EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AB0039

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi (CON/2017/39)

OJ C 385, 15.11.2017, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/3


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta' Ottubru 2017

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi

(CON/2017/39)

(2017/C 385/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-22 ta' Awwissu 2017 u l-15 ta' Settembru 2017 rispettivament, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta' kontropartijiet ċentrali (CCPs) u rekwiżiti għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi (1) (minn hawn 'il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress illi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw: (1) il-kompiti bażiċi tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) biex tiġi ddefinita u implimentata l-politika monetarja u tiġi promossa l-operazzjoni bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas bis-saħħa tal-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat; (2) il-kompitu tas-SEBĊ li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, bis-saħħa tal-Artikolu 127(5) tat-Trattat; u (3) il-kompiti mogħtija lill-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar is-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, fil-limiti tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2). F'konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattiva stabbilita fil-proposta tal-Kummissjoni biex ittejjeb ir-rwol tal-membri rilevanti tas-SEBĊ, bħala banek ċentrali li joħorġu l-muniti ta' strumenti finanzjarji ikklerjati minn CCPs, fil-proċess għas-superviżjoni tal-CCPs tal-Unjoni u r-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi. Il-BĊE jilqa' bis-sħiħ u jappoġġja l-proposta li l-Eurosistema, bħala l-bank ċentrali tal-ħruġ tal-euro, għandu jkollu rwol iktar sinifikanti fir-rigward tas-CCPs tal-Unjoni u ta' pajjiżi terzi. Dan huwa ġġustifikat minħabba r-riskji li potenzjalment jistgħu jiġu kkawżati minn nuqqas ta' funzjonament ta' CCP, jew minn ċerti azzjonijiet meħuda minn CCP fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, għat-twettiq tal-kompiti bażiċi li għandhom jitwettqu permezz tal-Eurosistema, b'mod partikolari d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni u l-promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas. Dawn ir-riskji jistgħu fl-aħħar mill-aħħar ikollhom impatt fuq l-għan ewlieni tal-Eurosistema li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat.

Disturbi li jaffettwaw is-CCPs jista' jkollhom impatt fuq l-għan ewlieni tal-Eurosistema permezz ta' diversi kanali. Pereżempju, dawk id-disturbi jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni ta' likwidità ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro, biex b'hekk potenzjalment ifixklu t-tħaddim mingħajr xkiel ta' sistemi ta' ħlas taż-żona tal-euro. Dan jista' jwassal għal domanda akbar għal likwidità tal-banek ċentrali u sfidi possibbli fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika tal-Eurosistema. Barra minn hekk, disturbi bħal dawn jistgħu jfixklu l-funzjonament tas-segmenti tas-suq finanzjarju li huma essenzjali għat-trażmissjoni tal-politika monetarja, inklużi swieq denominati fl-euro għal tranżazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli u kuntratti ta' derivattivi ta' rati ta' interess.

