EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R2533

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru, 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

OJ L 318, 27.11.1998, p. 8–19 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 003 P. 23 - 34
Special edition in Bulgarian: Chapter 01 Volume 002 P. 98 - 109
Special edition in Romanian: Chapter 01 Volume 002 P. 98 - 109
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 007 P. 12 - 23

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/03/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2533/oj

31998R2533



Official Journal L 318 , 27/11/1998 P. 0008 - 0019


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98

tat-23 Novembru, 1998

dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ l-"Istatut") u partikolarment l-Artikolu 5.4 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-"BĊE") [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni [3],

Huwa u jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 106(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 42 ta' l-Istatut,

(1) Billi l-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut jeħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew ("BĊE"), megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi t-tagħrif statistiku li huwa meħtieġ biex isir ix-xogħol tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentral (hawnhekk izjed 'il quddiem imsejħa l-"ESCB"); billi, biex jiffaċilita l-eżekuzzjoni ta' dan ix-xogħol, stabbilit fl-Artikolu 105 tat-Trattat, u partikolarment għat-tmexxija tal-politika monetarja, dan it-tagħrif statistiku jiġi primarjament użat għal produzzjoni flimkien ta' informazzjoni ta' statistika, li għaliha l-identità ta' l-aġenti ekonomiċi individwali hija irrelevanti, iżda tista' tiġi wkoll użata fil-livell ta' aġenti ekomiċi individwali; billi l-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut jeħtieġ li l-banek ċentrali nazzjonali jwettqu, sa' kemm hu possibli, ix-xogħol deskritt fl-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut; billi l-Artikolu 5.4 ta' l-Istatut jeħtieġ li l-Kunsill jiddefinixxi l-persuni naturali u legali soġġetti għall-ħtiġiet tar-rappurtaġġ, ir-reġim tal-konfidenzjalità u d-dispożizzjonijiet xierqa għall-infurzar; billi l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jikkoperaw ma' l-awtoritajiet oħra kompetenti, inklużi l-istituti nazzjonali ta' l-istatistika u regolaturi tas-swieq, għall-għanijiet ta' l-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut;

(2) Billi, sabiex it-tagħrif statistiku jkun effettiv bħala strument għall-qadi tax-xogħol ta' l-ESCB, jeħtieġ li jiġu strutturati definizzjonijiet u proċeduri għal-ġbir tiegħu sabiex il-BĊE ikollu l-kapaċità u l-flessibilità u l-opportunità ta' maniera f'waqtha ta' statistika ta' kwalità għolja li tirrifletti il-bdil tal-kondizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u jagħti każ tal-piż impost fuq l-aġenti tar-rappurtaġġ; billi waqt li jsir dan għandha tingħata attenzjoni mhux biss għal kif l-ESCB iwettaq xogħlu u għall-indpendenza tiegħu imma wkoll biex iżomm f'minimu l-piż impost fuq l-aġenti tar-rappurtaġġ;

(3) Billi għalhekk huwa mixtieq li tiġi definita popolazzjoni li tirrapporta r-riferenzi f'termini tal-kategoriji ta' l-unitajiet ekonomiċi u l-applikazzjonijiet ta' l-istatistika involuti, li għalihom il-poteri ta' l-istatistika tal-BĊE huma kkonfinati u li minnhom l-BĊE jistabbilixxi l-popolazzjoni attwali ta' rappurtaġġ permezz tal-poter regolatorju tiegħu;

(4) Billi l-popolazzjoni tar-rappurtaġġ omoġenju hija meħtieġa għall-produzzjoni tal-balance sheet konsolidata tas-settur ta' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji ta' l-Istati Membri parteċipanti, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jipprovdi lill-BĊE bi stampa komprensiva ta' l-statistika dwar l-iżviluppi monetarji fl-Istati Membri parteċipanti, li jidhru bħala territorju ekonomiku wieħed; billi l-BĊE għandu jwaqqaf u jżomm Lista ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji għall-għanijiet ta' l-istatistika bażata fuq definizzjoni komuni bejn dawn l-istituzzjonijiet;

(5) Billi l-imsemmija definizzjoni komuni għal għanijiet ta' l-istatistika tispeċifika li l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji għandhom jinkludu istituzzjonjiet ta' kreditu kif definiti fil-liġijiet tal-Komunità, u l-istituzzjonijiet finanzjarji residenti oħrajn kollha li l-kummerċ tagħhom huwa li jirċievu depożiti u/jew jagħlqu sostituti għal depożiti minn entitajiet oħra għajr l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji u, għall-kont tagħhom stess (mill-inqas f'termini ekonomiċi), li joħorġu krediti u/jew jagħmlu investimenti f'titoli;

(6) Billi dawk l-istituzzjonijiet ta' l-uffiċini postali giro li ma jistgħux iwettqu d-definizzjoni komuni għall-skopijiet ta' l-istatistika ta' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji jistgħu madankollu jeħtiġilhom jkunu suġġetti għall-ħtiġiet tar-rappurtaġġ tal-BĊE fil-qasam ta' flus u ta' l-istatistika bankarja u statistiċi tas-sistemi ta' pagamenti għaliex jistgħu, għal limitu sinjifikanti, jirċievu depożiti u/jew jagħlqu sostituti għal depożiti u jwettqu kummerċ tas-sistemi ta' pagamenti;

(7) Billi fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali 1995 [4] (hawnhekk izjed 'il quddiem imswejħa "ESA 95"), l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji għalhekk jikkomprendu s-sotto-setturi "il-bank ċentrali" u "istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra" u jistgħu jitwessgħu biss permezz ta' l-inklużjoni ta' kategoriji ta' istituzzjonijiet ġejjin mis-sotto-settur "intermedjarji finanzjarji oħra, minbarra korporazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni u fondi ta' pensjonijiet";

(8) Billi statistiċi dwar il-bilanċ tal-pagamenti, jinħtieġu l-Pożizzjoni ta' l-Investiment Internazzjonali, titoli, sistemi ta' flejjes u pagamenti elettroniċi biex jgħinu lill-ESCB iwettaq xogħlu f'manjiera indipendenti;

(9) Billi l-użu tat-terminu "persuni legali u naturali" fl-Artikolu 5.4 ta' l-Istatut għandu jitfisser f'manjiera li hija konsistenti mal-prattiċi ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-istatistiċi dwar flus u x-xogħol tal-banek u statistiċi dwar il-bilanċ tal-pagamenti u għalhekk iħaddan ukoll entitajiet li la huma persuni legali u lanqas persuni naturali taħt il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom imma xorta waħda jaqgħu taħt is-sotto-setturi rilevanti ta' l-ESA 95; billi ħtiġiet tar-rappurtaġġ jistgħu għalhekk jiġu imposti fuq entitajiet bħal sħubija fin-negozju, fergħat, impriżi għall-investimenti kollettivi f'titoli trasferibbli (UCITS) u fondi li, taħt il-liġijiet rispettivi tagħhom, ma jgawdux l-i status ta' persuna legali; billi f'dawn il-każi l-obbligu tar-rappurtaġġ jiġi impost fuq dawk il-persuni li, taħt il-liġijiet nazzjonali applikabbli, jirrappreżentaw legalment l-entitajiet interessati;

