EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0016(01)

2014/360/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2014/16)

OJ L 175, 14.6.2014, p. 47–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/05/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/360/oj

14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/47


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-14 ta' April 2014

dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu

(BĊE/2014/16)

(2014/360/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord Amministrattiv ta' Rieżami jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-eżerċizzju tal-poteri kkonferiti fuqu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 wara talba għal rieżami mibgħuta skont l-Artikolu 24(5).

(2)

Bis-saħħa tal-Artikolu 24(10) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE ser jadotta r-Regoli Operattivi tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami, li ser jiġu ppubblikati.

(3)

Bis-saħħa tal-Artikolu 24(11) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, it-twaqqif tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li jiġu istitwiti proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattati.

(4)

Rieżami mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami huwa rieżami fakoltattiv għal persuni li jiġu indirizzati b'deċiżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew li għalihom deċiżjoni bħal dik tkun tikkonċernahom direttament u individwalment, qabel ma jinġiebu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIZJONI:

KAPITOLU PRELIMINARI

Artikolu 1

Natura supplimentari

Dan ir-Regolament għandu jissupplimenta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. It-termini użati f'din id-Deċiżjoni għandu jkollhom l-istess tifsira bħat-termini ddefiniti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.

KAPITOLU I

IL-BORD AMMINISTRATTIV TA' RIEŻAMI

Artikolu 2

Stabbiliment

Il-Bord Amminsitrattiv ta' Rieżami (minn hawn 'il quddiem il-“Bord Amministrattiv”) qed jiġi b'dan stabbilit.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun kompost minn ħames membri li għandhom jinbiddlu b'żewġ supplenti skont kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

2.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti għandhom ikunu individwi ta' reputazzjoni għolja li huma ċittadini ta' Stat Membri u għandhom rekord ippruvat ta' għarfien rilevanti u esperjenza professjonali, inkluża esperjenza superviżorja, ta' livell għoli biżżejjed fl-oqsma bankarji jew servizzi finanzjarji oħrajn. Ma jistgħux ikunu membri tal-persunal kurrenti tal-BĊE, tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra nazzjonali jew tal-Unjoni li huma involuti fil-kompiti mwettqin mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

3.   Iż-żewġ supplenti għandhom temporanjament jieħdu post il-membri tal-Bord Amministrattiv f'każ ta' inkapaċità temporanja, mewt, riżenja jew tneħħija mill-kariga jew jekk, fil-kuntest ta' talba partikolari għal rieżami, hemm raġunijiet ġustifikati għal tħassib serju dwar l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess. Jinqala' kunflitt ta' interess meta membru tal-Bord Amministrattiv ikollu interess privat jew personali li jista' jinfluwenza, jew jidher li jinfluwenza, it-twettiq imparzjali u oġġettiv ta' dmirijiethom.

Artikolu 4

Ħatra

1.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti għandhom jinħatru mill-Kunsill Governattiv sabiex jiġi żgurat, safejn huwa possibbli, bilanċ ġeografiku u ta' bejn is-sessi xieraq fl-Istati Membri kollha.

2.   Wara sejħa pubblika għal espressjonijiet ta' interess ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Bord Eżekuttiv, wara li jisma' lill-Bord Superviżorju, għandu jissottometti nomini għall-membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti lill-Kunsill Governattiv sa mhux iktar tard minn xahar qabel il-bidu tal-laqgħa tal-Kunsill Governattiv li fiha għandha tiġi adottata d-deċiżjoni dwar il-ħatra.

3.   Il-mandat tal-membri tal-Bord Amministratti u taż-żewġ supplenti għandu jkun ta' ħames snin, li jiġġedded darba.

4.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami u ż-żewġ supplenti għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Huma m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda struzzjoni u għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u dikjarazzjoni pubblika tal-interessi li tindika kull interess dirett jew indirett li jista' jitqies bħala ta' preġudizzju għall-indipendenza tagħhom jew għan-nuqqas ta' kwalunkwe interess bħal dan.

5.   It-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħatra tal-membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 5

President u Viċi President

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jinnomina lill-President u lill-Viċi President tiegħu.

2.   Il-President għandu jiżgura l-funzjonament tal-Bord Amministattiv, l-eżami effiċjenti ta' rieżamijiet u l-konformità mar-Regoli Operattivi.