Żviluppi sinifikanti fuq livell kemm globali kif ukoll Ewropew huma mistennija li jżidu r-riskji li joħolqu s-CCPs, għat-tħaddim mingħajr xkiel ta' sistemi ta' ħlas u għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika. L-ewwel nett, l-ikklerjar ċentrali sar dejjem aktar ta' natura transkonfinali u sistemikament importanti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni diġà ressqet il-proposta tagħha għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365 (3). It-tieni nett, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ser ikollu impatt kbir fuq l-abbiltà tal-Eurosistema biex twettaq il-kompiti tagħha bħala bank ċentrali għall-ħruġ tal-euro. Fil-preżent, ċerti CCPs stabbiliti fir-Renju Unit ikklerjaw volumi sinifikanti ta' tranżazzjonijiet denominati f'euro. B'hekk, disturb sinifikanti li jaffettwa CCP ewlieni tar-Renju Unit jista' jkollu konsegwenzi severi għall-istabbiltà tal-euro. L-abbiltà tal-Eurosistema li timmonitorja u tiġġestixxi r-riskji li jippreżentaw is-CCPs tar-Renju Unit se tiġi affettwat b'mod negattiv jekk is-CCPs tar-Renju Unit ma jibqgħux soġġetti għall-qafas regolatorju u superviżorju għas-CCPs tal-Unjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Ir-regolament propost jipprevedi rwol imtejjeb għall-Eurosistema bħala bank ċentrali tal-ħruġ għall-euro fil-qafas taħt ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Sabiex jiġi żgurat li l-Eurosistema tkun tista' twettaq dan ir-rwol, huwa ta' importanza kbira li jkollha s-setgħat rilevanti skont it-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem “Istatut tas-SEBĊ”). Għal din ir-raġuni, il-BĊE għandu jingħata kompetenza regolatorja fuq sistemi tal-ikklerjar għal strumenti finanzjarji, b'mod partikolari CCPs, permezz ta' emenda għall-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ. L-għoti ta' setgħat regolatorji lill-BĊE huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, li jiddikjara li “[s]a fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-BĊE għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali sabiex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-ħidmiet tas-SEBĊ”. Dan jinkludi l-kompiti tal-Eurosistema, bħala l-bank ċentrali tal-ħruġ tal-euro. Għalhekk, il-BĊE adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/18 tal-Bank Ċentrali Ewropew (5) fit-22 ta' Ġunju 2017.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Arranġamenti għall-votazzjoni fil-kulleġġi superviżorji

1.1.

Kif diġà nnota l-BĊE fir-rigward tal-kulleġġi, fejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema, li flimkien jiffurmaw il-“bank ċentrali tal-ħruġ” għall-euro, huma rrappreżentati mill-BĊE jew minn BĊN, u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma membri CCP sinifikanti tal-ikklerjar issir mill-BĊE, għandhom jinhemżu voti separati ma' dawn iż-żewġ funzjonijiet. Fl-istess okkażjoni, il-BĊE enfasizza wkoll li dawn iż-żewġ funzjonijiet huma distinti, kif rifless fis-separazzjoni legali u operattiva bejn il-politika monetarja tal-BĊE u r-rwoli superviżorji prudenzjali (6). Għalhekk, il-BĊE jilqa' bis-sħiħ il-fatt li r-regolament propost jindirizza din il-kwistjoni, biex jiġi żgurat li voti separati ikunu mehmuża ma' dawn iż-żewġ funzjonijiet.

1.2.

Il-BĊE għalhekk jilqa' d-dispożizzjonijiet tar-regolament propost li jemenda d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-ewwel nett, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa emendat biex jistabbilixxi li l-kulleġġ għandu, fost oħrajn, jinkludi (a) il-membri permanenti tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP; (b) l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP li huma stabbiliti fit-tliet Stati Membri bl-akbar kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tas-CCP, inkluż, fejn rilevanti, il-BĊE skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (7); u (c) il-banek ċentrali tal-ħruġ tal-muniti l-aktar rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji ikklerjati. It-tieni nett, l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa emendat biex jispeċifika li fejn il-BĊE huwa membru tal-kulleġġ bis-saħħa tad-diversi punti tal-Artikolu 18(2) tal-istess Regolament, għandu jkollu massimu ta' żewġ voti fil-kulleġġi sa u inkluż 12-il membru; u massimu ta' tliet voti għal kulleġġi b'aktar minn 12-il membru (8).

2.   Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ fir-rigward ta' ċerti abbozzi ta' deċiżjonijiet

2.1.

