EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AB0047

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Novembru 2017 dwar reviżjonijiet għall-qafas ta' ġestjoni ta' kriżijiet tal-Unjoni (CON/2017/47)

OJ C 34, 31.1.2018, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/17


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta' Novembru 2017

dwar reviżjonijiet għall-qafas ta' ġestjoni ta' kriżijiet tal-Unjoni

(CON/2017/47)

(2018/C 34/06)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-2 u fl-20 ta' Frar 2017 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 rigward il-proporzjon ta' ingranaġġ, il-proporzjon ta' ffinanzjar stabbli nett, ir-rekwiżiti tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli, ir-riskju ta' kreditu tal-kontroparti, ir-riskju tas-suq, l-esponiment għall-kontropartijiet ċentrali, l-esponiment għall-impriżi ta' investiment kollettiv, l-esponiment kbir, ir-rekwiżiti ta' rappurtar u żvelar, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) (iktar 'il quddiem “l-emendi proposti għar-Regolament dwar Rekwiżiti Kapitali”) (2).

Fis-17 u l-20 ta' Frar 2017 il-BĊE rċieva talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni kapitali (3) (iktar 'il quddiem l-“emendi proposti għad-Direttiva dwar rekwiżiti kapitali”).

Fit-2 u fl-20 ta' Frar 2017 il-BĊE rrċieva talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' Rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti ta' investiment (4) (iktar 'il quddiem l-“emendi proposti għar-Regolament dwar Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni”).

Fl-20 ta' Frar 2017 il-BĊE rċieva talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE dwar il-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni ta' istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 98/26/KE, id-Direttiva 2002/47/KE, id-Direttiva 2012/30/UE, id-Direttiva 2011/35/UE, id-Direttiva 2005/56/KE, id-Direttiva 2004/25/KE, id-Direttiva 2007/36/KE (5) (iktar 'il quddiem l-“emendi proposti għad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta' Banek”) (iktar 'il quddiem imsejħa kollettivament “ir-regolamenti u direttivi ta' emenda proposti”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolamenti u direttivi ta' emenda proposti fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. F'konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Implimentazzjoni tal-istandard tal-kapaċità totali ta' assorbiment ta' telf (total loss-absorbing capacity — TLAC) fl-Unjoni

Il-BĊE jilqa' r-regolamenti u d-direttiva ta' emenda proposti, li jimmiraw li jimplimentaw l-istandard TLAC tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) (6) għal istituzzjoni globali sistemikament importanti (G-SIIs) stabbiliti fl-Unjoni. Jekk l-ambitu tar-rekwiżiti tal-kapaċità totali ta' assorbiment ta' telf (TLAC) jiġi estiż għal sett ieħor ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, eż. għal istituzzjonijiet sistemikament importanti oħrajn (O-SIIs), dan joħloq kwistjonijiet ta' kalibrazzjoni, peress li għandhom profili eteroġenji ħafna. Madankollu, jekk tiġi kkunsidrata estensjoni tal-ambitu, alternattiva tista' tkun li jiġi kopert subsett ta' O-SIIs, li jixbhu lill-G-SIIs f'termini ta' daqs, kumplessità, mudell ta' negozju, interkonnettività u importanza sistemika, possibbilment b'livell ta' kalibrazzjoni minimu aktar baxx. Dan għandu jippermetti li d-differenzi meta mqabbla mal-G-SIIs ikunu riflessi b'mod aktar preċiż.

2.   Emendi għar-rekwiżit minimu ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (minimum requirement for own funds and eligible liabilities — MREL)

2.1.

L-MREL jikkonsisti f'żewġ partijiet: ammont ta' assorbiment ta' telf u ammont ta' rikapitalizzazzjoni. L-emendi proposti għad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (7) (BRRD) u għar-Regolament dwar Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (8) (SRMR) jipprovdu l-possibbiltà għall-awtorità ta' riżoluzzjoni li taġġusta l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni tal-MREL sabiex jirrifletti b'mod adegwat ir-riskji li jirriżultaw mill-mudell ta' negozju, mill-mudell ta' finanzjament u mir-riskju ġenerali (9). Dan jippermetti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni biex tikkunsidra tnaqqis probabbli fl-assi u profil ta' riskju differenti tal-istituzzjoni wara l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u sabiex jiġi aġġustat l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni għad-daqs il-ġdid iktar żgħir tal-karta tal-bilanċ.

Barra minn dan il-BĊE jqis illi wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha titħalla taġġusta l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni ‘l fuq sabiex ikun hemm “marġni ta’ sigurtà”. Dan il-buffer żgħir jiżgura illi l-grupp u l-entitajiet li jirriżultaw mir-riżoluzzjoni jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex ikopru telf addizzjonali mhux mistenni u spejjeż mhux previsti li jistgħu jinqalgħu fil-perijodu wara r-riżoluzzjoni, li jistgħu, eż., jinqalgħu mill-eżitu finali tal-evalwazzjoni jew ikunu marbutin ma’ spejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. L-ammont ta’ dan il-marġni ta’ sigurtà għandu jkun stabbilit fuq bażi ta’ każ każ, skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni għall-istituzzjoni ta’ kreditu.