3.   Il-Viċi President għandu jassisti lill-President fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u għandu jieħu postu meta tal-aħħar ikun prekluż milli jaġixxi jew fuq talba tal-President, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Bord Amministrattiv.

Artikolu 6

Segretarju tal-Bord Amministrattiv

1.   Is-Segretarju tal-Bord Superviżorju għandu jaġixxi bħala Segretarju tal-Bord Amministratti (minn hawn 'il quddiem is-“Segretarju”).

2.   Is-Segretarju għandu jkun responsabbli għall-preparazzjoni ta' eżami effiċjenti ta' rieżamijiet, għall-organizzazzjoni tal-laqgħat qabel is-seduti u tas-seduti, l-abbozzar tal-minuti rispettivi, iż-żamma ta' reġistru ta' rieżamijiet kif ukoll l-għoti ta' assistenza oħra fir-rigward tar-rieżamijiet.

3.   Il-BĊE għandu jipprovdi lill-Bord Amministrattiv b'appoġġ xieraq inkluż kompetenza legali għall-assistenza fil-valutazzjoni tal-eżerċizzju tal-poteri tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

KAPITOLU II

TALBA GĦAL RIEŻAMI

Artikolu 7

Avviż ta' rieżami

1.   Kull persuna naturali jew legali indirizzata b'deċiżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew li lilha dik id-deċiżjoni tikkonċernaha direttament jew individwalment, li tixtieq titlob rieżami amministrattiv intern (minn hawn 'il quddiem l-“applikant”) għandha tagħmel hekk billi tippreżenta avviż bil-miktub ta' rieżami lis-Segretarju, fejn tiġi identifikata d-deċiżjoni kkontestata. L-avviż ta' rieżami għandu jintbagħat f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

2.   Is-Segretarju għandu jikkonferma mingħajr dewmien l-irċevuta tal-avviż ta' rieżami lill-applikant.

3.   L-avviż ta' rieżami għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni lill-applikant jew, fin-nuqqas ta' din in-notifika, mill-jum meta jkun sar jaf biha l-applikant.

4.   Id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annessa mal-avviż ta' reviżjoni, li għandu: (a) isemmi l-motivi li fuqhom huwa bbażat; (b) jekk applikazzjoni ssir biex ir-rieżami jkollu effett sospensiv, isemmi l-motivi ta' tali applikazzjoni; (c) ikollu mehmuż miegħu kopji ta' kwalunkwe dokument li fuqu l-applikant fiħsiebu jistrieħ; u (d) jekk l-avviż ta' rieżami jaqbeż l-10 paġni, jnkludi sunt tal-partiti (a) sa (c).

5.   L-avviż ta' rieżami għandu jindika b'mod ċar id-dettalji kollha għal kuntatt tal-applikant sabiex is-Segretarju jkun jista' jibgħat komunikazzjonijiet lill-applikant jew lir-rappreżentant tiegħu skont il-każ. Is-Segretarju għandu jibgħat konferma tal-irċevuta lill-applikant fejn jgħid jekk l-avviż ta' rieżami huwiex komplet.

6.   L-applikant jista' fi kwalunkwe ħin jirtira avviż ta' rieżami billi jagħti avviż ta' rtirar lis-Segretarju.

7.   Meta jiġi ppreżentat lis-Segretarju, l-avviż ta' reżami, flimkien mad-dokumenti mehmużin, għandhom jiġu trażmessi internament mingħajr dewmien biex il-BĊE ikun jista' jiġi rrappreżentat fil-proċeduri.

Artikolu 8

Rapporteur

Meta jirċievi avviż ta' rieżami, il-President għandu jaħtar rapporteur għar-rieżami mill-membri tal-Bord Amministrattiv, inkluż il-President. Meta jaħtar lir-rapporteur, il-President għandu jikkunsidra l-kompetenza teknika speċifika ta' kull membru tal-Bord Amministrattiv.

