EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0006(01)

(2014/192/UE): Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 24 ta' Frar2014 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjijagħall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjonital-istatistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (BĊE/2014/6)

OJ L 104, 8.4.2014, p. 72–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/06/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/192/oj

8.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/72


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-24 ta' Frar 2014

dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali

(BĊE/2014/6)

(2014/192/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 5 u l-Artikolu 46.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kunsill Ġenerali,

Billi:

(1)

Il-mikrodejta dwar il-kreditu tinkludi partiti individwali ta' informazzjoni dwar skoperturi tal-kreditu tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li jipprovdu self fil-konfront ta' mutwatarji. Dejta mhux aggregata ta' dan it-tip tista' tinġabar, mingħajr ħsara għal salvagwardji xierqa tal- kunfidenzjalità, fuq bażi ta' mutwatarju b'mutwatarju jew ta' self b'self minn reġistri tal-kreditu operati mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) (minn hawn 'il quddiem “reġistri centrali tal-kreditu” jew “RĊK”), jew minn sorsi oħra ta' dejta granulari, inkluż ir-reġistri ta' kreditu, jew kollezzjonijiet statistiċi alternattivi. Numru ta' BĊNi li operaw RĊK jaqsmu mikrodejta dwar il-kreditu ma' xulxin għall-iskop sabiex din dejta tiġi mgħoddija lill-istituzzjonijiet ta' rapportar u tiġi ffaċilitata ħarsa ġenerali iktar komprensiva tad-dejn tal-mutwatarji (2).

(2)

L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”) jispeċifika illi, sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), megħjun mill-BĊNi tas-SEBĊ, jiġbor it-tagħrif statistiku neċessarju jew mingħand awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand l-aġenti ekonomiċi. Barra minn dan, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jippermetti lill-BĊE li jiddeċiedi dwar il-ġbir u t-trażmissjoni fi ħdan is-SEBĊ, sal-punt u l-livell ta' dettall neċessarju, ta' informazzjoni kunfidenzjali oriġinarjament miġbura għal għanjiet oħra li mhumiex dawk tal-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ, sakemm dan huwa neċessarju għall-iżvilupp jew produzzjoni effiċjenti tal-istatistika jew għat-titjib tal-kwalità tagħha, u din l-istatistika hija neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ imsemmija fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Mikrodejta dwar il-kreditu bbażata fuq RĊK u sorsi oħra ta' dejta dwar il-kreditu disponibbli huma meħtieġa għal: (a) l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika ġdida tas-SEBĊ f'oqsma bħall-istatistika fuq assi indeboliti, provvedimenti għal assi indeboliti u riservi ta' rivalutazzjoni u statistika fuq self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji, mqassma skont id-daqs tal-korporazzjonijet ikkonċernati; (b) titjib fil-kwalità tal-istatistika eżistenti tas-SEBĊ f'oqsma bħal ma huma l-istatistika fuq linji ta' kreditu mqassma skont is-settur kontroparti, fuq self tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji mqassma skont l-attività ekonomika, u fuq self appoġġjat minn kollateral fi proprjetà immobbli. Din l-istatistika ġdida jew imtejba li trid tiġi prodotta għal żmien twil hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema inkluż l-analiżi tal-politika monetarja u l-operazzjonijiet tal-politika monetarja, l-immaniġjar tar-riskju, is-sorveljanza tal-istabbiltà finanzjarja u r-riċerka, kif ukoll il-kontribut tal-Eurosistema għat-tmexxija bla xkiel tal-politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

(4)

