EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019O0011

Linja Gwida (UE) 2019/1032 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Mejju 2019 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2019/11)

OJ L 167, 24.6.2019, p. 64–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2019/1032/oj

24.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/64


LINJA GWIDA (UE) 2019/1032 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' Mejju 2019

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2019/11)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, u 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba ta' politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-għodda, l-istrumenti u l-proċeduri li għandhom jintużaw mill-Eurosistema sabiex dik il-politika tiġi implimentata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1) għandha tiġi emendata sabiex tinkludi aġġustamenti tekniċi u editorjali meħtieġa relatati ma' ċerti aspetti ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja.

(3)

Bl-għan li tissaħħaħ it-trasparenza tal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema, id-definizzjoni ta' aġenziji bħala emittenti jew garanti ta' strumenti tad-dejn għandha tiġi ċċarata iktar.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), adottat fit-12 ta' Diċembru 2017, jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u joħloq qafas għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata. Il-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema għandu jiġi rivedut sabiex jitqiesu l-karatteristiċi rilevanti ta' (a) ir-rekwiżiti ta' żvelar stabbiliti f'dak ir-Regolament b'rabta mad-dejta fuq il-kwalità tal-kreditu u l-prestazzjoni ta' skoperturi sottostanti, u (b) id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament rigward ir-reġistrazzjoni ta' repożitorji ta' titolizzazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(5)

Biex tivvaluta l-kwalità tal-kreditu ta' assi pprovduti bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu, l-Eurosistema tqis informazzjoni minn sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu. F'dan il-kuntest, l-użu ta' fornituri terzi ta' għodda ta' klassifikazzjoni (RT) bħala wieħed mis-sorsi aċċettati ta' valutazzjoni tal-kreditu għandu jieqaf biex tonqos il-kumplessità tal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema u biex tonqos id-dipendenza tal-Eurosistema fuq valutazzjonijiet esterni tal-kreditu.

(6)

L-Eurosistema taċċetta bħala kollateral ċerti strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġa jew garantiti minn banek ta' żvilupp multilaterali u organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-kriterji għar-rikonoxximent ta' entitajiet bħala banek ta' żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu ssimplifikati sabiex tonqos il-kumplessità tal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema.

(7)

L-Eurosistema taċċetta bħala kollateral ċerti pretensjonijiet ta' kreditu. Il-kriterji ta' eliġibbiltà għal dawn il-pretensjonijiet ta' kreditu jeħtieġu li jiġu emendati sabiex tonqos il-kumplessità u tiġi żgurata l-konsistenza tal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema. B'mod partikolari, l-Eurosistema mhijiex se tibqa' tiddistingwi bejn pretensjonijiet ta' kreditu b'rata varjabbli li għandhom limiti massimi jew limiti minimi introdotti mal-ħruġ u wara l-ħruġ. Bl-istess mod, l-Eurosistema mhijiex se tibqa' tiddistingwi bejn il-pretensjonijiet ta' kreditu b'rata varjabbli b'rata ta' referenza marbuta mar-rendiment ta' bonds tal-gvern ibbażata fuq il-maturità tal-bonds tal-gvern. Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-pretensjonijiet ta' kreditu mhumiex eliġibbli jekk l-aktar fluss ta' flus kontanti riċenti tagħhom kien negattiv. Barra minn hekk, għandu jiġi introdott limitu minimu għall-eliġibbiltà ta' pretensjonijiet ta' kreditu domestiċi sabiex jiġi armonizzat aktar l-użu ta' pretensjonijiet ta' kreditu bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema.

(8)

L-assi kollha eliġibbli għall-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosostema huma soġġetti għal regoli ta' valutazzjoni u miżuri speċifiċi ta' kontroll tar-riskju li jipproteġu lill-Eurosistema minn telf finanzjarju f'ċirkustanzi fejn il-kollateral tagħha jkollu jiġi realizzat minħabba avveniment ta' inadempjenza ta' kontroparti. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Eurosistema tassenja valur lil assi mhux negozjabbli bbażat fuq l-ammont pendenti ta' dawn l-assi.

(9)

L-Eurosistema taċċetta bħal kollateral bonds koperti maħruġa, dovuti jew iggarantiti mill-kontroparti jew minn entità marbuta mill-qrib magħha, diment li dawn il-bonds koperti jissodisfaw ċerti kriterji. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Eurosistema tiċċara aktar il-kriterji biex dawn il-bonds koperti jiġu aċċettati bħala kollateral.

