EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0022

Deċiżjoni (UE) 2017/1258 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar it-trażmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BĊE/2017/22)

OJ L 179, 12.7.2017, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1258/oj

12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/39


DEĊIŻJONI (UE) 2017/1258 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Lulju 2017

dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar it-trażmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BĊE/2017/22)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) tista' tibgħat informazzjoni statistika kunfidenzjali lil awtoritajiet jew korpi tal-Istati Membri u tal-Unjoni responsabbli għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji, swieq u infrastrutturi jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali u lill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) sal-punt u fil-livell ta' dettall meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom. Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jikkwalifika bħala tali awtorità jew korp.

(2)

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, l-awtoritajiet jew korpi li jirċievu informazzjoni statistika kunfidenzjali għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa ta' natura regolatorja, amministrattiva, teknika u organizzattiva sabiex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali. Il-Kunsill Governattiv evalwa li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni ħa dawk il-miżuri.

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta ma' deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, hija meħtieġa deċiżjoni ta' delegazzjoni. Skont l-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li jiddelega ċerti setgħat lill-Bord Eżekuttiv. Skont il-prinċipji ġenerali dwar id-delegazzjoni kif żviluppati u kkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandha tkun limitata, proporzjonata u bbażata fuq kriterji speċifikati. Peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu huma ta' natura teknika aktar milli ta' natura politika, dawk il-kriterji jistgħu jibqgħu relattivament ġenerali.

(4)

Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stipulat f'din id-deċiżjoni ta' delegazzjoni, meta jkunux sodisfatti, deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv.

(5)

Minħabba l-volum konsiderevolment ogħla ta' talbiet mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex tintbagħat informazzjoni statistika kunfidenzjali, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata bħala kwistjoni ta' urġenza u għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“informazzjoni statistika kunfidenzjali” tfisser informazzjoni statistika kunfidenzjali kif iddefinita fil-punt (12) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

(2)

“deċiżjoni ddelegata” tfisser deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta' delegazzjoni ta' setgħat mill-Kunsill Governattiv skont din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

1.   Bil-preżenti l-Kunsill governattiv jiddelega lill-Bord Esekuttiv id-deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.

2.   Deċiżjoni dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata, jekk ikunu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

1.   Deċiżjoni dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tittieħed biss permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta din l-informazjzoni tkun, skont l-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, neċessarja għall-eżerċitar tal-kompiti tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni. L-informazzjoni statistika kunfidenzjali li għandha tintbagħat lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva b'rabta ma' dawk il-kompiti.

2.   Deċiżjoni dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tittieħed biss permezz ta' deċiżjoni ddelegata:

(a)

meta l-informazzjoni tkun meħtieġa għall-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex iwettaq Test tal-Interess Pubbliku sabiex jevalwa jekk u kif il-miżuri ta' riżoluzzjoni ser ikollhom impatt fuq il-kontropartijiet minn perspettiva ta' stabbiltà finanzjarja u sabiex jiġi evalwat l-istat ta' interkonnettività finanzjarja ma' istituzzjonijiet finanzjarji u kontropartijiet oħrajn;

(b)

meta t-trażmissjoni ta' din l-informazzjoni ma tkunx ta' preġudizzju għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Lulju 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 23.


Top