EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AB0018

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2015 dwar proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1708/2005 tad-19 ta’ Ottubru 2005 li jistipula regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (CON/2015/18)

OJ C 209, 25.6.2015, p. 3–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/3


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-1 ta’ Ġunju 2015

dwar proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1708/2005 tad-19 ta’ Ottubru 2005 li jistipula regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur

(CON/2015/18)

(2015/C 209/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-28 ta’ April 2015, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kummissjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1708/2005 li jistipula regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza tal-indiċi komuni għall-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 (1) (iktar ‘il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-regolament propost jinsab fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE peress li jikkonċerna l-perijodu ta’ referenza għall-indiċi armonizzat ta’ prezzijiet għall-konsumatur (HICP). Dan l-indiċi huwa indikatur ewlieni sabiex il-BĊE jikseb l-objettiv primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro, kif imsemmi fl-Artikolu 127(1) tat-Trattat u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

1.1.

Il-BĊE jappoġġa l-objettiv tar-regolament propost li jiġi aġġornat il-perijodu ta’ referenza għall-HICP sabiex jiżgura li l-indiċijiet riżultanti huma kumparabbli u relevanti. L-HICPs armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur huma indikaturi importanti fil-kuntest tal-politika monetarja. Deċiżjonijiet sodi dwar il-politika monetarja jiddependu fuq statistika dwar l-HICP li tkun affidabbli u aġġornata, li tappoġġa l-kompiti tal-Eurosistema fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja.

1.2.

Il-BĊE jindika li d-dmir li jikkonsulta huwa bbażat mhux biss fuq l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 (2), iżda wkoll fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija hawn fuq. Il-BĊE jtenni s-suġġeriment reċenti tiegħu li l-Premessa 2 tar-Regolament propost tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 (3) għandhom jirreflettu d-dmir li jiġi kkonsultat il-BĊE dwar kwalunkwe att legali fi ħdan il-qafas HICP (4).

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-1 ta’ Ġunju 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Ares(2015)1788320 – 28/04/2015.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1).

(3)  COM/2014/0724 finali - 2014/0346 (COD).

(4)  Ara l-paragrafu 2.3 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2015/10.


Top