(10)

Għandhom isiru emendi oħrajn, ta' natura minuri, fl-interess taċ-ċarezza, inkluż fir-rigward tal-ammont li jrid jiġi kollateralizzat f'operazzjonijiet li jipprovdu likwidità, l-iskadenza għat-talba ta' aċċess għall-faċilitajiet permanenti u r-restrizzjonijiet ġeografiċi li jirrigwardaw titoli ggarantiti b'assi u assi li jiġġeneraw flussi ta' flus.

(11)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandha tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(2)

‘aġenzija’ tfisser entità li hija stabbilita fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u li jew tinvolvi ruħha f'ċerti attivitajiet ta' ġid komuni mwettqa f'livell nazzjonali jew reġjonali jew taqdi l-ħtiġijiet ta' finanzjament tagħhom, u li l-Eurosistema tkun ikklassifikat bħala aġenzija. Il-lista ta' entitajiet ikklassifikati bħala aġenziji għandha tkun ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE u għandha tispeċifika jekk il-kriterji kwantitattivi għal finijiet ta' haircuts ta' valutazzjoni stabbiliti fl-Anness XIIa humiex issodisfati fir-rigward ta' kull entità;”;

(b)

jiddaħħlu l-punti (26a) u (26b) li ġejjin:

“(26a)

‘data tal-attivazzjoni tar-rapportar tal-ESMA’ tfisser l-ewwel jum li fih kemm (a) repożitorju tat-titolizzazzjoni ġie rreġistrat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u għaldaqstant isir repożitorju tat-titolizzazzjoni tal-ESMA kif ukoll (b) l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni rilevanti, fil-format ta' mudelli standardizzati, ġew adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u saru applikabbli;

(26b)

“repożitorju tat-titolizzazzjoni tal-ESMA” tfisser repożitorju ta' titolizzazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 2(23) tar-Regolament (UE) 2017/2402, li huwa rreġistrat mal-ESMA skont l-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament;

(*1)  Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).”;"

(c)

jiddaħħal il-punt (31a) li ġej:

“(31a)

‘repożitorju indikat mill-Eurosistema’ tfissel entità indikata mill-Eurosistema skont l-Anness VIII u li tkompli tissodisfa r-rekwiżiti għall-indikazzjoni stabbiliti f'dak l-Anness;”;

(d)

jiddaħħal il-punt (50a) li ġej:

“(50a)

‘repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self’ tfisser repożitorju tat-titolizzazzjoni tal-ESMA jew repożitorju indikat mill-Eurosistema;”;

2.

fl-Artikolu 15(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

jiżguraw kollateralizzazzjoni adegwata tal-operazzjoni sal-maturità tagħha; il-valur tal-assi mobilizzati bħala kollateral għandu jkopri fi kwalunkwe ħin l-ammont totali pendenti tal-operazzjoni li tipprovdi likwidità inkluż l-imgħax akkumulat matul il-perijodu tal-operazzjoni. Jekk l-imgħax jakkumula b'rata pożittiva, l-ammont applikabbli għandu jingħadd kuljum mal-ammont totali pendenti tal-operazzjoni li tipprovdi likwidità u jekk jakkumula b'rata negattiva, l-ammont applikabbli għandu jitnaqqas kuljum mill-ammont totali pendenti tal-operazzjoni li tipprovdi likwidità;”;

3.

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Kontroparti tista' tibgħat talba lill-BĊN domestiku tagħha għal aċċess għall-faċilità tas-self marġinali. Sakemm it-talba tiġi riċevuta mill-BĊN domestiku sa mhux aktar tard minn 15-il minuta wara l-ħin tal-għeluq ta' TARGET2, il-BĊN għandu jipproċessa t-talba fl-istess jum f'TARGET2. L-iskadenza biex jintalab l-aċċess għall-faċilità tas-self marġinali għandha tiġi posposta bi 15-il minuta addizzjonali fl-aħħar jum tax-xogħol tal-Eurosistema ta' perijodu ta' żamma ta' riżerva. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Eurosistema tista' tiddeċiedi li tapplika skadenzi aktar tard. It-talba għal aċċess għall-faċilità ta' self marġinali għandha tispeċifika l-ammont ta' kreditu meħtieġ. Il-kontroparti għandha tikkonsenja assi eliġibbli suffiċjenti bħala kollateral għat-tranżazzjoni, ħlief jekk dawk l-assi jkunu diġà ġew iddepożitati minn qabel mill-kontroparti mal-BĊN domestiku skont l-Artikolu 18(4).”;

4.

