EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0033

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Lulju 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet (CON/2018/33)

OJ C 303, 29.8.2018, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Lulju 2018

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

(CON/2018/33)

(2018/C 303/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-12 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet (iktar 'il quddiem ir-“regolament propost”) (1). Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li r-regolament propost jaqa fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, u għalhekk iddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu, kif previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 127 (4) u fl-Artikolu 282(5) it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (íktar 'il quddiem it-“Trattat”), biex jissottometti l-opinjoni tiegħu.

Il-kompetenza tal-BĊE li tagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat, billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw (a) il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea ta'Banek Ċentrali (SEBĊ) biex ti[i implimentata politika monetarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat, sakemm ir-regolament propost jaffettwa l-interessi tal-banek ċentrali tas-SEBĊ b'konnessjoni mal-kollateralizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta kreditu tal-Eurosistema; u (b) il-kontribut tas-SEBĊ għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5). F'konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Iċ-ċessjoni tal-pretenzjonijiet hija wieħed mill-mezzi li permezz tagħhom il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jiksbu likwidità u/jew kreditu ta' aċċess meħtieġ għat-twettiq tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom. Bħalissa, l-effetti proprjetarji tal-ċessjoni tal-pretenzjonijiet huma rregolati mil-liġijiet nazzjonali, li huma inkonsistenti madwar l-Istati Membri. Speċifikament għal pretenzjonijiet li huma self bankarju, għalkemm ċerti aspetti materjali ġew armonizzati permezz tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-validità taċ-ċessjoni tagħhom u l-kostituzzjoni ta' drittijiet kollaterali fuqhom jibqgħu suġġetti għal-liġi nazzjonali (3). Mingħajr armonizzazzjoni, l-aġenti ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea ma jistgħux ikunu jafu liema rekwiżiti se japplikaw għal ċessjoni valida ta' jew tranżazzjoni kollaterali fuq pretensjoni fil-kuntest ta'tranżazzjoni transkonfinali (4). Barra minn hekk, għalkemm inkisbet ċerta miżura ta' armonizzazzjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jindikawx il-liġi applikabbli għall-effetti kollha in rem taċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet (6). L-inċertezza fir-rigward tal-liġi applikabbli fil-kuntest taċ-ċessjoni transkonfinali tal-pretensjonijiet tqajjem kemm riskji legali kif ukoll finanzjarji għal parteċipanti fis-swieq finanzjarji, li l-mitigazzjoni tagħhom tinvolvi spejjeż miżjuda ta' tranżazzjoni finanzjarja kif ukoll kumplessitajiet f'termini ta' twettiq ta' pretensjonijiet sitwazzjonijiet ta' insolvenza taċ-ċedent. L-inċertezza fejn il-liġi tal-proprjetà tapplika għat-trasferiment transkonfinali ta' pretensjonijiet tista' tiskoraġġixxi ċessjonijiet, u ċċaħħad lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji l-aċċess għal kreditu għat-twettiq ta' opportunitajiet ta' negozju.

1.2.

Il-BĊE jieħu nota tar-regolament propost, li jfittex li jindirizza l-kwistjoni tad-definizzjoni tal-liġi li tirregola l-effettività taċ-ċessjoni ta' pretensjoni kontra partijiet terzi, u l-prijorità tat-talba ċeduta fuq pretensjonijiet ta' terzi dwar is-suġġett taċ-ċessjoni. Billi jissupplimenta l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, li ma jindirizzax dawn il-punti speċifiċi, ir-regolament propost ifittex li jistabbilixxi regoli biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni applikabbli fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. B'hekk jgħin ukoll biex jippromwovi investiment transkonfinali, f'konformità ma' wieħed mill-għanijiet segwiti mill-Unjoni permezz tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, kif diġà kkomunikat mill-Eurosistema aktar kmieni (7).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.

