EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0051

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Novembru 2018 dwar proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investiment (CON/2018/51)

OJ C 444, 10.12.2018, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 444/11


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-9 ta’ Novembru 2018

dwar proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investiment

(CON/2018/51)

(2018/C 444/05)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-10 ta’ Lulju 2018 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investiment (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) peress li r-regolament propost, fl-objettiv tiegħu ta’ stabilizzazzjoni makroekonomika, huwa relevanti għall-objettiv ewlieni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għall-objettiv li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li jiġu appoġġati l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”). Ir-regolament propost fih ukoll dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-irwol tal-BĊE bħala aġent fiskali għal entitajiet pubbliċi taħt l-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

B’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

L-għan tal-istabbiliment tal-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investiment (FESI) huwa li jiġi protett l-investiment pubbliku nazzjonali fil-preżenza ta’ skossi makroekonomiċi asimetriċi kbar fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u fi Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) (iktar ’il quddiem imsejħa kollettivament l-“Istati Membri parteċipanti”), u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ effetti konsegwenzjali negattivi. (2) Il-FESI għandha tkun parti minn ġabra usa’ ta’ strumenti ġodda għal żona tal-euro aktar reżiljenti fi ħdan il-qafas tal-Unjoni. Din ir-reżiljenza għandha tikkontribwixxi biex tiġi approfondita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Ir-regolament propost jipprevedi li appoġġ taħt il-FESI għandu jkun marbut mal-kundizzjoni ta’ konformità ma’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet magħżula taħt il-qafas ta’ sorveljanza fiskali u makroekonomika tal-Unjoni (3). F’dan il-kuntest, huwa osservat li l-qafas fiskali tal-UE għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri jsegwu politiki fiskali sodi u jibnu lqugħ fiskali fi żminijiet ekonomiċi tajbin (4).

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta’ Ġunju 2015 (5) saħaq dwar il-ħtieġa li titlesta l-arkitettura ekonomika u istituzzjonali tal-UEM. Minħabba l-esperjenza bil-kriżi finanzjarja u ekonomika, ġew irrakkomandati passi ulterjuri ta’ integrazzjoni sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tal-Istati Membri għal tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. L-Istati Membri kienu mistennija li jappoġġaw inizjattivi biex l-ekonomiji nazzjonali jsiru aktar reżiljenti, u biex dawk l-isforzi jiġu ssupplimentati b’passi addizzjonali mmirati biex titlesta l-Unjoni Fiskali u Ekonomika – b’mod partikolari l-ħolqien ta’ funzjoni komuni ta’ stabilizzazzjoni makroekonomika. Dik il-funzjoni teżisti f’kull unjoni monetarja, sabiex jiġu ttrattati b’mod aħjar l-iskossi ekonomiċi li ma jistgħux jiġu mmaniġġjati fuq livell nazzjonali. Jekk tkun imfassla b’mod xieraq, il-funzjoni komuni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika għandha żżid ir-reżiljenza ekonomika tal-Istati Membri parteċipanti individwali u taż-żona tal-euro bħala ħaġa sħiħa, sabiex b’hekk tiġi appoġġata wkoll il-politika monetarja unika.