Ir-regolament propost jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissottomettu abbozzi ta' deċiżjonijiet rigward CCPs tal-Unjoni lill-banek ċentrali rilevanti li jkunu qed jintervjenu qabel ma jadottaw kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għoti u rtirar ta' awtorizzazzjoni, estensjoni ta' servizzi u rekwiżiti prudenzjali għal kontrolli tar-riskju ta' likwidità, rekwiżiti kollaterali, saldu, u approvazzjoni ta' arranġamenti ta' interoperabilità (9). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiksbu l-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ fir-rigward ta' kwalunkwe aspett ta' dawk id-deċiżjonijiet relatati mat-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja tagħhom. Fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ jipproponi emendi, l-awtorità kompetenti tista' biss tadotta d-deċiżjoni kif emendata; u fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ joġġezzjona għal abbozz ta' deċiżjoni, l-awtorità kompetenti ma tistax tadotta dik id-deċiżjoni. Bl-istess mod, ir-regolament propost jeħtieġ li fir-rigward ta' CCPs f'Livell 2 ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandha tissottometti abbozzi ta' deċiżjonijiet lill-bank ċentrali ta' ħruġ qabel ma tadotta kwalunkwe deċiżjoni rigward kontrolli ta' riskju ta' likwidità, rekwiżiti kollaterali, saldu, approvazzjoni ta' arranġamenti ta' interoperabilità, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-marġini (10). L-AETS għandha bl-istess mod tikseb il-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ fir-rigward ta' kwalunkwe aspett ta' dawk id-deċiżjonijiet relatati mat-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja tagħhom. Fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ jipproponi emendi, l-AETS tista' tadotta biss id-deċiżjoni kif emendata; u fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ joġġezzjona għal abbozz ta' deċiżjoni, l-AETS ma tistax tadotta dik id-deċiżjoni. Il-BĊE jilqa' bi sħiħ ir-rwol previst għall-banek ċentrali tal-ħruġ taħt ir-regolament propost, li jippermetti lill-membri tas-SEBĊ li jkollhom involviment sinifikanti u effettiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' rilevanza diretta għat-twettiq tal-kompiti bażiċi tas-SEBĊ taħt it-Trattati, u l-kisba tal-għan primarju tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-BĊE għandu numru ta' kummenti f'dan ir-rigward.

2.2.

L-ewwel nett, fejn ir-regolament propost jiċċara li l-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ għandu jinkiseb “fir-rigward ta' kull aspett ta' dawk id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw it-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja tagħhom”, għandu jkun enfasizzat li din il-frażi hija maħsuba biex tiċċara l-kuntest tal-politika monetarja li fiha l-bank ċentrali tal-ħruġ jwettaq ir-rwol tiegħu u l-għan li r-rwol jissodisfa. L-istess jgħodd fir-rigward tar-referenza għall-konformità ta' CCPs tal-Livell 2 ta' pajjiż terz bi kwalunkwe rekwiżiti tal-bank ċentrali tal-ħruġ “fit-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja tagħhom” (11). Din il-frażi għandha tinqara flimkien mal-premessa 7 tar-regolament propost. Għandu jiġi enfasizzat li din il-frażi mhijiex maħsuba biex tagħti diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-AETS biex tiddetermina jekk il-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ għandux jiġi mitlub jew le fuq abbozzi ta' deċiżjonijiet partikolari, u lanqas ma hija maħsuba li tagħti diskrezzjoni dwar jekk humiex segwiti emendi proposti jew oġġezzjonijiet għall-abbozz tad-deċiżjoni mill-bank ċentrali tal-ħruġ. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-Eurosistema tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa biex tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja. Dan ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (12) u huwa imperattiv biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-BĊE u l-BĊNi, skont l-Artikolu 130 tat-Trattat. Fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, għandha tiżdied premessa ġdida mar-regolament propost biex tirrifletti dan il-punt.

2.3.