Ir-regola ġenerali taħt ir-regolament propost hija li l-effetti ta' parti terza ta' ċessjonijiet ta' pretensjonijiet għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż tar-“residenza abitwali” taċ-ċedent. Il-BĊE jinnota li l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 jirreferi, għal ċerti aspetti, għal-liġi tal-ftehim ta' ċessjoni u, għal oħrajn, għal-liġi tat-talba assenjata. Ir-regola ġenerali taħt ir-regolament propost tirreferi għat-tielet ġurisdizzjoni, dik taċ-ċedent. Għalkemm legalment fattibbli, ir-regola proposta għandha nuqqasijiet, speċjalment f'xenarji fejn it-talbiet għal kreditu jintużaw bħala kollateral finanzjarju skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) (a) tad-Direttiva 2002/47/KE. Dan minħabba li r-referenza għal-liġi ta' ġurisdizzjoni terza żżid il-piż tad-diliġenza dovuta legali fuq min jieħu l-kollateral fejn il-pretenzjonijiet għal kreditu, jiġifieri self bankarju, huma mmobilizzati bħala kollaterali fuq bażi transkonfinali.

2.2.

Il-memorandum ta' spjegazzjoni mar-regolament propost jgħid li madwar 22 % tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema huma garantiti minn pretensjonijiet ta' kreditu bħala kollaterali, li jammontaw għal madwar EUR 380 biljun fi tmiem it-tieni trimestru tal-2017, li minnhom madwar EUR 100 biljun kienu jirrappreżentaw pretensjonijiet ta' kreditu mmobilizzati fuq bażi transkonfinali (8). Peress li r-regolament propost jaffettwa l-interessi tal-banek ċentrali bħala dawk li jieħdu l-kollateral, jiġifieri bħala cessjonarji tal-pretensjonijiet, il-BĊE jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-introduzzjoni, fl-Artikolu 4(2) tar-regolament propost (li jfittex li joħloq reġim speċjali fil-qasam tal-finanzi billi ikun pprovdut għall-applikazzjoni tal-liġi tat-talba f'ċerti sitwazzjonijiet), ta' raffinar, li jgħid li l-liġi applikabbli għall-pretenzjoni tirregola wkoll l-effetti ta' terzi ta' pretenzjonijiet ta' ċessjonijiet ta' kreditu, jiġifieri self bankarju.

2.3.

Il-BĊE jagħmel referenza għall-acquis f'materji ta' kunflitt ta' iġijiet skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/47/KE, skont liema, għal titoli ta' dħul fil-kotba f'konstellazzjonijiet transkonfinali, tapplika l-liġi ta' ġurisdizzjoni waħda, jiġifieri, tal-kont fejn jinżammu t-titoli permezz ta' kustodju. Din ir-regola, li l-għan tagħha hu li tiffaċilita tranżazzjonijiet kollaterali finanzjarji transkonfinali f'titoli, tirrifletti l-acquis taħt l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li l-Artikolu 9(2) tagħha jipprovdi wkoll li liġi waħda biss - dik tal-kont rilevanti - hija applikabbli. Il-BĊE jixtieq ifakkar, f'dan ir-rigward, li meta ġiet adottata d-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), biex inter alia tinkludi pretenzjonijiet ta' kreditu (jiġifieri self bankarju) fil-kamp ta'applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE, l-Artikolu 9 tiegħu ma ġiex emendat, peress li n-negozjati dwar il-kontenut tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 kienu għadhom għaddejjin. B'kunsiderazzjoni tal-acquis u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/47/KE u l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/26/KE, hemm każ b'saħħtu biex tiġi ddefinita ġurisdizzjoni waħda applikabbli għal pretensjonijiet ta' kreditu kif għamel il-leġiżlatur għal titoli ta' entrata fil-kotba. Wara li kkunsidra l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 u l-Artikolu 4 (2) tar-regolament propost, l-iktar mod effiċjenti biex jitnaqqas in-numru ta' liġijiet applikabbli għall-pretensjonijiet ta' kreditu jkun li ssir referenza, anki fil-każ ta' self bankarju, għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta. Dan jikseb grad simili ta' ċertezza legali u sempliċità għal self bankarju mobilizzat bħala kollateral kif inkiseb fil-każ ta' tranżazzjonijiet kollaterali f'titoli.

2.4.

