EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XB0308(01)

Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew

OJ C 89, 8.3.2019, p. 2–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/2


Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew

(2019/C 89/03)

IL-KUNSILL GOVERNATTIVI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Billi:

(1)

Bħala istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa meħtieġ li jaqdi l-interess pubbliku u jiżgura l-ogħla standards ta’ integrità. Għalhekk il-BĊE jqiegħed ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ogħla standards ta’ etika fiċ-ċentru tal-approċċ tiegħu għall-governanza korporattiva. Il-konformità ma’ dawn il-prinċipji hija element ewlieni għall-kredibbiltà tal-BĊE u hija vitali biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej.

(2)

L-etika professjonali u l-livell għoli ta’ kondotta li partijiet terzi huma intitolati jistennew mill-BĊE u l-uffiċjali ta’ livell għoli tiegħu ġew rikonoxxuti mit-twaqqif tiegħu bħala prerekwiżiti ewlenin għas-salvagwardja tar-reputazzjoni tal-BĊE.

(3)

Wara l-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta inizjali tal-BĊE fl-2001 (1), Kodiċi ta’ Kondotta speċifiku għall-membri tal-Kunsill Governattiv ġie adottat fl-2002 (2) u rivedut fl-2006 (3); dan kien segwit minn Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv li ġie adottat fl-2006 (4) u rivedut fl-2010 (5).

(4)

Fid-dawl tat-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (6) li bih il-BĊE ġie fdat b’kompiti speċifiċi dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ġie adottat ukoll fl-2014 Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Bord Superviżorju (7).

(5)

Barra minn hekk, b’effett minn Jannar 2015, il-BĊE implimenta Qafas tal-Etika mtejjeb applikabbli għall-membri tal-persunal (8) u stabbilixxa l-Uffiċċju għall-Konformità u l-Governanza u l-Kumitat tal-Etika ta’ livell għoli (9) li huwa inkarigat li jagħti pariri lill-membri tal-korpi tal-BĊE ta’ livell għoli dwar il-Kodiċijiet ta’ Kondotta differenti applikabbli għalihom b’mod koerenti.

(6)

Fir-rigward tal-Eurosistema u l-MSU, ġew stabbiliti standards minimi komuni ta’ etika fil-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/11) (10) u Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/12) (11).

(7)

Il-BĊE għandu interess ġenwin fil-prinċipju li, sa fejn hu possibbli, u meta ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità, il-membri ta’ kull wieħed mill-korpi ta’ livell għoli għandhom jaderixxu u jkunu soġġetti għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali. Għal dan l-iskop, il-Kumitat tal-Etika ġie inkarigat mill-Kunsill Governattiv biex jirrifletti fuq il-fattibbiltà li jiġi stabbilit kodiċi wieħed ta’ kondotta, u wara dan il-Kumitat tal-Etika pproduċa l-kodiċi ta’ kondotta għal uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE li l-Kunsill Governattiv issa jixtieq japprova (dan il-Kodiċi).

(8)

Minbarra li jitnebbaħ mid-dispożizzjonijiet tal-qafas etiku mtejjeb applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BĊE u r-raġunament li fuqu huwa bbażat, dan il-Kodiċi jirrifletti l-aħjar prattiki fil-komunitajiet bankarji ċentrali u superviżorji u tal-istituzzjonijiet sħab fl-UE, filwaqt li, fl-istess ħin, jirrikonoxxi l-karatteristiċi istituzzjonali speċifiċi tal-BĊE u l-indipendenza tiegħu.

(9)

Fl-approvazzjoni tiegħu ta’ dan il-Kodiċi, il-Kunsill Governattiv għandu l-għan li jimplimenta l-ogħla standards ta’ etika professjonali, biex b’hekk jiżgura li l-membri tal-korpi ta’ livell għoli tiegħu jmexxu bl-eżempju u jispiraw lill-impjegati madwar l-Eurosistema, is-SEBĊ u l-MSU biex huma wkoll jikkonformaw ma’ dawn l-istandards fil-qadi ta’ dmirijiethom.

APPROVA L-KODIĊI TA’ KONDOTTA UNIKU GĦAL UFFIĊJALI TA’ LIVELL GĦOLI TAL-BĊE:

PARTI I

AMBITU

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.1.