Qafas għal żmien twil għal ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu bbażat fuq l-obbligi ta' rapportar statistiku armonizzati tal-BĊE għandu jiġi stabbilit fi strumenti legali tal-BĊE li jrid jiġi adottat taħt l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ, li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill Governattiv fiż-żmien adegwat sabiex jiġi żgurat illi sal-aħħar tal-2016 (a) databases nazzjonali ta' mikrodejta dwar il-kreditu jitħaddmu mill-BĊNi kollha tal-Eurosistema b'konformità ma' standards minimi speċifikati żviluppati matul il-fażi ta' tħejjija, u (b) databases komuni ta' mikrodejta dwar il-kreditu maqsuma bejn il-membri tal-Eurosistema u li tinkludi input data għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' dawn databases nazzjonali ta' mikrodejta dwar il-kreditu, bil-għan li tiġi żgurata, b'mod gradwali, id-disponibbiltà sħiħa tal-istatistika dwar il-kreditu neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, inklużi b'mod partikolari, il-kontribut għat-tmexxija bla xkiel ta' politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dan l-istrument legali tal-BĊE għal żmien twil għandu jiddefinixxi wkoll id-data, sa mhux aktar tard mid-data speċifikata aktar 'il fuq, li minnha għandu jibda l-ġbir ta' dejta granulari dwar il-kreditu bbażat fuq rekwiżiti ta' rapportar statistiku armonizzati tal-BĊE. Għalkemm disinn wiesgħa tal-kontenut tal-mikrodejta dwar il-kreditu futura li trid tinġabar skont dawn ir-rekwiżiti ta' rapportar statistiku armonizzati tal-BĊE huwa stipulat fl-iskema tar-rapportar ta' referenza annessa ma' din id-Deċiżjoni, l-iskop preċiż u l-kontenut tad-dejta li trid tinġabar taħt il-qafas għal żmien twil għad iridu jiġu ddefiniti. It-tħejjijiet għat-twaqqif ta' dan il-qafas għal żmien twil ser isiru permezz ta' miżuri ta' tħejjija implimentati taħt din id-Deċiżjoni li għandhom l-għanijiet li ġejjin: (a) id-definizzjoni ta' grupp ewlieni ta' settijiet ta' mikrodejta dwar il-kreditu armonizzati li jridu jiġu pprovduti lill-BĊE mill-BĊNi għal żmien twil; (b) l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-utent relevanti fir-rigward tal-applikazzjoni ta' mikrodejta dwar il-kreditu fi ħdan is-SEBĊ għal żmien twil; (c) stima tal-kosts relatati ġġenerati mill-ġbir, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-proċeduri għall-qsim ta' dejta; (d) l-eliminazzjoni gradwali ta' diskrepanzi fid-dejta marbutin ma' nuqqas ta' kompletezza jew nuqqas ta' databases ta' mikrodejta dwar il-kreditu f'xi Stati Membri; (e) id-definizzjoni tal-governanza xierqa u l-aspetti organizzattivi għat-tħaddim tal-qafas għal żmien twil, u (f) tiġi żgurata interoperabbiltà aħjar u l-użu mill-ġdid tad-dejta fost ir-RĊK, ir-reġistri tal-kreditu u databases ta' kreditu relevanti oħra li jissodisfaw il-kriterji ta' kwalità.

(5)

Il-Kumitat tal-Istatistika (minn hawn 'il quddiem “KST”) tas-SEBĊ għandu jiġi nkarigat mill-Kunsill Governatti biex jassistih fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri ta' tħejjija. B'mod partikolari, il-KST għandu jorganizza t-trażmissjoni annwali mill-BĊNi lill-BĊE ta' mikrodejta dwar il-kreditu disponibbli bħala parti mill-proċess li permezz tiegħu jiġi żgurat l-allinjament ta' dik il-mikrodejta dwar il-kreditu li trid tinġabar għal żmien twil mal-ħtiġijiet tal-utent prospettiv tas-SEBĊ. Għal dan il-għan, utenti tal-BĊE li ma jibbenefikawx mid-deroga fl-Artikolu 3(3) ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jingħataw aċċess għal tagħrif statistiku kunfidenzjali miksub minn kwalunkwe dejta granulari dwar il-mikrodejta dwar kreditu trażmessa lill-BĊE sakemm jiġi implimentat qafas għal żmien twil, b'konformità mas-salvagwardji relevanti tal-kunfidenzjalità.

