EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0018

Deċiżjoni (UE) 2016/1041 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18)

OJ L 169, 28.6.2016, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/08/2018; Imħassar b' 32018D0021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1041/oj

28.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/14


DEĊIŻJONI (UE) 2016/1041 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta' Ġunju 2016

dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (1) (Linja Gwida dwar Dokumentazzjoni Ġenerali), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4), Titoli I, II, IV, V, VI u VIII tal-Parti Erbgħa, u Parti Sitta tagħha,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq.

(2)

Il-kriterji standard u r-rekwiżiti minimi għal limiti tal-kwalità tal-kreditu li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' assi negozjabbli bħala kollateral għall-finijiet ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari fl-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa, Titolu II tagħha.

(3)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont l-Artikolu 59(6) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħarġa, emittent, debitur jew garanti jissodisfax ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fuq il-bażi ta' kull informazzjoni li l-Eurosistema tista' tikkunsidra bħala rilevanti biex tiżgura protezzjoni adegwata ta' riskju tal-Eurosistema.

(4)

L-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 jipprovdi li l-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema ma japplikawx għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix illi l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku.

(5)

Fi Frar 2015, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li ma kienx possibbli li wieħed jassumi li hemm konklużjoni b'suċċess tar-rieżami tal-programm ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali għar-Repubblika Ellenika li kien għaddej dak iż-żmien. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/6) (4) ipprovdiet li r-Repubblika Ellenika m'għandhiex iktar tkun ikkunsidrata li hija f'konformità mal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 u li l-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għandhom japplikaw fir-rigward tal-istrumenti ta' dejn negozjabbli jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika. Fid-19 ta' Awwissu 2015, wara li skada l-programm Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) għall-appoġġ finanzjarju tal-Greċja, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (ESM) approva programm ta' assistenza finanzjarja ta' tliet snin għall-Greċja.

(6)

L-ewwel porzjon taħt il-programm ESM ġdid tħallas ladarba l-miżuri meħtieġa kollha ttieħdu u l-istadji ewelnin tħarsu li appoġġaw l-istabbilizzazzjoni gradwali tal-ekonomija Griega u ppermettew ir-rikapitalizazzjoni tas-sistema bankarja Griega sal-aħħar tal-2015. Mat-tlestija tal-azzjonijiet ta' qabel miftiehma taħt il-programm għall-ewwel rieżami, il-Bord tad-Diretturi tal-ESM approva fis-17 ta' Ġunju 2016 il-ħlas tal-ewwel parti tat-tieni porzjon tal-programm. L-ewwel rieżami tal-programm ESM b'hekk ġie konkluż b'suċċess.

(7)

Il-Kunsill Governattiv ivvaluta l-effetti tal-programm ESM ġdid għall-Greċja, l-implimentazzjoni kkontinwata tiegħu u l-impenn muri mill-awtoritajiet Griegi sabiex dan il-programm jiġi implimentat bi sħiħ.

(8)

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija iktar 'il fuq, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi r-Repubblika Ellenika hija konformi mal-kundizzjonalità tal-programm u ddeċieda li jerġa' jagħmel eliġibbli l-istrumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iġgarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2015/6) għandha titħassar.

(9)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq u tar-riskju tal-kreditu għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bi sħiħ mir-Repubblika Ellenika, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirrivedi l-iskeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal dawk l-istrumenti bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31.

(10)

Fuq il-passi tal-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-passat, xiri potenzjali ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika fil-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku tas-swieq sekondarji (PSPP) se jiġi eżaminat fi stadju ulterjuri, wara li jitqies il-progress fl-analiżi u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Greċja u kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju oħra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

1.   Ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkunsidrata li tikkonforma mal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

2.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari l-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa tagħha, m'għandhomx japplikaw għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.

Artikolu 2

Skeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti għal kollox mir-Repubblika Ellenika

Strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika huma suġġetti għat-telf impost speċifiku stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Xiri PSPP

Xiri ta' titoli ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) għandu jsir — skont l-Artikolu 5(3) ta' dik id-Deċiżjoni u fil-limiti li għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill Governattiv skont dik — wara valutazzjoni pożittiva mill-Kunsill Governattiv tal-progress li sar fl-analiżi u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-debitu pubbliku Grieg u kunsiderazzjonijiet oħrajn tal-ġestjoni tar-riskju.

Artikolu 4

Revoka

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2015/6) hija b'dan imħassra:

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-29 ta' Ġunju 2016.

2.   F'każ ta' xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) jew il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u l-Linja Gwida BĊE/2014/31, kif implimentati fil-livell nazzjonali mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta' Ġunju 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3.

(2)  ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28.

(3)  ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2015 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2015/6) (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 29).


ANNESS

SKEDA TA' TNAQQIS IMPOST APPLIKABBLI GĦAL STRUMENTI TA' DEJN NEGOZJABBLI MAĦRUĠA JEW IGGARANTITI GĦAL KOLLOX MIR-REPUBBLIKA ELLENIKA

Bonds tal-Gvern

Maturità reżidwa (snin)

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

15,0

15,0

1-3

33,0

35,5

3-5

45,0

48,5

5-7

54,0

58,5

7-10

56,0

62,0

> 10

57,0

71,0

Bonds tal-bank iggarantiti mill-Gvern u bonds ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji iggarantiti mill-gvern

Medda ta' maturità

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

23,0

23,0

1-3

42,5

45,0

3-5

55,5

59,0

5-7

64,5

69,5

7-10

67,0

72,5

> 10

67,5

81,0


Top