Dan il-Kodiċi għandu japplika għall-membri tal-Kunsill Governattiv u l-membri tal-Bord Superviżorju meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bħala membri ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE, kif ukoll għall-membri tal-Bord Eżekuttiv. Ikopri wkoll membri tal-Kunsill Governattiv u membri tal-Bord Superviżorju meta jaġixxu bħala membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Panel ta’ Medjazzjoni fejn applikabbli, kif ukoll rappreżentanti ta’ banek ċentrali nazzjonali, fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti (minn hawn ’il quddiem l-“ANK”) mhijiex il-bank ċentrali nazzjonali (minn hawn ’il quddiem il-“BĊN”), li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju (minn hawn ’il quddiem il-“membri”).

1.2.

Għandu japplika wkoll għal persuni li jissostitwixxu l-membri f’laqgħat tal-Kunsill Governattiv jew tal-Bord Superviżorju (minn hawn ’il quddiem “is-sostituti”) fit-twettiq tad-doveri u r-responsabbiltajiet tagħhom relatati ma’ dawn il-korpi ta’ livell għoli fejn ikun previst espliċitament f’dan il-Kodiċi. Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi, “korpi ta’ livell għoli tal-BĊE” għandha tfisser il-Kunsill Governattiv tal-BĊE, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Bord Superviżorju tal-BĊE.

1.3.

Dan il-Kodiċi m’għandux japplika għal persuni li jakkumpanjaw li jattendu laqgħat tal-Kunsill Governattiv jew tal-Bord Superviżorju. Madankollu, persuni li jakkumpanjaw għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ kondotta etika li tkopri l-prinċipju ġenerali ta’ evitar ta’ kunflitti ta’ interess, il-projbizzjoni milli tintuża informazzjoni kunfidenzjali, u r-regoli dwar is-segretezza professjonali, qabel l-ewwel parteċipazzjoni tagħhom fi kwalunkwe laqgħa (minn hawn ’il quddiem “Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika”) (12).

1.4.

Il-membri tal-Kunsill Ġenerali għandhom jiġu mistiedna jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika. Barra minn hekk, il-membri tal-Kumitat tal-Verifika, il-Kumitat tal-Etika, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (ABoR), u s-sostituti tagħhom, fejn applikabbli, għandhom ikunu meħtieġa jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika.

1.5.

Il-membri tal-persunal tal-BĊE li jattendu l-laqgħat ta’ korpi ta’ livell għoli tal-BĊE huma koperti b’mod adegwat mill-Qafas tal-Etika u għalhekk m’għandhomx ikunu meħtieġa jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika.

1.6.

Fil-każ ta’ xi dubju dwar id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kodiċi jew l-applikazzjoni prattika tagħhom, għandha tintalab l-opinjoni tal-Kumitat tal-Etika stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2015/433 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/59) (13).

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet nazzjonali konfliġġenti u l-applikabbiltà ta’ oqfsa etiċi differenti

2.1.

Membri u sostituti għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-Etika mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe impediment biex jikkonformaw ma’ dan il-Kodiċi, inkluż kwalunkwe impediment li jirriżulta minn dispożizzjonijiet konfliġġenti tal-liġi nazzjonali.

2.2.

Dan il-Kodiċi għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli etiċi aktar stretti applikabbli għal membri u sostituti bis-saħħa tal-liġi nazzjonali.

PARTI II

STANDARDS TA’ KONDOTTA ETIKA

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

3.1.

Membri u sostituti għandhom iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom f’konformità stretta mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (14) u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (15), kif applikabbli.

3.2.

Fit-twettiq tad-doveri u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-membri u s-sostituti għandhom josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta etika u integrità. Huma mistennija jaġixxu b’mod onest, indipendenti, imparzjali, b’diskrezzjoni u mingħajr ma jqisu l-interess personali. Għandhom ikunu konxji mill-importanza tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, għandhom iqisu l-karattru pubbliku tal-funzjonijiet tagħhom u għandhom iġibu ruħhom b’mod li jispira l-kondotta etika fl-Eurosistema, fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-MSU, u li jżommu u jippromwovu l-fiduċja pubblika fil-BĊE.

Artikolu 4

Segretezza professjonali

4.1.

Inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali li joħorġu mill-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, membri u sostituti ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali miksuba fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom li ma saritx pubblika u li mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku (minn hawn ’il quddiem “informazzjoni kunfidenzjali”) ħlief deliberatament bħala parti mill-istrateġija ta’ komunikazzjoni miftiehma tal-BĊE. B’mod partikolari, huma m’għandhomx jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali f’diskorsi jew stqarrijiet pubbliċi, jew lill-midja, u għandhom jittrattaw din l-informazzjoni skont ir-regoli interni miftiehma dwar it-trattament ta’ informazzjoni sensittiva tas-SEBĊ u l-MSU. Membri u sostituti għandhom ikomplu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali skont il-liġi tal-Unjoni anki wara li d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom imwettqa għall-BĊE jkunu waqfu.

4.2.

Membri u sostituti għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tal-BĊN u/jew l-ANK rispettivi tagħhom jingħataw aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali biss għat-twettiq tad-dmirijiet tal-membri tal-persunal u skont il-politiki ta’ kunfidenzjalità applikabbli, u jsiru konxji ta’ u josservaw strettament ir-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 4.1.

Artikolu 5

Separazzjoni tal-funzjoni superviżorja mill-funzjoni tal-politika monetarja

5.1.

Membri u sostituti għandhom jirrispettaw is-separazzjoni tal-kompiti speċifiċi tal-BĊE dwar il-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja, kif ukoll kompiti oħra. Fejn ikun applikabbli, huma għandhom jikkonformaw mad-Deċiżjoni BĊE/2014/39 tal-Bank Ċentrali Ewropew (16) u kwalunkwe regola adottata mill-BĊE skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013.

5.2.

Fit-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, membri tal-Bord Superviżorju u s-sostituti tagħhom għandhom iqisu l-għanijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 u ma għandhomx jinterferixxu mal-kompiti mhux superviżorji tal-BĊE, filwaqt li jirrispettaw kif xieraq id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-Viċi-President tal-Bord Superviżorju.

Indipendenza

Artikolu 6

Prinċipju ta’ indipendenza

Inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, membri u sostituti, meta jeżerċitaw is-setgħat u jwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet mogħtija lilhom, għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi, irrispettivament mill-interess nazzjonali jew personali, u m’għandhomx ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-UE, minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor.

Artikolu 7

Attivitajiet privati u mandati uffiċjali

7.1.

Membri u sostituti għandhom jiżguraw li kwalunkwe attività privata, kemm jekk imħallsa u kemm jekk le, ma jkollhiex impatt negattiv fuq l-obbligi tagħhom u ma tagħmilx ħsara lir-reputazzjoni tal-BĊE. Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi, “attivitajiet privati” għandha tfisser kwalunkwe attività oħra mwettqa minn membru jew sostitut mhux f’kapaċità uffiċjali.

7.2.

Il-membri u s-sostituti jistgħu jidħlu għal attivitajiet privati f’organizzazzjonijiet pubbliċi jew internazzjonali jew organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ kif ukoll attivitajiet ta’ tagħlim u akkademiċi, sakemm dawn ma jkunux attivitajiet li jqajmu tħassib dwar kunflitt ta’ interess, pereżempju, attivitajiet relatati ma’ entitajiet sorveljati jew kontropartijiet tal-Eurosistema fil-politika monetarja jew operazzjonijiet ta’ kambju. Fil-każ ta’ attivitajiet privati kif speċifikat fl-Artikolu 11.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-membri tal-Bord Eżekuttiv jeħtieġu l-approvazzjoni espliċita tal-Kunsill Governattiv.

7.3.

Membri u sostituti jistgħu jaċċettaw rimunerazzjoni u r-rimborż ta’ spejjeż għal attivitajiet privati, sakemm tali rimunerazzjoni u spejjeż ikunu proporzjonati max-xogħol imwettaq u jibqgħu fil-limiti skont id-drawwa.

7.4.

Membri u sostituti għandhom jastjenu minn mandati uffiċjali li jistgħu jfixklu l-indipendenza tagħhom u għandhom jirriżenjaw minn kwalunkwe mandat uffiċjali bħal dawn li jkollhom. Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi, “mandati uffiċjali” tfisser kwalunkwe attività esterna mwettqa minn membru jew sostitut f’kapaċità uffiċjali, jiġifieri bħala parti mid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

7.5.

Membri u sostituti għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat tal-Etika bil-miktub dwar kwalunkwe attività privata li għandhom il-ħsieb li jwettqu. Huma għandhom ukoll jipprovdulu aġġornament annwali tal-attivitajiet privati kontinwi u l-mandati uffiċjali tagħhom.