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Sabiex tingħata aċċess għall-faċilità ta' depożitu, il-kontroparti għandha tibgħat talba lill-BĊN domestiku tagħha. Sakemm it-talba tiġi riċevuta mill-BĊN domestiku sa mhux aktar tard minn 15-il minuta wara l-ħin tal-għeluq ta' TARGET2, il-BĊN domestiku għandu jipproċessa t-talba fl-istess jum f'TARGET2. L-iskadenza biex jintalab l-aċċess għall-faċilità ta' depożitu għandha tiġi posposta bi 15-il minuta addizjonali fl-aħħar jum tax-xogħol tal-Eurosistema ta' perijodu ta' żamma ta' riżerva. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Eurosistema tista' tiddeċiedi li tapplika skadenzi aktar tard. It-talba għandha tispeċifika l-ammont li għandu jiġi ddepożitat taħt din il-faċilità.”;

5.

fl-Artikolu 59, il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“4.   L-Eurosistema għandha tippubblika informazzjoni dwar il-passi tal-kwalità tal-kreditu fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fil-forma tal-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, inkluż l-immappjar tal-valutazzjonijiet tal-kreditu, ipprovduti mill-istituzzjonijiet esterni tal-valutazzjoni tal-kreditu aċċettati (ECAIs), għall-passi tal-kwalità tal-kreditu.

5.   Fil-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità ta' kreditu, l-Eurosistema tikkunsidra l-informazzjoni tal-valutazzjoni tal-kreditu mis-sistemi tal-valutazzjoni tal-kreditu li jappartjenu għal wieħed minn tliet sorsi skont it-Titolu V tal-Parti Erbgħa.”;

6.

fl-Artikolu 69, il-paragrafu 2 huwa mħassar;

7.

fl-Artikolu 70, jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Għal strumenti tad-dejn maħruġa jew iggarantiti minn aġenziji, l-emittent jew il-garanti għandu jkun stabbilit fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro.”;

8.

fl-Artikolu 73, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sabiex l-ABSs ikunu eliġibbli, l-assi kollha li jiġġeneraw fluss ta' flus li jiggarantixxu l-ABSs għandhom ikunu omoġenji, jiġifieri għandu jkun possibbli li jiġu rrapportati skont wieħed mit-tipi ta' mudelli dwar il-livell ta' self imsemmija fl-Anness VIII, li għandu jkun relatat ma' wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ipoteki residenzjali;

(b)

self lil impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

(c)

self għax-xiri ta' karozzi;

(d)

self għal finanzjament tal-konsumatur;

(e)

ammonti riċevibbli għal kiri;

(f)

ammonti riċevibbli fuq kard ta' kreditu.”;

9.

L-Artikolu 74 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, fiduċjarju ta' ipoteka jew fiduċjarju ta' riċevibbli għandhom jitqiesu bħala intermedjarju.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Id-debituri u l-kredituri tal-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus għandhom ikunu inkorporati, jew, jekk ikunu persuni fiżiċi, għandhom ikunu residenti fiż-ŻEE. Debituri li huma persuni fiżiċi kellhom ikunu residenti fiż-ŻEE meta oriġinaw l-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus. Kull titolu relatat għandu jinsab fiż-ŻEE u l-liġi li tirregola l-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus għandha tkun il-liġi ta' pajjiż fiż-ŻEE.”;

10.

L-Artikolu 78 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Dejta komprensiva u standardizzata fil-livell ta' self dwar l-aggregazzjoni ta' assi li jiġġeneraw fluss ta' flus li jiggarantixxu ABSs għandha tkun disponibbli skont il-proċeduri stipulati fl-Anness VIII, li jinkludi informazzjoni dwar il-punteġġ tal-kwalità tad-dejta meħtieġ u r-rekwiżiti għar-repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self. Fil-valutazzjoni tagħha tal-eliġibbiltà, l-Eurosistema tqis: (a) kull nuqqas li tiġi kkonsenjata d-dejta; u (b) il-frekwenza li biha jinstab li l-oqsma ta' dejta individwali dwar il-livell ta' self ma fihom ebda dejta sinifikanti.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Minkejja l-valuri meħtieġa tal-punteġġ stipulati fl-Anness VIII fir-rigward ta' dejta tal-livell ta' self, l-Eurosistema tista' taċċetta bħala kollateral titoli ggarantiti b'assi b'punteġġ inqas mill-valur tal-punteġġ meħtieġ (A1), fuq bażi ta' każ b'każ u soġġett għall-għoti ta' spjegazzjonijiet adegwati għan-nuqqas li jiġi akkwistat il-punteġġ meħtieġ. Għal kull spjegazzjoni adegwata, l-Eurosistema għandha tispeċifika livell massimu ta' tolleranza u orizzont ta' tolleranza, kif speċifikat ulterjorment fis-sit elettroniku tal-BĊE. L-orizzont ta' tolleranza għandu jindika l-perijodu ta' żmien li matulu l-kwalità tad-dejta għal-ABSs trid titjieb.”;

11.

