EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0020

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ April 2018 dwar proposta għal regolament fuq it-twaqqif ta’ Fond Monetarju Ewropew (CON/2018/20)

OJ C 220, 25.6.2018, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/2


Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

tal-11 ta’ April 2018

dwar proposta għal regolament fuq it-twaqqif ta’ Fond Monetarju Ewropew

(CON/2018/20)

(2018/C 220/02)

INTRODUZZJONI U BAŻI LEGALI

Fl-1 ta’ Frar 2018, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill fuq it-twaqqif tal-Fond Monetarju Ewropew (1) (iktar ’il quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament propost huwa relevanti għall-għan ewlieni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, kif imsemmi fl-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u fih dispożizzjonijiet dwar l-involviment tal-BĊE fl-istruttura ta’ governanza u l-kompiti tal-Fond Monetarju Ewropew.

F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex iġġib il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fil-qafas legali tal-Unjoni (2). Kif innutat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar it-Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (3), ippreparat mill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew, tal-Eurogroup u tal-BĊE, din l-inizjattiva hija pass importanti lejn it-tlestija tal-unjoni ekonomika u monetarja tal-Europa. It-twaqqif tal-MES bħala korp tal-Unjoni jippermettilu jikseb aħjar l-għan tiegħu li jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro, kif ukoll tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-unjoni bankarja. Biex jilħaq l-għan tiegħu, il-MES jista’ jimmobilizza finanzjament u jipprovdi appoġġ ta’ stabbiltà għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li qed jesperjenzaw, jew huma mhedda minn, problemi finanzjarji severi.

Il-BĊE jinnota wkoll li, jekk il-MES jibqa’ barra mill-ordinament legali tal-Unjoni bħala korp intergovernattiv, kull diskussjoni fil-futur dwar il-kompiti li jistgħu jingħataw lill-MES fil-qasam tal-governanza ekonomika għandha tirrispetta l-kompetenzi eżistenti mogħtija lill-Unjoni u lill-istituzzjonijiet tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni (4).

Il-BĊE jenfasizza li r-regolament propost huwa l-ewwel pass importanti, u li se jkun hemm bżonn ta’ riformi ulterjuri tal-MES. L-ewwel nett, il-MES għandu jiġi pprovdut bl-istrumenti neċessarji biex jilħaq l-għanijiet tiegħu u biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Il-BĊE jirrakkomanda li dawn l-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu eżaminati aktar, biex jiġi żgurat li dawn ikunu adegwati biex jindirizzaw b’mod effettiv il-kawżi tal-instabbiltà finanzjarja u l-kontaġju f’sitwazzjonijiet ta’ instabbiltà tas-suq akuta (5) u biex jagħtu appoġġ lill-Unjoni Bankarja. B’mod partikolari, l-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja ta’ prekawzjoni, b’kundizzjonalità adegwata, għandhom jittejbu sabiex ikun hemm kontribut aħjar għall-prevenzjoni tal-kriżijiet. It-tieni nett, sabiex dawn l-istrumenti jiġu applikati b’mod effettiv, huwa importanti li l-arranġamenti tal-governanza tal-MES jissaħħu, sabiex jinkisbu proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mgħaġġla u kredibbli, ibbażati fuq konsulenza teknika indipendenti ta’ kwalità għolja.

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Ir-rwol tal-BĊE

1.1.

It-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem it-“Trattat MES”) jalloka diversi kompiti tal-MES biex jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-BĊE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea hija allokata l-kompiti, flimkien mal-BĊE, biex jiġu vvalutati talbiet għall-appoġġ għall-istabbiltà, għan-negozjar ta’ memorandum ta’ ftehim li jispeċifika l-kundizzjonalità marbuta mal-assistenza finanzjarja mogħtija, u għall-monitoraġġ tal-konformità mal-kundizzjonalità marbuta mal-assistenza finanzjarja. Iktar speċifikament, fil-kuntest tal-valutazzjoni tat-talba għall-appoġġ għall-istabbiltà, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi huwa obbligat li jafda lill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-BĊE, bil-kompiti biex tivvaluta l-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha jew tal-Istati Membri tagħha; biex tivvaluta jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli; u biex tivvaluta l-bżonnijiet ta’ finanzjament attwali jew potenzjali tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-BĊE huma allokati l-funzjoni biex jivvalutaw l-urġenza tat-talbiet għall-appoġġ għall-istabbiltà, u biex jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi.