(6)

It-trattament ugwali ta' BĊNi individwali għandu jkun il-prinċipju ta' gwida li fuqu huma msejsal-miżuri ta' tħejjija għall-qafas għal żmien twil. Il-kriterji minimi neċessarji fir-rigward tal-iskop, il-limiti massimi u minimi ta' saffi jew strata fil-popolazzjoni tal-mutwatarji u l-kategorizzazzjonijiet l-oħra possibbli, il-livell ta' dettall tal-attributi tad-dejta u l-kwalità tal-mikrodejta dwar il-kreditu miġbura jiġu proposti lill-Kunsill Governattiv għall-BĊNi kollha tal-Eurosistema matul il-fażi ta' tħejjija. Id-differenzi bejn settijiet ta' dejta mogħtija minn BĊNi individwali jridu jiġu identifikati u mnaqqsin b'mod progressiv permezz ta' aġġustamenti introdotti bil-konsenji ta' dejta sussegwenti li jsiru bis-saħħa ta' din id-Deċiżjoni. Fl-istess waqt, ċerti BĊNi tal-Eurosistema jistgħu jeħtieġu perijodu itwal ta' phase-in fil-fażi ta' tħejjija biex jiżviluppaw jew jiksbu aċċess għal databases komprensivi ta' mikrodejta dwar il-kreditu. Dawn il-BĊNi għandhom, matul il-fażi ta' tħejjija, jitħallew jibbenefikaw minn derogi temporanji mill-obbligu li japplikaw miżuri ta' tħejjija speċifiċi żviluppati mill-KST, sakemm il-perijodu ta' kull deroga speċifika huwa strettament limitat għaz-zmien minimu neċessarju għall-BĊN ikkonċernat biex jikseb il-konformità mal-miżuri ta' tħejjija koperti mid-deroga matul il-fażi ta' tħejjija, u dak il-perijodu huwa f'kull każ stabbilit b'mod li jippermetti li l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 jinkisbu fir-rigward tal-BĊNi kollha tal-Eurosistema.

(7)

B'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kemm it-Trattati kif ukoll il-liġi adottata mill-Unjoni fuq il-bażi tat-Trattati jieħdu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dik il-ġurisprudenza (3). Bl-istess mod, l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ma tirriżultax fi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimponu kundizzjonijiet ta' kunfidenzjalità speċifiċi jew reċiproċità fir-rigward tal-qsim transkonfinali ta' dejta miġbura permezz tar-RĊK.

(8)

Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura sabiex isiru emendi tekniċi lill-Anness ta' din id-Deċiżjoni b'mod effettiv, kemm-il darba dawn l-emendi la jbiddlu l-qafas kunċettwali bażiku u lanqas ma jaffettwaw il-piż tar-rapportar. Il-BĊNi jistgħu jipproponu dawn l-emendi tekniċi lill-Annessi permezz tal-KST, li l-fehma tiegħu tiġi kkunsidrata meta tiġi segwita din il-proċedura.

(9)

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu estiżi biex japplikaw għall-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro billi dawk il-BĊNi jidħlu f'kooperazzjoni mal-banek ċentrali tal-Eurosistema fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni tal-BĊE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u għanijiet

Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi miżuri ta' tħejjija li huma neċessarji biex jiġi stabbili b'mod gradwali qafas għal żmien twil għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu bbażat fuq rekwiżiti ta' rapportar statistiku armonizzat tal-BĊE. Sal-aħħar tal-2016 dan il-qafas għal żmien twil ser jinkludi: (a) databases nazzjonali ta' mikrodejta dwar il-kreditu mħaddmin mill-BĊNi kollha tal-Eurosistema, u (b) database komuni ta' mikrodejta dwar il-kreditu maqsuma bejn il-membri tal-Eurosistema li fiha mikrodejta dwar il-kreditu għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(1)

“reġistru ċentrali tal-kreditu” (RĊK) tfisser reġistru ta' kreditu imħaddem minn bank ċentrali;

(2)

“reġistru ta' kreditu” (RK) tfisser reġistru li jiġbor mikrodejta dwar il-kreditu minn istituzzjonijiet ta' rapportar;

(3)

“mikrodejta dwar il-kreditu” tfisser informazzjoni dwar skoperturi tal-kreditu ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra li jipprovdu self fil-konfront tal-mutwatarji' mogħtija fuq bażi ta' mutwatarju b'mutwatarju jew ta' self b'self.