(10) Billi r-rapporti tal-balance sheets statistiċi ta' istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut jistgħu jkunu wżati wkoll biex jiġi kalkolat l-ammont ta' riservi minimi li jistgħu jkunu obbligati li jżommu;

(11) Billi huwa d-dmir tal-Kunsill li jirreġola l-BĊE li jispeċifika t-tqassim tax-xogħol bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali fejn għandhom x'jaqsmu l-ġbir u l-verifika ta' tagħrif ta' l-istatistika u l-infurżar tagħhom, huma u jieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut, kif ukoll tax-xogol li jidħul għalih l-awtoritajiet nazzjonali fil-limitu tal-kompetanza tagħhom, bil-għanijiet li jiġbru statistika ta' kwalità konsistentement għolja;

(12) Billi, fis-snin bikrija tal-erja ta' munita waħdanija, l-effettività tan-nefqa tista' teħtieġ li l-bżonnijiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE jiġu sodisfatti permezz ta' proċeduri transizzjonali dovuti minħabba kostrizzjonijiet eżistenti fuq is-sistemi ta' ġbir; billi dan jista' partikolarment jimplika illi, fil-każ tal-Kont Finanzjarju dwar il-bilanċ tal-pagamenti, informazzjoni dwar pożizzjonijiet jew operazzjonijiet li jaqsmu fruntieri fl-Istati Membri parteċipanti li jidhru bħala territorju ekonomiku wieħed jistgħu jinbnew fis-snin bikrija tal-erja tal-munita waħdanija bl-użu tal-pożizzjonijiet jew l-operazzjonijiet kollha bejn ir-residenti ta' l-Istat Membru parteċipanti u r-residenti ta' pajjiżi oħra;

(13) Billi l-limiti u l-kondizzjonijiet li fihom l-BĊE għandu l-poter li jimponi sanzjonijiet fuq impriżi minħabba li jonqsu milli jwettqu l-obbligi stabbiliti fir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-BĊE ġew definiti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 Novembru, 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet [5], skond l-Artikolu 34.3 ta' l-Istatut; billi fil-każ ta' konflitt bejn id-dispożizzjonijiet fl-imsemmi Regolament u dan ir-Regolament li jagħti poteri lill-BĊE li jimponi sanzjonijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jibqgħu fis-seħħ; billi s-sanzjonijiet għal nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament huma bla ħsara għall-possibilità li l-ESCB jistabbilixxi dispożizzjonijiet xierqa ta' infurzar fir-relazzjonijiet tiegħu ma' kontra-partijiet, inkluża l-esklużjoni totali jew parzjali ta' l-aġent tar-rappurtaġġ mill-operazzjonijiet mill-politka monetarja fil-każ ta' ksur serju tal-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika;

(14) Billi r-regolamenti magħmulin mill-BĊE skond l-Artikolu 34.1 ta' l-Istatut ma jagħtu l-ebda dritt u ma jimponu l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri mhux parteċipanti;

(15) Billi d-Danimarka, b'riferenza għall-paragrafu 1 tal-Protokoll (Nru 12) dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka, bagħtet notifika, fil-kuntest tad-Deċiżjoni ta' Edinburgh tat-12 ta' Diċembru, 1992, illi mhix sejra tipparteċipa fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja; billi, għalhekk, skond il-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Protokoll, l-Artikoli u d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u ta' l-Istatut li jirreferu għal deroga jkunu japplikaw għad-Danimarka;

(16) Billi skond il-paragrafu 8 tal-Protokoll (Nru 11) dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq, l-Artikolu 34 ta' l-Istatut ma japplikax għar-Renju Unit jekk kemm-il darba ma jipparteċipax fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

(17) Billi, filwaqt li huwa magħruf illi t-tagħrif ta' l-istatistika meħtieġ biex iwettaq il-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE mhux l-istess għall-Istati Membri parteċipanti bħal dak ta' l-Istati membri mhux parteċipanti, l-Artikolu 5 ta' l-Istatut japplika kemm għall-Istati Membri parteċipanti u kemm għall-Istati Membri mhux parteċipanti; billi dan il-fatt, flimkien ma' l-Artikolu 5 tat-Trattat, jimplika obbligu ta' tfassil u implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali l-miżuri kollha li l-Istati Membri jikkunisdraw xierqa sabiex iwettqu l-ġbir tat-tagħrif ta' l-istatistika meħtieġ biex iwettaq il-ħtiġiet tar rappurtaġġ tal-BĊE u tat-tħejjijiet f'waqthom fil-qasam ta' l-istatistika sabiex ikunu jistgħu jsiru Stati Membri parteċipanti;

(18) Billi t-tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jkollhom jiksbu għall-qadi tad-dmirijiet ta' l-ESCB għandhom ikunu protetti sabiex tinkiseb u tinżamm il-fiduċja fl-aġenti tar-rappurtaġġ; billi la darba dan ir-Regolament jiġi adottat ma jkunx hemm iktar il-ħtieġa li jiġu nvokati dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-konfidenzjalità li ma jħallux l-iskambju ta' tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali li għandu x'jaqsam max-xogħol ta' l-ESCB, suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwu fejn jidħol l-ipproċessar ta' l-informazzjoni personali u l-moviment ħieles ta' dan it-tagħrif [6];

(19) Billi l-Artikolu 38.1 ta' l-Istatut jistabbilixxi li membri tal-korpi li jirregolaw l-BĊE u l-impjegati tiegħu u tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu ordnati, saħansitra meta jtemmu dmirijiethom, li ma jikxfux tagħrif tax-xorta kopert bl-obbligu tas-sigriet professjonali iżda l-Artikolu 38.2 ta' l-Istatut jistabbilixxi illi persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni koperta bil-leġislazzjoni tal-Komunità li timponi l-obbligu tas-segretezza għandhom ikunu suġġetti għal din il-leġislazzjoni;

(20) Billi kull ksur tar-regoli li jorbtu l-membri tal-persunal tal-BĊE, sewwa jekk kommessi intenzjonalment jew b'negliġenza, jirrendihom li jkunu suġġetti għas-sanzjonijiet dixxiplinarji u, jekk xieraq, għal penali legali minħabba vjolazzjoni tas-segriet professjonali, suġġett għad-dispożizzjonijiet flimkien ta' l-Artikoli 12 u 18 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropew;