L-Artikolu 81a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

strumenti ta' dejn maħruġa minn aġenziji,”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa mħassar;

12.

L-Artikolu 90 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 90

Ammont prinċipali u kupuni tal-pretensjonijiet ta' kreditu

Sabiex ikunu eliġibbli, il-pretensjonijiet ta' kreditu għandhom jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandhom ammont prinċipali fiss u mingħajr kundizzjoni sal-fidi finali; u

(b)

rata tal-imgħax li, sal-fidi finali, għandha tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

“kupun żero”;

(ii)

fissa;

(iii)

varjabbli, jiġifieri marbuta ma' rata ta' imgħax ta' referenza u bl-istruttura li ġejja: rata tal-kupun = rata ta' referenza ± x, b'f ≤ rata tal-kupun ≤ c, fejn:

ir-rata ta' referenza hija biss waħda minn dawn li ġejjin f'punt wieħed fiż-żmien:

rata tas-suq tal-flus tal-euro, eż. Euribor, LIBOR jew indiċijiet simili;

rata ta' swap b'maturità kostanti, eż. CMS, EIISDA, EUSA;

ir-rendiment ta' bond tal-gvern taż-żona tal-euro jew indiċi ta' diversi bonds tal-gvern taż-żona tal-euro;

f (limitu minimu), c (limitu massimu), jekk huma preżenti, u x (marġini) huma numri li jew huma definiti minn qabel fl-oriġini jew jistgħu jinbidlu tul il-ħajja tal-pretensjoni ta' kreditu; f u/jew c jistgħu jiġu introdotti wkoll wara l-oriġini tal-pretensjoni ta' kreditu; u

(c)

l-aktar fluss ta' flus riċenti tagħhom ma kienx negattiv. Jekk iseħħ fluss ta' flus negattiv, il-pretensjoni ta' kreditu mhijiex eliġibbli minn dak il-mument. Tista' ssir eliġibbli mill-ġdid wara fluss ta' flus li mhuwiex negattiv, diment li tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti l-oħrajn kollha.”;

13.

L-Artikolu 93 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 93

Daqs minimu tal-pretensjonijiet ta' kreditu

Għall-użu domestiku, il-pretensjonijiet ta' kreditu għandhom, fil-ħin tal-preżentazzjoni tagħhom bħala kollateral mill-kontroparti, jilħqu limitu tad-daqs minimu ta' EUR 25 000, jew kwalunkwe ammont ogħla li jista' jiġi stabbilit mill-BĊN domestiku. Għal użu transkonfinali, għandu japplika l-limitu tad-daqs minimu ta' EUR 500 000.”;

14.

fl-Artikolu 95, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Id-debituri u l-garanti tal-pretensjonijiet ta' kreditu eliġibbli għandhom ikunu korporazzjonijiet mhux finanzjarji, entitajiet tas-settur pubbliku (minbarra korporazzjonijiet finanzjarji pubbliċi), banek tal-iżvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali.”;

15.

L-Artikolu 100 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 100

Verifiki tal-proċeduri użati għas-sottomissjoni ta' pretensjonijiet ta' kreditu

Il-BĊNi, jew superviżuri jew awdituri esterni għandhom iwettqu verifika ta' darba dwar l-adegwatezza tal-proċeduri użati mill-kontroparti għas-sottomissjoni tal-informazzjoni dwar pretensjonijiet ta' kreditu għall-Eurosistema. F'każ ta' bidliet sostanzjali f'dawn il-proċeduri, tista' ssir verifika ta' darba ġdida ta' dawk il-proċeduri.”;

16.

fl-Artikolu 107a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-DECCs għandu jkollhom ammont prinċipali fiss u mingħajr kundizzjoni u struttura ta' kupuni li tikkonforma mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 63. L-aggregazzjoni tal-kopertura għandha tinkludi biss pretensjonijiet ta' kreditu li għalihom ikun hemm disponibbli jew:

(a)

mudell speċifiku ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self tad-DECC tal-BĊE; jew inkella;

(b)

mudell ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self ta' ABS skont l-Artikolu 73.”

17.