Artikolu 3

Organizzazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija

1.   Il-miżuri ta' tħejjija li jridu jittieħdu sabiex jinkisbu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1 jinkludu:

(a)

l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet relevanti tal-utenti u stima tal-kosts relatati ġġenerati minn proposti għall-ġbir, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-proċeduri għall-qsim ta' dejta li għandhom jiġu applikati għal żmien twil;

(b)

id-definizzjoni u t-titjib tas-settijiet ta' mikrodejta dwar il-kreditu li jridu jinġabru skont il-qafas għal żmien twil, b'mod partikolari fir-rigward tal-ambitu, il-limiti tas-saffi jew strata fil-popolazzjoni mutwatarja u l-kategorizzazzjonijiet l-oħra possibbli, il-livell ta' detall tal-attributi tad-dejta u l-kwalità tal-mikrodejta dwar il-kreditu miġbura;

(c)

l-organizzazzjoni tat-trażmissjoni ta' mikrodejta dwar il-kreditu fil-fażi ta' tħejjija b'konformità mal-Artikolu 4 u l-iffissar tal-istandards ta' kwalità li l-mikrodejta dwar il-kreditu miksuba mill-RĊK jew reġistri tal-kreditu oħrajn iridu jikkonformaw magħhom qabel il-bidu tat-trażmissjoni;

(d)

l-iżvilupp ta' arranġamenti dettaljati dwar l-operat li jispeċifikaw li t-trażmissjoni, il-kumpilazzjoni, il-ħzin u l-uu tal-mikrodejta dwar il-kreditu jridu jiġu ttestjati u rfinuti fil-fażi ta' tħejjija bil-ħsieb li sussegwentement jiġu inkorporati fil-qafas għal żmien twil;

(e)

li jiġi stabbilit programm ta' zmien għat-tlestija ta' passi u prodotti speċifiċi mill-BĊNi individwali u l-BĊE, inklużi passi li jridu jittieħdu mill-BĊNi li preżentement ma għandhomx aċċess għal databases komprensivi ta' mikrodejta dwar il-kreditu, bil-ħsieb li dan l-aċċess jinkiseb permezz tal-iżvilipp ta' RĊK tagħhom stess jew b'mezz ieħor;

(f)

il-monitoraġġ tal-progress miksub fir-rigward tal-miżuri elenkati f'punti (a) sa (e), u l-identifikazzjoni tal-modifiki relevanti jekk meħtieġa.

2.   Il-KST għandu, waqt li jikkunsidra l-parir tal-kumitati relevanti l-oħra tas-SEBĊ kif xieraq, iħejji d-deċiżjonijet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' tħejjija stipulati fil-paragrafu 1 u jippreżentahom lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni. Il-KST jirrapporta lill-Kunsill Governattiv dwar il-progress miksub mill-BĊE u l-BĊNi individwali fuq bażi annwali.