Artikolu 8

Relazzjonijiet ma’ gruppi ta’ interess

Waqt li jżommu d-djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili meħtieġa mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-membri u s-sostituti għandhom f’kull ħin, u partikolarment fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ gruppi ta’ interess, ikunu konxji mill-indipendenza tagħhom, l-obbligi tas-segretezza professjonali tagħhom, u l-prinċipji bażiċi stabbiliti f’dan il-Kodiċi. Il-membri u s-sostituti għandhom ikunu konxji tal-Prinċipji ta’ Gwida għall-komunikazzjoni esterna għal uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE (17), kif ukoll kwalunkwe regola u linja gwida oħra applikabbli, u għandhom jeżerċitaw prudenza partikolari u japplikaw salvagwardji xierqa meta jipparteċipaw f’avvenimenti magħluqa jew meta jaċċettaw stediniet individwali.

Artikolu 9

Dehriet pubbliċi u stqarrijiet pubbliċi

9.1.

Membri u sostituti għandhom iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, u jikkunsidraw lilhom infushom f’dehriet pubbliċi, bħala rappreżentanti ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

9.2.

Meta jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet relatati mal-Eurosistema, is-SEBĊ jew l-MSU, il-membri u s-sostituti għandhom iqisu debitament ir-rwol tagħhom bħala rappreżentanti ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

9.3.

F’kontribuzzjonijiet xjentifiċi jew akkademiċi, membri u sostituti għandhom jagħmluha ċara illi dawn il-kontribuzzjonijiet qegħdin isiru f’kapaċità personali u ma jirrappreżentawx l-opinjonijiet tal-BĊE.

Artikolu 10

Dikjarazzjoni ta’ interessi

10.1.

Kull membru għandu jissottometti fuq bażi annwali lill-Kumitat tal-Etika, għal evalwazzjoni u sottomissjoni lill-President, Dikjarazzjoni ta’ Interessi ffirmata li għandha tinkludi informazzjoni dwar l-attività professjonali preċedenti tal-membru, attivitajiet privati, mandati uffiċjali u interessi finanzjarji, kif ukoll dwar l-attività professjonali bi qligħ tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li tista’ tqajjem tħassib dwar kunflitt ta’ interess (minn hawn ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni ta’ Interessi”). Id-Dikjarazzjoni ta’ Interessi (18) sottomessa minn kull membru għandha tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE u għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit għas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni dwar il-ġid taħt ir-regoli nazzjonali applikabbli jew l-obbligi kuntrattwali.

10.2.

Il-BĊE għandu jipproċessa u jżomm kwalunkwe data personali miġbura fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Interessi skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-BĊE.

Kunflitti ta’ interess

Artikolu 11

Prinċipju ġenerali ta’ kunflitti ta’ interess

11.1.

Membri u sostituti għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tqajjem tħassib dwar il-kunflitt ta’ interess. Tħassib ta’ kunflitt ta’ interess jinħoloq meta membru jew sostitut ikollu interessi personali li jistgħu jinfluwenzaw, jew jistgħu jiġu pperċepiti bħala li jinfluwenzaw, it-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-doveri u r-responsabbiltajiet tagħhom u jestendi wkoll għal, imma mhux limitat għal, membri tal-familja diretti tagħhom (kwalunkwe ġenitur, wild, ħu u oħt), konjuġi jew imsieħba tal-membru jew tas-sostitut. B’mod partikolari, il-membri u s-sostituti ma jistgħux jużaw l-involviment tagħhom fi proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, jew fl-informazzjoni professjonali li jkollhom, biex jiksbu vantaġġ personali ta’ kwalunkwe tip. Ma jeżistix kunflitt ta’ interess fejn membru jew sostitut huwa kkonċernat biss bħala parti mill-pubbliku ġenerali jew minn klassi wiesgħa ta’ persuni.

11.2.

Membri u sostituti għandhom jiżvelaw bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed, lill-President jew liċ-Chairperson tal-korp rilevanti ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tqajjem tħassib dwar kunflitt ta’ interess. B’mod partikolari, huma għandhom jirrikużaw lilhom infushom milli jieħdu sehem fi kwalunkwe diskussjoni, deliberazzjoni jew vot fir-rigward ta’ kwalunkwe sitwazzjoni bħal din u ma għandhomx jiġu pprovduti b’xi dokumentazzjoni relatata.

