EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020HB0019

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2020 dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (BĊE/2020/19) 2020/C 102 I/01

OJ C 102I, 30.3.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 102/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Marzu 2020

dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1

(BĊE/2020/19)

(2020/C 102 I/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jkomplu jwettqu l-irwol tagħhom li jiffinanzjaw lill-unitajiet domestiċi, l-impriżi żgħar u medji u l-korporazzjonijiet waqt ix-xokk ekonomiku marbut mal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID 19). Għal dan il-għan, huwa għalhekk essenzjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkonservaw il-kapital sabiex jappoġġaw lill-ekonomija f’ambjent ta’ inċertezza akbar ikkawżata minn COVID 19. Għal dan il-għan, ir-riżorsi kapitali biex tiġi appoġġata l-ekonomija reali u biex jiġi assorbit it-telf għandu jieħu prijorità fil-preżent fuq distribuzzjonijiet diskrezzjonali ta’ dividendi u xiri lura ta’ ishma.

(2)

Għalhekk, il-BĊE jikkunsidra li huwa xieraq li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti joqogħdu lura milli jiddistribwixxu dividendi u jwettqu xiri lura ta’ ishma bil-għan li jagħtu remunerazzjoni lill-azzjonisti matul il-perijodu tax-xokk ekonomiku relatat mal-COVID-19. Minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali r-Rakkomandazzjoni (BĊE/2020/1) tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) għandha titħassar.

(3)

Sabiex jiġi massimizzat l-appoġġ lill-ekonomija reali, huwa kkunsidrat xieraq ukoll li d-distribuzzjonijiet diskrezzjonali ta’ dividendi lanqas m’għandhom isiru minn istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinifikanti,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

1.

Il-BĊE jirrakkomanda li tal-anqas sal-1 ta’ Ottubru 2020 l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jħallsu l-ebda dividend (3) u ma jidħlu għal ebda impenn irrevokabbli biex iħallsu dividendi għas-sena finanzjarja 2019 u 2020 u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joqogħdu lura minn xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti.

2.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jistgħux jikkonformaw ma’ din ir-Rakkomandazzjoni għaliex iqisu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi għandhom jispjegaw minnufih ir-raġunijiet sottostanti lit-tim superviżorju konġunt tagħhom.

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4) u fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17), jekk dik l-entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni.

II.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u lill-gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punti (16) u (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17).

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-awtoritajiet nominati fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punti (7) u (23) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jidhrilhom li huwa xieraq.

IV.

Il-BĊE għandu jkompli jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika u jikkunsidra jekk huwiex rakkomandabbli li jkun hemm sospensjoni ulterjuri tad-dividendi wara l-1 ta’ Ottubru 2020.

V.

Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew hija b’dan imħassra.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 27 ta’ Marzu 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Jannar 2020 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (ĠU C 30, 29.1.2020, p. 1).

(3)  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpaniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproċi, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-Rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ħlas fi flus kontanti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-assemblea ġenerali.

(4)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17),


Top