L-Artikolu 107e huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fil-livell tal-pretensjonijiet ta' kreditu individwali sottostanti, dejta komprensiva u standardizzata tal-livell tas-self dwar l-aggregazzjoni ta' pretensjonijiet ta' kreditu sottostanti għandha tkun disponibbli skont il-proċeduri u soġġett għall-istess kontrolli applikabbli għall-assi li jiġġeneraw flussi ta' flus li jiggarantixxu l-ABSs kif stipulati fl-Anness VIII, ħlief fir-rigward tal-frekwenza tar-rapportar, il-mudell ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self applikabbli u l-preżentazzjoni mill-partijiet rilevanti ta' dejta tal-livell tas-self lil repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self. Sabiex id-DECCs ikunu eliġibbli, il-pretensjonijiet ta' kreditu sottostanti kollha għandhom ikunu omoġenji, jiġifieri għandu jkun possibbli li jiġu rrapportati permezz ta' mudell individwali ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self tad-DECC tal-BĊE. L-Eurosistema tista' tiddetermina li DECC ma hijiex omoġenja wara li tevalwa d-dejta rilevanti.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Rekwiżiti dwar il-kwalità tad-dejta applikati għal ABS għandhom japplikaw għal DECCs, inklużi l-mudell speċifiku ta' rapportar dwar id-dejta tal-livell ta' self tad-DECC tal-BĊE. Id-dejta tal-livell ta' self għandha tiġi ppreżentata fil-mudell speċifiku ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self tad-DECC tal-BĊE, kif ippubblikat fis-sit elettroniku tal-BĊE, lil:

(a)

repożitorju tat-titolizzazzjoni tal-ESMA; jew

(b)

repożitorju indikat mill-Eurosistema.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

“5a.   Il-preżentazzjonijiet ta' dejta tal-livell tas-self dwar id-DECCs lir-repożitorji tat-titolizzazzjoni tal-ESMA skont il-paragrafu 5(a) għandhom jibdew fil-bidu tax-xahar kalendarju minnufih wara d-data li hija tliet xhur mid-data tal-attivazzjoni tar-rapportar tal-ESMA.

Il-preżentazzjonijiet ta' dejta tal-livell tas-self dwar id-DECCs lil repożitorji indikati mill-Eurosistema skont il-paragrafu 5(b) għandhom ikunu permessi sal-aħħar tax-xahar kalendarju li fih taħbat id-data tliet snin u tliet xhur mid-data tal-attivazzjoni tar-rapportar tal-ESMA.

Id-data tal--attivazzjoni tar-rapportar tal-ESMA għandha tiġi ppubblikata mill-BĊE fuq is-sit elettroniku tiegħu.”;

18.

Fl-Artikolu 114, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Jekk garanti ma jkunx entità tas-settur pubbliku bid-dritt li tiġbor it-taxxa, għandha tiġi ppreżentata konferma legali lill-BĊN rilevanti dwar il-validità legali, l-effett vinkolanti u l-eżegwibbiltà tal-garanzija f'forma u b'sustanza aċċettabbli għall-Eurosistema qabel ma l-assi negozjabbli jew il-pretensjoni ta' kreditu appoġġata mill-garanti tista' titqies bħala eliġibbli. Il-konferma legali għandha titħejja minn persuni li huma indipendenti mill-kontroparti, mill-emittenti/mid-debitur u mill-garanti, u kkwalifikati legalment sabiex joħorġu tali konferma taħt il-liġi applikabbli, eż. avukati li jaħdmu ma' ditta ta' avukati, jew li jaħdmu f'istituzzjoni akkademika rikonoxxuta jew ma' korp pubbliku. Il-konferma legali għandha ssemmi wkoll li l-garanzija mhijiex waħda personali, u hija eżegwibbli biss mid-dententuri tal-assi negozjabbli jew mill-kreditur tal-pretensjoni ta' kreditu. Jekk il-garanti ikun stabbilit f'ġurisdizzjoni li ma tkunx dik tal-liġi li tirregola l-garanzija, il-konferma legali għandha tikkonferma wkoll li l-garanzija hija valida u eżegwibbli skont il-liġi tal-ġurisdizzjoni li fiha l-garanti huwa stabbilit. Għal assi negozjabbli, il-konferma legali għandha tintbagħat mill-kontroparti għal rieżami lill-BĊN li qed jirrapporta l-assi rilevanti sostnuti minn garanzija għall-inklużjoni fil-lista ta' assi eliġibbli. Għal pretensjonijiet ta' kreditu, il-konferma legali għandha tkun ippreżentata mill-kontroparti li qed tfittex li timmobilizza l-pretensjoni ta' kreditu għall-valutazzjoni lill-BĊN fil-ġurisdizzjoni tal-liġi li tirregola l-pretensjoni ta' kreditu. Il-ħtieġa ta' eżegwibbiltà hija soġġetta għal-liġijiet tal-insolvenza jew tal-falliment, prinċipji ġenerali ta' ekwità u liġijiet u prinċipji simili applikabbli għall-garanti u li ġeneralment jaffettwaw id-drittijiet tal-kredituri kontra l-garanti.”;