Artikolu 12

Attività professjonali bi qligħ ta’ konjuġi jew sieħeb

Membri u sostituti għandhom jirrapportaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-President jew liċ-Chaiperson tal-korp rilevanti ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika kwalunkwe okkupazzjoni bi qligħ jew attivitajiet remunerati oħrajn tal-konjuġi jew l-imsieħba tagħhom li jistgħu jqajmu tħassib dwar kunflitt ta’ interess.

Artikolu 13

Vantaġġi (rigali u ospitalità)

13.1.

Membri u sostituti m’għandhomx jitolbu, u għandhom joqogħdu attenti meta jiġu offruti, kwalunkwe vantaġġ li huwa konness b’xi mod mad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet mogħtija lilhom. Għall-fini ta’ din id-dispożizzjoni, “vantaġġi” għandha tfisser kwalunkwe rigal, ospitalità, jew benefiċċju ieħor, kemm jekk finanzjarju jew in natura, li mhuwiex il-kumpens miftiehem għas-servizzi mogħtija u li għalihom ir-riċevitur mhux intitolat mod ieħor.

13.2.

Vantaġġ, offrut jew mogħti lil membru jew sostitut jew lil xi membru dirett tal-familja, konjuġi jew sieħeb, li huwa konness b’xi mod mat-twettiq tad-doveri u r-responsabbiltajiet ta’ dak il-membru jew sostitut, jista’ jiġi aċċettat minnhom fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

huwa offrut minn organizzazzjoni tas-settur pubbliku, inkluż bank ċentrali ieħor, korp pubbliku nazzjonali, organizzazzjoni internazzjonali jew mid-dinja akkademika, u huwa ta’ valur meqjus skont id-drawwa u xieraq;

(b)

huwa offrut minn entità privata waħda jew aktar jew individwi u għandu valur mhux ogħla minn EUR 100, jew jekk ogħla, (i) jiġi mgħoddi lill-istituzzjoni rispettiva li tagħha l-membru jew is-sostitut rilevanti huwa rappreżentant jew (ii) l-eċċess ta’ aktar minn EUR 100 jitħallas mill-membru jew sostitut lil dik l-istituzzjoni;

(c)

jieħu l-forma ta’ ospitalità u huwa proporzjonat mad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-membru jew tas-sostitut u huwa konformi mal-limiti tas-soltu;

(d)

mhuwiex offrut minn entità taħt superviżjoni;

(e)

l-aċċettazzjoni tiegħu ma jqajjimx mod ieħor tħassib ta’ kunflitt ta’ interess.

13.3.

L-aċċettazzjoni ta’ vantaġġ m’għandha, fl-ebda każ, tagħmel ħsara lil jew tinfluwenza l-objettività u l-libertà tal-azzjoni tal-membru jew tas-sostitut u m’għandhiex toħloq obbligazzjoni jew aspettattiva inapproprjata min-naħa tar-reċipjent jew il-fornitur.

13.4.

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv, il-President tal-Bord Superviżorju u r-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandhom mingħajr dewmien jirreġistraw mas-Segretarju tal-Kumitat tal-Etika kwalunkwe rigal jew offerta ta’ rigal irċevut, ikun xi jkun il-valur tiegħu. Membri u sostituti oħra għandhom ikunu suġġetti għar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli dwar ir-reġistrazzjoni ta’ rigali.

Artikolu 14

Premji, unuri u dekorazzjonijiet

14.1.

Membri u sostituti għandhom ikunu kunfidenti li kwalunkwe għotja, unur jew dekorazzjoni tkun kompatibbli mal-istatus pubbliku tagħhom u ma tiġix kompromessa l-indipendenza tagħhom jew tqajjem tħassib dwar kunflitt ta’ interess.

14.2.

Il-membri u s-sostituti għandhom jgħaddu lill-istituzzjoni rispettiva li tagħhom huma rappreżentant, jew jagħmlu donazzjoni għall-karità, kull somma ta’ flus jew oġġetti ta’ valur li jkun mogħni bihom premju, li jirċievu b’konnessjoni mad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala membru jew sostitut korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

Artikolu 15

Stediniet għal avvenimenti

15.1.