2.2.

L-emendi proposti għall-BRRD u l-SRMR jippermettu lil awtorità ta' riżoluzzjoni biex tagħti gwida lil entità biex ikollha fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li jaqbżu l-MREL, sabiex ikopru t-telf addizzjonali potenzjali tal-entità u sabiex tiġi żgurata fiduċja tas-suq fir-riżoluzzjoni (10). Il-BĊE jirrakkomanda li l-gwida proposta tal-MREL tiġi eliminata billi din iżżid kumplessità għall-qafas mingħajr ma tipprovdi benefiċċji ċari. Fl-ewwel lok, il-gwida tal-MREL tista' żżid il-kalibrazzjoni globali tal-MREL, peress li l-gwida tista' tiġi pperċepita mis-suq bħala rekwiżit li dejjem irid jiġi rrispettat. Is-setgħa tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tikkonverti l-gwida tal-MREL, jekk tinkiser b'mod konsistenti, f'rekwiżit vinkolanti tal-MREL (11), tista' ssaħħaħ il-perċezzjoni tas-suq li l-gwida tal-MREL essenzjalment tikkontribwixxi għal rekwiżit miżjud tal-MREL. Fit-tieni lok, il-gwida tal-MREL mhijiex meħtieġa biex issejjes il-konformità mar-rekwiżit tal-MREL peress li r-rekwiżit ta' bafer ikkombinat diġà huwa sovrappost fuq ir-rekwiżit tal-MREL fil-proposta tal-Kummissjoni. Fit-tielet lok, il-gwida tal-MREL ma tistax tiġi ġġustifikata bl-objettiv li jiġu evitati restrizzjonijiet awtomatiċi tal-ammont massimu distribwibbli (maximum distributable amount — MDA) peress li ksur tar-rekwiżit tal-bafer ikkombinat sovrappost fuq ir-rekwiżit tal-MREL m'għandux, fi kwalunkwe każ, iwassal għal restrizzjonijiet awtomatiċi immedjati fuq id-distribuzzjonijiet (12). Fir-raba' lok, il-gwida tal-MREL ma tidhirx li hija meħtieġa biex ittejjeb il-flessibbiltà tal-awtorità ta' riżoluzzjoni billi r-rekwiżit tal-MREL jista' wkoll jiġi aġġustat jekk meħtieġ, pereżempju billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta' sigurtà propost.

2.3.

Taħt l-emendi proposti għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (13) (CRD) (14), l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitqiesu jonqsu milli jilħqu r-rekwiżit ta' bafer ikkombinat jekk ma jkollhomx biżżejjed fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit ta' bafer ikkombinat, ir-rekwiżiti kapitali u l-MREL fl-istess ħin. Peress li r-rekwiżit ta' bafer ikkombinat jinsab aktar 'il fuq kemm mir-rekwiżit MREL (15) (l-ewwel xenarju) kif ukoll mir-rekwiżiti kapitali (16) (it-tieni xenarju) is-setgħat li jiġi indirizzat ksur tal-bafers għandhom jiġu adattati skont is-sitwazzjoni sottostanti. Għalkemm l-awtorità ta' riżoluzzjoni tinsab f'pożizzjoni tajba biex teħtieġ pjan ta' restawr tal-MREL fl-ewwel xenarju, l-awtorità kompetenti għandha taġixxi skont is-CRD fit-tieni xenarju.

2.4.

Il-proċess biex jiġu indirizzati jew imneħħija impedimenti għar-riżolvibbiltà minħabba ksur ta' bafers sovrapposti fuq l-MREL (17) għandu jiġi mmodifikat sabiex jinkludi konsultazzjoni tal-awtorità kompetenti, kif huwa diġà pprovdut b'rabta ma' impedimenti l-oħrajn. Fit-tieni lok, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandu jkollhom aktar flessibbiltà fir-rigward ta' skadenzi sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjoni ta' kreditu jkollha biżżejjed żmien, jekk meħtieġ, biex tiżviluppa l-aktar strateġija xierqa biex tindirizza l-ksur tal-bafers. Barra minn hekk, il-BĊE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, li tippermetti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni biex teħtieġ lil istituzzjoni biex tbiddel il-profil tal-maturità tal-istrumenti MREL bħala parti mill-miżuri biex tindirizza impedimenti għar-riżolvibbiltà (18).

2.5.

Il-BĊE jirrakkomanda li l-emendi proposti għall-BRRD u l-SRMR jiċċaraw li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom il-kompitu li jimmonitorjaw il-livelli ta' strumenti eliġibbli tal-MREL disponibbli u l-proporzjon tal-MREL innifsu, waqt li jitqiesu l-kalkoli kollha dwar it-tnaqqis. Bl-istess mod, għandu jiġi ċċarat li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom ukoll il-kompitu li jimmonitorjaw il-konformità mal-MREL u li jinfurmaw lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe ksur u avvenimenti relevanti oħrajn li jistgħu jaffettwaw l-abbiltà tal-istituzzjoni ta' kreditu li tissodisfa l-MREL jew il-gwida tal-MREL.

