EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0001

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Jannar 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 u li jħassar għaxar atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju (CON/2018/1)

OJ C 77, 1.3.2018, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Jannar 2018

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 u li jħassar għaxar atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju

(CON/2018/1)

(2018/C 77/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-24 ta’ Marzu 2017 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tan-negozju, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 u li jħassar għaxar atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost jikkonċerna l-ġbir tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti (BOP) li huwa kompitu tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (2), rilevanti għall-kompiti bażiċi tas-SEBĊ għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja, it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ kambju barrani u ż-żamma u l-ġestjoni tar-riservi barranin uffiċjali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat. B’konformitá mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li tkompli ttejjeb il-konsistenza, il-kwalità u l-armonizzazzjoni tal-istatistika Ewropea tan-negozju, b’mod partikolari billi tiġi pprovduta statistika adattata biex tifformula u timmonitorja politiki tal-Unjoni li jaffettwaw lin-negozji, filwaqt li żżomm il-piż tar-rapportar fuq dawn in-negozji għal minimu.

1.2.

Ir-risposta prevista għal rekwiżiti ta’ dejta pendenti hija wkoll milqugħa ħafna. Il-BĊE bi pjaċir jinnota t-titjib propost, fid-disponibbiltà ġenerali ta’ informazzjoni għas-settur tas-servizzi fil-kuntest ta’ “statistika għal żmien qasir”, partikolarment peress li l-frekwenza tal-għoti ta’ dejta bħal din għandha tiżdied minn kull tliet xhur għal kull xahar. Dan it-titjib jirrifletti r-rilevanza addizzjonali tal-industriji tas-servizzi, li issa jammontaw għal aktar minn żewġ terzi tal-prodott domestiku gross taż-żona tal-euro. Jirrispondi tajjeb ukoll għar-rekwiżiti tal-BĊE (3), li ġew espressi matul l-aħħar żmien, u għall-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (4).

1.3.

Il-BĊE jipproponi li r-Rakkomandazzjoni BERS/2016/14 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5), li tikkonċerna l-għeluq ta’ lakuni fid-dejta tal-proprjetà immobbli, għandha tkun riflessa fid-dejta tal-kostruzzjoni meħtieġa u t-tqassim tagħha. B’mod partikolari, id-dejta dwar il-bidu u t-tlestija tal-kostruzzjoni kif ukoll ir-rati ta’ postijiet battala għandhom jitqiesu għall-inklużjoni fir-regolament propost.

1.4.

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jalloka lill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), il-kompitu li jiġbor informazzjoni dwar inter alia statistika BOP u pożizzjonijiet ta’ investiment internazzjonali (IIP), jew minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament minn aġenti ekonomiċi. Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE huma stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2011/23 tal-Bank Ċentrali Ewropew (6).

1.5.

L-istatistika tal-BOP u tal-IIP hija kruċjali għat-twettiq tal-kompiti bażiċi tal-SEBĊ skont it-Trattat għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ kambju barrani u ż-żamma u l-ġestjoni ta’ riżervi barranin uffiċjali tal-Istati Membri. Huma jappoġġaw ukoll l-evalwazzjoni tal-vulnerabbiltajiet esterni u l-interkonnessjoni għal skopijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u huma użati fl-indikaturi tat-“tabella tar-riskju” tal-Bord Ewropew ta’ Riskju Sistemiku (BERS) skont il-kompiti tal-BERS taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u tat-“tabella ta’ punteġġ” tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). L-istatistika tal-BOP u tal-IIP hija parti mill-“Istandard Speċjali tad-Disseminazzjoni tad-Dejta” tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u hija meħtieġa għall-“konsultazzjonijiet tal-Artikolu IV” imwettqa miż-żona tal-euro u l-Istati Membri taż-żona tal-euro skont l-Artikolu IV tal-Artikoli tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali.

1.6.