(21) Billi l-possibilità ta' l-użu tat-tagħrif ta' l-istatistika għat-twettiq tax-xogħol li għandu jagħmel l-ESCB skond l-Artikolu 105 tat-Trattat, filwaqt li jnaqqas il-piż totali tar-rappurtaġġ, jimplika illi r-reġim ta' konfidenzjalità definit f'dan ir-Regolament għandu jkun differenti sa' ċertu punt mill-prinċipji ġenerali dwar il-konfidenzjalità ta' l-istatistika tal-Komunità u dawk internazzjonali, u partikolarment mid-dispożizzjonijiet dwar konfidenzjalità fl-istatistika fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 Frar, 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità [7]; billi, suġġett għal dan il-punt, l-BĊE irid jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipji li huma s-sies ta' l-istatistika tal-Komunità stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(22) Billi r-reġim ta' konfidenzjalità mfisser f'dan ir-Regolament japplika biss għal tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali trasmess lill-BĊE għall-qadi tad-dmirijiet ta' l-ESCB u ma jaffettwax dispożizzjonijiet speċjali nazzjonali jew tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu mat-trasmissjoni ta' xorta oħra tat-tagħrif lill-BĊE; billi r-regoli dwar konfidenzjalità ta' l-istatistika applikati mill-istituti nazzjonali ta' l-istatistika u mill-Kummissjoni dwar l-informazzjoni ta l-istatistika li jiġbru għalihom infushom għandhom ikunu rispettati;

(23) Billi, għall-għanijiet ta' l-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut, l-BĊE huwa mitlub li jikkopera fil-qasam ta' l-istatistika ma' l-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzzjonali; billi l-BĊE u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu forom xierqa ta' koperazzjoni fil-qasam ta' l-istatistika sabiex iwettqu x-xogħol tagħhom fl-iktar manjiera effiċjenti, u jippruvaw inaqqsu l-piż minn fuq l-agenti tar-rappurtaġġ;

(24) Billi l-ESCB u l-BĊE ġew fdati bix-xogħol li jħejju l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-statistika fl-erja ta' l-Euro għall-operazzjoni tagħħom fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "it-Tielet Stadju"); billi tħejjija f'waqtha hija essenzjali fil-qasam ta' l-istatistika biex l-ESCB ikun jista' jwettaq xogħlu fit-Tielet Stadju; billi element essenzjali tat-tħejjija huwa l-adozzjoni, minn qabel it-Tielet Stadju, tar-regolamenti tal-BĊE dwar l-istatistika; billi huwa mixtieq li l-parteċipanti fis-swieq jiġu infurmati matul l-1998 bid-dispożizzjonijiet dettaljati li l-BĊE jista' jidhirlu li jkunu meħtieġa li jadotta għall-implimentazzjoni tal-ħtiġiet tiegħu tar-rappurtaġġ ta' l-statistika; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-BĊE jiġi provdut b'poter regolatorju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

(25) Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu applikati effettivament biss jekk l-Istati Membri parteċipanti fl-intier tagħhom ikunu adottaw il-miżuri meħtieġa bl-intenzjoni li jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom ikollhom il-poteri li jgħinu u jikkolaboraw bis-sħiħ ma' l-BĊE biex iwettaq il-verifika u l-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-statistika, skond l-Artikolu 5 tat-Trattat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

1. "Il-ħtiġiet tar-rappurtaġġ statistiku tal-BĊE" għandha tfisser it-tagħrif ta' l-istatistika li l-aġenti tar-rappurtaġġ huma meħtieġa li jipprovdu u li hu ta' ħtieġa għat-twettiq tax-xogħlijiet ta' l-ESCB;

2. "L-aġenti tar-rappurtaġġ" għandha tfisser dawk il-persuni legali u naturali u l-entitajiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2(3) li huma suġġetti għall-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika lil-BĊE;

3. "L-Istat Membru parteċipanti" għandha tfisser l-Istat Membru li jkun adotta l-munita waħdanija skond it-Trattat;

4. "residenti" u "li joqgħod" għandhom ifissru li jkollhom ċentru ta' interess ekonomiku fit-territorju ekonomiku ta' pajjiż kif deskritt fl-Anness A; f'dan il-kuntest, "pożizzjonijiet mingħajr fruntieri" u "operazzjonijiet mingħajr fruntieri" għandhom ifissru rispettivament pożizzjonijiet u operazzjonijiet fl-attiv u passiv tar-residenti ta' l-Istati Membri parteċipanti li jidhru bħala territorju ekonomiku wieħed vis-a-vis r-residenti ta' Istati Membri mhux parteċipanti u/jew residenti ta' pajjiżi terzi;

5. "Il-Pożizzjoni ta' l-Investiment Internazzjonali" għandha tfisser il- balance sheet ta' l-i stock ta' l-attiv u passiv finanzjaru mingħajr fruntieri;

6. "flus elettroniċi" għandhom ifissru ħażna elettronika ta' valur monetarju b'mezz tekniku, li jinkludu cards imħallsa minn qabel, li jistgħu jiġu wżati f'diversi pajjiżi biex isiru pagamenti lill-entitajiet oħra minbarra min joħroġhom mingħajr ma neċessarjament jinvolvu kontijiet bankarji fl-operazzjoni, imma li jaġixxu bħala strument ta' ħlas minn qabel mill-persuna nnifisha.

Artikolu 2

Popolazzjoni li jirrappurtaw dwar referenzi

1. Għat-twettieq tal-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE, il-BĊE, megħjjun mill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut, għandu jkollu d-dritt li jiġbor tagħrif ta' l-istatistika fil-limiti tal-popolazzjoni li tirrapporta dwar riferenzi u ta' dak li hu meħtieġ għat-twettiq tax-xogħol ta' l-ESCB.

2. Popolazzjoni li tirraporta dwar riferenzi għandha tkun komposta mill-aġenti tar-rappurtaġġ kif ġejjin:

(a) persuni legali u naturali li jaqgħu taħt is-sotto-setturi tal-"bank ċentrali", "istituzzjonijiet monetarji oħra" u "intermedjarji finanzjarji oħra, għajr korporazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni u fondi għall-pensjonijiet" kif deskritti fl-Anness B u li jirrisjiedu fi Stat Membru, sal-punt li huwa meħtieġ li jwettqu l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika fil-qasam ta' flus u statistika bankarja u statistika dwar sistemi ta' pagamenti;

(b) istituzzjonijiet ta' l-uffiċini tal-posta tal-"giro"; sal-punt li huwa meħtieġ li jitwettqu l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE fil-qasam tal-flus u statistika bankarja u statistika dwar sistemi ta' pagamenti;

(ċ) persuni legali u naturali residenti fl-Istat Membru, sal-punt li jżommu pożizzjonijiet mingħajr fruntieri jew iwettqu operazzjonijiet mingħajr fruntieri u li t-tagħrif ta' l-istatistika dwar dawn il-pożizzjonijiet jew operazzjonijiet huwa meħtieġ għat-twettiq tal-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE fil-qasam ta' l-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti jew tal-Pożizzjoni ta' l-Investiment Internazzjonali;

(d) persuni legali u naturali residenti f'Istat Membru, sal-punt li it-tagħrif ta' l-istatistika dwar sigurtajiet jew flejjes elettroniċi maħruġa minnhom huwa meħtieġ għat-twettiq tal-ħteġijiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE.