2.6.

F'każ ta' ksur tal-MREL li jikkoinċidi ma' ksur tar-rekwiżiti kapitali, l-awtorità kompetenti għandha l-ewwel tindirizza l-ksur tar-rekwiżiti kapitali billi tadotta l-miżuri relevanti, jiġifieri miżuri superviżorji jew użu ta' setgħat ta' intervent bikri b'konsultazzjoni mal-awtorità ta' riżoluzzjoni. Din il-konsultazzjoni għandha tkun qasira sabiex tiżgura reazzjoni fil-pront għall-ksur tar-rekwiżiti kapitali. Barra minn hekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha biex tindirizza l-ksur tal-MREL, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-miżuri adottati mill-awtorità kompetenti.

2.7.

Taħt l-emendi proposti għar-Regolament dwar Rekwiżiti Kapitali (19) (CRR), il-fidi bikri ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jeħtieġ permess minn qabel sabiex tiġi evitata l-erożjoni ta' obbligazzjonijiet li kapaċi jkunu soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun responsabbli għall-għoti ta' dak il-permess, peress li hija responsabbli wkoll biex tiddetermina l-MREL u biex tispeċifika l-ammont u l-kwalità tal-istrumenti li ser ikunu meħtieġa għall-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta (20).

L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun meħtieġa tikkonsolta lill-awtorità kompetenti f'dawk il-każijiet meta istituzzjoni ta' kreditu tkun qiegħda tikkonverti l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-MREL fi strumenti ta' fondi proprji sabiex tiżgura konformità ma' rekwiżiti kapitali, peress li l-approvazzjoni ta' dik il-miżura tista' tkun meħtieġa sabiex tippreżerva l-pożizzjoni kapitali tal-istituzzjoni bħala negozju avvjat. Finalment, l-emendi għandhom jiċċaraw li strumenti ta' obbligazzjonijiet eliġibbli b'maturità residwa ta' inqas minn sena huma wkoll soġġetti għal dan ir-rekwiżit għal permess minn qabel meta l-entità jew il-grupp ta' riżoluzzjoni jkunu kisru l-MREL tagħhom.

2.8.

Il-BĊE jara mertu fl-emendi proposti għas-CRD, li jipprovdu li restrizzjonijiet awtomatiċi ta' MDA ma japplikawx meta l-ksur tar-rekwiżit ta' bafer ikkombinat ikun minħabba l-inabbiltà tal-istituzzjoni li tissostitwixxi obbligazzjonijiet li m'għadhomx jissodisfaw l-eliġibbiltà jew il-kriterji ta' maturità tal-MREL (21). Din l-eżenzjoni għandha tiġi estiża biex tinkludi s-sitwazzjoni fejn l-istituzzjoni tikseb ir-rekwiżit ta' bafer ikkombinat sovrappost fuq ir-rekwiżit tal-MREL (22) peress li ġġarrab tnaqqis ta' fondi proprji, iżda ma tiksirx ir-rekwiżit tagħha ta' bafer ikkombinat sovrappost fuq ir-rekwiżiti kapitali. F'sitwazzjoni bħal dik, l-istituzzjoni ta' kreditu jista' xorta waħda jkollha livell relattivament għoli ta' fondi proprji, li, meta jitqiesu b'mod iżolat mingħajr l-MREL, ikun biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti tagħha ta' fondi proprji u r-rekwiżit tagħha ta' bafer ikkombinat.

2.9.

Il-BĊE jirrakkomanda li l-eżenzjoni proposta mill-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet tal-MDA m'għandhiex tkun limitata għal perijodu ta' sitt xhur, peress li kwalunkwe tip ta' applikazzjoni awtomatika ta' restrizzjonijiet tal-MDA f'tali każijiet tista' tkompli taggrava l-istress fis-suq ta' finanzjament meta jkun meħtieġ li jinħareġ kapital ġdid jew strumenti ta' dejn (23). Minflok, l-eżenzjoni għandha tapplika għal perijodu ta' tnax-il xahar, li jħalli żmien addizzjonali biex l-istituzzjoni toħroġ strumenti eliġibbli MREL. Dan huwa partikolarment relevanti peress li strumenti MREL ġeneralment ikollhom maturitajiet iqsar minn strumenti ta' fondi proprji u b'hekk iġorru riskji ta' rifinanzjament akbar, li jista' jikkoinċidi ma' stress futur fis-swieq ta' finanzjament.

2.10.