3.   Fir-rigward ta' BĊNi li jeħtieġu perijodu ta' phase-in itwal matul il-fażi ta' tħejjija għall-iżvilupp jew biex jinkiseb aċċess għal databases komprensivi ta' mikrodejta dwar il-kreditu, il-Kunsill Governattiv jista', matul il-fażi ta' tħejjija jagħti derogi temporanji individwali mill-obbligu li jiġu applikati miżuri ta' tħejjija speċifiċi ddefiniti fil-paragrafu 1. Il-perijodu ta' kull deroga individwali għandu jkun strettament limitat għaż-żmien minimu neċessarju għall-BĊN ikkonċernat biex jikseb konformità mal-miżuri ta' tħejjija koperti minn din id-deroga matul il-fażi ta' tħejjija, u f'kull każ huwa stabbilit b'mod li jippermetti li l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1 jinkisbu fir-rigward tal-BĊNi kollha tal-Eurosistema. Matul kull perijodu ta' deroga, il-BĊN ikkonċernat jirrapporta darbtejn fis-sena ill-KST fuq il-progress tiegħu fil-kisba ta'konformità sħiħa mal-miżuri ta' tħejjija koperti mid-deroga. Kwalunkwe drittijiet ta' aċċess għal tagħrif statistiku kunfidenzjali miksub minn mikrodejta dwar il-kreditu trażmessa lill-BĊE bħala parti minn miżura ta' tħejjija speċifika jiġu sospiżi fir-rigward ta' BĊNi li jibbenefikaw minn deroga temporanja fir-rigward ta' din il-miżura. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li aktar restrizzjonijiet xierqa jiġu imposti fuq BĊNi individwali li jibbenfikaw minn xi deroga skont tdan il-paragrafu.

Artikolu 4

Trażmissjoni ta' mikrodejta dwar il-kreditu fil-fażi ta' tħejjija u salvagwardji tal-kunfidenzjalità

1.   Sabiex jiġi żgurat l-allinjament tal-mikrodejta dwar il-kreditu li trid tinġabar għal żmien twil mal-ħtiġijiet ta' statistiċi tal-utenti prospettivi tas-SEBĊ, il-KST għandu, matul il-fażi ta' tħejjija, jorganizza t-trażmissjoni annwali mill-BĊNi sal-BĊE ta' mikrodejta dwar il-kreditu diġà disponibbli, relatata mat-30 ta' Ġunju u l-31 ta' Diċembru, bl-użu ta' livell adegwat ta' anonimizzazzjoni u aggregazzjoni, fir-rigward tat-tagħrif dwar il-mutwatarji, sabiex jiġi żgurat illi l-mutwatarji individwalima jkunux jistgħu jintgħarfu. L-ewwel trażmissjoni isseħħ fl-aħħar ta' Marzu 2014, b'referenza għat-30 ta' Ġunju u l-31 ta' Diċembru 2013, u hija bbażata fuq l-iskema ta' rapportar ta' referenza stabbilita fl-Anness. Trażmissjonijiet oħrajn jiġu organizzati mill-KST fuq il-bażi tal-iskema ta' rapportar li ser tikkunsidra l-eżistenza ta' mikrodejta dwar il-kreditu diġà disponibbli u l-karatteristiċi tagħha, u tiżgura illi d-dejta miġbura tkun proporzjonata mal-istat tax-xogħol ta' tħejjija li jkun tlesta fil-ħin tat-trażmissjoni. Dejta dwar mutwatarji li jappartjenu għal setturi istituzzjonali li mhumiex korporazzjonijiet mhux finanzjarji tista' tiġi rrapportata matul il-fażi ta' tħejjija fuq bażi aggregata, sakemm il-BĊN jikkonsenja t-tagħrif relevanti dwar il-metodoloġija.

2.   BĊNi individwali jittrażmettu il-mikrodejta dwar il-kreditu mitluba fuq il-bażi tar-RĊK jew databases oħrajn disponibbli ta' mikrodejta dwar il-kreditu. Il-BĊNi li jibbenefikaw, bis-saħħa tal-Artikolu 3(3), minn deroga mill-miżuri ta' tħejjija skont l-Artikolu 3(1)(c) fir-rigward ta' trażmissjonijiet ta' dejta speċifiċi, għandhom jinkludu tagħrif dwar il-progress tagħhom fil-kisba ta' konformità sħiħa mat-trażmissjonijiet ta' dejta nmitluba matul il-fażi ta' tħejjija fir-rapportar tagħhom lill-KST.