Membri u sostituti, filwaqt li jżommu f’moħħhom l-obbligi tagħhom li jirrispettaw il-prinċipju ta’ indipendenza u biex jevitaw kunflitti ta’ interess, jistgħu jaċċettaw stediniet għal avvenimenti li ħafna jattendu għalihom bħal konferenzi, riċevimenti jew avvenimenti kulturali, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom mhijiex ta’ ħsara għall-interess tal-BĊE, u għandhom josservaw prudenza partikolari fir-rigward ta’ stediniet individwali. Il-membri u s-sostituti ma għandhomx jaċċettaw stediniet jew ħlasijiet li mhumiex f’konformità ma’ dawn ir-regoli u għandhom jinfurmaw lill-kontropartijiet tagħhom kif meħtieġ.

15.2.

Il-membri u s-sostituti ma jistgħux jaċċettaw il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u/jew tal-akkomodazzjoni mill-organizzaturi ta’ kwalunkwe avveniment imsemmi fl-Artikolu 15.1. Kull ħlas li jista’ jiġi aċċettat minn membri u sostituti għal-lekċers u d-diskorsi li jsiru fil-kapaċità uffiċjali tagħhom għandu jintuża mill-BĊE jew mill-BĊN jew minn l-ANK relevanti għal skopijiet ta’ karità.

15.3.

Jekk ikun konsistenti mad-drawwa aċċettata internazzjonalment, l-Artikoli 15.1 u 15.2 għandhom japplikaw bl-istess mod għall-konjuġi jew imsieħba ta’ membri u sostituti li jakkumpanjawhom fir-rigward ta’ stediniet li jsirulhom.

Artikolu 16

Regoli fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati

16.1.

Membri u sostituti ma għandhomx jużaw informazzjoni kunfidenzjali għall-benefiċċju tagħhom stess jew għall-benefiċċju ta’ parti terza, inkluż meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati u irrispettivament minn jekk tali tranżazzjonijiet isirux direttament jew permezz ta’ parti terza, bir-riskju tagħhom stess u f’isimhom stess, jew bir-riskju u f’isem parti terza.

16.2.

Huwa rrakkomandat li l-membri u s-sostituti jqiegħdu l-investimenti tagħhom taħt il-kontroll ta’ maniġer tal-portafoll rikonoxxut wieħed jew aktar li għandhom diskrezzjoni sħiħa għal assi li jmorru lil hinn minn dawk meħtieġa għall-użu ordinarju, personali u tal-familja.

16.3.

Membri u sostituti għandhom jikkonformaw mar-regoli materjali dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati stabbiliti fil-Qafas tal-Etika tal-BĊE (19) kif applikabbli fi kwalunkwe żmien.

16.4.

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv, il-President tal-Bord Superviżorju u r-Rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandhom ukoll ikunu suġġetti għall-proċeduri ta’ monitoraġġ ta’ rappurtar u konformità fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom kif stabbilit fil-Qafas tal-Etika tal-BĊE.

16.5.

Membri u sostituti li għalihom ma japplikax l-Artikolu 16.4 għandhom ikunu suġġetti għal monitoraġġ ta’ rappurtar u konformità fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom kif stabbiliti fir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli u għandhom jissottomettu lill-Kumitat tal-Etika fuq bażi annwali konferma ffirmata li huma kkonformaw mar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati u li l-monitoraġġ tar-rappurtar u l-konformità fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom sar skont ir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli (20).

Artikolu 17

Regoli ta’ wara l-impjieg

17.1.

Il-membri għandhom jinfurmaw bil-miktub lill-President jew liċ-Chairperson tal-korp ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika bl-intenzjoni tagħhom li jeżerċitaw kwalunkwe attività professjonali bi qligħ fil-perjodu ta’ sentejn mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

Barra minn hekk, jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f’attività ta’ xogħol bi qligħ ma’:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti jew inqas sinifikanti wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sena mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE;

(b)

kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja oħra mhux identifikata fil-paragrafu (a) hawn fuq wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sitt xhur mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp tal-BĊE ta’ livell għoli;

(c)

kwalunkwe entità involuta fil-lobbying fir-rigward tal-BĊE, jew konsulenza u/jew promozzjoni għall-BĊE jew għal kwalunkwe istituzzjoni identifikata fil-paragrafi (a) jew (b) hawn fuq wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sitt xhur mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp tal-BĊE ta’ livell għoli.