Mill-perspettiva ta' stabilità finanzjarja, mhuwiex mixtieq li jkun hemm parteċipazzjonijiet inkroċjati ta' obbligazzjonijiet MREL bejn istituzzjonijiet ta' kreditu. Sabiex jiġi evitat għadd doppju u jiġu llimitati l-effetti ta' kontaġju, regoli ta' tnaqqis għandhom japplikaw għall-parteċipazzjonijiet kollha f'obbligazzjonijiet esterni ta' MREL, jiġifieri maħruġa lil entitajiet barra mill-grupp ta' riżoluzzjoni, irrispettivament mit-tip ta' istituzzjoni ta' kreditu, u mhux biss G-SIIs. L-istess metodu li huwa attwalment propost għal G-SIIs għandu japplika fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha, jiġifieri għandu jsir tnaqqis minn obbligazzjonijiet eliġibbli ta' MREL u minn fondi proprji fuq il-bażi ta' approċċ ta' tnaqqis korrispondenti. B'mod ġenerali, aspetti oħrajn tat-tnaqqis għandhom ikunu konsistenti ma' dak li ġie miftiehem fuq livell internazzjonali għat-TLAC, jiġifieri fl-FSB TLAC Term Sheet u fil-qafas ta' Basel III (24), inkluż għal gruppi bankarji b'aktar minn entità ta' riżoluzzjoni waħda u aktar minn grupp ta' riżoluzzjoni wieħed.

2.11.

Mill-perspettiva ta' stabbiltà finanzjarja, ir-risolvibbiltà tista' titnaqqas kieku strumenti ta' dejn superjuri “mhux ippreferuti” kif ukoll strumenti ta' dejn subordinat kellhom jinżammu minn investituri bl-imnut. Għalhekk, għandha tingħata kunsiderazzjoni lil rekwiżiti ta' żvelar ċari u li jinftiehmu faċilment u salvagwardji oħrajn sabiex tinħoloq kuxjenza fost l-investituri dwar ir-riskji assoċjati ma' dawk l-istrumenti. Bl-istess mod, jista' jkun rakkomandabbli li jiġi kkunsidrat rekwiżit ta' denominazzjoni minima ta' mill-inqas EUR 100 000 għal kull unità fir-rigward ta' kull strument. Dan għandu jżid il-livell minimu ta' investiment u b'hekk jgħolli wkoll s-sensibilizzazzjoni tal-investituri, biex b'hekk jiġi llimitat l-investiment dirett bl-imnut. Qafas komuni fil-livell tal-Unjoni għandu jiġi segwit fuq dawn il-kwistjonijiet sabiex jiġi evitat it-teħid ta' approċċi diverġenti bejn l-Istati Membri, li jista' jwassal għal frammentazzjoni fi ħdan is-suq tal-Unjoni għal dawn l-istrumenti (25).

2.12.

It-trattament ta' gruppi li għandhom jiġu riżolti taħt appoġġ ta' diversi punti ta' dħul għandu jiġi ċċarat. Fl-ewwel lok, id-definizzjoni ta' “grupp ta' riżoluzzjoni” għandha tinkludi sussidjarji minn pajjiżi terzi li huma punti ta' dħul huma stess peress li dawn jiġu ttrattati separatament mill-kumplament tal-grupp fil-każ ta' riżoluzzjoni (26). Fit-tieni lok, l-emendi għandhom jiċċaraw li l-konformità ma' MREL fil-livell tal-entità ta' riżoluzzjoni għandhom jinkisbu fuq bażi kkonsolidata fil-livell tal-grupp ta' riżoluzzjoni (27). Fit-tielet lok, ir-regoli proposti dwar tnaqqis mill-obbligazzjonijiet eliġibbli applikabbli għal gruppi li għandhom jiġu riżolti taħt l-approċċ ta' diversi punti ta' dħul (28) għandhom jirriflettu bis-sħiħ il-folja ta' termini tat-TLAC fir-rigward tal-aġġustamenti awtorizzati u l-komponenti tal-formola.

3.   Arranġamenti tranżitorji għall-MREL

3.1.

Fattur ewlieni fl-implimentazzjoni ta' MREL speċifika għal entità huwa d-determinazzjoni ta' perijodu ta' tranżizzjoni adegwat. Il-livell potenzjalment għoli ta' nuqqasijiet ta' MREL li jista' jseħħ fil-bidu tal-introduzzjoni tal-livelli armonizzati ġodda jista' joħloq sfidi sinifikanti għal ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu sabiex dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti b'mod tempestiv fl-ambjent makroekonomiku attwali. Għalhekk, il-BĊE jipproponi li għandu jiġi introdott perijodu ta' tranżizzjoni minimu adegwat fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu, li m'għandux ikun iqsar mill-perijodu applikabbli għal G-SIIs stipulati fil-folja ta' termini tat-TLAC. Barra minn hekk, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tingħata l-flessibbiltà biex tiddetermina, fuq bażi ta' każ b'każ, perijodu finali għal konformità li jkun itwal minn dan il-minimu armonizzat. Il-BĊE jirrakkomanda li jiġi ċċarat li kwalunkwe estensjoni, lil hinn mill-perijodu ta' tranżizzjoni għal istituzzjoni partikolari, għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-isfidi biex jintlaħaq ir-rekwiżi tal-MREL li dik l-istituzzjoni tista' tiffaċċja minħabba aċċess limitat għas-suq jew kapaċità limitata fis-suq, jew restrizzjonijiet simili fl-ambjent makroekonomiku relevanti.