Il-memorandum ta' spjegazzjoni għar-regolament propost jinnota li r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fir-regolament propost, minn naħa, u r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fid-Direttiva 2002/47/KE, Direttiva 98/26/KE u Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), min-naħa l-oħra, ma jidħlux f'xulxin, peress li l-ewwel japplika għal pretensjonijiet u tal-aħħar għal titoli u strumenti ta' entrati fil-kontijiet, liema eżistenza jew trasferiment tippresupponi r-reġistrazzjoni tagħhom f'reġistru, kont jew sistema ta' depożitu ċentralizzata (12). Il-BĊE madankollu jieħu din l-opportunità biex itenni kwistjoni fir-rigward tad-Direttiva 2002/47/KE li hija ta' importanza kbira għall-Eurosistema għall-aċċettazzjoni ta' pretensjonijiet ta' kreditu bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema. Il-BĊE jfakkar li d-Direttiva 2002/47/KE ġiet emendata bid-Direttiva 2009/44/KE bl-għan speċifiku li tiffaċilita l-użu mill-banek ċentrali ta' pretensjonijiet tal-kreditu bħala kollateral. Il-BĊE ħareġ opinjoni dwar dawn l-emendi (13) li fihom indirizza l-kwistjoni ta' “settijiet ta' regoli mhux armonizzati dwar talbiet ta' kreditu fil-ġurisdizzjonijiet differenti tal-UE” u indika “l-importanza kbira li l-Eurosistema tkun tista' tuża pretensjonijiet ta' kreditu bħala kollateral taħt reġim stabbilit mid-Direttiva 2002/47/KE, u b'hekk jiffaċilita ġestjoni operattiva informali u effiċjenti ta' dak it-tip ta' assi, b'mod partikolari permezz ta' mezzi elettroniċi u inkluż f'konstellazzjonijiet transkonfinali”.

2.5.

Filwaqt li r-regolament propost jikkonċerna biss konflitti ta' liġi iktar milli kwistjonijiet sostantivi, il-BĊE jixtieq itenni l-kummenti preċedenti tiegħu dwar wieħed mir-riskji li jirriżultaw mill-mobilizzazzjoni ta' pretenzjonijiet tal-kreditu bħala kollateral tal-bank ċentrali, kemm f'ġurisdizzjonijiet taż-żona tal-euro kif ukoll f'livell tal-Unjoni, jiġifieri r-riskju li d-drittijiet ta' tpaċija jiġu eżerċitati minn debituri ta' terzi (jew garanti) ta' dawn il-pretenzjonijiet tal-kreditu fir-rigward ta' ammonti dovuti lil tali partijiet terzi mill-kredituri ta' dawk il-pretensjonijiet. Dan ir-riskju jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-valur tal-pretensjonijiet tal-kreditu, u jista' jikkomprometti l- “adegwatezza” tiegħu bħala kollaterali skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”). Jekk bank ċentrali jixtieq iwettaq pretensjoni tal-kreditu, fil-każ ta' inadempjenza tal-kontraparti, il-possibbiltà ta' tpaċija tista' tinvolvi t-tnaqqis parzjali jew totali tal-valur tal-pretensjoni tal-kreditu. L-Artikolu 3(3) (i) tad-Direttiva 2002/47/KE, kif introdott bid-Direttiva 2009/44/KE, jittratta biss il-kwistjoni tat-tpaċija b'mod limitat. Numru ta' Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni li tindirizza dan ir-riskju, billi teskludi drittijiet ta' tpaċija fir-rigward ta' pretenzjonijiet tal-kreditu mobilizzati bħala kollaterali f'operazzjonijiet ta' kreditu mal-banek ċentrali tas-SEBĊ (14).

2.6.

Il-BĊE jikkunsidra l-għan li jeskludi r-riskji ta' tpaċija assoċjati mal-aċċettazzjoni ta' pretensjonijiet tal-kreditu bħala kollateral f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema bħala leġittimi u b'mod sħiħ f'konformità mal-Istatut tas-SEBĊ. Il-protezzjoni tal-Eurosistema kontra kwalunkwe telf potenzjali li jirriżulta mill-aċċettazzjoni ta' tali kollateral hija marbuta mill-qrib mar-rekwiżit stipulat fit-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, skont liema self mill-banek ċentrali tas-SEBĊ għandu jkun ibbażat fuq kollaterali adegwat. Barra minn hekk, l-indirizzar adegwat tar-riskji ta' tpaċija jiffaċilita wkoll l-eliġibbiltà kontinwa ta' talbiet għal kreditu bħala garanzija eliġibbli f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, u b'hekk tikkontribwixxi għall-effiċjenza tat-trasmissjoni tal-politika monetarja għall-ekonomija reali (15). Il-BĊE jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra emenda għad-Direttiva 2002/47/KE biex teskludi l-possibbiltà li d-debitur (jew il-garanti) ta' pretensjoni tal-kreditu pprovduta bħala kollateral lil bank ċentrali fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema li jeżerċita kwalunkwe dritt ta' tpaċija li jista' jkollu kontra min sellef oriġinarjament skont dik il-pretensjoni. Sabiex jitnaqqas l-ammont ta' telf potenzjali fil-każ ta' realizzazzjoni, din l-esklużjoni għandha tkopri wkoll lil kwalunkwe parti terza li lilha tiġi sussegwentement ċeduta l-pretensjoni tal-kreditu minn bank ċentrali tal-Eurosistema (16).

