EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0011

Deċiżjoni (UE) 2016/811 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta' April 2016 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 dwar miżuri relatati ma' operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (BĊE/2016/11)

OJ L 132, 21.5.2016, p. 129–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/811/oj

21.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/129


DEĊIŻJONI (UE) 2016/811 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta' April 2016

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 dwar miżuri relatati ma' operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (BĊE/2016/11)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(2)

Fid-29 ta' Lulju 2014, fit-twettiq tal-mandat tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u fil-kuntest tal-miżuri mmirati għat-titjib tal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' trasmissjoni għall-politika monetarja bl-appoġġ ta' self lill-ekonomija reali, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 (2). Din id-Deċiżjoni stabbilixxiet sensiela ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) li għandhom jitwettqu fuq perijodu ta' sentejn.

(3)

Fl-10 ta' Marzu 2016, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-politika monetarja akkomodanti u sabiex tissaħħaħ it-trasmissjoni tal-politika monetarja billi jiġi inċentivat is-self tal-bank lill-ekonomija reali, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jagħmel sensiela ġdida ta' erba' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs-II). It-termini għal dawn it-TLTROs-II għandhom jiġu stabbiliti f'deċiżjoni separata. Sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jħallsu lura l-ammonti mislufa taħt it-TLTROs u jissellfu taħt it-TLTROs-II, il-Kunsill Governattiv ddeċieda li jintroduċi f'Ġunju 2016 il-possibbiltà ta' ħlas lura volontarju addizzjonali għat-TLTROs pendenti kollha.

(4)

Il-Kunsill Governattiv ddeċieda wkoll li l-ebda obbligu ta' rappurtar ulterjuri ma japplika għall-parteċipanti li ssottomettew id-dejta meħtieġa għall-kalkolu tal-ħlas lura bikri obbligatorju f'Settembru 2016.

(5)

Sabiex istituzzjonijiet ta' kreditu jkollhom żmien biżżejjed biex jagħmlu preparazzjonijiet operattivi għall-ewwel TLTRO-II, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien bla bżonn.

(6)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2014/34 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċizjoni BĊE/2014/34 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 6 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Ħlas lura bikri

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, bil-bidu jkun 24 xahar wara kull TLTRO, il-parteċipanti għandu jkollhom, fuq bażi semi-annwali, l-opzjoni li jitterminaw jew inaqqsu l-ammont tat-TLTROs qabel il-maturità. Dati ta' ħlas lura bikri għandhom jikkoinċidu ma' jum il-ħlas ta' operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament, kif speċifikat mill-Eurosistema.

2.   Il-partecipanti għandu jkollhom ukoll l-opzjoni li jitterminaw jew inaqqsu l-ammont ta' TLTROs qabel il-maturità f'data li tikkoinċidi ma' jum il-ħlas tal-ewwel TLTRO mwettaq bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/10) (*). Sabiex jibbenefika mill-proċedura ta' ħlas lura bikri f'din l-ewwel data ta' ħlas lura bikri, parteċipant għandu jinnotifika lill-BĊN relevanti li biħsiebu jħallas lura bil-proċedura ta' ħlas lura bikri fid-data ta' ħlas lura bikri, tal-inqas tliet ġimgħat bil-quddiem ta' dik id-data ta' ħlas lura bikri. Din in-notifika għandha tkun vinkolanti fuq il-parteċipant tliet ġimgħat qabel id-data ta' ħlas lura bikri li tirreferi għaliha. Biex jiġi evitat id-dubju, l-allowance ta' self addizzjonali disponibbli għat-TLTRO li jsir f'Ġunju 2016 u li tiġi kkalkulata skont l-Artikolu 4(3) għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-ammonti mislufin matul it-TLTROs magħmulin minn Marzu 2015 mingħajr tnaqqis ta' kull ammont imħallas lura fl-ewwel data ta' ħlas lura bikri.

3.   Fir-rigward ta' dati oħrajn ta' ħlas lura, sabiex jibbenefika mill-proċedura ta' ħlas lura bikri, il-parteċipant għandu jinnotifika lill-BĊN relevanti li biħsiebu jħallas lura bil-proċedura ta' ħlas lura bikri fid-data ta' ħlas lura bikri, tal-inqas ġimagħtejn bil-quddiem ta' dik id-data ta' ħlas lura bikri. Din in-notifika għandha tkun vinkolanti fuq il-parteċipant ġimagħtejn qabel id-data ta' ħlas lura bikri li tirreferi għaliha.