3. Entità li tkun b'mod ieħor koperta bid-definizzjoni fil-paragrafu 2, iżda li skond il-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż tagħha tar-residenza la hi persuna legali u lanqas ġemgħa ta' persuni naturali, filwaqt li tista' tkun is-suġġett għal drittijiet u obbligi, għandha tkun aġent ta' rappurtaġġ. L-obbligu tar-rappurtaġġ ta' entità bħal din għandu jitwettaq minn persuni li jirrappreżentawha legalment.

Fejn persuna legali, ġemgħa ta' persuni legali jew entità kif hemm riferenza ghaliha fl-ewwel sotto-paragrafu għanda fergħa residenti f'pajjiż ieħor, il-fergħa għandha tkun aġent ta' rappurtaġġ għal rasha irrispettivament fejn ikun jinsab l-uffiċċju ġenerali sakemm il-fergħa tissodisfa l-kondizzjonijiet definiti fil-paragrafu 2, bl-eċċezzjoni tal-ħtieġa li tippossjedi personalità legali separata. Kull numru ta' fergħat miftuħa fl-istess Stat Membru għandu jitqies bħala fergħa waħda meta jappartjienu lill-istess sotto-settur ta' l-ekonomija. L-obbligu tar-rappurtaġġ ta' fergħa għandu jitwettaq mill-persuni li jirrappreżentawha legalment.

Artikolu 3

Modalitajiet għad-definizzjoni ta' ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika

Huwa u jiddefinixxi u jimponi l-ħtiġiet tiegħu tar-rappurtaġġ ta'l-statistika, il-BĊE għandu jispeċifika l-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ fil-limiti tal-popolazzjoni li tirrapporta dwar ir-riferenzi kif definit fl-Artikolu 2. Bla ħsara għall-ħtiġiet tiegħu tar-rappurtaġġ ta' l-statistika, l-BĊE:

(a) għandu jnaqqas il-piż tar-rappurtaġġ involut, inkluż billi juża' statistiċi eżistenti sa' fejn hu possibbli;

(b) għandu jieħu in konsiderazzjoni l-livelli standard ta' l-istatistika internazzjonali u tal-Komunità;

(ċ) jista' jeżenta għal kollox jew parzjalment klassijiet speċifiċi ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ mill-ħtiġiet tiegħu tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika.

Artikolu 4

Obbligi ta' l-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jorganizzaw ruħhom fil-qasam ta' l-istatistika u għandhom jikkoperaw għalkollox ma' l-ESCB sabiex jiżguraw it-twettiq ta' l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 5 ta' l-Istatut.

Artikolu 5

Poter Regolatorju tal-BĊE

1. Il-BĊE jista' jadotta regolamenti għad-definizjoni u l-impożizzjoni tal-ħtiġiet tiegħu tar-rapportaġġ ta' l-statistika tiegħu fuq il-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ ta' l-Istati Membri parteċipanti.

2. Biex jiggarantixxi l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni ta' l-istatistika li tilħaq il-ħtiġiet rispettivi tagħhom ta' tagħrif, l-BĊE għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni dwar abbozzi ta' regolamenti kull meta jeżistu rabtiet mal-ħtiġiet ta' l-istatistika tal-Kummissjoni. Il-Kumitat ta' l-Istatistika Finanzjarja, Monetarja u dwar Bilanċ tal-Pagamenti għandu jieħu parti, fil-limiti tal-kompetenza tiegħu, fil-proċess tal-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BĊE.

Artikolu 6

Dritt tal verifikazzjoni u tal-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika

1. Jekk aġent tar-rappurtaġġ residenti fi Stat Membru parteċipanti jaqa' taħt suspett ta' ksur tal-liġi dwar il-ħtiġiet ta' l-istatistika tal-BĊE, kif stabbilit fl-Artikolu 7(2), l-BĊE u, skond l-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut, il-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru parteċipanti interessat għandu jkollu d-dritt li jivverifika l-eżattezza u l-kwalità tat-tagħrif statistiku u li jwettaq l-ġbir obbligatorju tiegħu. Madankollu, jekk it-tagħrif ta' l-istatistika msemmi jkun ta' ħtieġa sabiex juri konformità mal-ħtiġiet tar-riżerva minima, il-verifika għandha titwettaq skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 Novembru, 1998 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew [8]. Id-dritt ta' verifika tat-tagħrif ta' l-istatistika jew tat-twettiq tal-ġbir obbligatorju tiegħu għandu jikkomprendi d-dritt li:

(a) jitlob is-sottomissjoni tad-dokumenti;

(b) jeżamina l-kotba u r-reġistri ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ;

(ċ) jieħu kopji jew siltiet minn dawn il-kotba u reġistri; u

(d) jikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew bil-fomm.

2. Il-BĊE jew il-Bank Ċentrali nazzjonali kompetenti għandu jgħarraf lill-aġent tar-rappurtaġġ bil-miktub dwar id-deċiżjoni tiegħu li jivverifika t-tagħrif ta' l-istatistika jew li jiġbru b'mod obbligatorju, jispeċifika l-limitu ta' żmien biex jikkonforma mat-talba tal-verifika, is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ tan-nuqqas ta' konformità u għad-dritt ta' reviżjoni. Il-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali konċernat għandhom jinfurmaw lil xulxin b'din it-talba għal verifiki ta' din ix-xorta.

3. Għall-verifika u l-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika, għandhom jiġu segwiti l-proċeduri nazzjonali. L-ispejjeż tal-proċedura għandhom jitħallsu mill-aġent tar-rappurtaġġ konċernat jekk jiġi stabbilit li l-aġent tar-rappurtaġġ kiser il-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika.

4. L-BĊE jista' jadotta regolamenti li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li fuqhom jista' jiġi eżerċitat id-dritt għall-verifika jew biex isir il-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika.

5. Fil-limiti tal-kompetatnza tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali fl-eżerċizzju tal-poteri stabbiliti f'dan l-Artikolu.

6. Meta aġent tar-rappurtaġġ jopponi jew ifixkel il-proċess tal-verifika jew il-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika meħtieġ, l-Istat Membru parteċipanti fejn ikun jinsab il-fond ta' l-aġent tar-rappurtaġġ għandu joffri l-għajnuna meħtieġa, inklużi l-assiguranza ta' l-aċċess għall-fond ta' l-aġent tar-rappurtaġġ lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali sabiex id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jiġu eżerċitati.

Artikolu 7

Impożizzjoni ta' sanzjonijiet

1. Il-BĊE għandu jkollu l-poter li jimponi s-sanzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu fuq l-aġenti tar-rappurtaġġ li jkunu suġġetti għall-ħtiġiet tar-rappurtaġġ u li huma residenti fl-Istat membru parteċipanti u li jonqsu li jħarsu l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament jew mir-regolamenti tal-BĊE jew minn deċiżjonijiet li jiddefinixxu jew jimponu l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE.