1.2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iddeċidiet fil-kawża Pringle (6) li d-dmirijiet mogħtija lill-Kummissjoni Ewropea u lill-BĊE mit-Trattat tal-MES, għalkemm huma importanti, ma jinvolvu l-ebda setgħa li jieħdu deċiżjonijiet. Barra minn hekk, l-attivitajiet li jsiru minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fi ħdan it-Trattat tal-MES jikkommettu biss lill-MES (7). Il-QĠUE ddeċidiet ukoll li, “Fir-rigward tal-kompiti attribwiti lill-BĊE mit-Trattat MES, dawn jikkonkordaw mad-diversi funzjonijiet li t-Trattat FUE u l-Istatut tas-SEBĊ [u tal-BĊE] jattribwixxu lil din l-istituzzjoni” (8).

1.3.

Ir-rwol tal-BĊE taħt ir-regolament propost jibqa’ fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dak taħt it-Trattat tal-MES. F’dan ir-rigward, il-BĊE jqis li huwa importanti li jiġi enfasizzat li kwalunkwe kontribut kemm taħt it-Trattat tal-MES kif ukoll taħt ir-regolament propost jiffoka fuq kwistjonijiet speċifiċi li huma ta’ rilevanza għall-kompitu bażiku tas-SEBĊ li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja, kif ukoll għall-kontribut tas-SEBĊ għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-involviment tal-BĊE għandu jiżgura li l-BĊE ikun f’pożizzjoni mhux biss li jevalwa l-implikazzjonijiet għall-kompiti tiegħu, iżda wkoll li jipprovdi l-kompetenza tiegħu għall-benefiċċju tal-MES, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istat Membru kkonċernat. Il-formulazzjoni attwali skont liema din il-Kummissjoni Ewropea twettaq il-kompiti tagħha “flimkien ma’” l-BĊE ġiet żviluppata waqt il-kriżi finanzjarja. Il-BĊE jirrakkomanda li, fid-dawl ta’ iktar żvilupp u tisħiħ tal-qafas permanenti tal-Unjoni għall-ġestjoni ta’ kriżijiet f’ambjent ta’ wara l-kriżi, kwalunkwe rwol kontributorju tal-BĊE għandu jiġi ċċarat aktar sabiex jirrifletti aħjar il-kompiti u l-indipendenza tal-BĊE skont it-Trattati u l-allokazzjoni ċara tal-kompetenza teknika u r-responsabbiltajiet fil-qafas futur tal-MES. Għall-quddiem, il-BĊE jista’ jittratta, b’mod xieraq u fejn meħtieġ, skont il-kompetenzi tiegħu, politiki tas-settur finanzjarju u kwistjonijiet makro-kritiċi, bħal miri fiskali ewlenin u ħtiġijiet ta’ sostenibbiltà u finanzjament.

1.4.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jirrakkomanda li għandhom jiġu introdotti kjarifiki fir-regolament propost biex jirriflettu r-rwol tal-BĊE taħt leġiżlazzjoni oħra, inkluż b’mod partikolari r-rwol tal-BĊE fi ħdan il-Mekkaniżmu ta’ Sorveljanza Uniku (MSU) li ġie stabbilit fl-2013, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-MES (9). Strumenti ta’ assistenza finanzjarja indirizzati lis-settur bankarju għandhom iqisu r-responsabbiltajiet tal-BĊE għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-qafas tal-MSU (10). F’dan ir-rigward, ir-regolament propost għandu jiżgura involviment adegwat u f’waqtu ta’, jew għoti ta’ informazzjoni lill-BĊE, kif xieraq, bi tħejjija biex jipprovdi appoġġ taħt dawk l-istrumenti.

2.   Appoġġ lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

2.1.

Ir-regolament propost jintroduċi kompitu ġdid li għandu jitwettaq mill-MES, sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu li jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kif ukoll tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja. Il-MES huwa inkarigat li jipprovdi appoġġ finanzjarju, f’forma ta’ linji ta’ kreditu jew garanziji, lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), li ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

2.2.