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qed tiġi prevista proposta ta' abbozzar speċifika f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Din l-opinjoni ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmula fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Lulju 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2018) 96 final.

(2)  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju, 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 89).

(3)  L-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva 2002/47/KE jippermetti lill-Istati Membri jżommu r-regoli nazzjonali fir-rigward tal-ħolqien, validità, perfezzjoni, eżegwibbiltà jew ammissibilità bħala evidenza ta' arranġament jew dispożizzjoni dwar kollateral finanzjarju taħt arranġament kollaerali finanzjarju li kien jeżisti qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE.

(4)  Il-memorandum ta' spjegazzjoni għar-regolament propost jgħid b'mod korrett li “ċarezza dwar is-sjieda ta' pretensjoni wara ċ-ċessjoni transfruntiera tagħha hija rilevanti għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u anki għall-ekonomija reali.” (ara p. 8).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(6)  Dan minkejja l-fatt li l-premessa 38 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tiddikjara li fil-kuntest ta' ċessjonijiet volontarji l-Artikolu 14(1) japplika wkoll għall-aspetti tal-proprjetà ta' ċessjoni, bejn ċedent u ċessjonarju.

(7)  Ara tal-Kummissjoni Ewropea, Green Paper – Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2015) 63 final, Brussell, 18.2.2015). Ara wkoll Building a Capital Markets Union – Eurosystem contribution to the European Commission's Green Paper, 2015.

(8)  Paġna 2, nota ta' qiegħ il-paġna 10 tal-memorandum ta' spegazzjoni tal-Anness tar-regolament propost. Għandu jiġi nnutat li, fl-aħħar tat-tieni trimestru tal-2017, l-ammont ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema iggarantit b'talbiet ta' kreditu bħala kollaterali u mobilizzat fuq bażi transkonfinali kien sostanjalment aktar baxx mill-ammont referenzjat.

(9)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar il-finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 107).

(10)  Bid-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li temenda d-Direttiva 98/26/KE dwar il-finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 37).

(11)  Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).

(12)  Ara l-paġna 11 tal-Memorandum Spjegattiv li jakkumpanja d-direttiva proposta.

(13)  Ara l-paragrafu 9.1 tal-Opinjoni CON/2008/37.

(14)  Ara b'mod partikolari, pereżempju, il-paragrafu 2 tat-Taqsima I tal-Artikolu L. 141-4 tal-Kodiċi Finanzjarju u Monetarju Franċiż, introdott bl-Artikolu 53 tal-Liġi Nru 2016-1691 tad-9 ta' Diċembru 2016; L-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Taljan Nru 237 tat-23 ta' Diċembru 2016, ikkonvertit f'Liġi bil-Liġi tas-17 ta' Frar 2017, Nru 15; L-Artikolu 22-1 (4) tal-Liġi tat-23 ta' Diċembru 1998 dwar l-istatus monetarju u l-Bank Ċentrali tal-Lussemburgu; ara wkoll il-paragrafi 2.1-2.2 tal-Opinjoni CON/2006/56; paragrafu 2.3 tal-Opinjoni CON/2016/37; paragrafu 5.1 tal-Opinjoni CON/2017/1.

(15)  Ara l-paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2016/37, u l-paragrafu 5.1 tal-Opinjoni CON/2017/1.

(16)  Ara l-paragrafu 2.5 tal-Opinjoni CON/2016/37.


Top