Barra minn hekk, membri tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kunsill Governattiv jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f’attività professjonali bi qligħ ma’:

(d)

kontroparti mal-Eurosistema fil-politika monetarja jew operazzjonijiet ta’ kambju barrani wara l-iskadenza ta’ sena minn tmiem il-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tas-sħubija tagħhom fil-Bord Eżekuttiv jew tal-Kunsill Governattiv, kif applikabbli;

(e)

operatur ta’ sistema ta’ ħlas jew ta’ saldu, kontroparti ċentrali jew fornitur ta’ strumenti ta’ ħlas suġġetti għas-sorveljanza tal-BĊE wara l-iskadenza ta’ sitt xhur mit-tmiem tal-mandat jew kariga tagħhom jew mid-data tal-waqfien tas-sħubija tagħhom fil-Bord Eżekuttiv jew tal-Kunsill Governattiv, kif applikabbli.

17.2.

Is-sostituti għandhom jinfurmaw bil-miktub lill-President jew liċ-Chairperson tal-korp ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika bl-intenzjoni tagħhom li jeżerċitaw kwalunkwe attività professjonali bi qligħ fil-perjodu ta’ sena mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom f’dik il-kapaċità.

Barra minn hekk, jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f’attività professjonali bi qligħ ma’:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti jew inqas sinifikanti wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-involviment fi dmirijiet u responsabbiltajiet relatati jkun waqaf;

(b)

kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja oħra mhux identifikata fil-paragrafu (a) hawn fuq wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-involviment fi dmirijiet u responsabbiltajiet relatati jkun waqaf;

(c)

kwalunkwe entità involuta fil-lobbying fir-rigward tal-BĊE, jew konsulenza u/jew promozzjoni għall-BĊE jew għal kwalunkwe istituzzjoni identifikata fil-paragrafi (a) jew (b) hawn fuq wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-involviment fid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet relatati jkun waqaf.

Barra minn hekk, sostituti għal laqgħat tal-Kunsill Governattiv jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f’attività professjonali bi qligħ ma’:

(d)

kontroparti għall-Eurosistema fil-politika monetarja jew f’operazzjonijiet ta’ kambju barrani wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-involviment fid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet relatati jkun waqaf;

(e)

operatur ta’ sistema ta’ ħlas jew ta’ saldu, kontroparti ċentrali jew fornitur ta’ strumenti ta’ pagament suġġetti għas-sorveljanza tal-BĊE wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-involviment fi dmirijiet u responsabbiltajiet relatati jkun waqaf.

17.3.

Membri u sostituti għandhom jitolbu lill-Kumitat tal-Etika biex joħroġ opinjoni dwar il-perjodi ta’ riflessjoni applikabbli għalihom taħt dan l-Artikolu qabel ma jibdew attività professjonali bi qligħ speċifika u prospettiva. Il-Kumitat tal-Etika jista’ jirrakkomanda fl-opinjoni tiegħu:

(a)

rinunzja jew tnaqqis tal-perjodi ta’ riflessjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu f’ċirkostanzi fejn il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn attivitajiet professjonali bi qligħ sussegwenti jippermettu hekk; jew

(b)

estensjoni tal-perjodi ta’ riflessjoni taħt l-Artikoli 17.1(a) u 17.2(a) għal attivitajiet professjonali bi qligħ relevanti sussegwenti ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti jew inqas sinifikanti li fis-superviżjoni tagħhom kien direttament involut il-membru jew is-sostitut, sa massimu ta’ sentejn għall-membri u sena għal sostituti fejn il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn tali attivitajiet professjonali bi qligħ ikunu jeħtieġu hekk.

17.4.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali applikabbli, għat-tul tal-perjodu ta’ riflessjoni tagħhom il-membri u s-sostituti għandhom jitħallsu kumpens xieraq mill-istituzzjonijiet ta’ min iħaddem rispettivi tagħhom mit-tmiem tal-mandat tagħhom mal-istituzzjoni tagħhom sa tmiem il-perjodu ta’ riflessjoni applikabbli. Dan il-kumpens għandu jitħallas irrispettivament minn stedina biex wieħed jidħol f’attività professjonali bi qligħ. Għaldaqstant, il-membri u s-sostituti jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kumitat tal-Etika dwar il-livell xieraq ta’ kumpens fir-rigward tal-perjodi ta’ riflessjoni.

