EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AB0015

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2016 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku jew meta dawn jiġu ammessi għall-kummerċ (CON/2016/15)

OJ C 195, 2.6.2016, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta' Marzu 2016

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku jew meta dawn jiġu ammessi għall-kummerċ

(CON/2016/15)

(2016/C 195/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku jew meta dawn jiġu ammessi għall-kummerċ (1) (iktar 'il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) biex timplimenta l-politika monetarja u biex tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikoli 127(2), l-ewwel inċiż, u 127(5) tat-Trattat. B'mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

L-objettiv ewlieni tar-regolament propost, li għandu jħassar id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), huwa li jissimplifika r-regoli eżistenti għall-abbozzar, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni ta' prospetti u b'hekk inaqqas l-ispejjeż u l-piżijiet assoċjati mal-produzzjoni tagħhom. B'mod aktar speċifiku, ir-regolament propost ser jistabbilixxi rekwiżiti dwar żvelar li huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' emittent u ser jiffaċilita l-kapaċità tal-kumpaniji, b'mod partikolari dawk żgħar u ta' daqs medju, li jiġbru kapital madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, ir-regolament propost jimmira li jnaqqas regoli diverġenti u frammentati madwar l-Unjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni eteroġenja tad-Direttiva 2003/71/KE f'xi Stati Membri. Il-BĊE ġeneralment jilqa' u jappoġġa l-għanijiet segwiti mir-regolament propost u jarah bħala pass pożittiv lejn it-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq tal-Kapital (USK).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1   Eżenzjonijiet għal offerti ta' titoli mhux fil-forma ta' ekwità maħruġa mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tas-SEBĊ u għal ishma fil-kapital ta' BĊNi tas-SEBĊ

Il-BĊE jilqa' l-fatt li titoli mhux fil-forma ta' ekwità maħruġa mill-BĊE u minn BĊNi tas-SEBĊ huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament propost (3). Din l-esklużjoni hija vitali sabiex tiżgura li l-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema ma jiġux imfixkla, pereżempju, minn xi ħruġ ta' strumenti ta' dejn mill-BĊE u l-BĊNi tas-SEBĊ. Il-BĊE jilqa' wkoll l-eżenzjoni għall-ishma fil-kapital tal-BĊNi tas-SEBĊ (4), li hija ta' relevanza diretta għal dawk il-BĊNi b'ishma li huma miżmuma minn investituri privati u/jew huma elenkati f'suq irregolat jew xi post ieħor ta' negozju.

2.2   Rekwiżiti mandatorji fir-rigward tal-użu tan-Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN) u l-Identifikatur ta' Entità Legali (LEI) globali

Ir-regolament propost jimmira li jiżgura protezzjoni tal-investitur u effiċjenza tas-suq waqt li jtejjeb is-suq uniku għall-kapital (5). Għal dak il-għan, l-informazzjoni li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-investituri għandha tkun “suffiċjenti u oġġettiva” u għandha tiġi ppreżentata “b'mod li tkun tista' tiġi analizzata faċilment, konċiża u tinftiehem sew” (6). Din l-informazzjoni għandha tinkludi identifikaturi uniċi kemm għat-titolu kif ukoll għall-emittent. Kif intqal f'okkażjonijiet preċedenti (7), il-BĊE jappoġġa bis-saħħa l-użu ta' standards miftiehma internazzjonalment, bħall-ISIN u l-LEI globali. L-identifikazzjoni unika ta' emittenti, offerenti u garanti u ta' titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ fi swieq finanzjarji rregolati tista' tirnexxi biss jekk jintużaw standards internazzjonali bħal-LEI globali u l-ISIN.

