabel biex jiġu kklassifikati strumenti kapitali bħala Strumenti Addizzjonali ta' Grad 1 jew ta' Grad 2 għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata.

2.   Id-deċiżjonijiet negattivi m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata u għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

3.   Il-valutazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' strumenti bħala strumenti ta' Grad Addizzjonali 1 jew Grad 2 għandha titwettaq skont l-Artikoli 52 sa 54 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikoli 8, 9 u 20 sa 24a tar-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014.

Artikolu 5

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ddelegati dwar il-permess minn qabel għat-tnaqqis tal-fondi proprji

1.   Id-deċiżjonijiet dwar il-permess minn qabel għat-tnaqqis tal-fondi proprji għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata fejn ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet jew tal-paragrafu 2 jew 3.

2.   Għat-tnaqqis b'sostituzzjoni, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk:

(a)

l-istrument ta' sostituzzjoni huwa strument ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1 b'ammont nominali aggregat mill-inqas daqs l-ammont nominali tal-istrument issostitwit; jew

(b)

l-istrument ta' sostituzzjoni huwa strument ta' Grad Addizzjonali 1 b'ammont nominali aggregat mill-inqas daqs l-ammont nominali tal-istrument issostitwit, jekk l-istrument issostitwit huwa strument ta' Grad Addizzjonali 1; jew

(c)

l-istrument ta' sostituzzjoni huwa strument ta' Grad Addizzjonali 1 jew Grad 2 b'ammont nominali aggregat mill-inqas daqs l-ammont nominali tal-istrument issostitwit, jekk l-istrument issostitwit huwa strument ta' Grad 2.

3.   Għat-tnaqqis mingħajr is-sostituzzjoni, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk:

(a)

wara t-tnaqqis, il-fondi proprji jaqbżu u huma stmati li jkomplu jaqbżu, għal mill-inqas tliet snin finanzjarji wara d-data tal-applikazzjoni, is-somma tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-fondi proprji meħtieġa li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ir-rekwiżit ta' bafer ikkombinat kif iddefinit fil-punt (6) tal-Artikolu 128 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-gwida kapitali tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli; u

(b)

l-impatt tat-tnaqqis fuq il-proporzjon tal-kapital tal-Ekwità Komuni ta' Grad 1, il-proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 u l-proporzjon tal-kapital totali huwa taħt il-100 punt bażi.

4.   Id-deċiżjonijiet negattivi m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata.

5.   Fejn, bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 4, deċiżjoni dwar it-tnaqqis ta' fondi proprji ma tistax tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

6.   Il-valutazzjoni ta' tnaqqis ta' fondi proprji għandha titwettaq skont l-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014.

Artikolu 6

Dispożizzjoni tranżitorja

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika f'każijiet fejn l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta' Marzu 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(3)  ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal rekwiżiti ta' Fondi Proprji għal istituzzjonijiet (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8).

(5)  AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37, and Carmine Salvatore Tralli vs Il-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.

(6)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(7)  Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).

(8)  Ippubblikata fis-sit elettroniku tal-ABE fi www.eba.europa.eu.

(9)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


Top