3.   Dejta fornita lill-BĊE skont l-ewwel paragrafu tiġi trażmessa f'forma elettronika permezz ta' aċċess remot protett u tinħażen f'żona protetta. L-aċċess għal din id-dejta huwa limitat għal esperti statistiċi inklużi fil-lista kkomunikata mill-KST lill-Kunsill Governattiv qabel ma tinbeda t-trażmissjoni. Il-BĊE jinkludi tagħrif dwar il-miżuri ta' sigurtà meħuda fir-rapport annwali dwar il-kunfidenzjalità.

Artikolu 5

Użu ta' tagħrif statistiku meħud minn mikrodejta dwar il-kreditu fil- fażi ta' tħejjija

1.   Dejta formita lill-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 4 tintuża biex: (a) tiġi ddefinita u mtejba l-mikrodejta dwar il-kreditu li trid tinġabar taħt il-qafas għal żmien twil u l-attributi tad-dejta rispettiva, u (b) jiġi ddefinit u prodott tagħrif statistiku aggregat biex jissodisfa il-ħtiġijiet statistiċi tal-utenti fi ħdan is-SEBĊ matul il-fażi ta' tħejjija.

2.   Minbarra l-aċċess u l-użu ta' tagħrif statistiku aggregat, utenti fi ħdan is-SEBĊ li ma jibbenefikawx minn deroga skont l-Artikolu 3(3) jistgħu jitolbu permess għall-aċċess u l-użu ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali mhux aggregat meħud minn mikrodejta dwar il-kreditu trażmess bis-saħħa tal-Artikolu 4, sakemm dak l-aċċess għal tagħrif statistiku kunfidenzjali: (a) iservi l-għan li tiġi ddefinita u mtejba l-mikrodejta dwar il-kreditu li trid tinġabar taħt il-qafas għal żmien twil u l-attributi tad-dejta rispettiva, u (b) ma jinvolvix aċċess dirett għal mikrodejta dwar il-kreditu oriġinali miġbura mill-BĊNi jew mill-BĊE. Kull talba minn utent għandha tkun akkumpanjata minn lista ta' persuni individwali li ser ikollhom aċċess għat-tagħrif ikkonċernat.

3.   It-talbiet minn utent magħmulin skont il-paragrafu 2 huma suġġetti għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv b'konformità mal-proċedura adottata mill-BĊE. Il-KST jassisti lill-Kunsill Governattiv fil-valutazzjonita' dawn it-talbiet.

Artikolu 6

Proċedura ta' emenda simplifikata

Wara li jikkunsidra l-fehmiet tal-KST, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE huwa intitolat li jagħmel emendi tekniċi lill-Annessi ta' din id-Deċiżjoni, kemm-il darba dawk l-emendi la jbiddlu l-qafas kunċettwali bażiku u lanqas ma jeffettwaw il-piż tar-rapportar. Il-Bord Eżekuttiv għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv b'kull emenda bħal din mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi nnotifikata.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Governattiv jirċievi rapport li janalizza (a) l-istat tal-miżuri ta' tħejjija stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, u (b) il-fattibilità tas-sostituzzjoni ta' din id-Deċiżjoni bi strument legali tal-BĊE li jistabbilixxi r-rekwiżiti tar-rapportar statistiku tal-BĊE u li jiżgura t-twaqqif ta' database komuni ta' mikrodejta dwar il-kreditu maqsuma bejn il-membri tal-Eurosistema u li jkun fiha mikrodejta dwar il-kreditu għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluż evalwazzjoni tal-fattibilità tal-programm ta' żmien għall-adozzjoni ta' dawn il-miżuri kif stipulati fl-Artikolu 1, fl-isfond tal-progress miksub.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta' Frar 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  Memorandum ta' Ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni fost ir-reġistri nazzjonali ċentrali ta' kreditu sabiex tiġi mgħoddija lil istituzzjonijiet ta' rapportar, disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(3)  Dikjarazzjoni 17 dwar il-primat annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona tat-13 ta' Diċembru 2007 (ĠU C 115, 9.5.2008, p. 344).