Artikolu 9

Effett sospensiv

1.   Is-sottomissjoni tal-avviż ta' rieżami m'għandux ikollu effett sospensiv fuq l-applikazzjoni tad-deċżjoni kkontestata, bla ħsara għall-paragrafu 2.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-Kunsill Governattiv, fuq proposta tal-Bord Amministrattiv, jista' jiddeċiedi li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm it-talba għar-rieżami tkun ammissibbli u mhux infondata b'mod ovvju u jikkunsidra li l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata tista' tikkawża ħsara irreparabbli. Il-Kunsill Governattiv għandu jieħu dik id-deċiżjoni biex jissospendi l-applikazzjoni tad-deċżjoni kkontestata wara li jkun semal-opinjoni tal-Bord Superviżorju kif jixraq.

3.   Il-proċeduri previsti f'dawn ir-Regoli Operattivi, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 12 u 14 fir-rigward ta' direzzjonijiet u seduti, għandhom japplikaw kif ikun meħtieġ għad-determinazzjoni ta' kwalunkwe kwistjoni ta' sospensjoni.

KAPITOLU III

RIEŻAMI

Artikolu 10

Ambitu tar-rieżami tal-Bord Amministrattiv

1.   Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-ambitu tar-rieżami amministrattiv intern għandu jkopri l-konformità sostantiva u proċedurali tad-deċiżjoni rilevanti mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

2.   Ir-rieżami tal-Bord Amministrattiv għandu jkun limitat għal eżami tal-motivi li l-applikant jistrieħ fuqhom kif stabbilit fl-avviż ta' rieżami.

Artikolu 11

Ammissibbiltà tat-talba għal rieżami

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jiddetermina jekk u sa fejn t-talba għal rieżami hija ammissibbli qabel ma jiġi eżaminat jekk hijiex legalment fondata. Jekk il-Bord Amministrattiv iqis it-talba għal reviżjoni inammissibbli għal kollox jew parzjalment, din il-valutazzjoni għandha tiġi rreġistrata fl-opinjoni tal-Bord Amminsitrattiv bis-saħħa tal-Artikolu 17.

2.   M'għandux ikun ammissibbli avviż ta' rieżami ppreżentat fir-rigward ta' deċiżjoni ġdida tal-Kunsill Governattiv kif imsemmi fl-Artikolu 24(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 12

Struzzjonijiet

Il-President, f'isem il-Bord Amministrattiv, jista' jagħti struzzjonijet għat-twettiq effiċjenti tar-rieżami, inklużi direzzjonijiet għall-produzzjoni ta' dokumenti jew għall-għoti ta' informazzjoni. Is-Segretarju għandu jibgħat dawk l-istruzzjonijiet lill-partijiet rilevanti. Il-President jista' jikkonsulta mal-membri l-oħrajn għal dawn il-finijiet.

Artikolu 13

Nuqqas ta' konformità

1.   Meta l-applikant ikun, mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli, naqas milli jikkonforma ma' struzzjoni tal-Bord Amministrattiv jew dispożizzjoni ta' dawn ir-Regoli Operattivi, il-Bord Amministrattiv jista' jordnalu jħallas kull kost tal-proċeduri li jirriżulta mid-dewmien.

2.   Qabel ma joħroġ ordni skont il-paragrafu 1, il-Bord Amministrattiv għandu javża lill-applikant sabiex jagħtih l-opportunità li jagħmel sottomissjonijiet kontra l-ħruġ ta' ordni bħal dik.

Artikolu 14

Seduta

1.   Il-Bord Amministrattiv jista' jitlob li jkun hemm seduta orali meta jikkunsidra li dan huwa meħtieġ għall-valutazzjoni ġusta tar-rieżami. Kemm l-applikant kif ukoll il-BĊE għandhom jintalbu jagħmlu sottomissjonijiet orali f'dik is-seduta.

2.   Il-President għandu jagħti struzzjonijiet dwar l-ordni, il-forma u d-data tas-seduta.

3.   Is-seduta għandha ssir fil-bini tal-BĊE. Is-Segretarju għandu jkun presenti. Is-seduta m'għandhiex tkun miftuħa għal terzi.

4.   F'każijiet eċċezzjonali, il-President jista' jaġġorna s-seduta fuq l-applikazzjoni tal-applikant jew tal-BĊE, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

5.   Meta l-parti tkun ġiet innotifikata b'seduta orali u ma tidhirx, il-Bord Amministrattiv jista' jipproċedi fin-nuqqas tagħhom.