It-tieni nett, fir-rigward ta' liema abbozzi ta' deċiżjonijiet għandhom ikunu suġġetti għall-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ, il-BĊE jikkunsidra li r-regolament propost għandu jiżgura l-involviment tal-bank ċentrali tal-ħruġ rigward ċerti aspetti ewlenin ulterjuri tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP. Il-BĊE jikkunsidra li fir-rigward kemm tal-Unjoni kif ukoll CCPs ta' pajjiżi terzi, il-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ għandu wkoll ikun meħtieġ rigward abbozzi ta' deċiżjonijiet meħuda dwar rekwiżiti tal-marġini tas-CCP (Artikolu 41). Dan huwa importanti għall-bank ċentrali tal-ħruġ minħabba r-rabtiet kruċjali bejn il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, li huwa fil-qalba tal-fokus tal-bank ċentrali tal-ħruġ u l-proċessi tal-marġini applikati minn CCP. Pereżempju, l-arranġamenti dwar ġbir ta' marġni intraday għandhom effett sinifikanti fuq il-kapaċità tas-CCP li tikseb riżorsi biex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha ta' likwidità meta dawn ikunu dovuti. Proċessi u proċeduri ta' marġini, inklużi regoli dwar l-aġġustament tal-livelli tal-marġini fi żminijiet ta' stress tas-suq, jista' jkollhom ukoll implikazzjonijiet sinifikanti f'termini ta' proċikliċità: jekk ġestiti b'mod mhux xieraq, jistgħu joħolqu pressjoni serja ta' likwidità fuq membri tal-ikklerjar, li potenzjalment ifixklu l-abbiltà tal-bank ċentrali tal-ħruġ li jimplimenta l-għanijiet tal-politika monetarja tiegħu.

Barra minn hekk, ir-regolament propost għandu jipprovdi li l-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ huwa meħtieġ għal deċiżjonijiet dwar ir-reviżjoni ta' mudelli, l-ittestjar tal-istress u l-ittestjar b'lura għall-validazzjoni tal-mudelli u l-parametri adottati mis-CCP għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-marġini, tal-kontribuzzjonijiet tal-fond ta' inadempjenza, tar-rekwiżiti tal-kollateral tagħha u miżuri oħra ta' kontroll tar-riskju skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dan huwa importanti għall-bank ċentrali tal-ħruġ, peress li d-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 49 jista' jkollhom konsegwenzi diretti għall-konformità tas-CCP mar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 li fir-rigward tagħhom il-bank ċentrali tal-ħruġ għandu altrimenti jagħti l-kunsens tiegħu. Pereżempju, bidla fil-metodoloġija tas-CCP għall-ittestjar tal-istress tal-adegwatezza tar-rekwiżiti kollaterali tagħha jkollha impatt dirett fuq l-osservanza tas-CCP tal-obbligi relatati mal-kollateral skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Fid-dokument ta' ħidma tekniku separat li jakkumpanja din l-opinjoni, il-BĊE jistabbilixxi proposti speċifiċi ta' abbozzar fir-rigward tat-tipi ta' deċiżjonijiet li fuqhom għandu jkun meħtieġ il-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ.

2.4.

It-tielet nett, il-BĊE jinnota li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ċertu marġni ta' apprezzament dwar jekk bidliet proposti minn CCP għandhomx ikunu suġġetti għal deċiżjonijiet skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fir-rigward tal-estensjoni ta' attivitajiet u s-servizzi mhux koperti mill-awtorizzazzjoni inizjali, jew deċiżjonijiet skont l-Artikolu 49 dwar ir-reviżjoni ta' mudelli, l-ittestjar tal-istress u l-ittestjar b'lura. Jekk l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-bidliet proposti minn CCPs ma jinkludux l-estensjoni tan-negozju għal “servizzi jew attivitajiet addizzjonali” jew mhumiex “bidliet sinifikanti” għall-mudelli u l-parametri, dawn il-bidliet mhumiex suġġetti għal deċiżjonijiet skont l-Artikoli 15 u 49 rispettivament. Sabiex tinbena kultura superviżorja komuni tal-Unjoni u jiġu żgurati prattiki superviżorji konsistenti, l-AETS reċentement ippubblikat opinjoni (13) dwar l-indikaturi komuni għal prodotti u servizzi addizzjonali skont l-Artikolu 15 u għal bidliet sinifikanti skont l-Artikolu 49. Il-BĊE huwa tal-fehma li l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-opinjoni tal-AETS se tkun essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-kunsens tal-banek ċentrali rilevanti tal-ħruġ ikun imfittex fil-każijiet kollha fejn tali kunsens huwa meħtieġ. Għalhekk, il-BĊE jipproponi li l-gwida pprovduta mill-AETS dwar l-interpretazzjoni ta' dawn l-artikoli għandha ssir vinkolanti. Għal dan il-għan, l-AETS għandha tiżviluppaha bħala abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, li l-Kummissjoni għandha mbagħad tadotta fil-forma ta' att delegat. Għal dan il-għan, il-BĊE jistabbilixxi proposti ta' abbozzar speċifiċi fid-dokument ta' ħidma tekniku separat li jakkumpanja din l-opinjoni.