3.2.

Barra minn hekk, il-BĊE jara mertu fl-introduzzjoni ta' kriterji ta' eliġibbiltà ġodda għal strumenti ta' eliġibbli għall-MREL li jallinjaw il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-MREL mal-kriterji ta' eliġibbiltà tat-TLAC (29) u jintroduċu karatteristiċi addizzjonali li jtejbu l-permanenza ta' strumenti eliġibbli tal-MREL (30). Dawn għandhom jgħinu biex jiżguraw il-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-MREL fil-punt tar-riżoluzzjoni. Madankollu, il-karatteristiċi addizzjonali li jmorru lil hinn mill-kriterji ta' eliġibbiltà tat-TLAC jistgħu jwasslu għal nuqqasijiet ulterjuri, eż. billi obbligazzjonijiet bi klawsoli ta' aċċelerazzjoni jsiru ineliġibbli, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi ffissat il-perijodu ta' tranżizzjoni finali għal konformità mal-MREL fuq bażi ta' każ b'każ. Alternattivament, l-emendi proposti għas-CRR jistgħu jiġu fformulati mill-ġdid biex jispeċifikaw li obbligazzjonijiet li qabel kienu eliġibbli ħgal MREL iżda li mhumiex konformi ma' karatteristiċi addizzjonali ġodda ser ikunu soġġetti għall-prinċipju ta' anterjorità, li jfisser li ser ikomplu jkunu eliġibbi bħal ma huma taħt ir-reġim attwali. Dik l-anterjorità għandha titneħħa f'fażijiet fuq medda ta' żmien raġonevoli.

3.3.

Rigward ir-rekwiżit li obbligazzjonijiet li jinħolqu minn strumenti ta' dejn b'derivattivi inkorporati għandhom jiġu esklużi minn obbligazzjonijiet eliġibbli, hija meħtieġa kjarifika ulterjuri tad-definizzjoni ta' “derivattivi inkorporati”. Dan jista' jinkiseb possibbilment permezz tal-iżvilupp ta' standards tekniċi regolatorji korrispondenti (31).

4.   Miżuri ta' intervent bikri

4.1.

Hemm trikkib sinifikanti bejn miżuri superviżorji taħt is-CRD (32), ir-Regolament MSU (33) (RMSU) u miżuri ta' intervent bikri pprovduti fil-BRRD, kemm f'termini ta' kontenut kif ukoll fil-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom. Dan it-trikkib joħloq sfidi sinifikanti għall-implimentazzjoni prattika tal-qafas ta' intervent bikri, b'mod speċjali fid-dawl tan-nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal intervent bikri.

4.2.

Barra minn hekk, is-setgħat ta' intervent bikri tal-BĊE għandhom jiġu eżerċitati fuq il-bażi ta' traspożizzjonijiet nazzjonali individwali tal-BRRD (34). Dan jirriżulta f'inċertezza fir-rigward tal-miżuri u kundizzjonijiet disponibbli għall-eżerċitar tagħhom f'kull Stat Membru.

4.3.

Konsegwentement, il-BĊE jirrakkomanda li jitneħħew mill-BRRD dawk il-miżuri ta' intervent bikri li huma diġà disponibbli fis-CRD u fl-RMSU u li jiġi emendat l-RMSU sabiex jipprovdi bażi legali f'regolament għas-setgħat ta' intervent bikri tal-BĊE sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tagħhom.

5.   Għodda ta' moratorium ta' qabel ir-riżoluzzjoni

5.1.

L-emendi proposti għall-BRRD jagħtu setgħat ġodda biex jiġu sospiżi obbligi ta' ħlas u ta' konsenja kemm lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni. Waqt li l-BĊE ġeneralment jilqa' l-armonizzazzjoni ta' tali setgħat fil-livell tal-Unjoni, il-BĊE jippretendi li dawn is-setgħat estensivi jiġu eżerċitati biss f'ċirkustanzi estremi, jekk għandhom jintużaw. Minħabba n-natura eċċezzjonali tagħha u l-impatt tagħha ta' tfixkil fuq il-kuntratti, l-għodda ta' moratorium għandha tiġi deċiża f'koordinazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet relevanti kollha. Il-BĊE jissuġġerixxi li tiddaħħal proċedura għall-allokazzjoni tar-resbonsabbiltà għal moratorium jew lill-awtorità kompetenti jew ta' riżoluzzjoni, skont jekk il-moratorium ikunx impost qabel jew wara d-determinazzjoni ta' “qed tfalli jew aktarx li ser tfalli”. Dik il-proċedura għandha bħala regola tevita l-impożizzjoni ta' moratoria suċċessivi. Fuq bażi biss eċċezzjonali, meta dan ikun immotivat miċ-ċirkostanzi speċifiċi u b'mod konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandha l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun kapaċi timponi moratorium addizzjonali sabiex tagħlaq id-distakk mid-determinazzjoni ta' “qed tfalli jew aktarx li ser tfalli” sakemm tittieħed azzjoni ta' riżoluzzjoni.