Kif enfasizzat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar it-Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, il-BĊE jappoġġja l-inizjattiva li tassenja lill-MES bil-kompitu li jipprovdi sostenn komuni kredibbli lill-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni (SRF). Kif innota preċedentement il-BĊE (12), huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ sostenn addizzjonali li jistgħu jiġu attivati f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fil-każ li l-kontribuzzjonijiet ex-ante tal-SRF mhumiex biżżejjed u l-kontribuzzjonijiet ex-post mhumiex aċċessibbli minnufih biex ikopru l-ispejjeż tiegħu, billi jikkuntratta self jew forom oħra ta’ appoġġ minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji jew partijiet terzi oħra. Dan is-sostenn, għandu jiġi implimentat malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard mit-tmiem tal-perjodu tranżitorju fl-1 ta’ Jannar 2024 previst fir-Regolament (UE) Nru 806/2014.

2.3.

Huwa importanti ħafna li s-sostenn ikun ta’ appoġġ għall-miżuri kollha possibbli mill-SRB, inkluż l-għoti ta’ appoġġ ta’ solvenza u appoġġ ta’ likwidità lill-istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni. Dan l-appoġġ ta’ likwidità jippreżenta riskju ferm iżgħar li se jkun hemm telf, u huwa minnu nnifsu ta’ natura temporanja. Arranġamenti ta’ sostenn li jiffaċilitaw il-provvista ta’ likwidità mill-SRB huma partikolarment importanti, minħabba li l-volumi ta’ appoġġ ta’ likwidità lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jistgħu jkunu għolja, u b’hekk jaqbżu l-kapaċità tal-SRF.

2.4.

Il-BĊE jaqbel li s-sostenn għandu jkun newtrali fiskalment fuq terminu ta’ żmien medju billi jiżgura li l-assistenza pubblika tiġi rkuprata permezz ta’ imposti ex post fuq l-industrija finanzjarja. Dan ir-rekwiżit jippreserva waħda mir-raġunijiet ewlenin biex jitwaqqaf il-Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku, sabiex ikun hemm ir-riżoluzzjoni tal-banek mingħajr ma jkun hemm spejjeż permanenti għall-kontribwenti tat-taxxa. Ikun importanti li jiġi kkalibrat b’attenzjoni l-orizzont taż-żmien biex jiġu rkuprati dawn il-fondi mis-settur finanzjarju sabiex jiġu evitati imposti li jkunu marbutin wisq favur iċ-ċikli (13).

2.5.

Il-BĊE jinnota ċerta inkongruenza fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-appoġġ lill-SRB. Min-naħa waħda, l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-MSU, u l-Istati Membri taż-żona tal-euro, permezz tal-MES, flimkien jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-SRB. Għal dik ir-raġuni, id-deċiżjonijiet dwar appoġġ lill-SRB se jittieħdu mill-Bord tal-Gvernaturi, waqt li jaġixxu bi ftehim mal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-MSU. Madankollu, fir-rigward tal-approvazzjoni sussegwenti ta’ dawn id-deċiżjonijiet mill-Kunsill, il-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fil-votazzjoni (14). Dan jinkludi Stati Membri barra ż-żona tal-euro li ma jipparteċipawx fl-MSU.

2.6.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċedura kollha rigward dan l-appoġġ lill-SRB tista’ titlesta malajr u ma ddewwimx l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-SRB dwar l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar il-ħlasijiet tal-MES għandhom ikunu kemm jista’ jkun awtomatiċi, rapidi u effiċjenti. F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jipprovdi għal proċedura rapida fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-MES fuq il-ġbid. Id-Direttur Maniġerjali għandu l-awtorità li jiddeċiedi dwar il-ġbid, u għandu jadotta din id-deċiżjoni, sa mhux aktar tard minn 12-il siegħa wara li jkun irċieva talba mill-SRB (15).

3.   Isem ġdid għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà

3.1.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tibdel isem il-MES tista’ tiżgwida, kemm fir-rigward tal-għanijiet tal-MES kif ukoll tal-istrumenti disponibbli għaliha. Il-BĊE jissuġġerixxi li l-isem eżistenti tal-MES jinżamm, minħabba li dan jiżgura ċ-ċarezza u l-kontinwità għall-pubbliku. F’dan ir-rigward, l-użu tat-terminu “monetarju” fl-isem il-ġdid tal-korp tal-Unjoni fir-regolament propost mhuwiex preċiż, b’mod partikolari minħabba li l-għanijiet u l-kompiti tal-MES mhumiex ta’ natura “monetarja”. Skond it-Trattati, il-politika ekonomika hija bbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, fuq is-suq intern u fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet komuni, filwaqt li l-kompiti bażiċi li jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika monetarja tal-Unjoni u operazzjonijiet tal-kambju huma mogħtija lis-SEBĊ, li hija rregolata mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE.