2. L-obbligu li ċertu tagħrif ta' l-istatistika jiġi mibgħut lill-BĊE jew lill-banek ċentrali nazzjonali għandu jiftiehem bħala miksur jekk:

(a) il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali ma jirċievu l-ebda tagħrif ta' l-istatistika mad-data tat-tmiem stabbilita; jew

(b) it-tagħrif ta' l-istatistika mhux korrett, hu inkomplet jew f'forma li ma tikkonformax kif mitlub.

3. L-obbligu li jħalli lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali biex jivverifikaw l-eżattezza u l-kwalità ta' tagħrif ta' l-istatistika mogħti mill-aġenti tar-rappurtaġġ lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat bħala miksur kull meta aġent tar-rappurtaġġ ifixkel din l-attività. Xkiel bħal dan jinkludi, iżda mhux limitat għat-twarrib tad-dokumenti u l-prevenzjoni ta' l-aċċess fiżiku lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali fejn ikunu meħtieġa li jwettqu x-xogħol tagħhom ta' verifika jew ta' ġbir obbligatorju.

4. Il-BĊE jista' jimponi sanzjonijiet fuq l-aġent tar-rappurtaġġ kif ġej:

(a) fil-każ tal-ksur tal-liġi kif imfisser fil-paragrafu 2(a), penali pagabbli kuljum li ma jeċċedix l-10000 EUR, u multa totali li ma teċċedix il-100000 EUR;

(b) fil-każ ta' ksur tal-liġi kif imfisser fil-paragrafu 2(b), multa li ma teċċedix il-200000 EUR; u

(ċ) fil-każ ta' ksur tal-liġi kif imfisser fil-paragrafu 3, multa li ma teċċedix il-200000 EUR.

5. Is-sanzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 għandhom jiżdiedu ma' l-obbligu li l-aġent tar-rappurtaġġ iħallas l-ispejjeż tal-proċedura tal-verifika u tal-ġbir obbligatorju kif stabbilit fl-Artikolu 6(3).

6. Fl-eżerċizzju tal-poteri stabbiliti f'dan l-Artikolu, il-BĊE għandu jaġixxi skond l-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

Artikolu 8

Reġim ta' konfidenzjalità

1. Għall-iskop ta' dan ir-Regolament u għall-għanijiet tar-reġim ta' konfidenzjalità li jkopri t-tagħrif ta' l-istatistika li huwa meħtieġ biex l-ESCB iwettaq ix-xogħol tiegħu, it-tagħrif ta' l-istatistika għandu jkun konfidenzjali meta jħalli lill-aġeti tar-rappurtaġġ jew kull persuna oħra legali, persuna naturali, entità jew fergħa li jiġu jdentifikati, jew direttament minn isimhom, l-indirizz jew kodiċi ta' l-identifikazzjoni allokat uffiċjalment, jew indirettament b'deduzzjoni, li b'hekk jikxfu t-tagħrif individwali. Biex jigi determinat jekk aġent tar-rappurtaġġ jew xi persuna oħra legali, persuna naturali, entità jew fergħa jistgħux jiġu magħrufa, għandhom jittieħdu n-konsiderazzjoni l-mezzi kollha li jistgħu jiġu wżati raġjonevolment minn terzi persuni biex tidentifika l-imsemmi aġent tar-rappurtaġġ jew persuna oħra legali, persuna naturali, entità jew fergħa. tagħrif ta' l-istatistika meħud minn sorsi li huma disponibbli għall-pubbliku skond il-liġijiet nazzjonali mhuwiex konfidenzjali.

2. It-trasmissjoni ta' tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali mill-banek ċentrali nazzjonali lejn il-BĊE għandha ssir safejn u fil-livell tad-dettall li huwa meħtieġ għall-eżerċizzju tax-xogħol li għandu jwettaq l-ESCB, kif deskritt fl-Artikolu 105 tat-Trattat.

3. Aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jiġu mgħarrfa bl-użu ta' l-istatistika u użu amministrattiv ieħor, li tista' tiġi mgħodija informazzjoni ta' l-statistika provduta minnhom. L-aġenti tar-rappurtaġġ għandu jkollhom id-dritt li jiġbru informazzjoni fuq il-bażi legali għat-trasmissjoni u l-miżuri protettivi adottati.

4. Il-BĊE għandu juża t-tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali mibgħut lilu esklussivament għall-eżerċizzju tax-xogħol ta' l-ESCB minbarra:

(a) jekk l-aġent tar-rappurtaġġ jew xi persuna legali oħra, persuna naturali, entità jew fergħa li jistgħu jkunu jdentifikati, ikunu taw il-kunsens tagħhom espliċitament għall-użu ta' l-imsemmi tagħrif ta' l-istatistika għal-għanijiet oħra; jew

(b) għall-produzzjoni ta' l-istatistiċi speċifikati tal-Komunità, wara ftehim bejn il-Kummissjoni u l-BĊE skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 322/97; jew

(ċ) biex jingħata aċċess lil korpi xjentifiċi għal tagħrif ta' l-istatistika li ma jħallix issir l-identifikazzjoni diretta, bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali u bil-kunsens espliċitu minn qabel ta' l-awtorità nazzjonali li tkun provdiet it-tagħrif.

5. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom jużaw dan it-tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali miġbur biex iwettqu l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatitsika tal-BĊE għall-eżerċizzju tax-xogħol ta' l-ESCB minbarra:

(a) jekk l-aġent tar-rappurtaġġ jew il-persuna l-oħra legali, persuna naturali, entità jew fergħa li jistgħu jiġu jdentifikati jkunu taw il-kunsens tagħhom espliċitu biex l-imsemmi tagħrif ta' l-istatistika jintuża għal għanijiet oħra; jew

(b) jekk ikun użat fil-livell nazzjonali għal għanijiet ta' l-istatistika wara ftehim bejn l-awtoritajiet ta' l-istatistika nazzjonali u l-bank ċentrali nazzjonali jew għall-produzzjoni ta' l-istatistiċi tal-Komunità skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 322/97; jew

(ċ) jekk ikun użat fil-qasam ta's-sorveljanza prudenti jew għall-eżerċizzju skond l-Artikolu 14(4) ta' l-Istatut dwar funzjonijiet oħra barra dawk speċifikati fl-Istatut; jew

(d) biex jingħata aċċess lil korpi tar-riċerka xjentifika għal-tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali li ma jwassalx għal identifikazzjoni diretta.

6. Dan l-Artikolu ma għandux jipprevjieni li tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali miġbur għal għanijiet minbarra dawk, jew li biż-żieda magħhom, jintlaħqu l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE milli jiġu wżati biex jilħqu dawn l-għanijiet l-oħra.

7. Dan l-Artikolu għandu japplika biss għall-ġbir u t-trasmissjoni tat-tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali għat-twettiq tal-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE; ma għandux jolqot dispożizzjonijiet speċjali nazzjonali jew tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu mat-trasmissjoni ta' tipi oħra ta' tagħrif lill-BĊE.

8. Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE.

Fil-każ ta' l-informazzjoni miġbura minn istituti nazzjonali ta' l-istatistika u mill-Kummissjoni, li jiġu mogħtija lill-BĊE, dan ir-Regolament għandu fejn jirrigwardja l-konfidenzjalità ta' l-istatistika, japplika bla ħsara għar-Regolament (KE) No 322/97.

9. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u ta' l-organizzazzjoni biex jiżguraw il-protezzjoni tat-tagħrif ta' l-istatsistika konfidenzjali. Il-BĊE għandu jiddefinixxi regoli komuni u standards minimi biex jipprevjeni l-iżvelar illegali u użu mhux awtorizzat. Il-miżuri tal-protezzjoni għandhom japplikaw għat-tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali kollu kif definit fil-paragrafu 1.

10. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw il-protezzjoni tat-taghrif ta' l-istatistika konfidenzjali, inkluża l-impożizzjoni tal-miżuri xierqa ta' nfurzar mill-Istati Membri fil-każ ta' ksur tal-liġi.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

L-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 8(9) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir Regolament. Il-bqija ta' l-Artikoli għandhom japplikaw mill-1 Jannar, 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi' Brussel, it-23 Novembru, 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Edlinger

[1] ĠU C 246, tas-6.8.1998, p. 12.

[2] ĠU C 328, tas-26.10.1998.

[3] Opinjoni mogħtija fit-8 Ottubru' 1998 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1.

[5] Ara paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[6] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[7] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

[8] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS A

IL-LIMITI TA' L-EKONOMIJA NAZZJONALI

2.04. L-unitajiet, sewwa jekk istituzzjonali, ta' tip ta' attività lokali jew ta' produzzjoni omoġenja, li jikkostitwixxu l-ekonomija tal-pajjiż u li l-operazzjonijiet tagħhom huma reġistrati fl-ESA, huma dawk li għandhom ċentru ta' interess ekonomiku fuq it-territorju ekonomiku ta' dan il-pajjiż. Dawn l-unitajiet, magħrufa bħala unitajiet residenti, jistgħu jkollhom in-nazzjonalità ta' dan il-pajjiż jew le, jistgħu jkunu entitajiet legali jew le, u jistgħu jkunu preżenti jew le fuq it-territorju ekonomiku tal-pajjiż fiż-żmien li jtwettqu operazzjoni. Ġaladarba hekk ġew definiti l-limiti ta' l-ekonomija nazzjonali skond l-unitajiet residenti, huwa meħtieġ li jiġu definiti t-termini territorju ekonomiku u ċentru ta' interess ekonomiku.

2.05. It-terminu "territorju ekonomiku" jfisser:

(a) it-territorju ġeografiku amministrat minn gvern u li fih persuni, oġġetti, servizzi u kapital jimxu bla xkiel;

(b) kull żona ħielsa, inklużi mħażen tad-dwana u fabbriki taħt il-kontroll tad-dwana;

(ċ) l-ispazju nazzjonali ta' l-ajru,l-ibħra territorjali u l-continental shelf li tinsab fl-ibħra internazzjonali li fuqha l-pajjiż igawdi drittijiet esklussivi [1];

(d) territorji mdawrin minn pajjiżi oħra, jiġifieri territorji ġeografiċi li jinsabu fil-bqija tad-dinja u wżati, skond Trattati jew ftehim internazzjonali bejn l-Istati, minn aġenziji tal-gvern ġenerali tal-pajjiż (ambaxxati, konsulati, bażijiet militari, bażijiet xjentifiċi, eċċ.);

(e) depożiti ta' żjut, gass naturali, eċċ., fl-ibħra internazzjonali 'il barra mill-continental shelf tal-pajjiż, maħduma minn unitajiet residenti fit-territorju kif imfisseer fis-sotto-paragrafi preċedenti.

2.06. It-territorju ekonomiku ma jinkludix postijiet extra-territorjali mdawrin minn pajjiżi oħra (jiġifieri l-partijiet tat-territorji ġeografiku tal-pajjiż innifsu wżat minn aġenziji tal-gvern ġenerali ta' pajjiżi oħra, minn istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali taħt trattati internazzjonali jew bi ftehim bejn l-Istati [2].

2.07. It-terminu ċentru ta' interess ekonomiku jindika l-fatt li jeżisti xi post ġewwa territorju ekonomiku li fih, jew li minn ġewwa fih, unità taħdem jew bi' ħsiebha tkompli taħdem, "f" attivitajiet u operazzjonijiet ekonomiċi fuq skala sinjifikanti, jew indefinittivament jew fuq perijodu ta' żmien definit imma fit-tul (ta' sena jew iktar). Isegwi illi unità li twettaq dawn l-operazzjonijiet fuq it-territorju ta' numru ta' pajjiżi hija konsidrata li għandha ċentru ta' interess ekonomiku f'kull wieħed minnhom. Il-pussess ta' artijiet u bini fit-territorju ekonomiku huwa konsidrat li huwa biżżejjed fih innifsu biex il-possessur ikollu hemm ċentru ta' interess ekonomiku.

2.08. Fuq il-bażi ta' dawn id-definizzjonijiet, unitajiet konsidrati bħala residenti tal-pajjiż jistgħu jerġgħu jinqasmu fi:

(a) unitajiet li huma prinċipalment imqabbdin fix-xogħol tal-produzzjoni, finanzi, assigurazzjoni jew ir-ridistribuzzjoni, dwar l-operazzjonijiet kollha tagħhom għajr dawk li għandhom x'jaqsmu mal-pussess ta' artijiet jew bini;

(b) unitajiet li huma prinċipalment imqabbda fix-xogħol tal-konsum [3], dwar l-operazzjonijiet kollha tagħhom għajr dawk li għandhom x'jaqsmu mal-pussess ta' l-artijiet jew tal-bini;

(ċ) l-unitajiet kollha fil-kapaċità tagħhom bħala propretarji ta' l-artijiet u tal-bini bl-eċċezzjoni tal-propretarji tal-postijiet extra-territorjali li huma mdawra minn pajjiżi oħra u li jagħmlu parti mit-territorju ekonomiku ta' pajjiżi oħra jew huma Stati sui generis (ara l-paragrafu 2.06).

2.09. Fil-każ tal-unitajiet li huma priċipalment imqabbda fix-xogħol tal-produzzjoni, finanzi, assigurazzjoni jew ir-ridistribuzzjoni, dwar l-operazzjonijiet tagħhom barra dawk li għandhom x'jaqsmu mal-pussess ta' l-artijiet jew bini, wiehed jista' jiddistingwi ż-żewġ każi li ġejjin:

(a) attività kondotta esklussivament fuq it-territorju ekonomiku tal-pajjiż: unitajiet li jwettqu attività bħal din huma unitajiet residenti fil-pajjiż;

(b) attività mmexxija għal sena jew iktar fuq it-territorji ekonomiċi tan-numru ta' pajjiżi: dik il-parti biss ta' l-unità li għandha ċentru ta' interess ekonomiku fuq it-territoju ekonomiku tal-pajjiż għandha titqies bħala unità residenti. Tista' tkun:

1. jew unità residenti istituzzjonali, li l-attivitajiet tagħha mmexxija għal sena jew iktar fil-bqija tad-dinja huma esklużi jew trattati separatament [4], jew

2. unità li bi' ħsiebha ssir residenti, dwar dik l-attività mmexxija għal sena jew iktar fil-pajjiż minn unità li hija residenti f'pajjiż ieħor.