Kontra dan l-isfond, il-BĊE jilqa’ l-ispinta l-ġdida għad-diskussjoni dwar kif għandha tiġi stabbilita funzjoni komuni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika għall-Istati Membri parteċipanti. Sabiex tiġi stabbilita dik il-funzjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li tipprovdi stabilizzazzjoni makroekonomika effettiva, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ reċessjonijiet profondi mifruxa madwar iż-żona tal-euro. Għal dan il-għan, l-funzjoni ta’ stabilizzazzjoni fiskali għandha tkun ta’ daqs suffiċjenti. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-proposta tal-FESI tipprevedi envelopp finanzjarju ta’ selfiet back-to-back sa EUR 30 biljun li jirrappreżenta madwar 0,3 % biss tal-prodott domestiku gross (PDG) taż-żona tal-euro. Stabilizzazzjoni effettiva teħtieġ ukoll li l-appoġġ tal-FESI jkunu skattat u implimentat fil-ħin. Kriterji xierqa ta’ attivazzjoni għall-appoġġ tal-FESI għandhom jidistingwu b’mod effettiv bejn żviluppi ċikliki u dawk strutturali. L-iskattatur previst tal-FESI huwa relatat mal-qgħad medju fuq perjodu ta’ 60 trimestru. Dan il-perjodu ta’ żmien twil jidher li mhuwiex iġġustifikat peress li l-qgħad attwali jista’ jkun ’il bogħod mill-medja ta’ 60 trimestru għal pajjiżi li esperjenzaw tendenza qawwija ’l fuq jew ’l isfel fil-qgħad matul il-ħmistax-il sena ta’ qabel. L-iskattatur previst tal-FESI ma jqisx biżżejjed, min-naħa waħda, ir-riġiditajiet fis-suq tax-xogħol li ma ġewx indirizzati b’riformi f’xi Stati Membri, jew min-naħa l-oħra, riformi li jtejbu r-reżiljenza adottati minn Stati Membri oħrajn. Huwa importanti li l-appoġġ tal-FESI jikkumplimenta inċentivi għal politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali sodi u, b’mod partikolari, għal riformi mmirati biex jindirizzaw sfidi strutturali nazzjonali u li jsaħħu l-konformità mal-qafas ta’ sorveljanza fiskali u makroekonomika tal-Unjoni. L-appoġġ tal-FESI għandu jkun marbut mar-rekord fil-passat ta’ rispett sħiħ mill-Istat Membru parteċipanti għall-qafas ta’ sorveljanza fiskali u makroekonomika tal-Unjoni. F’dan l-isfond, il-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti jidhru li huma dgħajfin – b’mod partikolari l-kriterju li jeħtieġ l-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet biex tikkoreġi defiċit eċċessiv taħt l-Artikoli 126(8) jew 126(11) tat-Trattat fis-sentejn qabel ma ssir it-talba għall-appoġġ tal-FESI (6). Dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà jippermetti l-għoti ta’ appoġġ tal-FESI lil Stati Membri li kienu kapaċi jevitaw in-nuqqas ta’ konformità mal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir (PST), minkejja l-preżenza ta’ nuqqasijiet persistenti fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ aġġustament strutturali. Huwa importanti li funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni effettiva tipprovdi inċentivi għall-Istati Membri biex jibnu lqugħ fiskali fi żminijiet ekonomiċi tajbin, li jistgħu jiġu eżawriti matul riċessjonijiet. Finalment, tkun meħtieġa ċarezza fir-rigward tal-interazzjoni bejn ir-regolament propost u l-użu ta’ flessibbiltà fi ħdan il-PST, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-hekk imsejħa “klawsola tal-investiment” (7), li għandha objettiv simili għall-FESI, jiġifieri li jinżamm l-investiment fi żminijiet ekonomiċi diffiċli. B’mod importanti, hija meħtieġa dispożizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ tal-FESI ikun proporzjonat mal-livell meħtieġ sabiex tiġi tinżamm is-sostenibbiltà tad-dejn.

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Użu ta’ dħul monetarju bħala l-bażi għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni

Il-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni jkun iffinanzjat kważi għal kollox b’kontribuzzjonijiet annwali mill-Istati Membri parteċipanti. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu kkalkulati skont Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Kontribuzzjonijiet lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni bejn l-Istati Membri parteċipanti (8) (iktar ’il quddiem, “l-abbozz ta’ ftehim”). Taħt l-abbozz ta’ ftehim, il-kontribuzzjoni annwali ta’ kull Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni tkun ekwivalenti għal 6 fil-mija tal-ammont ta’ dħul monetarju allokat lill-BĊN tiegħu fi tmiem is-sena finanzjarja preċedenti skont l-Artikolu 32 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-kontribuzzjoni annwali tal-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-ERM II tiġi kkalkulata bl-użu ta’ formola li tqis id-dħul monetarju totali tal-Eurosistema, u tiddetermina s-sehem li huwa allokat lil Stat Membru Stat Membru mhux fiż-żona tal-euro li jipparteċipa fl-ERM II biss fuq il-bażi tal-PDG u mhux tal-popolazzjoni.

