EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0054

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Novembru 2018 dwar proposta għal direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral (CON/2018/54)

OJ C 444, 10.12.2018, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 444/15


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta' Novembru 2018

dwar proposta għal direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral

(CON/2018/54)

(2018/C 444/06)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-14 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral (iktar 'il quddiem id-“direttiva proposta”) (1). Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li d-direttiva proposta taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, u ddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 127(4) u fl-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-“Trattat”), biex jissottometti l-opinjoni tiegħu.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 25 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, li jistipula li l-BĊE jista' joffri parir lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u l-kompiti mogħtija lill-BĊE skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. B'mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Goernattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE ilu jipproponi bis-saħħa l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal assi bankarji, b'mod partikolari selfiet improduttivi (non-performing loans - NPLs), kif rifless fil-pjan ta' azzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jiġu indirizzati l-NPLs fl-Ewropa (2). Fil-kuntest tal-ħażniet kbar ta' NPLs li jibqgħu fuq il-karta bilanċjali ta' xi istituzzjonijiet ta' kreditu Ewropej, u bħala parti minn soluzzjoni komprensiva għar-riżoluzzjoni ta' NPLs (3), l-iżvilupp ta' swieq sekondarji jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-NPLs. Meta nħarsu 'l quddiem, swieq sekondarji li jaħdmu sew jistgħu wkoll jipprevjenu l-akkumulazzjoni ta' ħażniet ta' NPLs fil-futur (4).

1.2.

Barra minn hekk, suq sekondarju li jaħdem sew jista' jkollu effett pożittiv fuq l-istabbiltà finanzjarja sal-punt li jista' jiffaċilita t-trasferiment tar-riskji ta' NPLs mill-karti bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu. Il-preżenza ta' volumi sinifikanti ta' NPLs fuq il-karti bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu tnaqqas l-abbiltà tagħhom li jwettqu l-funzjoni tagħhom bħala fornituri ta' kreditu lill-ekonomija reali u tfixkel il-flessibbiltà operazzjonali u l-profitabbiltà ġenerali li huma essenzjali għal settur bankarju li jiffunzjona sew. Huwa essenzjali li l-qafas legali applikabbli għal swieq sekondarji jippermetti t-trasferiment effiċjenti ta' NPLs mill-karta bilanċjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (5).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Rekwiżiti ta' rapportar

Id-direttiva proposta tistabbilixxi għadd ta' rekwiżiti ta' rapportar għal servizzjanti tal-kreditu, xerrejja tal-kreditu u istituzzjonijiet tal-kreditu. Pereżempju, xerrej tal-kreditu jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu, huwa meħtieġ jikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ix-xerrej tal-kreditu jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu jinsab iddomiċiljat jew ikun stabbilixxa l-intenzjoni tiegħu li jinforza direttament ftehim ta' kreditu (6). Barra minn hekk, xerrej tal-kreditu jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu, li jittrasferixxi ftehim tal-kreditu lil xerrej ieħor tal-kreditu huwa meħtieġ jinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-trasferiment, l-identità u l-indirizzat tax-xerrej tal-kreditu ġdid u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu (7). Il-leġiżlaturi tal-Unjoni għandhom jikkunsidraw b'attenzjoni jekk dawn ir-rekwiżiti ta' rapportar humiex ser jimpedixxu l-ħidma effiċjenti tas-suq sekondarju għal NPLs, peress li piż ta' rapportar sinifikanti jista' jkun ta' deterrent għal operaturi ġodda fis-suq jew jirriżulta fid-duplikazzjoni ta' data għall-awtoritajiet kompetenti.

2.2.   Standards tekniċi għal data dwar NPLs

Id-direttiva proposta tagħti lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) mandat biex tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-formats li għandhom jintużaw minn kredituri li huma istituzzjonijiet ta' kreditu għall-forniment ta' informazzjoni dettaljata dwar l-iskoperturi ta' kreditu tagħhom fil-ktieb bankarju lil xerrejja tal-kreditu għall-iskrinjar, id-diliġenza dovuta finanzjarja u l-valutazzjoni tal-ftehim ta' kreditu (8).