3.   Reviżjoni u evalwazzjoni

3.1.

Ir-regolament propost jemenda l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, biex jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti, b'kooperazzjoni mal-AETS, għandhom jirrevedu l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati minn CCPs biex jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 648/2012, u jiġu evalwati r-riskji li s-CCPs huma, jew jistgħu jkunu, esposti għalihom. L-Artikolu 21 emendat jipprovdi wkoll li s-CCPs ikunu suġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post li fihom il-persunal tal-AETS għandu jiġi mistieden jipparteċipa. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti hija obbligata tgħaddi lill-AETS kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand is-CCPs u titlob mingħand is-CCP rilevanti kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-AETS li ma tistax tipprovdi.

3.2.

Il-proċess ta' analiżi u evalwazzjoni, kif emendat bir-regolament propost, iservi l-għan ewlieni li jiżgura li s-CCPs jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fuq bażi kontinwa. Il-BĊE jikkunsidra li l-konsultazzjoni tal-bank ċentrali tal-ħruġ fil-proċess ta' reviżjoni u evalwazzjoni, fejn meqjus meħtieġ mill-awtorità kompetenti biex jiġi żgurat li l-bank ċentrali tal-ħruġ ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu taħt ir-regolament propost, tkun korollarju importanti għar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 21a(2). Il-kapaċità li jikkontribwixxi għar-reviżjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, f'kooperazzjoni mal-AETS, tippermetti lill-bank ċentrali tal-ħruġ li jiżgura li s-CCPs mhumiex qed jiġġeneraw riskji għat-twettiq tal-kompiti bażiċi tal-Eurosistema taħt it-Trattati, u li jintlaħaq l-għan ewlieni tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

3.3.

Fid-dokument ta' ħidma tekniku separat li jakkumpanja din l-opinjoni, il-BĊE jistabbilixxi proposti speċifiċi ta' abbozzar rigward il-konsultazzjoni tal-bank ċentrali tal-ħruġ fil-proċess ta' reviżjoni u evalwazzjoni taħt l-Artikolu 21.

4.   Ir-rwol konsultattiv tal-BĊE fir-rigward ta' abbozz ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni

4.1.

Ta' min ifakkar li l-abbozzi ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jikkwalifikaw bħala “atti proposti tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat. Kemm l-atti ddelegati kif ukoll dawk ta' implimentazzjoni jikkostitwixxu atti legali tal-Unjoni. Il-BĊE għandu jiġi kkonsultat fil-ħin dovut dwar kwalunkwe abbozzi ta' atti tal-Unjoni, inklużi abbozzi ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni, li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tiegħu. L-obbligu li l-BĊE jiġi kkonsultat ġie ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea f'Il-Kummissjoni vs Il-BĊE (14) b'referenza għall-funzjonijiet u l-għarfien espert tal-BĊE. Fid-dawl tal-fatt li infrastrutturi siguri u effiċjenti tas-suq finanzjarju, b'mod partikolari sistemi tal-ikklerjar għal strumenti finanzjarji, huma essenzjali għat-twettiq tal-kompiti bażiċi tas-SEBĊ taħt l-Artikolu 127(2) tat-Trattat, u l-insegwiment tal-għan ewlieni tiegħu li jżomm l-istabilità tal-prezzijiet taħt l-Artikolu 127(1) tat-Trattat, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat debitament dwar atti ddelegati u ta' implimentazzjoni adottati taħt ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Waqt li l-obbligu li l-BĊE jiġi kkonsultat huwa dderivat direttament mit-Trattat, sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza, dan ir-rekwiżit għandu jkun rifless ukoll fi premessa tar-regolament propost. Waqt li jikkunsidra l-importanza ta' abbozzi ta' standards tekniċi bħala parti mill-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, il-BĊE ser jeżerċita r-rwol konsultattiv tiegħu fuq kwistjonijiet fil-kompetenza tal-BĊE wara li jqis bis-sħiħ l-iskedi ta' żmien għall-adozzjoni ta' dawn l-atti u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-adozzjoni mingħajr xkiel tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni (15).