17.5.

Fejn waqt perjodu ta’ riflessjoni membru jew sostitut jidħol għal attività professjonali bi qligħ mhux koperta mill-Artikoli 17.1 u 17.2 hawn fuq u l-ammont tar-remunerazzjoni netta ta’ kull xahar riċevuta mill-attività professjonali bi qligħ flimkien mal-kumpens provdut għall-perjodu ta’ riflessjoni jaqbeż ir-remunerazzjoni netta ta’ kull xahar li l-membru jew is-sostitut irċieva matul l-aħħar sena tal-kariga tagħhom, l-eċċess għandu jitnaqqas mill-kumpens imħallas. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għar-remunerazzjoni għal attivitajiet li jkunu saru qabel u ddikjarati qabel minn membru jew sostitut.

17.6.

L-opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat tal-Etika skont l-Artikoli 17.3 u 17.4 hawn fuq għandhom jiġu indirizzati lill-Kunsill Governattiv. Il-Kunsill Governattiv għandu mbagħad jagħmel rakkomandazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti rispettiva jew lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv li għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv bi kwalunkwe impediment għall-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

17.7.

Membri u sostituti għandhom jissottomettu lill-Kumitat tal-Etika Dikjarazzjoni ta’ Unur (21) ffirmata fuq bażi annwali matul il-perjodu ta’ notifika ta’ sentejn jew ta’ sena mit-tmiem tal-mandat tagħhom li fihom jikkonfermaw l-attivitajiet professjonali bi qligħ tagħhom u r-remunerazzjoni rispettiva, li rapport dwaru għandu jiġi sottomess lill-President.

Artikolu 18

Nuqqas ta’ konformità

Mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali applikabbli, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità minn membru jew sostitut mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi, il-Kumitat tal-Etika għandu l-ewwel jindirizza l-kwistjoni mal-individwu kkonċernat. Jekk l-aderenza ma tkunx tista’ tinkiseb permezz ta’ persważjoni morali, il-Kumitat tal-Etika għandu jqajjem il-kwistjoni mal-Kunsill Governattiv. Fuq parir mill-Kumitat tal-Etika u wara li jkun semal-individwu kkonċernat, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li joħroġ ċanfira u, fejn xieraq, jagħmilha pubblika.

PARTI III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Pubblikazzjoni

Dan il-Kodiċi għandu jiġi ppubblikat fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE li għalihom japplika dan il-Kodiċi għandhom jiffirmaw Dikjarazzjonijiet ta’ Konformità individwali kif ikun xieraq.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan il-Kodiċi għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Kodiċi ta’ Kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 76, 8.3.2001, p. 12).

(2)  Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9).

(3)  Memorandum ta’ Ftehim li jemenda l-Memorandum ta’ Ftehim dwar Kodiċi tal-Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (ĠU C 10, 16.1.2007, p. 6).

(4)  Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 230, 23.9.2006, p. 46).

(5)  Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 104, 23.4.2010, p. 8).

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(7)  Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 93, 20.3.2015, p. 2).

(8)  Il-Qafas Etiku tal-BĊE (ĠU C 204, 20.6.2015, p. 3).

(9)  Deċiżjoni (UE) 2015/433 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitat għall-Etika u r-Regoli tal-Proċedura tiegħu (BĊE/2014/59) (ĠU L 70, 14.3.2015, p. 58).

(10)  Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta’ politika monetarja, operazzjonijiet ta’ kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta’ riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23).

(11)  Linja Gwida (UE) 2015/856, tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 29).

(12)  Ara l-mudell ta’ Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika.

(13)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

(14)  Ara d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(15)  Regoli tal-Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 182, 21.6.2014, p. 56).

(16)  Deċiżjoni BĊE/2014/39 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta’ separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta’ politika monetarja u ta’ superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 300, 18.10.2014, p. 57).

(17)  Ara l-Prinċipji ta’ Gwida għall-komunikazzjoni esterna għal uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE.

(18)  Ara l-mudell tad-Dikjarazzjoni ta’ Interessi.

(19)  Ara l-qafas tal-etika tal-BĊE.

(20)  Ara l-Mudell ta’ Dikjarazzjoni ta’ Konformità għal tranżazzjonijet finanzjarji privati.

(21)  Ara l-Mudell tad-Dikjarazzjoni ta’ Unur.


Top