19.

fl-Artikolu 119, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-informazzjoni tal-valutazzjoni tal-kreditu li fuqha l-Eurosistema tibbaża l-valutazzjoni ta' eliġibbiltà tal-assi eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema għandha tiġi pprovduta minn sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu li jappartjenu għal wieħed mit-tliet sorsi li ġejjin:

(a)

ECAIs;

(b)

Sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu interni tal-BĊNi (ICASs);

(c)

sistemi interni bbażati fuq klassifikazzjoni (IRB) tal-kontropartijiet.

2.   Taħt kull sors ta' valutazzjoni tal-kreditu elenkat fil-paragrafu 1 jista' jkun hemm ġabra ta' sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu. Is-sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' aċċettazzjoni stabbiliti f'dan it-Titolu. Lista ta' sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu aċċettati, jiġifieri l-lista ta' ECAIs u ICASs aċċettati, hija ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.”;

20.

L-Artikolu 124 huwa mħassar;

21.

L-Artikolu 125 huwa mħassar;

22.

L-Artikolu 135 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 135

Regoli ta' valutazzjoni għal assi mhux negozjabbli

Assi mhux negozjabbli għandhom jingħataw valur mill-Eurosistema li jikkorrispondi għall-ammont pendenti ta' tali assi mhux negozjabbli.”;

23.

fl-Artikolu 138(3), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

bonds koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 129(1) sa (3) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Mill-1 ta' Frar 2020, dawn il-bonds koperti għandu jkollhom klassifikazzjoni ta' ħruġ ECAI kif definita fl-Artikolu 83(a) li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness IXb;”;

24.

fl-Artikolu 141(1), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

jekk dawn l-assi jinħarġu minn aġenzija, bank ta' żvilupp multilaterali jew organizzazzjoni internazzjonali.”;

25.

L-Annessi VI, VIII u IXb huma emendati skont it-test stabbilit fl-Anness I għal din il-Linja Gwida;

26.

It-test stabbilit fl-Anness II għal din il-Linja Gwida huwa mdaħħal bħala Anness XIIa ġdid għal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-5 ta' Awwissu 2019. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Bank Ċentrali Ewropew bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-21 ta' Ġunju 2019.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).


ANNESS I

L-Annessi VI, VIII u IXb għal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) huma emendati kif ġej:

1.

L-Anness VI huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu tat-Tabella 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

Rabtiet eliġibbli bejn sistemi ta' saldu tat-titoli”;

(b)

l-ewwel sentenza wara t-titolu tat-Tabella 2 hija sostitwita b'dan li ġej:

“Użu ta' assi eliġibbli maħruġa fl-SSS tal-pajjiż B miżmuma minn kontroparti stabbilita fil-pajjiż A permezz ta' rabta eliġibbli bejn l-SSSs fil-pajjiżi A u B sabiex jiksbu kreditu mill-BĊN tal-pajjiż A.”;

(c)

l-ewwel sentenza wara t-titolu tat-Tabella 3 hija sostitwita b'dan li ġej:

“Użu ta' assi eliġibbli maħruġa fl-SSS tal-pajjiż C u miżmuma fl-SSS tal-pajjiż B minn kontroparti stabbilita fil-pajjiż A permezz ta' rabta eliġibbli bejn l-SSSs fil-pajjiżi B u C sabiex jinkiseb kreditu mill-BĊN tal-pajjiż A.”;

2.

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu u l-paragrafu introduttorju huma sostitwiti b'dan li ġej:

“ANNESS VIII

REKWIŻITI TA' RAPPORTAR TA' DEJTA TAL-LIVELL TA' SELF GĦAL TITOLI GGARANTITI MINN ASSI U R-REKWIŻITI GĦAR-REPOŻITORJI TAD-DEJTA TAL-LIVELL TA' SELF

Dan l-Anness japplika għall-għoti ta' dejta komprensiva u standardizzata tal-livell ta' self fuq l-aggregat ta' assi li jiġġeneraw fluss ta' flus li jsostnu t-titoli ggarantiti b'assi (ABSs) kif speċifikat fl-Artikolu 78 u jistabbilixxi r-rekwiżiti għar-repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self.