4.2.

Barra minn hekk, fir-rigward ta' għadd ta' elementi tar-regolament propost, flimkien mal-konsultazzjoni tal-BĊE, l-involviment, fi stadju bikri, tal-membri relevanti tas-SEBĊ, fl-iżvilupp ta' abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni, atti ddelegati u ta' implimentazzjoni jistgħu jkunu partikolarment utli, u għandu jkun hemm provvediment speċifiku għalihom.

4.3.

L-ewwel nett, diversi dispożizzjonijiet tar-regolament propost jirreferu għar-rwol tal-bank ċentrali tal-ħruġ. Kif innutat fil-paragrafu 2, dawn jinkludu sitwazzjonijiet fejn il-kunsens tal-bank ċentrali tal-ħruġ huwa meħtieġ għal ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-AETS. Barra minn hekk, issir referenza għal fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ irid jipprovdi lill-AETS b'konferma bil-miktub li CCP ta' Livell 2 ta' pajjiż terz jikkonforma ma' kwalunkwe rekwiżit impost minn dak il-bank ċentrali tal-ħruġ (16), u fejn l-AETS tikkonkludi, bi ftehim mal-bank ċentrali rilevanti ta' kwistjoni, li CCP hija ta' “importanza sistemika sostanzjali” (17). Sabiex jiġi ddeterminat liema bank ċentrali tal-ħruġ għandu jipparteċipa, ir-regolament propost fih referenzi għall-Artikolu 18(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li jispeċifika li l-kulleġġ jikkonsisti minn “banek ċentrali ta' emissjoni tal-muniti l-aktar rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji kklerjati”. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, abbażi ta' abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-AETS, li jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom il-muniti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 18(2)(h) għandhom jitqiesu bħala l-aktar rilevanti. Għaldaqstant, fl-2013 hija adottat r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2013 (18), li issa jista' jkollu bżonn li jiġi rrivedut u aġġornat, biex jiżgura involviment xieraq tal-banek ċentrali tal-ħruġ tal-muniti tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, wara li titqies l-influwenza li jista' jkollu tfixkil fit-tħaddim tas-CCPs fuq dawk il-muniti. L-iżvilupp ta' abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji mill-AETS għal dan il-għan għandu jitwettaq f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri rilevanti tas-SEBĊ. Barra minn hekk, l-att delegat għandu jiġi adottat biss wara konsultazzjoni formali mal-BĊE. Il-BĊE jissuġġerixxi wkoll li, fl-interess taċ-ċertezza legali, referenza għall-Artikolu 18(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha wkoll tiġi introdotta fid-dispożizzjonijiet tar-regolament propost li jirreferu biss għall-“bank ċentrali tal-ħruġ rilevanti”.

4.4.

It-tieni nett, ir-regolament propost jintroduċi l-Artikolu 25(2a) ġdid li jipprovdi li l-AETS tiddetermina jekk CCP ta' pajjiż terz huwiex importanti sistemikament jew x'aktarx li jkun importanti sistematikament għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew għal wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha msejħa “CCP tal-Livell 2”. Jiddeskrivi l-kriterji li l-AETS għandha tqis meta tagħmel id-determinazzjoni tagħha u tipprovdi li l-Kummissjoni tadotta att delegat biex tispeċifika aktar dawn il-kriterji. Sabiex jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-banek ċentrali tal-ħruġ fl-elaborazzjoni tal-kriterji rilevanti, l-iżvilupp ta' dan l-att delegat mill-Kummissjoni għandu jitwettaq f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri rilevanti tas-SEBĊ.