Artikolu 15

Evidenza

1.   L-applikant jista' jitlob il-permess tal-Bord Amministrattiv biex iressaq, fil-forma ta' stqarrija bil-miktub, xhieda jew evidenza ta' espert.

2.   L-applikant jista' jitlob il-permess tal-Bord Amministrattiv biex isejjaħ xhud jew espert li jkun ta stqarrija bil-miktub biex jagħti xhieda orali matul is-seduta. Barra minn dan il-BĊE jista' jitlob lill-Bord Amministrattiv permess biex isejjaħ xhud jew espert biex jagħti xhieda oralment waqt is-seduta.

3.   Il-permess jingħata biss jekk il-Bord Amministrattiv jikkonsidra li huwa meħtieġ għad-determinazzjoni ġusta tar-rieżami.

4.   Xhieda jew esperti għandhom jiġu eżaminati mill-Bord Amministrattiv. Din l-evidenza għandha tinġieb fiż-żmien permess. L-applikant għandu jkollu d-dritt li jagħmel kontroeżami ta' xhieda jew esperti msejħin mill-BĊE meta dan ikun meħtieġ għad-determinazzjoni ġusta tar-rieżami.

KAPITOLU IV

PROĊESS TAT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 16

Opinjoni fuq ir-rieżami

1.   Il-Bord Amministrattiv għandu, f'perijodu ta' żmien xieraq għall-urġenza tal-kwistjoni u mhux iktar tard minn xahrejn mid-data li jiġi rċevut l-avviż ta' rieżami, jadotta opinjoni dwar ir-rieżami.

2.   L-opinjoni għandha tipproponi jekk id-deċiżjoni inizjali għandhiex tiġi mħassra, mibdula b'deċiżjoni b'kontenut identiku jew mibdula b'waħda emendata. F'dan l-aħħar każ, l-opinjoni għandu jkollha proposti għall-emendi meħtieġa.

3.   L-opinjoni għandha tiġi adottata b'maġġoranza ta' mill-inqas tliet membri tal-Bord Amministrattiv.

4.   L-opinjoni għandha tkun bil-miktub u jkollha fiha raġunijiet, u għandha tintbagħat lill-Bord Superviżorju mingħajr dewmien.

5.   L-opinjoni m'għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Bord Sueprviżorju jew il-Kunsill Governattiv.

Artikolu 17

Tħejjija ta' abbozz ta' deċiżjoni ġdid

1.   Il-Bord Superviżorju għandu jivvaluta l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv u jipproponi abbozz ta' deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. Il-valutazzjoni tal-Bord Superviżorju m'għandhiex tkun limitata għall-eżami tal-motivi li jistrieħ fuqhom l-applikant kif jidher fl-avviż tar-rieżami, imma jista' jieħu inkunsiderazzjoni wkoll elementi oħrajn fil-proposta tiegħu għal abbozz ta' deċiżjoni ġdid.

2.   L-abbozz tad-deċiżjoni ġdid tal-Bord Superviżorju li jieħu post id-deċiżjoni inizjali b'deċiżjoni ta' kontenut identiku għandu jintbagħat lill-Kunsill Governattiv f'10 ijiem tax-xogħol minn meta tiġi rċevuta l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv. Abbozz ta' deċiżjoni ġdid mill-Bord Supeviżorju li jħassar jew jemenda d-deċiżjoni inizjali għandu jintbagħat lill-Kunsill Governattiv f'20 jum tax-xogħol minn meta tiġi riċevuta l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv

Artikolu 18

Notifika

L-opinjoni tal-Bord Amministrattiv, l-abbozz ta' deċiżjoni ġdid mibgħut mill-Bord Superviżorju u d-deċiżjoni ġdida adottata mill-Kunsill Governattiv għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv inkluż ir-raġunament rilevanti.

KAPITOLU V

RIMEDJI ĠUDIZZJARJI

Artikolu 19

Rimedju fil-Qorti tal-Ġustizzja

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-Trattati.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 20

Aċċess għall-fajls

1.   Id-drittijiet tad-difiża tal-applikant għandhom jiġu rrispettati għal kollox. Għal dan l-iskop, u wara li l-applikant ikun ippreżenta avviż ta' rieżami bil-miktub, l-applikant għandu jkun intitolat li jkollu aċċess għall-fajl tal-BĊE, bla ħsara għall-interess leġittimu ta' persuni ġuridiċi u naturali għajr għall-applikant, fil-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju tagħhom.