L-ewwel nett, l-ISIN, li jidentifika b'mod uniku ħruġ ta' titoli, huwa identifikatur stabbilit sew li jintuża b'mod estensiv fis-swieq finanzjarji. In-neċessità ta' identifikatur uniku għat-titoli hija rikonoxxuta fir-regolament propost, fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (8) u fir-Regolament (UE) 2015/2365 (9). Ir-regolament propost jipprovdi li s-sommarju tal-prospett għandu jinkludi sezzjoni b'informazzjoni importanti dwar titoli li għandha tinkludi “kwalunkwe numru ta' identifikazzjoni ta' titolu” (10). B'mod simili, ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 jistabbilixxi li prospetti għal titoli ta' dejn, ishma u derivattivi għandhom jinkludu “[d]eskrizzjoni tat-tip u tal-klassi tat-titoli offruti u/jew introdotti kummerċjalment, inkluż l-ISIN … jew kodiċi simili ta’ identifikazzjoni ta’ sigurtà” (11). Madankollu, in-natura ta' dawk il-kodiċi alternattivi ta' identifikazzjoni tas-sigurtà mhijiex speċifikata ulterjorment, u b'hekk hija miftuħa għal interpretazzjoni dwar jekk kodiċi b'applikazzjoni limitata jistgħux jikkostitwixxu alternattivi. Dan in-nuqqas ta' speċifiċità jillimita l-utilità ta' din l-informazzjoni għall-investitur u joħloq barrieri għall-USK. Finalment, ir-Regolament (UE) 2015/2365 jipprovdi li meta tranżazzjonijiet għall-finanzjament ta' titoli jiġu rrapportati, dawn għandhom jinkludu, inter alia, l-ISIN ta' dawk it-titoli (12). Maġġoranza kbira tat-titoli ta' dejn maħruġa fiż-żona tal-euro għandhom kodiċi ISIN, waqt li titoli ta' dejn mingħajr ISIN huma ġeneralment ikkonċentrati fi swieq u setturi speċifiċi u użati għal skopijiet speċifiċi. L-informazzjoni disponibbli tindika li f'ċerti ċirkostanzi, il-ħruġ ta' titoli mingħajr ISIN jidher li huwa intiż li jnaqqas it-traċċabilità ta' dawk l-operazzjonijiet, waqt li jippermettilhom li jibbenefikaw mir-reġim legali għat-titoli ta' dejn. Barra minn hekk, hemm tħassib li titoli mingħajr ISIN jistgħu jinħarġu sabiex jiġi evitat l-iżvelar ta' informazzjoni lil superviżuri u lil dawk li jfasslu l-politika. Għal dawn ir-raġunijiet, il-BĊE jirrakkomanda li kull lakuna fl-informazzjoni li teżisti għandha tiġi eliminata sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs bejn is-swieq u l-ġurisdizzjonijiet billi jsir obbligatorju li jiġi inkluż l-ISIN fi prospetti għal titoli li huma soġġetti għar-regolament propost.

It-tieni nett, il-BĊE jappoġġa l-użu tas-sistema LEI globali, kif approvata mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (ESMA) (13), b'mod li huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) (14). L-LEI globali jippermetti lill-emittenti, offerenti u garanti tat-titolu biex jiġu identifikati b'mod uniku, sabiex b'hekk tingħata informazzjoni importanti lill-investitur. Barra minn hekk, l-użu tal-LEI globali qiegħed jikber malajr fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' persuni ġuridiċi u strutturi u b'hekk il-BĊE jara mertu fl-espansjoni tal-użu tagħha billi jsir obbligatorju li l-LEI globali tkun inkluża fi prospetti jew dokumenti ta' reġistrazzjoni għal titoli koperti bir-regolament propost.

Il-BĊE huwa tal-opinjoni li l-obbligu li jiġu rrapportati l-ISIN u l-LEI għandu jiġi stabbilit kemm fir-regolament propost kif ukoll fi kwalunkwe att iddelegat relatat tal-Kummissjoni li jimplimenta r-regolament propost, li l-Kummissjoni hija meħtieġa li tadotta sabiex tispeċifika l-format tal-prospetti (15). Il-BĊE jipprovdi proposti ta' abbozzar dwar din il-kwistjoni (16).

2.3   Pubblikazzjoni ta' prospetti f'mekkaniżmu ta' ħżin online

Ir-regolament propost jagħmel lill-ESMA responsabbli biex tippubblika l-prospetti kollha li hija tirċievi mingħand l-awtoritajiet kompetenti fuq is-sit elettroniku tagħha. Il-pubblikazzjoni għandha tiġi żgurata mill-ESMA permezz ta' mekkaniżmu ta' ħżin ċentralizzat (17). Il-BĊE jifhem li dan il-mekkaniżmu ta' ħżin ser ikollu funzjoni ta' tfittxija. Il-BĊE jikkunsidra li l-mekkaniżmu ta' ħżin għandu jippreżenta wkoll l-informazzjoni li tinsab fil-prospetti b'mod li jista' jinqara minn magna, bl-użu ta' meta-dejta, ta' mill-inqas għal ċerti attributi ewlenin, bħall-identifikazzjoni tat-titoli, emittenti, offerenti u garanti, peress li din l-informazzjoni hija kruċjali biex tiżgura li investituri (istituzzjonali) ikollhom aċċess għal dejta affidabbli li tista' tintuża u tiġi analizzata b'mod tempestiv u effiċjenti. Il-BĊE jipprovdi proposti ta' abbozzar dwar din il-kwistjoni (18).