5.2.

B'mod ġenerali, għodda ta' moratorium ta' qabel ir-riżoluzzjoni għandha tkun separata u indipendenti mill-miżuri ta' intervent bikri. L-objettiv ewlieni tal-moratorium ta' qabel ir-riżoluzzjoni għandu jkun li jipprevjeni deterjorament sever tal-karta ta' bilanċ ta' istituzzjoni ta' kreditu. B'mod partikolari, għodda ta' moratorium ta' qabel riżoluzzjoni għandha tagħti lill-awtorità kompetenti biżżejjed żmien, jek meħtieġ, biex tiffinalizza l-evalwazzjoni ta' “qiegħda tfalli jew aktarx ser tfalli”, waqt li tqis ukoll iż-żmien meħtieġ biex tittieħed dik id-deċiżjoni formali li teħtieġ ukoll konsultazzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni. Barra minn hekk, il-moratorium jippermetti żmien addizzjonali għall-awtorità ta' riżoluzzjoni biex tħejji l-kompiti ta' riżoluzzjoni tagħha b'mod parallel. Il-perijodu massimu għal moratorium għandu jkun ħamest ijiem ta' ħidma b'kollox, li jikkonsisti fil-moratorium ta' qabel ir-riżoluzzjoni meħud flimkien mal-moratorium ta' riżoluzzjoni, limitazzjoni li hija wkoll neċessarja meta jitqies l-impatt sever ta' moratorium fuq id-drittijiet tal-kredituri. Il-BĊE jwissi li perijodi prolongati meta d-depożitanti ma jkollhom ebda aċċess għad-depożiti tagħhom ixejnu l-kunfidenza fis-sistema bankarja u fl-aħħar mill-aħħar jistgħu joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

5.3.

Moratorium effettiv ta' qabel ir-riżoluzzjoni jeħtieġ li jkollu l-usa' ambitu possibbli sabiex jippermetti reazzjoni f'waqtha għal flussi “l barra tal-likwidità. L-eċċezzjoni ġenerali għal depożiti u pretensjonijiet koperti taħt skemi ta' kumpens għall-investituri għandha tiġi ssostitwita b'eżenzjonijiet diskrezzjonarji limitati li għandhom jingħataw mill-awtorità kompetenti sabiex jinżamm grad ta' flessibbiltà. Taħt dak l-approċċ, l-awtorità kompetenti tista”, pereżempju, tippermetti lid-depożitaturi jiġbdu ammont limitat ta' depożiti fuq bażi ta' kuljum b'mod konsistenti mal-livell ta' protezzjoni stabbilit taħt id-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSD) (35), waqt li jitqiesu restrizzjonijiet potenzjali ta' likwidità u ta' natura teknika. Għandhom jiġu stabbiliti ċerti salvagwardji biex jipproteġu d-drittijiet tad-depożitanti, bħal komunikazzjoni ċara dwar meta għandu jiġi rrestawrat l-aċċess għad-depożiti. Finalment, għandhom jiġu evalwati l-implikazzjonijiet possibbli taħt id-DGSD, peress li l-għodda ta' moratorium ta' qabel ir-riżoluzzjoni ma tkunx utli jekk titqies li tiskatta n-nuqqas ta' disponibbiltà tad-depożiti taħt id-DGSD.

5.4.

Il-BĊE jirrakkomanda li l-eżenzjonijiet eżistenti mill-moratorium relatati ma' infrastrutturi tas-suq finanzjarju (FMIs), inklużi l-kontropartijiet ċentrali, jiġu estiżi wkoll għal (a) depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) skont ir-Regolament dwar id-Depożitarji Ċentrali tat-Titoli (36), u (b) sistemi ta' ħlas ta' pajjiżi terzi soġġetti għal arranġament ta' sorveljanza kooperattiva li jinvolvi ta' mill-inqas bank ċentrali wieħed tas-SEBĊ. Sospensjoni li tipprojbixxi parteċipant (istituzzjoni ta' kreditu) milli tagħmel xi ħlasijiet lil FMI de facto tikkawża lil dak il-parteċipant li ma jkunx jista' jkompli jissodisfa l-obbligi tiegħu hekk kif isiru dovuti. Għal obbligi ta' ħlas lil FMIs, dan ipoġġi lill-parteċipant fi stat ta' inadempjenza. Mingħajr eżenzjoni għal dan it-tip ta' ħlas, il-moratorium attwalment ikollu l-potenzjal li joħloq u jxerred riskju sistemiku qabel ma jiskattaw is-slvagwardji tal-FMI (37).

5.5.