1.1.   Indipendenza istituzzjonali

Il-prinċipju tal-indipendenza istituzzjonali jissemma espressament fl-Artikolu 130 tat-Trattat u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ. Dawn iż-żewġ artikoli jipprojbixxu lill-BĊNi fis-SEBĊ u l-membri tal-korpi tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet milli jfittxu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, u l-gvernijiet tal-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊNi fit-twettiq ta’ kompiti relatati mas-SEBĊ. (9) Għalkemm l-abbozz ta’ ftehim jagħmilha ċara li l-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni huma obbligi ta’ ħlas tal-Istati Membri parteċipanti, il-prinċipju ta’ indipendenza istituzzjonali jeħtieġ li l-gvernijiet tal-Istati Membri ma jeżerċitaw ebda pressjoni fuq il-BĊNi rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-referenza fl-abbozz ta’ ftehim għall-kontribuzzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru bħala li hija “ekwivalenti għal 6 fil-mija tal-ammont ta’ dħul monetarju allokat lill-bank ċentrali nazzjonali tiegħu” tindika li din hija sempliċement formola li għandha tintuża għall-kalkolu tal-obbligi ta’ ħlas ta’ Stat Membru parteċipanti. Dan inaqqas ir-riskju li potenzjalment tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊNi fir-rigward tal-proċessi indipendenti tagħhom ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ strateġiji ta’ investiment u riskju, u t-tqassim tal-profitti. Finalment, il-BĊE kieku jilqa’ t-tħassir tad-dmir impost fuqu bir-regolament propost li jeħtieġ li huwa jikkomunika lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April f’kull sena partikolari, l-ammont ta’ dħul monetarju allokat lill-BĊNi tal-Eurosistema skont l-Artikolu 32 tal-Istatut tas-SEBĊ bl-iskop li jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti. Dan it-tħassir jevita kwalunkwe riskju ta’ ndħil fl-indipendenza istituzzjonali tal-BĊE. Il-BĊE jinsab dispost li jikkoopera mal-Kummissjoni f‘dan ir-rigward b’mod konsistenti mal-premessa 27 tar-regolament propost li tikkjarifika li l-BĊE għandu jikkomunika mal-Kummissjoni l-ammont ta’ dħul monetarju li għalih huma intitolati l-BĊNi tal-Eurosistema.

1.2.   Indipendenza finanzjarja

Il-prinċipju ta’ indipendenza finanzjarja jeħtieġ li l-BĊNi jkollhom mezzi suffiċjenti biex iwettqu l-kompiti tagħhom relatati mas-SEBĊ u dawk nazzjonali. L-Istati Membri ma jistgħux ipoġġu lill-BĊNi tagħhom f’pożizzjoni fejn ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iwettqu dawk il-kompiti (10). Fir-regolament propost, il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni msemmi fl-abbozz ta’ ftehim iridu jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti. Dawn ma jirrappreżentawx kontribuzzjonijiet jew obbligi mill-BĊNi jew mill-BĊE. Għalhekk, ir-regolament propost ma jidhirx li jaffettwa l-abbiltà tal-BĊNi jkollhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex iwettqu l-mandat tagħhom.

1.3.   Kunsiderazzjonijiet oħrajn

1.3.1.

Il-BĊE jifhem li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni huwa diżakkoppjat minn kwalunkwe dħul jew profitti attwali tal-bank ċentrali. L-ammont ta’ dħul monetarju allokat lill-BĊNi jista’ jitqies bħala parametru tal-kalkolu li jinbidel annwalment. Għaldaqstant, l-ammont ta’ 6 fil-mija indikat fl-abbozz ta’ ftehim bħala punt ta’ referenza għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni għandu jirreferi biss għall-ammont finali ta’ dħul monetarju allokat lill-BĊNi. Dan għandu jkun il-każ anki meta telf telf imġarrab mill-BĊE jkun ser jiġi paċut, jew parzjalment jew totalment, kontra d-dħul monetarju tas-sena finanzjarja relevanti skont l-Artikolu 33.2 tas-SEBĊ. (11)

1.3.2.