5.   CCPs ta' pajjiżi terzi ta' “importanza sistemika sostanzjali”

Ir-regolament propost jintroduċi l-Artikolu 25(2c) ġdid, li jistabilixxi li l-AETS “bi ftehim” mal-banek ċentrali rilevanti tal-ħruġ kwistjoni tista' tikkonkludi li CCP hija ta' importanza sistemika sostanzjali tali li m'għandhiex tiġi rikonoxxuta. Il-BĊE jifhem li “bi ftehim” tfisser li l-AETS ma tistax, mingħajr ma tkun kisbet l-ewwel l-approvazzjoni tal-banek ċentrali rilevanti ta' ħruġ, tirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta att implimentattiv li jikkonferma li dik is-CCP m'għandhiex tiġi rrikonoxxuta

6.   Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn is-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP u l-kulleġġi superviżorji

Il-BĊE jinnota li s-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP ma tinkludix il-membri kollha tal-kulleġġi superviżorji, u ma tinkludix il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Il-kulleġġ superviżorju jikkonsisti mhux biss mill-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw is-CCP, iżda wkoll mis-superviżuri tal-entitajiet li fuqhom jista' jkollhom impatt l-operazzjonijiet ta' dik is-CCP, b'mod partikolari membri tal-ikklerjar magħżula, postijiet tan-negozju, CCP interoperabbli u depożitarji ċentrali ta' titoli. Il-BERS huwa responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-BERS u l-membri tal-kulleġġ superviżorju li mhumiex ukoll membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP jkollhom l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa għall-iskop li jwettqu l-kompiti tagħhom, huwa kruċjali li jkun hemm obbligu li tkun skambjata informazzjoni bejn is-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP u l-BERS u l-membri l-oħra tal-kulleġġ superviżorju li mhumiex membri tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP L-informazzjoni skambjata mal-BERS u l-kulleġġ superviżorju għandha tkun kompluta, u għandha tinkludi l-informazzjoni disponibbli għas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP li hija meħtieġa għall-BERS u l-membri tal-kulleġġ superviżorju biex iwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom. Bl-istess mod, informazzjoni dwar CCPs ta' pajjiżi terzi għandha tiġi skambjata mal-BERS u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti elenkati fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn dan ikun meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tagħhom.

7.   Il-BĊE bħala membru li ma jivvotax tal-Bord tas-Superviżuri tal-AETS

Il-BĊE jinnota li r-regolament propost jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) biex jinkludi l-Kap u d-Diretturi tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP bħala membri mingħajr vot tal-Bord tas-Superviżuri tal-AETS (20). Il-BĊE jilqa' bis-sħiħ dan l-arranġament li jiżgura li l-linji gwida, rakkomandazzjonijiet u strumenti prattiċi oħra u għodod ta' konverġenza żviluppati mill-Bord tas-Superviżuri tal-AETS iqisu l-perspettiva u l-kompetenza tal-Kap u d-Diretturi tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP. Madankollu, il-BĊE jikkunsidra li huwa vitali wkoll li l-BĊE jiġi inkluż bħala membru li ma jivvutax tal-Bord tas-Superviżuri tal-AETS, biex jiżgura kooperazzjoni, koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni effettivi bejn banek ċentrali u awtoritajiet superviżorji, u biex jiġi żgurat li l-linji gwida, rakkomandazzjonijiet u strumenti prattiċi oħra u għodod ta' konverġenza żviluppati mill-Bord tas-Superviżuri tal-AETS iqisu l-perspettiva u l-kompetenza tal-BĊE (21). Dan huwa rilevanti mhux biss fir-rigward tas-CCPs, imma fir-rigward ta' parteċipanti oħra tas-suq finanzjarju, inklużi depożitarji tat-titoli ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, il-BĊE jirrakkomanda li għandu jsir membru wkoll li ma jivvotax tal-Bord tas-Superviżuri tal-AETS.