3.2.

Il-QĠUE ddeċidiet fil-kawża Pringle li l-istabbiliment tal-MES jaqa’ fil-qasam tal-politika ekonomika (16). Il-Qorti nnutat li l-għan segwit mill-MES, li huwa li jissalvagwardja l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha, huwa kjarament distint mill-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li huwa l-għan ewlieni tal-politika monetarja tal-Unjoni. Għalkemm l-istabbiltà taż-żona tal-euro jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq l-istabbiltà tal-munita użata f’dik iż-żona, miżura tal-politika ekonomika ma tistax titqies bħala ekwivalenti għal miżura ta’ politika monetarja għall-unika raġuni li jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà tal-euro (17).

3.3.

Il-BĊE jifhem li l-għażla tal-isem il-ġdid propost setgħet ġiet ispirata mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Madankollu, il-FMI ġie stabbilit taħt ċirkostanzi differenti u b’għanijiet u kompiti differenti. Il-FMI ġie stabbilit permezz ta’ Artikoli ta’ Ftehim tal-FMI adottati fl-1944 u inkarigat mill-monitoraġġ tal-aderenza tal-membri fis-sistema tar-rata tal-kambju “valur pari” — magħrufa wkoll bħala s-sistema Bretton Woods — biex tiġi evitata repetizzjoni tal-iżvalutazzjonijiet kompetittivi li kienu kkontribwixxew għad-Dipressjoni l-Kbira fis-snin tletin. L-għanijiet tiegħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni monetarja internazzjonali; li jiffaċilita l-espansjoni u t-tkabbir ibbilanċjat tal-kummerċ internazzjonali; li jippromwovi l-istabbiltà tal-iskambju, li jżomm arranġamenti ta’ skambju b’mod ordnat fost il-membri, u li jevita deprezzament kompetittiv tal-kambju u jagħmel ir-riżorsi ġenerali tal-FMI temporanjament disponibbli għall-membri tiegħu taħt salvagwardji adegwati, u b’hekk jipprovdilhom l-opportunità li jikkoreġu l-aġġustamenti ħżiena fil-bilanċ tal-pagamenti tagħhom (18).

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta’ April 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2017) 827 final.

(2)  Ara l-paragrafu 8 tal-Opinjoni CON/2011/24. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(3)  Ara l-Kummissjoni Ewropea, Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, Rapport minn Jean-Claude Juncker, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schultz tat-22 ta’ Ġunju 2015, disponibbli fil-websajt tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu

(4)  Ara Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża, ECLI:EU:C:1971:121, punt 20; Opinjoni 1/92, Opinjoni tal-Qorti tal-10 ta’ April 1992, ECLI:EU:C:1992:189, punt 41; Thomas Pringle vs Il-Gvern tal-Irlanda u oħrajn, C-370/12, ECLI:EU:C:2012:756, punt 158.

(5)  Ara l-paragrafu 6 tal-Opinjoni CON/2011/24.

(6)  Ara C-370/12 Pringle.

(7)  Ara C-370/12 Pringle, punt 161.

(8)  Ara C-370/12 Pringle, punt 165. Ara wkoll il-punt 150 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Peter Gauweiler et vs Deutscher Bundestag, C 62/14, ECLI:EU:C:2015:7.

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(10)  Landeskreditbank Baden-Württemberg-Förderbank vs Bank Ċentrali Ewropew, T-122/15, ECLI:EU:T:2017:337, punt 63.

(11)  (*) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(12)  Ara l-paragrafu 2.8 tal-Opinjoni CON/2013/76.

(13)  Ara l-paragrafu 2.8 tal-Opinjoni CON/2013/76.

(14)  L-Artikolu 3(4) tar-Regolament propost u l-Artikoli 22 u 23 tal-Anness għar-Regolament propost.

(15)  L-Artikoli 22(7) u 23(2)(b) tal-Anness għar-Regolament propost.

(16)  Ara C-370/12 Pringle, punt 60.

(17)  Ara C-370/12 Pringle, punt 56.

(18)  Ara l-Artikolu I (i), (ii), (iii) u (v) tal-Artikoli tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali.


Top