Il-BĊE jinnota li jekk il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni jkunu marbuta mad-dħul monetarju billi tiġi applikata rata perċentwali predeterminata, dan awtomatikament iwassal għal volatilità fil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti. Din il-volatilità tista’ taffettwa t-trasferiment ta’ riżorsi ġodda lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni.

1.3.3.

Ir-regolament propost juża d-dħul monetarju annwali tal-Eurosistema bħala bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u ta’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-ERM II. Fir-rigward tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, id-dħul monetarju huwa allokat fost il-BĊNi tagħhom skont l-ishma rispettivi tagħhom fl-iskema kapitali tal-BĊE, li huma mwieżna b’kejl ugwali skont is-sehem ta’ kull Stat Membru rispettiv fil-popolazzjoni u l-PDG tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ. Madankollu, il-kontribuzzjonijiet ta’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-ERM II lill-Fond ta’ Appoġġ għall-Istabbilizzazzjoni huma kkalkulati fuq il-bażi tad-dħul monetarju tal-Eurosistema li huma skalati għal kull Stat Membru biss fuq il-bażi tad-data tal-PDG tagħhom. Din id-diskrepanza tista’ tirriżulta f’kontribuzzjonijiet komparattivament akbar jew iżgħar minn dawk ta’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-ERM II.

2.   Amministrazzjoni ta’ selfiet

2.1.

Il-BĊE jinsab lest li jistabbilixxi mal-Kummissjoni l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tas-selfiet, u li jirċievi mill-Istat Membru kkonċernat il-kapital u l-imgħax dovut taħt self tal-FESI f’kont miżmum mal-BĊE, kif previst fir-regolament propost. F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota li skont l-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE jista’ jaġixxi bħala aġent fiskali għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bl-istess mod bħal għall-amministrazzjoni ta’ selfiet mal-BĊE fi ħdan il-qafas tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (12).

2.2.

Kwalunkwe ammonti tal-FESI ddepożitati fil-kontijiet speċjali li għandhom jinfetħu mill-Istati Membru kkonċernat mal-BĊN tiegħu għall-ġestjoni tal-appoġġ riċevut mill-FESI għandhom jiġu ttrattati skont it-termini stabbiliti fl-atti legali relevanti, bħal-Linja Gwida BĊE/2014/9 tal-Bank Ċentrali Ewropew (13).

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma ppreżentati f’dokument ta’ ħidma tekniku separat li huwa akkunpanjat b’test spjegatorju f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta’ Novembru 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2018) 387 final.

(2)  Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-regolament propost, p. 2.

(3)  Artikolu 3(1) tar-regolament propost.

(4)  Ara “Completing Europe’s Economic and Monetary Union” (“Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”), Rapport minn Jean-Claude Juncker, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, 22 ta’ Ġunju 2015, p. 4, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu.

(5)  “Completing Europe’s Economic and Monetary Union” (“Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”), Rapport minn Jean-Claude Juncker, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, 22 ta’ Ġunju 2015.

(6)  F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta Stat Membru ma jkunx wieġeb għar-rakkomandazzjonijiet li l-Kunsill ikun indirizza lilu fil-kuntest ta’ deċiżjoni aktar bikrija mill-Kunsill li l-Istat Membru ma wettaqx ir-rekwiżiti tal-kriterju ta’ defiċit tat-Trattat, il-Kunsill għandu joħroġ deċiżjoni li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet.

(7)  Il-“klawsola ta’ investiment” tinsab fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 10 Volum 001 p. 84 - 88).

(8)  L-abbozz tal-ftehim huwa disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/budget-may2018-contributions-stabilisation-fund_en.pdf

(9)  Ara r-Rapport ta’ Konverġenza tal-BĊE, Mejju 2018, p. 21.

(10)  Ara r-Rapport ta’ Konverġenza tal-BĊE, Mejju 2018, p. 25.

(11)  L-Artikolu 33.2 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li f’każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, id-diskrepanza tista’ tiġi paċuta kontra l-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE u, jekk meħtieġ, wara deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv, kontra d-dħul monetarju tas-sena finanzjarja relevanti fi proporzjon u sal-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(12)  Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).

(13)  Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Frar 2014 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 56).


Top