ANNESS

SKEMA TA' RAPPORTAR TA' REFERENZA

Mikrodejta dwar il-kreditu rrapportata fuq bażi solo kif stabbilit fit-tabella hawn taħt, u li tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

“attribwiti tas-sellief”, li jiddeskrivu l-istituzzjoni ta' kreditu jew l-istituzzjoni finanzjarja oħra li tat is-self;

“attribwiti tal-mutwatarju”, li jiddeskrivu l-korporazzjoni mhux finanzjarja jew kwalunkwe mutwatarju ieħor li ħa s-self;

“varjabbli tad-dejta tal-kreditu”, li jiddeskrivu l-ftehim ta' self u l-istatus tas-self b'mod kwalitattiv;

“miżuri tad-dejta tal-kreditu”, li jipprovdu valuri numeriċi li jistgħu jiġu aggregati aktar (indikaturi kwantitattivi) u rrapportati bħala figuri tal-aħħar tal-perjodu.

Tip

Attribwiti

Ħarsa ġenerali

Livell ta' anonimizzazzjoni

Attribwiti tas-sellief attributes

Identifikatur tas-sellief

Identifikazzjoni ta' selliefa skont il-kodifikazzjoni użata mid-Database tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati tas-SEBĊ (RIAD) (1).

Mhux anonimizzata

Attribwiti tal-mutwatarju

Identifikatur tal-mutwatarju

Identifikazzjoni alfanumerika ta' mutwatarji, biex jiġi żgurat li mutwatarji individwali ma jistgħux jiġu identifikati

Anonimizzata

Pajjiż ta' residenza

Pajjiż ta' residenza tal-mutwatarju, skont l-istandard ISO 3166 (2).

Settur istituzzjonali

Settur istituzzjonali (jew subsettur) tal-mutwatarju, skont il-klassifikazzjoni tal-ESA 95. Is-subsetturi li ġejjin huma meħtieġa:

Bank Ċentrali

Gvern ġenerali

Istituzzjonijiet ta' kreditu

Fondi tas-suq tal-flus

Intermedjarji finanzjarji oħrajn, minbarra korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni

Korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni

Korporazzjonijiet mhux finanzjarji

Unitajiet domestiċi u istituzzjonijiet mingħajr skop ta' profitt li jservu l-unitajiet domestiċi

Settur tal-attività ekonomika

Klassifikazzjoni ta' mutwatarji (finanzjarji u mhux finanzjarji) skont l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, skont il-klassifikazzjoni statistika tan-NACE rev.2 (3). Il-kodiċijiet tan-NACE għandhom jiġu rrapportati b'dettall fuq żewġ livelli (skont id-“diviżjoni”).

Daqs

Klassifikazzjoni ta' mutwatarji skont id-daqs: makro, żgħar, daqs medju u kbar.

Varjabbli tad-dejta tal-kreditu

Identifikatur tas-self

Identifikazzjoni alfanumerika ta' self, kif użata minn istituzzjonijiet li jirrapportaw f'livell nazzjonali.

Munita

Denominazzjoni tal-munita tas-self, skont l-istandard ISO 4217 (4).

Tip ta' self

Klassifikazzjoni ta' self skont it-tip tagħhom:

Fuq talba u b'notifika qasira (kont kurrenti)

Dejn fuq karta ta' kreditu

Riċevibbli kummerċjali

Kirjiet finanzjarji

Self ta' xiri mill-ġdid bil-maqlub

Self għal żmien ieħor

Tip kollaterali

Tip ta' kollateral li jappoġġja s-self mogħti, il-kollateral ta' proprjetà immobbli, kollateral ieħor (inkluż it-titoli u d-deheb), l-ebda kollateral.