Il-BĊE jinnota li xi wħud mir-rekwiżiti li għandhom jiġu inklużi fir-regolament propost, b’mod partikolari l-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali trimestrali fis-servizzi (ITS), bħalissa huma ddefiniti fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u li rekwiżiti identiċi huma ddefiniti fit-Tabella 2 tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2011/23. Huwa fl-interess tal-kwalità ġenerali tal-istatistika Ewropea tal-BOP u l-IIP prodotta mis-Sistema Statistika Ewropea (ESS) u s-SEBĊ li tinżamm tali konsistenza. Huwa wkoll tal-akbar importanza li l-istatistika tal-BOP u tal-IIP tibqa’ internament koerenti u komprensiva.

1.7.

Barra minn hekk, peress li dawn ir-rekwiżiti huma parzjalment sodisfatti f’livell nazzjonali minn inizjattivi ta’ ġbir ta’ dejta żviluppati mill-BĊNi, il-BĊE jilqa’ b’ħafna sodisfazzjon l-Artikolu 23 tar-regolament propost u r-rwol assenjat lill-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti stabbilit mid-Deċiżjoni 2006/856/KE (10). B’mod aktar ġenerali, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u l-ESS meta jiġu ddefiniti, emendati jew aġġornati rekwiżiti bħal dawn, kif ukoll ir-rekwiżiti l-oħra kollha dwar l-istatistika tan-negozju (pereżempju biex jindirizzaw bżonnijiet ta’ dejta fil-qasam tal-‘globalizzazzjoni’) li direttament jew indirettament jaffettwaw il-kumpilazzjoni ta’ statistika tal-BOP u tal-IIP.

1.8.

Setgħat ta’ implimentazzjoni għad-definizzjoni preċiża tar-rekwiżiti tad-dejta

L-Artikolu 7 tar-regolament propost jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni bil-għan li tispeċifika aktar ċerti elementi tad-dejta li għandha tiġi trażmessa. Dawn jinkludu aspetti metodoloġiċi fundamentali, bħad-definizzjoni tal-unità statistika rilevanti u klassifikazzjonijiet statistiċi oħra applikabbli. F’dan il-kuntest, mill-perspettiva kemm tal-utenti kif ukoll tal-kompilaturi tal-istatistika, se jkun importanti li tiġi żgurata koerenza bejn ir-rekwiżiti tal-ITS iddefiniti fir-regolament propost u dawk iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 184/2005. Għalhekk, il-BĊE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-qrubija metodoloġika u l-koerenza bejn iż-żewġ settijiet tad-dejta.

1.9.

Fl-aħħarnett, il-BĊE jixtieq jenfasizza l-importanza li l-BĊE jiġi kkonsultat dwar l-atti legali delegati u implimentattivi kollha li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, u b’mod tempestiv, bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (11).

2.   Osservazzjonijiet tekniċi u proposti ta’ abbozzar

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu stipulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmula fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2017) 114 finali. Il-miżuri stabbiliti fir-regolament propost huma maħsuba biex jissostitwixxu dawk li jinsabu fl-għaxar atti legali li se jiġu mħassra, li huma elenkati fil-premessa 36 tar-regolament propost.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 23).

(3)  Analiżi tar-rekwiżiti fil-qasam tal-Istatistika Ekonomika Ġenerali, il-Bank Ċentrali Ewropew, 2004, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN dwar l-Istatistika tal-UE, l-2972 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Brussell, 10 ta’ Novembru 2009, disponibbli fuq www.consilium.europa.eu

(5)  Rakkomandazzjoni BERS/2016/14 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-31 ta’ Ottubru 2016 dwar l-għeluq ta’ lakuni fid-dejta dwar il-proprjetà immobbli (ĠU C 31, 31.1.2017, p. 1).

(6)  Linja Gwida BĊE/2011/23 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (ĠU L 65, 3.3.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi Kumitat dwar l-istatistika monetarja, finanzjarja u tal-bilanċ tal-pagamenti ((ĠU L 335M 13.12.2008, p. 530).

(11)  Ara, pereżempju, il-paragrafu 4 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2012/5 (ĠU C 105, 11.4.2012, p. 1); para. 8 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2011/44 (ĠU C 203, 9.7.2011, p. 3); u para. 4 tal-tal-Opinjoni tal-BĊE/2011/42 (ĠU C 159, 28.5.2011, p. 10).


Top