8.   Interazzjoni mar-regolament propost dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali

Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-memorandum ta' spjegazzjoni mal-proposta li l-aġġustamenti u t-tisħiħ għas-superviżjoni għandhom ukoll ikunu riflessi b'mod xieraq fir-regolament propost dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCPs. Il-BĊE jaqbel li jistgħu jkunu meħtieġa modifiki mmirati biex iqisu r-rwol il-ġdid tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP fil-kulleġġi taħt ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u sussegwentement fil-kulleġġi tar-riżoluzzjoni. Il-BĊE jara mertu fil-promozzjoni tal-konsistenza u l-interazzjoni effettiva tal-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni fis-CCPs, u fil-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tal-implikazzjonijiet ta' riskju aggregat tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni. Il-BĊE jagħti l-appoġġ tiegħu jekk waqt il-finalizzazzjoni tar-regolament propost, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iqisu rwol potenzjali fis-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP f'dan il-kuntest (22).

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta' Ottubru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2017) 331 finali.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(3)  COM (2016) 856 finali.

(4)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(5)  Rakkomandazzjoni BĊE/2017/18 tat-22 ta' Ġunju 2017 għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 212, 1.7.2017, p. 14).

(6)  Ara l-paragrafu 2.1.2 tal-Opinjoni CON/2017/38 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Settembru 2017 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365, li għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. L-opinjonijiet kollha tal-BCE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu. Ara wkoll r-risposta tal-BĊE għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), li għandu d-data tat-2 ta' Settembru 2015, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(7)  Ara l-Artikolu 2(3) tar-regolament propost.

(8)  Ara l-Artikolu 2(4) tar-regolament propost.

(9)  L-Artikolu 2(7) tar-regolament propost ijżid l-Artikolu 21a(2) ġdid.

(10)  L-Artikolu 2(10) tar-regolament propost jżid l-Artikolu 25b(2) ġdid.

(11)  L-Artikolu 2(9) tar-regolament propost jintroduċi l-Artikolu 25(2b)(b) ġdid.

(12)  Punt 68 tal-kawża Gauweiler et, C-62/14, ECLI:EU:C:2015:400; u l-punt 68 tal-kawża Accorinti et vs BĊE, T-79/13, ECLI:EU:T:2015:756.

(13)  Opinjoni tal-AETS tal-15 ta' Novembru 2016 dwar indikaturi komuni għal prodotti u servizzi ġodda skont l-Artikolu 15 u għal bidliet sinifikanti skont l-Artikolu 49 tal-EMIR (ESMA/2016/1574), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-AETS: www.esma.europa.eu

(14)  Il-Kummissjoni vs Il-BĊE, C-11/00, ECLI:EU:C:2003:395, b'mod partikolari l-punti 110 u 111. Fil-punt 110, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat illi l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE “essenzjalment huwa intiż […] sabiex jiżgura li l-awtur ta' tali att jadottah biss wara li l-korp ikun ġie kkonsultat, li, permezz tal-funzjonijiet speċifiċi li huwa jeżerċita fil-kuntest Komunitarju fil-qasam ikkonċernat u permezz tal-grad għoli ta' espertezza li huwa jgawdi minnha, partikolarment jista' utilment jikkontribwixxi għall-proċess ta' adozzjoni previst”.

(15)  Ara l-paragrafu 2 tal-Opinjoni CON/2015/10, il-paragrafu 2 tal-Opinjoni CON/2012/77, il-paragrafu 4 tal-Opinjoni CON/2012/5, il-paragrafu 8 tal-Opinjoni CON/2011/44 u l-paragrafu 4 tal-Opinjoni CON/2011/42.

(16)  L-Artikolu 2(9) tar-regolament propost jintroduċi l-Artikolu 25(2b)(b) ġdid.

(17)  Artikolu 2(9) tar-regolament propost jintroduċi l-Artikolu 25(2c) ġdid.

(18)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2013 tat-28 ta' Mejju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 244, 13.9.2013, p. 19).

(19)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(20)  L-Artikolu 1(4) tar-regolament propost iżid punt (f) ġdid mal-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(21)  Ara l-Opinjoni CON/2010/5. Ara wkoll il-kontribuzzjoni tal-BĊE għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar operazzjonijiet tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropea, ippubblikata fis-7 ta' Lulju 2017, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(22)  Ara l-paragrafu 1.4 tal-Opinjoni CON/2017/38.


Top