2.4   Tneħħija ta' inċentivi għall-ħruġ ta' titoli ta' dejn f'denominazzjonijiet kbar

Sabiex jirċievu trattament favorevoli taħt id-Direttiva 2003/71/KE, xi emittenti bħalissa jimponu regoli ta' saldu għal ammont minimu u/jew multiplu għal ċerti titoli li huma joħorġu fil-livell tad-depożitorju ċentrali tat-titoli (CSD). Madankollu, il-ħlasijiet li ma jkunux konformi ma' dawn ir-regoli jistgħu xorta waħda jseħħu fil-livell tas-CSD, eż. nettjar ta' attivitajiet minn kontroparti ċentrali (CCP) f'ammonti standard jew attivitajiet relatati oħrajn mhux ta' kummerċ, bħall-ipproċessar ta' azzjonijiet korporattivi. Bħala konsegwenza, l-istruzzjonijiet għal dawk il-ħlasijiet, anki jekk ma jikkontradixxux ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/71/KE, ma jistgħux jitwettqu permezz tal-ipproċessar standard ipprovdut mill-pjattaformi tekniċi ta' infrastrutturi nazzjonali tas-suq finanzjarju. Normalment dan ikun immitigat bl-użu ta' soluzzjonijiet ineffiċjenti u riskużi fejn wieħed jipprova jdur mal-problema b'mod manwali [proċeduri tekniċi mhux STP (non-straight through processing)] jew funzjonalitajiet tekniċi aktar kumplessi.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-BĊE jilqa' t-tneħħija tal-inċentivi biex jinħarġu titoli ta' dejn f'denominazzjonijiet kbar, jiġifieri 'il fuq minn EUR 100 000 (19). Barra minn hekk, il-BĊE huwa tal-fehma li l-impożizzjoni ta' denominazzjonijiet minimi u ammonti minimi fil-livell tas-saldu tmur kontra l-ispirtu tad-Direttiva 2003/71/KE. Għalkemm din id-Direttiva timponi dawk ir-restrizzjonijiet biss fil-livell tal-offerta inizjali jew tal-kummerċ, xi emittenti tal-Unjoni jimponu dawn fil-livell tas-CSD, li joħloq piżijiet addizzjonali għall-effiċjenza ta' infrastrutturi tas-suq finanzjarju u għall-utenti tagħhom, jiġifieri CSDs, CCPs u l-parteċipanti tagħhom, li jista' jkollhom bżonn jirrikorru għal proċeduri tekniċi mhux STP jew jiżviluppaw funzjonalitajiet kumplessi addizzjonali biex jindirizzaw ħlasijiet mhux standard. Barra minn hekk, fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u t-tnedija tal-pjattaforma ta' ħlas tal-Eurosistema TARGET2-Securities, l-ineffiċjenzi preżenti, li joriġinaw mir-regoli dwar ammont minimu ta' saldu, ser jiġu amplifikati minħabba l-proliferazzjoni mistennija ta' attivitajiet ta' saldu ta' titoli transkonfinali.

2.5   Osservazzjonijiet tekniċi u proposti ta' abbozzar

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament proposti jiġi emendat, qed jiġu stipulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa anness ma' din l-Opinjoni u huwa disponibbli bl-Ingliż fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta' Marzu 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2015) 583 finali.

(2)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(3)  Ara l-Artikolu 1(2)(b) tar-regolament propost.

(4)  Ara l-Artikolu 1(2)(c) tar-regolament propost.

(5)  Ara l-premessa 7 tar-regolament propost.

(6)  Ara l-premessa 21 tar-regolament propost.

(7)  Ara s-sitt subparagrafu tal-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2014/49 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli. L-opinjonijiet kollha tal-BCE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1).

(9)  Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

(10)  Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(7)(a) tar-regolament propost.

(11)  Ara l-Partita 4.1 tal-Anness III, partita 4.1 tal-Anness V, il-partita 4.1.1 tal-Anness XII, il-partita 4.2 tal-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 809/2004.

(12)  Ara l-Artikolu 4(10)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2365.

(13)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-ABE “On the use of the Legal Entity Identifier (LEI)” (EBA/REC/2014/01), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ABE fuq www.eba.europa.eu, u d-dokument ta' Mistoqsijiet u Tweġibiet tal-ESMA, “Implementation of the Regulation (EU) No 648/2012 on OTC derivatives, central counterparties and trade repositories (EMIR)” (ESMA/2016/242), l-4 ta' Frar 2016, p.73, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ESMA fuq www.esma.europa.eu

(14)  Ara r-rapport tal-FSB “A Global Legal Entity Identifier for Financial Markets”, 8 ta' Ġunju 2012, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-FSB fuq www.financialstabilityboard.org.

(15)  Ara l-Artikoli 13 u 42 tar-regolament propost.

(16)  Ara l-Emendi proposti 2, 3, 4 u 5 fl-Anness ta' din l-Opinjoni.

(17)  Ara l-Artikolu 20(6) tar-regolament propost.

(18)  Ara l-Emenda 6 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(19)  Ara l-Emenda 1 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(20)  Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014. p. 1).


Top