F'dan ir-rigward, il-BĊE jinnota li r-Regolament (UE) 2016/867 (9) jipprovdi għal sett ta' data ġdid, b'informazzjoni dettaljata dwar selfiet bankarji individwali fiż-żona tal-euro. Dan is-sett ta' data jimmira li jipprovdi data granulari b'livell għoli ta' dettall għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, li huma kumparabbli bis-sħiħ peress li huma bbażati fuq kunċetti u definizzjonijiet armonizzati. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi regolatorji ġodda, huwa importanti li kwalunkwe mudell ta' data żviluppat mill-ABE għandu jqis il-ġbir ta' data granulari dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu u kwalunkwe inizjattiva relevanti oħra sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda duplikazzjoni tal-isforzi u sabiex jiġu mminimizzati r-rekwiżiti tar-rapportar għal istituzzjonijiet ta' kreditu.

2.3.   Ġbir ta' data minn awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta' mekkaniżmu extraġudizzjarju u aċċelerat ta' infurzar tal-kollateral

Id-direttiva proposta teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiġbru, fuq bażi annwali, informazzjoni mingħand kredituri dwar in-numru ta' ftehimiet ta' kreditu ggarantiti li huma infurzati permezz tal- mekkaniżmu extraġudizzjarju u aċċelerat ta' infurzar tal-kollateral u ż-żminijiet għal dak l-infurzar, inkluż: (a) l-għadd ta' proċeduri mibdija, pendenti u mwettqa, inkluż fir-rigward ta' assi mobbli u immobbli; (b) it-tul tal-proċeduri min-notifika sas-saldu, imwettqa permezz ta' realizzazzjoni (bejgħ pubbliku, bejgħ privat, jew approprjazzjoni); (c) l-ispejjeż medji għal kull proċedura f'EUR; u (d) ir-rati tas-saldu. L-Istati Membri jkunu meħtieġa jaggregaw din id-data, jikkompilaw statistiċi minn dik id-data aggregata u jikkomunikaw dawk l-istatistiċi lill-Kummissjoni (10). F'każ li l-BĊE jkun l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, il-bażi legali għall-kompiti superviżorji prudenzjali tal-BĊE hija stabbilita fl-Artikolu 127(6) tat-Trattat, li jistipula li l-Kunsill jista' jagħti kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet tal-kreditu. Peress li l-ġbir ta' din l-informazzjoni huwa relatat mal-effikaċja tal-mekkaniżmu extraġudizzjarju u aċċelerat ta' infurzar tal-kollateral minflok is-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, jenħtieġ li l-leġiżlaturi tal-Unjoni jiċċaraw li l-kompitu biex tinġabar dik l-informazzjoni m'għandux jingħata lill-BĊE.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qegħdin jiġu stipulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv f'dan is-sens. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta' Novembru 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2018) 135 final.

(2)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-“Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta' Azzjoni biex jiġu indirizzati s-selfiet improduttivi fl-Ewropa”, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill fuq http://www.consilium.europa.eu

(3)  Ara, pereżempju, it-Taqsima B tar-Reviżjoni tal-Istabbiltà Finanzjarja tal-BĊE ta' Novembru 2016, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq https://www.ecb.europa.eu.

(4)  Ara l-paragrafu 2.2.1 tal-Opinjoni CON/2018/31. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

(5)  Ara l-paragrafu 2.2.2 tal-Opinjoni CON/2018/31.

(6)  Ara l-Artikolu 18(1) tad-direttiva proposta.

(7)  Ara l-Artikolu 19(1) tad-direttiva proposta.

(8)  Ara l-Artikolu 14(1) tad-direttiva proposta.

(9)  Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).

(10)  Ara l-Artikolu 33 tad-direttiva proposta.


Top