”;

(b)

It-Taqsima I hija emendata kif ġej:

(i)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.

Dejta tal-livell ta' self għandha tintbagħat mill-partijiet rilevanti lil repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self skont dan l-Anness. Ir-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self jippubblika din id-dejta elettronikament.

2.

Dejta tal-livell ta' self tista' tiġi sottomessa għal kull tranżazzjoni individwali permezz ta':

(a)

il-mudelli rilevanti speċifikati fl-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2017/2402 fil-każ ta' tranżazzjonijiet irrappurtati lil repożitorju tat-titolizzazzjoni tal-ESMA; jew

(b)

il-mudell ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self rilevanti u aġġornata tal-BĊE, ippubblikat fis-sit elettroniku tal-BĊE, fil-każ ta' tranżazzjonijiet irrappurtati lil repożitorju indikat mill-Eurosistema.

F'kull każ, il-mudell rilevanti li għandu jiġi ppreżentat jiddependi fuq it-tip ta' assi li jiggarantixxi l-ABS, kif definit fl-Artikolu 73(1).”;

(ii)

jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2b li ġejjin:

“2a.

Il-preżentazzjoni tad-dejta tal-livell ta' self skont il-paragrafu 2(a) għandha tibda fil-bidu tax-xahar kalendarju immedjatament wara d-data li hija tliet xhur mid-data tal-attivazzjoni tar-rapportar tal-ESMA.

Il-preżentazzjoni tad-dejta tal-livell ta' self skont il-paragrafu 2(b) hija permessa sal-aħħar tax-xahar kalendarju li fih taħbat id-data tliet snin u tliet xhur mid-data tal-attivazzjoni tar-rapportar tal-ESMA.

2b.

Minkejja t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2a, dejta tal-livell ta' self għal tranżazzjoni individwali għandha tiġi ppreżentata skont il-paragrafu 2(a) meta kemm:

(a)

il-partijiet rilevanti għal tranżazzjoni huma obbligati skont l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 jirrapportaw dejta tal-livell ta' self dwar it-tranżazzjoni individwali lil repożitorju tat-titolizzazzjoni tal-ESMA billi jużaw il-mudelli rilevanti speċifikati fl-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta' dak ir-Regolament; kif ukoll

(b)

ikunu bdew il-preżentazzjonijiet tad-dejta tal-livell ta' self skont il-paragrafu 2(a).”;

(c)

It-Taqsima II hija emendata kif ġej:

(i)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.

L-ABSs għandhom jikbsu livell ta' konformità minimu obbligatorju, li jiġi vvalutat b'referenza għad-disponibbiltà ta' informazzjoni, partikolarment f'oqsma ta' dejta tal-mudell għar-rapportar ta' dejta tal-livell ta' self.”;

(ii)

fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“3.

Sabiex jinqabdu oqsma li mhumiex disponibbli, sett ta' sitt għażliet “Ebda dejta” (ND No data) huwa inkluż fil-mudelli ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self u għandhom jimtlew kull meta dejta partikolari ma tkunx tista' tiġi ppreżentata skont il-mudell ta' rapportar tad-dejta tal-livell ta' self.”;

(d)

It-Taqsima III hija emendata kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej

“III.

METODOLOĠIJA TAL-PUNTEĠĠI TAD-DEJTA”;

(ii)

il-paragrafu 1 huwa mħassar;

(iii)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.

Ir-repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self jiġġenera u jassenja punteġġ lil kull tranżazzjoni ABS mal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta tal-livell ta' self.”;

(iv)

il-paragrafu 4 u t-Tabella 3 huma mħassra;

(e)

fit-Taqsima IV.II intitolata “Proċeduri għall-indikazzjoni u l-irtirar ta' indikazzjoni”, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.

Applikazzjoni għall-indikazzjoni mill-Eurosistema bħala repożitorju tad-dejta tal-livell ta' self għandha tiġi ppreżentata lid-Direttorat tal-Ġestjoni tar-Riskju tal-BĊE. L-applikazzjoni għandha tipprovdi raġunijiet xierqa u dokumentazzjoni ta' appoġġ kompluta li turi l-konformità tal-applikant mar-rekwiżiti għar-repożitorji tad-dejta tal-livell ta' self stabbiliti f'din il-Linja Gwida. L-applikazzjoni, ir-raġunijiet u d-dokumentazzjoni ta' appoġġ għandhom jiġu pprovduti bil-miktub u, kull fejn ikun possibbli, f'format elettroniku. Ebda applikazzjoni għall-indikazzjoni ma tiġi aċċettata wara t-13 ta' Mejju 2019. Kwalunkwe applikazzjoni li tasal qabel dik id-data tiġi pproċessata skont dan l-Anness.”;

3.