Maturità oriġinali

Maturità tas-self miftiehem fil-bidu jew f'data iktar tard ta' negozjar mill-ġdid; inqas minn jew ugwali għal sena, iktar minn sena.

Maturità residwa

Maturità li tirreferi għaż-żmien miftiehem għal-fidi tas-self; inqas minn jew ugwali għal sena, iktar minn sena.

Status li ma jirrendix

Self fejn il-mutwatarju jkun inadempjenti.

Self sindakat

Ftehim ta' self wieħed li fih jipparteċipaw diversi istituzzjonijiet bħala selliefa

Dejn subordinat

Strumenti ta' dejn subordinat jipprovdu talba sussidjarja fuq l-istituzzjoni tal-ħruġ li tista' tiġi eżerċitata biss wara li t-talbiet kollha bi status ogħla (eż. depożiti/self) ikunu ġew sodisfati, u li tagħtihom uħud mill-karatteristiċi ta' “ishma u ekwità oħra”.

Miżuri tad-dejta ta' kreditu

Kreditu miġbud

Ammont totali ta' self pendenti (ammont prinċipali, mingħajr ma' jitnaqqas tnaqqis fil-valur), aġġustamentt tar-riskju ta' kreditu rapportati ddikjarati gross, minbarra telf ta' kreditu rreġistrat bħala kanċellazzjoni.

Linji ta' kreditu

Ammont ta'kreditu mogħti imma mhux miġbud.

Arretrati

Kwalunkwe pagament (ammont) fuq self, li huma dovuti b'iktar minn 90 ġurnata.

Valur tal-kollateral

Il-valur tal-kollateral fil-ħin tar-rapportar.

Aġġustament speċifiku tar-riskju ta' kreditu

Provvediment għat-telf ta' self speċifiku għar-riskji tal-kreditu skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli. Din il-miżura għandha tiġi rraportata biss għal self li ma jirrendix.

Attiv stmati abbażi tar-riskju

L-ammonti ta' skoperturi ppeżati skont ir-riskju b'konformità mad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew atti suċċessivi.

Probabbiltà ta' inadempjenza (għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li japplikaw l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjoni Interna biss)

Probabbiltà ta' inadempjenza ta' kontroparti fuq perjodu ta' sena, b'konformità mad-Direttiva 2006/48/KE jew atti suċċessivi. Għar-rapportar mutwatarju b'mutwatarju, tiġi rrapportata medja ppeżata skont il-volum.

Telf fuq inadempjenza (għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li japplikaw approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjoni interna (IRB))

Proporzjon tat-telf fuq skopertura minħabba l-inadempjenza tal-kontroparti għall-ammont pendenti fl-inadempjenza, skont id-Direttiva 2006/48/KE jew atti suċċessivi. Għar-rapportar mutwatarju b'mutwatarju, tiġi rrapportata medja ppeżata skont il-volum.

Rata ta' imgħax

Il-proporzjon, bħala perċentwali fis-sena, tal-ammont li għandu jħallas minn debitur lil kreditur fuq perjodu ta' żmien mogħti għall-ammont tal-kapital tas-self, depożitu jew titolu ta' dejn, skont ir-Regolament (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew (6) jew atti suċċessivi. Għar-rapportar mutwatarju b'mutwatarju, tiġi rrapportata medja ppeżata skont il-volum.


(1)  Għall-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM), ara l-lista ppubblikata fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(2)  Kif ippubblikata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) fil-websajt tagħha fuq www.iso.org.

(3)  Kif ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) fuq is-sit elettroniku tagħha fuq www.ec.europa.eu/eurostat.

(4)  Kif ippubblikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) fil-websajt tagħha fuq www.iso.org.

(5)  Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar il-bidu u s-segwiment tan-negozju f'istituzzjonijiet tal-kreditu (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).

(6)  Regolament (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2001 dwar l-istatistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għal depożiti u self għal familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji (BĊE/2001/18) (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 24).


Top