L-armonizzazzjoni proposta tas-setgħat ta' moratorium ta' qabel ir-riżoluzzjoni għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħat ta' moratorium oħrajn, eż. setgħat superviżorji jew ġudizzjarji, li jiddaħħlu fuq livell nazzjonali bħala salvagwardja għall-prinċipju ta' par condicio creditorum (trattament ugwali tal-kredituri) mal-ftuħ tal-proċeduri ta' insolvenza. Jekk istituzzjoni ta' kreditu ma tidħolx f'riżoluzzjoni wara li jkun ġie impost moratorium, eż. għaliex l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li riżoluzzjoni ma tkunx fl-interess pubbliku, dawk l-għodod nazzjonali jistgħu jerġgħu jsiru relevanti. Sitwazzjoni simili tista' sseħħ jekk l-entità li tkun qiegħda tfalli tidħol f'insolvenza wara l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni.

5.6.

L-eċċezzjonijiet fil-BRRD applikabbli għal banek ċentrali, inkluż fir-rigward tal-għodda ta' moratorium ta' qabel ir-riżoluzzjoni, għandhom jiġu estiżi biex jinkludu l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS). Il-BIS ġie fdat bil-kompiti li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali, biex jipprovdi faċilitajiet addizzjonali għal operazzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u biex jaġixxi bħala fiduċjarju jew aġent fir-rigward ta' ħlasijiet finanzjarji internazzjonali. B'hekk huwa xieraq li jiġi ttrattat b'mod simili għal bank ċentrali taħt il-BRRD.

5.7.

Għandhom isiru wkoll valutazzjonijiet ulterjuri fir-rigward tar-rikonoxximent tal-għodda tal- moratorium taħt liġijiet ta' pajjiżi terzi, b'mod speċifiku f'dawk il-każijiet fejn mekkaniżmu ta' rikonoxximent ikun għadu ma ġiex stabbilit. B'mod partikolari, għandha tingħata konsiderazzjoni b'attenzjoni lill-implikazzjonijiet potenzjali tal-għodda tal-moratorium għall-finijiet tal-International Swaps and Derivatives Association 2015 Universal Resolution Stay Protocol, li jirrikonoxxi biss perijodu iqsar għal waqfien, b'opt-out fir-rigward ta' ġurisdizzjonijiet li sussegwentement jemendaw it-tul tal-waqfa statutorja.

5.8.

Finalment, l-implikazzjonijiet possibbli tar-rekwiżiti prudenzjali regolatorji għandhom jiġu evalwati b'attenzjoni minħabba d-durata proposta tal-għodda tal-moratorium u s-sospensjoni prevista tad-drittijiet tal-innettjar jew ta' tpaċija.

6.   Valutazzjoni ta' “qed tfalli jew aktarx li ser tfalli” fir-rigward ta' istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB)

Għalkemm l-emendi proposti tal-Kummissjoni għall-SRMR ma jindirizzawx dan il-punt, il-proċedura ta' riżoluzzjoni stabbilita fl-SRMR teħtieġ attenzjoni urġenti. B'mod partikolari, l-allinjament ħażin bejn r-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-SRB li huma speċifiċi għall-istituzzjoni flimkien mad-diċitura attwali tal-SRMR iwassal għal inċertezza legali dwar liema awtorità hija responsabbli biex tevalwa jekk istituzzjoni ta' kreditu inqas sinifikanti, taħt ir-responsabbiltà diretta tal-SRB, tkunx qiegħda tfalli jew hijiex aktarx ser tfalli. Waqt li qari litterali tal-Artikolu 18 tal-SRMR jissuġġerixxi li l-BĊE huwa responsabbli biex jagħmel l-evalwazzjonijiet ta' “qed tfalli jew aktarx li ser tfalli” fir-rigward ta' xi istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti, dan il-qari ma jqisx il-limitazzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni sistematika tal-qafas legali tal-Unjoni tissuġġerixxi li l-evalwazzjoni ta' “qed tfalli jew aktarx ser tfalli” kemm għal gruppi transkonfinali inqas sinifikanti kif ukoll għal istituzzjonijiet ta' kreditu oħrajn inqas sinifikanti taħt ir-responsabbiltà diretta tal-SRB għandha taqa' barra mill-kompetenza diretta tal-BĊE u għandha tkun kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bħala l-awtoritajiet superviżorji għal istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti fuq il-bażi tal-RMSU (38). Il-BĊE jirrakkomanda li l-emendi proposti għall-SRMR jiġu estiżi biex jipprovdu espliċitament li l-awtorità nazzjonali kompetenti rispettiva hija responsabbli għall-evalwazzjoni ta' “qiegħda tfalli jew aktarx li ser tfalli” għal istituzzjoni ta' kreditu inqas sinifikanti taħt l-ambitu tal-SRB (39).

Persunal speċifiku tal-BĊE li qiegħed jabbozza proposti għall-emendar tar-regolamenti u direttivi ta' emenda proposti jew qafas legali eżistenti huma elenkati f'dokument ta' ħidma tekniku separat akkumpanjat b'test spjegatorju f'dan is-sens. Id-dokument ta' ħidma tekniku ma ġiex adottat mill-Kunsill Governattiv. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta' Novembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2016) 850 final.