L-Anness IXb huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Ir-rekwiżiti japplikaw għal klassifikazzjonijiet ta' ħruġ kif imsemmi fl-Artikolu 83 u għaldaqstant jinkludu l-klassifikazzjonijiet tal-assi u tal-programmi kollha għal bonds koperti eliġibbli. Il-konformità tal-ECAI ma' dawn ir-rekwiżiti se tiġi rieżaminata b'mod regolari. Jekk il-kriterji għal programm ta' bonds koperti partikolari ma jiġux issodisfati, l-Eurosistema tista' tqis li l-klassifikazzjoni(jiet) tal-kreditu pubbliku relatata/i mal-programm ta' bonds koperti rilevanti ma tissodisfax/jissodisfawx l-istandards ta' kreditu għoljin tal-ECAF. B'hekk, il-klassifikazzjoni tal-kreditu pubbliku tal-ECAI rilevanti ma tistax tintuża biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu għal assi negozjabbli maħruġa taħt il-programm speċifiku ta' bonds koperti.”;

(b)

il-paragrafu 2(b) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (vi) u (vii) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(vi)

Id-distribuzzjoni ta' muniti, inkluż tqassim f'termini ta' valur fil-livell kemm tal-aggregazzjoni ta' kopertura kif ukoll tal-bonds individwali u inkluż il-perċentwal tal-assi ddenominati f'euro u l-perċentwal ta' bonds iddenominati f'euro.

(vii)

Assi tal-aggregazzjoni ta' kopertura, inkluż il-bilanċ tal-assi, it-tipi ta' assi, in-numru u d-daqs medju tas-self, l-istaġjonalità, il-maturità, il-proporzjonijiet tas-self mal-valutazzjoni, id-distribuzzjoni reġjonali u d-distribuzzjoni tal-arretrati. Rigward id-distribuzzjonijiet reġjonali, jekk l-assi tal-aggregazzjoni ta' kopertura jikkonsistu f'self li oriġina f'pajjiżi differenti, ir-rapport ta' sorveljanza għandu, tal-inqas, jippreżenta d-distribuzzjoni fost il-pajjiżi u d-distribuzzjoni reġjonali għall-pajjiż ewlieni ta' oriġini.”;

(ii)

it-tliet sentenzi li ġejjin huma miżjuda wara l-punt (x):

“Ir-rapporti ta' sorveljanza għall-multi-cédulas għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa taħti l-punti (i) sa (x). Barra minn hekk, dawn ir-rapporti għandhom jinkludu l-lista tal-oriġinaturi rilevanti u l-ishma rispettivi tagħhom fil-multi-cédula. Informazzjoni speċifika dwar l-assi għandha tiġi rrapportata jew direttament fir-rapport ta' sorveljanza tal-multi-cédula jew b'referenza għar-rapporti ta' sorveljanza għal kull cédula individwali kklassifikata mill-ECAI.”.


ANNESS II

“ANNESS XIIa

Entità li hija meqjusa aġenzija kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 ta' din il-Linja Gwida għandha tissodisfa l-kriterji kwantitattivi li ġejjin sabiex l-assi negozjabbli eliġibbli tagħha jkunu allokati għall-kategorija ta' haircut II kif stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness għal-Linja Gwida (UE) 2016/65 (BĊE/2015/35):

(a)

il-medja tat-total tal-valuri nominali pendenti tal-assi negozjabbli kollha eliġibbli maħruġa mill-aġenzija hija mill-inqas EUR 10 biljun tul il-perijodu ta' referenza; u

(b)

il-medja tat-total tal-valuri nominali tal-assi negozjabbli kollha eliġibbli b'valur nominali pendenti ta' mill-inqas EUR 500 miljun maħruġa mill-aġenzija tul il-perijodu ta' referenza tirriżulta f'sehem ta' 50 % jew aktar mill-medja tat-total tal-valur nominali pendenti tal-assi negozjabbli kollha eliġibbli maħruġa minn dik l-aġenzija tul il-perijodu ta' referenza.

Il-konformità ma' dawn il-kriterji kwantitattivi hija vvalutata fuq bażi annwali billi, f'kull sena partikolari, tiġi kkalkulata l-medja rilevanti fuq perijodu ta' referenza ta' sena li jibda mill-1 ta' Awwissu tas-sena preċedenti u jintemm fil-31 ta' Lulju tas-sena kurrenti.


Top