2.   Il-fajls jikkonsistu mid-dokumenti kollha miksubin, prodotti jew miġburin mill-BĊE matul il-proċedura superviżorja tal-BĊE, irrispettivament mill-mezz ta' ħażna.

3.   Id-dritt ta' aċċess għall-fajl m'għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, informazzjoni kunfidenzjali tista' tinkludi dokumenti interni tal-BĊE jew ta' awtorità nazzjonali kompetenti u korrispondenza bejn il-BĊE u awtorità nazzjonali kompetenti jew bejn awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

5.   Xejn f'dan l-Artikolu m'għandu jipprevjeni lill-BĊE milli jiżvela u juża informazzjoni meħtieġa biex jiġi ppruvat ksur.

6.   Il-BĊE jista' jiddetermina li l-aċċess għall-fajl għandu jingħata f'wieħed jew iktar mill-modi li ġejjin, wara li jitqiesu l-kapaċitajiet tekniċi tal-partijiet: (a) permezz ta' CD-ROM(s) jew kwalunkwe apparat elettroniku għal ħażna ta' dejta inkluża kwalunkwe xorta li tista' tkun disponibbli fil-futur; (b) permezz ta' kopji tal-fajl aċċessibbli fil-forma ta' karta li tintbagħtilhom bil-posta; (c) billi jistidinhom jeżaminaw il-fajl aċċessibbli fl-uffiċċji tal-BĊE.

Artikolu 21

Ordnijiet ta' kosti

1.   Il-kosti tar-rieżami għandhom jinkludu l-ispejjeż raġonevoli magħmulin għar-rieżami.

2.   Wara n-notifika tad-deċiżjoni l-ġdida mill-Kunsill Governattiv jew wara li l-applikant ikun irtira l-avviż ta' rieżami, il-Bord Superviżorju għandu jipproponi l-proporzjon tal-kosti li għandu jħallas l-applikant. L-applikant għandu jkun intitolat li jagħmel sottomissjonijiet f'dan ir-rigward.

3.   Kull kost sproporzjonat magħmul mill-applikant meta jissottometti xhieda bil-miktub jew orali u fir-rigward ta' rappreżentanza legali għandu jħallsu l-applikant.

4.   L-applikant m'għandu jħallas l-ebda kost f'każijiet fejn il-Kunsill Governattiv iħassar jew jemenda d-deċiżjoni inizjali bħala konsegwenza tal-avviż ta' rieżami. Dan m'għandux jgħodd għall-kosti sproporzjonati magħmulin mill-applikant meta jissottometti xhieda bil-miktub jew orali u fir-rigward ta' rappreżentanza legali li għandu jħallashom l-applikant.

5.   Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi fuq it-tqassim tal-kosti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 g.2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.

6.   Jekk jiġu ordnati, il-kosti għandhom jitħallsu fi żmien 20 jum tax-xogħol.

Artikolu 22

Kunfidenzjalità u segretezza professjonali

1.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbilti fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anki meta d-dmirijiet tagħhom ikunu spiċċaw.

2.   Il-proċedimenti tal-Bord Amministrattiv għandhom ikunu kunfidenzjali sakemm il-Kunsill Governattiv ma jawtorizzax lill-President tal-BĊE biex jippubblika l-eżitu ta' dawn il-proċedimenti.

3.   Dokumenti abbozzati jew miżmuma mill-Bord Amministrattiv għandhom ikunu dokumenti tal-BĊE u għalhekk għandhom jiġu kklassifikati u ttrattati skont l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2).

Artikolu 23

Regoli supplimentari

1.   Il-Bord Amministrattiv jista' jadotta regoli supplimentari biex jirregola l-proċedimenti u l-attivitajiet tiegħu

2.   Il-Bord Amministrattiv jista' joħroġ formuli u gwidi.

3.   Regoli supplimentari, formuli u gwidi adottati mill-Bord Amministrattiv għandhom jiġu rrapportati lill-Bord Superviżorju u ppubblikati fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta' April 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.


Top