2.10. Fil-każ ta' unitajiet li huma prinċipalment imqabbda fix-xogħol tal-konsum, għajr fil-kapaċità tagħhom bħala propretarji ta' l-artijiet jew bini, familji li jgħixu f'dar waħda u li għandhom ċentru ta' interess ekonomiku fil-pajjiż għandhom jitqiesu bħala unitajiet residenti, saħansitra jekk isiefru għal perijodi qosra (ta' inqas minn sena). Huma jinkludu, partikolarment, dan li ġej:

(a) ħaddiema tal-fruntieri, jiġifieri nies li jaqsmu l-fruntiera kuljum biex jaħdmu f'pajjiż qrib;

(b) ħaddiema ta' l-istaġun, jiġifieri nies li jħallu l-pajjiż għal numru ta' xhur, imma għal inqas minn sena, biex jaħdmu f'pajjiż ieħor f'setturi li fihom ħaddiema addizzjonali jkunu meħtieġa perjodikament;

(ċ) turisti, pazjenti, studenti [5], uffiċjali fuq żjajjar, negozjanti, bejjiegħa, artisti u membri ta' l-ekwipaġġ li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom;

(d) impjegati lokali mdaħħla biex jaħdmu f'postijiet extra-territorjali li huma mdawrnin minn pajjiżi oħra ta' gvernijiet barranin;

(e) l-impjegati ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali ċivili jew militari li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom f'postijiet extra-territorjali li huma mdawrin minn pajjiżi oħra;

(f) ir-rappreżentant uffiċjali, civili jew militari (inklużi l-familji tagħhom), tal-gvernijiet tal-pajjiż stabbiliti f'postijiet territorjali li huma mdawrin minn pajjiżi oħra.

2.11. L-unitajiet kollha fil-kapaċità tagħhom ta' propretarji ta' l-artijiet u/jew bini li jifformaw parti mit-territorju ekonomiku għandhom jitqiesu bħala unitajiet residenti jew unitajiet li bi ħsiebhom isiru residenti tal-pajjiż li fih jinsabu l-artijiet jew il-bini in kwistjoni.

[1] Dgħajjes tas-sajd, bastimenti oħra, blataformi li jżommu f'wiċċ l-ilma w inġenji ta' l-ajru huma trattati fl-ESA bħala kull tagħmir mobbli ieħor, sewwa jekk huma l-propjetà u/jew imħaddmin minn unitajiet residenti fil-Pajjiż, u sewwa jekk huma l-propjetà ta' persuni mhux residenti u mħaddma minn unitajiet residenti. Operazzjonijiet li jinvolvu pussess (formazzjoni ta' kapital fiss gross) u l-użu (kiri, assigurazzjoni, eċċ) ta' dan it-tip ta' tagħmir huma attribwiti lill-ekonomija tal-pajjiż li fihom il-propretarju u/jew l-operatur huma rispettivament residenti. Fil-każi ta' kiri finanzjarju dan huwa meħud bħala bdil tal-propretarju.

[2] It-territorji wżati minn istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u minn organizzazzjonijiet internazzjonali għaldaqstant jikkostitwixxu territorji ta' Stati sui generis. Il-karattestika ta' dawn l-Istati hija li l-uniċi residenti huma l-istituzzjonijiet infushom (ara l-paragrafu 2.10(e)).

[3] Il-konsum mhux l-unika attività possibbli ta' familji li joqogħdu fl-istess dar. Familji li joqogħdu fl-istess dar jistgħu bħala intrapriniżi jidħlu biex jagħmlu kull attività ekonomika.)

[4] Huwa biss meta din l-attività titwettaq għal inqas minn sena li għandha tkun separata mill-attivitajiet ta' l -unità istituzzjonali tal-produttur. Dan jista' jsir ukoll fejn l-attività, minkejja li hija mmexxija għal sena jew iktar, hija nsinjifikanti, u fiċ-ċirkustanzi kollha għall-istallazzjoni tat-tagħmir barra mill-pajjiż. Madankollu, unità li hija residenti f'pajjiż ieħor u li tkun twettaq attività ta' kostruzzjoni fil-pajjiż għal żmien ta' inqas minn sena għandha titqies li għandha ċentru ta' interess ekonomiku fuq it-territorju ekonomiku tal-pajjiż jekk il-produzzjoni ta' l-attività ta'l-kostruzzjoni tikkostitwixxi l-formazzjoni ta' kapital fiss gross. Din l-unità għandha għalhekk titqies bħala unità bil-ħsieb li tkun residenti.

[5] L-istudenti għandhom dejjem jitqiesu bħala residenti, idumu kemm idumu jistudjaw barra minn pajjiżhom.

--------------------------------------------------

ANNESS B

IS-SOTTO-SETTUR: IL-BANK ĊENTRALI (S.121)

2.45. Definizzjoni: Is-sotto-settur il-bank ċentrali (S.121) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet finanzjarji u kważi-korporazzjonijiet li l-funzjoni prinċipali tagħhom hi li joħorġu muniti korrenti, li jżommu l-valur intern u estern tal-munita u li jżommu fl-intier jew parti minnu r-riżervi internazzjonali tal-pajjiż.

2.46. L-intermedjarji finanzjarji li ġejjin huma klassifikati fis-sotto-settur S.121:

(a) il-bank ċentrali nazzjonali, ukoll fil-każ fejn jagħmel parti mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali;

(b) aġenziji monetarji ċentrali ta' oriġini essenzjalment pubblika (p.e. aġenziji li jħaddmu skambju ta' flejjes barranin jew li joħorġu l-muniti) li jżommu ġabra sħiħa tal-kontijiet u jgawdu awtonomija fid-deċiżjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-gvern ċentrali. Fil-biċċa l-kbira dawn l-attivitajiet isiru jew ġewwa l-gvern ċentrali jew ġewwa l-bank ċentrali. F'dawn il-każi l-ebda unità istituzzjonali separata ma teżisti.

2.47. Is-sotto-settur S.121 ma jinkludix aġenziji u korpi, għajr il-bank ċentrali, li jirregola jew jissorvelja korporazzjonijiet finanzjarji jew swieq finanzjarji.