(2)  Il-BĊE adotta opinjoni separata dwar xi wħud mill-emendi proposti għar-Regolament dwar Rekwiżiti Kapitali. Ara l-Opinjoni CON/2017/46. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(3)  COM (2016) 854 final.

(4)  COM (2016) 851 final.

(5)  COM (2016) 852 final.

(6)  Ara l-Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of G-SIBs tal-FSB fir-Resolution Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet tad-9 ta' Novembru 2015, (iktar 'il quddiem l-“FSB TLAC Term Sheet”) disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-FSB fuq www.fsb.org

(7)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(9)  L-Artikolu 45c(3) ġdid propost tal-BRRD u l-Artikolu 12d(3) ġdid propost tal-SRMR.

(10)  Ara l-Artikolu 45e(1) ġdid propost tal-BRRD u l-Artikolu 12f(1) ġdid propost tal-SRMR.

(11)  Ara l-Artikolu 45e(3) ġdid propost tal-BRRD.

(12)  Ara l-paragrafi 2.9 u 2.10.

(13)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(14)  Ara l-Artikolu 141a ġdid propost tas-CRD.

(15)  Ara l-Artikolu 141a(1)(d) ġdid propost tas-CRD.

(16)  Ara l-Artikolu 141a(1)(a), (b) u (c) ġdid propost tas-CRD.

(17)  Ara l-Artikolu 17(5)(h1) ġdid propost tal-BRRD.

(18)  Ara l-Artikolu 17(5)(j1) ġdid propost tal-BRRD.

(19)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(20)  Dan huwa konformi mal-fehma espressa fil-paragrafu 2.6.

(21)  Ara l-Artikolu 141a(2) ġdid propost tas-CRD.

(22)  Ara l-Artikolu 141a(1)(d) ġdid propost tas-CRD.

(23)  Innota li ksur ta' rekwiżit ta' bafer ikkombinat jista' jseħħ ukoll f'livelli għoljin ta' kapital regolatorju meta istituzzjoni ta' kreditu attwalment tilħaq parti sinifikanti mill-MREL tagħha permezz ta' fondi proprji u mhux permezz ta' obbligazzjonijiet eliġibbli ta' MREL oħrajn.

(24)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) fuq www.bis.org

(25)  Ara wkoll il-paragrafu 3.5 tal-Opinjoni CON/2017/23.

(26)  Dik il-kjarifika fir-rigward tat-trattament ta' sussidjarji minn pajjiżi terzi jista' jkollha effett imdaqqas fuq l-MREL għal dawn it-tipi ta' gruppi.

(27)  Ara l-Artikolu 11(3) ġdid propost tas-CRR.

(28)  Ara l-Artikolu 72e(4) ġdid propost tas-CRR.

(29)  Id-differenza prinċipali li jifdal hija li s-subordinazzjoni mhijiex meħtieġa għall-istituzzjonijiet kollha u li noti turati, taħt ċerti kundizzjonijiet, huma eliġibbli għall-MREL.

(30)  Ara l-Artikolu 72b(2)(h) dwar inċentivi għall-fidi, (j) dwar opzjonijiet ta' xiri li jistgħu jiġu eżerċitati fuq diskrezzjoni unika tal-emittent, (k) fuq il-ħtieġa ta' konformità mal-Artikoli 77 u 78 tas-CRR, (l) dwar li ma jissemmiex ħlas lura bikri, (m) dwar drittijiet ta' non-aċċelerazzjoni għad-detentur, u (n) dwar il-livell ta' ħlasijiet mhux dipendenti fuq l-affidabbiltà kreditizja tal-istituzzjoni.

(31)  Ara wkoll il-paragrafu 2.1.2 tal-Opinjoni CON/2017/6.

(32)  Ara, b'mod partikolari, l-Artikolu 104 tas-CRD.

(33)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63), b'mod partikolari l-Artikolu 16.

(34)  B'mod konformi mal-Artikolu 4(3) tal-RMSU.

(35)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149). Bħala eżempju, l-Artikolu 8(4) ta' din id-Direttiva jipprovdi li, matul perijodu tranżitorju, id-depożitanti għandu jkollhom aċċess għal ammont xieraq tad-depożiti koperti tagħhom biex ikopru l-ispejjeż tal-għajxien fi żmien ħamest ijiem ta' ħidma minn meta ssir talba.

(36)  Ara l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014. p. 1).

(37)  Għal din ir-raġuni, hemm fehim komuni, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll dak internazzjonali (liġijiet dwar il-finalità ta' saldu u Attributi Ewlenin tal-FSB), dwar il-ħtieġa li obbligazzjonijiet finanzjarji dovuti lil FMIs ikunu protetti minn moratorium.

(38)  Ara l-Artikolu 6(4) tal-RMSU.

(39)  L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-SRMR.


Top