4.   Jekk il-partiċipant jonqos milli jħallas sad-data tal-ħlas lura, għal kollox jew parzjalment, l-ammont dovut taħt il-proċedura ta' ħlas lura bikri, tista' tiġi imposta penali finanzjarja. Il-penali finanzjarja applikabbli għandha tiġi kkalkulata skont l-Anness VII tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (**) u għandha tikkorrispondi mal-penali finanzjarja applikata għal nuqqasijiet ta' konformità ma' obbligi biex jiġi kkollateralizzat b'mod adegwat u mħallas l-ammont li l-kontroparti ġiet assenjat fir-rigward ta' tranżazzjoni mħassra għal għanijiet ta politika monetarja. L-impożizzjoni ta' penali finanzjarja għandha tkun mingħajr ħsara għad-dritt relevanti tal-BĊN li jeżerċita r-rimedji stabbiliti għal meta jseħħ każ ta' inadempjenza kif stabbilit fl-Artikolu 166 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).

(*)  Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2016/10) (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 107)."

(**)  Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3 dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60).”;"

2.

fl-Artikolu 7, il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Il-parteċipanti fit-TLTROs li s-self nett eliġibbli kumulattiv tagħhom fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2014 u t-30 ta' April 2016 ikun inqas mill-kriterju ta' referenza applikabbli tagħhom fit-30 ta' April 2016 għandhom ikunu meħtieġa jħallsu lura għal kollox l-ammonti inizjali u addizzjonali li ssellfu tat-TLTRO fid-28 ta' Settembru 2016, sakemm l-Eurosistema ma tispeċifikax xi data alternattiva oħra. L-Anness I jispjega l-kalkoli tekniċi.

2.   Jekk is-self totali ta' parteċipant fir-rigward ta' provvediment addizzjonali tiegħu fit-TLTROs imwettqin minn Marzu 2015 sa Ġunju 2016 jaqbeż il-provvediment addizzjonali kkalkolat mix-xahar ta' referenza tal-allokazzjoni ta' April 2016, f'dak il-każ l-ammont ta' dan it-teħid b'self addizzjonali eċċessiv għandu jkun pagabbli fid-28 ta' Settembru 2016, sakemm l-Eurosistema ma tispeċifikax xi data alternattiva oħra. L-Anness I jispjega l-kalkoli tekniċi.”;

3.

Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa mibdul b'li ġej:

“5.   Jekk il-partiċipant jonqos milli jħallas sad-data tal-ħlas lura, għal kollox jew parzjalment, l-ammont dovut taħt il-proċedura ta' ħlas lura bikri obbligatorja, tista tiġi imposta piena finanzjarja. Il-penali finanzjarja applikabbli għandha tiġi kkalkulata skont l-Anness VII tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u għandha tikkorrispondi mal-penali finanzjarja applikata għal nuqqasijiet ta' konformità ma' obbligi biex jiġi kkollateralizzat b'mod adegwat u mħallas l-ammont li l-kontroparti ġiet assenjat fir-rigward ta' tranżazzjoni mħassra għal għanijiet ta politika monetarja. L-impożizzjoni ta' penali finanzjarja għandha tkun mingħajr ħsara għad-dritt relevanti tal-BĊN li jeżerċita r-rimedji stabbiliti għal meta jseħħ każ ta' inadempjenza kif stabbilit fl-Artikolu 166 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).”;

4.

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 4 huwa mibdul b'li ġej:

“4.   Jekk istituzzjoni tieħu sehem f'TLTRO u sakemm ikollha kreditu pendenti f'TLTRO, din għandha tkun meħtieġa tissottometti formoli ta' rapportar tad-dejta mimlijin kull tliet xhur skont il-paragrafu 1 sakemm tkun intbagħtet id-dejta meħtieġa għad-determinazzjoni tal-obbligu tal-ħlas lura obbligatorju skont l-Artikolu 7.”;

5.

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 8 huwa mibdul b'li ġej:

“8.   Sakemm ma jkunx ħallas lura l-ammonti kollha pendenti taħt it-TLTROs tiegħu skont l-Artikolu 6(2), kull parteċipant fit-TLTROs għandu jkun meħtieġ li jsirlu eżami tal-eżattezza dwar id-dejta rrapportata skont il-paragrafu 1. Dan l-eżerċizzju, li jista' jsir fil-kuntest ta' verifika annwali, jista' jsir minn awditur estern. Minflok ma jintuża awditur estern, il-partiċipanti jistgħu jagħmlu pjanijiet għal arranġamenti ekwivalenti, kif approvat mill-Eurosistema. Il-BĊN tal-parteċipant għandu jiġi infurmat bir-riżultat ta' dan l-eżami. Fil-każ ta' parteċipazzjoni tal-grupp TLTRO, ir-riżultati għandhom jiġu maqsuma mal-BĊNi tal-membri tal-grupp TLTRO. Fuq talba tal-BĊN tal-partiċipant, riżultati ddettaljati tal-eżamijiet li jsiru skont dan il-paragrafu għandhom jiġu pprovduti lil dak il-BĊN u, fil-każ ta' parteċipazzjoni tal-grupp, sussegwentement jinqasmu mal-BĊNi tal-membri tal-grupp TLTRO.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-3 ta' Mejju 2016.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta' April 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/34 tad-29 ta' Lulju 2014 dwar miżuri fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul (ĠU L 258, 29.8.2014, p. 11).


Top