SOTTO-SETTUR: ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI MONETARJI OĦRA (S.122)

2.48. Definizzjoni: Is-sotto-setur istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra (S.122) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet u kważi-korporazzjonijiet finanzjarji kollha, għajr dawk klassifikati fis-sotto-settur tal-banek ċentrali, li huma prinċipalment imqabbda fix-xogħol ta' intermedjazzjoni finanzjarja u li l-kummerċ tagħhom huwa li jirċievu depożiti u/jew jagħlqu sostituzzjonijiet għad-depożiti minn unitajiet istituzzjonali għajr istituzzjjonijiet finanzjarji monetarji, u, għal kont tagħhom infushom, biex jagħtu self u/jew jagħmlu investimenti f'titoli.

2.49. L-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs) jikkomprendu s-sotto-settur il-bank ċentrali (S.121) u s-sotto-settur istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra (S.122), u jaħbtu ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għal għanijiet ta' l-istatistika kif imfissra mill-EMI.

2.50. MFIs ma jistgħux ikunu deskritti sempliċement bħala "banek", għaliex jistgħu possibilment jinkludu xi korporazzjonijiet finanzjarji li jistgħu ma jsejjħux lilhom infushom banek, u xi wħud li ma jistgħux ma jkunux permessi li jagħmlu dan ix-xogħol f'xi pajjiżi, filwaqt li xi korporazzjonijiet finanzjarji oħra jiddeskrivu lilhom infushom bħala banek filwaqt li fil-fatt ikunu MFIs. Ġeneralment, l-intermedjarji finanzjarji li ġejjin huma klassifikati fis-sotto-setur S.122:

(a) banek kummerċjali, banek "universali", banek "li jaqdu kull tip ta' xogħol";

(b) banek ta' tifdil bl-imgħax (li jinkludu banek ta' tifdil depożitarju u banek ta' tifdil u assoċjazzjonijiet ta' self);

(ċ) istituzzjonijiet ta' l-uffiċċju tal-posta u "giro", banek tal-posta, banek "giro";

(d) banek ta' kreditu rurali, banek ta' kreditu tal-biedja;

(e) banek ta' kreditu tal-koperattivi, għaqdiet ta' kreditu;

(f) banek speċjalizzati (p.e. banek merkantili, djar li jisilfu l-flus, banek privati).

2.51. L-intermedjarji finanzjarji li ġejjin jistgħu wkoll jiġu klassifikati taħt is-sotto-settur S.122 fejn il-kummerċ tagħhom hu li jirċievu mill-pubbliku fondi ripagabbli sew fil-forma ta' depożiti u sew f'forom oħra bħal ħruġ kontinwu ta' bonds u titoli oħra komparabbli. Mill-bqija, għandhom jiġu klassifikati taħt is-sotto-settur S.123:

(a) korporazzjonijiet imqabbda fix-xogħol ta' ħruġ ta' ipoteki, (inklużi soċjetajiet tal-bini, banek ta' l-ipoteki u istituzzjonijiet ta' kreditu w ipoteki);

(b) fondi ta' xulxin (inklużi investimenti fiduċjarji, unitajiet fiduċjarji u skemi oħra ta' investiment kollettiv, p.e., impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli - UCITS);

(ċ) istituzzjonijiet muniċipali ta' kreditu.

2.52. Is-sotto-settur S.122 ma jinkludix:

(a) korporazzjonijiet ta' ishma li jikkontrollaw biss u jiddirieġu grupp li jikkonsisti predominantement f'istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra, imma li mhumiex fihom infushom istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. Dawn huma klassifikati taħt is-sotto-settur S.123;

(b) istituzzjonijiet mingħajr profitt konoxxuti bħala entitajiet legali ndipendenti li jservu istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra, imma li mhumiex imqabbda fix-xogħol ta' ntermedjazzjoni finanzjarja.

IS-SOTTO-SETTUR: INTERMEDJARJI FINANZJARJI OĦRA, GĦAJR KORPORAZZJONIJIET TA' L-ASSIKURAZZJONI U FONDI GĦALL-PENSJONIJIET (S.123)

2.53. Definizzjoni: Is-sotto-settur intermedjarji finanzjarji oħra għajr korporazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni u fondi għall-pensjonijiet (S.123) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet u kważi-korporazzjonijiet kollha li huma prinċipalment imqabbda fix-xogħol ta' l-intermedjazzjoni finanzjarja billi jitgħabbew b'obbligazzjonijiet f'forom għajr f'muniti kurrenti, depożiti u/jew sostituti mill-qrib għal depożiti minn unitajiet istituzzjonali għajr istituzzjonijiet finanzjarji monetarji, jew riżervi tekniċi ta' l-assigurazzjoni.

2.54. Is-sotto-settur S.123 jinkludi tipi varji ta' intermedjarji finanzjarji speċjalment dawk imqabbda b'awtorità fix-xogħol ta' finanzjament fit-tul. Fil-biċċa l-kbira tal-każi din il-maturità predominanti tifforma l-bażi ta' distinzjoni mis-sotto-settur l-ieħor ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. Bażat fuq in-nuqqas ta' l-eżistenza tal-passiv fil-forma ta' riżervi tekniċi ta' l-assigurazzjoni, il-linja li tifridhom mis-sotto-settur u l-korporazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni u fondi għall-pensjonijiet tista' tiġi stabbilita.

2.55. Partikolarment, il-korporazzjonijiet u kważi-korporazzjonijiet li ġejjin huma klassifikati taħt is-sotto-settur S.123 sakemm mhumiex MFIs:

(a) korporazzjonijiet imqabbda fix-xogħol ta' self finanzjarju;

(b) korporazzjonijiet imqabbda fix-xogħol tax-xiri bin-nifs u fid-dispożizzjonijiet ta' finanzjament personali jew kummerċjali;

(ċ) korporazzjonijiet imqabbda fix-xogħol ta' l-aġenti li jbiegħu w jixtri b'kummissjoni;

(d) bejjiegħa ta' titoli u d-derivattivi tagħhom (għal rashom);

(e) korporazzjonijiet finanzjarji speċjalizzati bħalma huma kumpaniji ta' spekulazzjoni u żvilupp tal-kapital, kumpaniji finanzjarji ta' l-esportazzjoni/importazzjoni;

(f) korporazzjonijiet ta' veikoli finanzjarji, maħluqa biex jieħdu ħsieb ta' assi assigurati;

(g) intermedjarji finanzjarji li jirċievu depożiti u/jew sostituti mill-qrib għal depożiti mill-MFIs biss;

(h) holding corporations, li jikkontrollaw jew jiddiriġu biss grupp ta' sussidjarji prinċipalment imqabbda fix-xogħol ta' l-intermedjazzjoni finanzjarja u/jew attivitajiet finanzjarji awżiljarji, iżda huma stess ma mhumiex korporazzjonijiet finanzjarji.

2.56. Is-sotto-settur S.123 ma jinkludix istituzzjonijiet bla profitt konoxxuti bħala entitajiet legali ndipendenti li jservu intermedjarji finanzjarji oħra għajr korporazzjonjiet ta' l-assigurazzjoni u fondi għall-pensjonijiet, imma mhux imqabbda fix-xogħol ta' intermedjazzjoni finanzjarja.

--------------------------------------------------

Top