EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AB0037

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 28 ta’ Mejju 2013 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (CON/2013/37)

OJ C 179, 25.6.2013, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/9


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Mejju 2013

dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI

(CON/2013/37)

2013/C 179/03

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-5 ta’ Frar 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kummissjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠA (1) (iktar ’il quddiem id-“direttiva proposta”). Fl-20 ta’ Frar u t-2 ta’ April 2013, il-BĊE rċieva talbiet mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar l-istess direttiva proposta.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdu li l-BĊE għandu jiġi kkonsultat dwar l-atti proposti kollha tal-Unjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Barra minn dan, il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, peress li d-direttiva proposta tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom implikazzjonijiet għal ċerti kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.    Skop u kontenut tad-direttiva proposta

Id-direttiva proposta ser tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI dwar iż-żieda tal-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħrajn kontra l-iffalsifikar b’rabta mal-introduzzjoni tal-euro (2) għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni tagħha. Hija żżomm il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI, b’modifiki żgħar, waqt li tieħu f’kunsiderazzjoni it-Trattat ta’ Lisbona. Barra minn hekk, id-direttiva proposta tikkumplimenta d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI, billi tintroduċi piena massima ta’ sitt xhur priġunerija għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ flus iffalsifikati u piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija għad-distribuzzjoni ta’ flus iffalsifikati. Tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet ġodda li jeħtieġu lill-Istati Membri biex: (a) jipprovdu għall-possibbiltà li jużaw ċerti għodod investigattivi; u (b) jiżguraw li ċ-Ċentri Nazzjonali ta' Analiżi (National Analysis Centres – NACs) u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' Analiżi tal-Muniti (Coin National Analysis Centres – CNACs) jitħallew jeżaminaw karti tal-flus u muniti tal-euro ssuspettati li huma foloz għall-analiżi, l-identifikazzjoni u l-iskoperta ta’ flus ffalsifikati oħrajn ukoll matul proċeduri ġudizzjarji li jkunu jinsabu għaddejjin.

2.    Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ d-direttiva proposta, li l-iskop tagħha huwa li tissupplimenta d-dispożizzjonijiet u li tiffaċilita l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Flus, iffirmata f’Ġinevra fl-20 ta’ April 1929 u l-Protokoll tagħha (3) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”) mill-Istati Membri (4). Il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li d-direttiva proposta tikkunsidra l-fehma tal-BĊE li l-qafas tal-liġi kriminali għandu jiġi rrafforzat billi jiġi msaħħaħ u armonizzat ir-reġim tal-pieni, inkluż billi jiġu ffissati standards għal pieni minimi. Fl-istess ħin, il-BĊE jinnota li d-direttiva proposta fil-biċċa l-kbira żżomm id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI, li ser tiżgura ċertezza legali akbar wara t-tranżizzjoni għar-reġim il-ġdid ta’ protezzjoni stabbilit taħt id-direttiva proposta.

Il-BĊE jifhem li d-dispożizzjoni dwar rikonoxximent reċiproku tal-kundanni għall-iskop li jiġu rikonoxxuti “reati ripetuti” taħt l-Artikolu 9a tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI ma tkunx ippreġudikata wara l-adozzjoni tad-direttiva proposta għall-Istati Membri li diġà ttrasponew din id-dispożizzjoni fil-liġi nazzjonali. Rigward dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, l-obbligu tagħhom li jistabbilixxu regoli nazzjonali dwar dan ir-rikonoxximent reċiproku tal-pieni taħt l-Artikolu 9a jidher li jkompli jeżisti b’mod konformi mal-Artikolu 12 tad-direttiva proposta. Madankollu, sabiex dan ikun ċar, il-BĊE jissuġġerixxi li l-kontenut tal-Artikolu 9a tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI jiddaħħal fid-direttiva proposta.

B’mod konformi mal-premessi 28, 29 u 30 tad-direttiva proposta, il-BĊE jinnota li, waqt li d-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni tad-direttiva proposta, ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jiddeċiedu jekk jieħdux sehem jew le fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tagħha. Il-BĊE jifhem li jekk id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva proposta, huma ser ikomplu jkunu soġġetti għall-obbligi relatati mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI b’mod konformi mal-Artikolu 12 tad-direttiva proposta. B’riżultat ta' dan, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jkunux soġġetti għar-regoli l-ġodda taħt id-direttiva proposta. Għalhekk, ikun ta’ benefiċċju li jiġu mistiedna l-awtoritajiet kompetenti tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda (jekk dawn l-aħħar tnejn ma jipparteċipawx fl-adozzjoni tad-direttiva proposta), biex jintrabtu sabiex japplikaw l-istandards minimi u massimi għall-pieni, jiżguraw id-disponibbiltà ta’ għodda investigattivi effettivi u t-trasmissjoni ta’ noti u muniti ffalsifikati lill-NACs u s-CNACs minn awtoritajiet ġudizzjarji b’mod konformi mal-Artikoli 5, 9 u 10, rispettivament, tad-direttiva proposta. Inkella, ikunu imminati l-kooperazzjoni transkonfinali u l-mitigazzjoni tar-riskju li wieħed jagħżel l-aktar forum konvenjenti, kif imsemmi fil-premessa 18 tad-direttiva proposta.

3.    Osservazzjonijiet speċifiċi

3.1.   Valur nominali potenzjali ta’ karti tal-flus u muniti ffalsifikati

Fir-rigward tar-referenzi għall-valur nominali tal-karti tal-flus u l-muniti ffalsifikati fil-premessa 19 u l-Artikolu 5 tad-direttiva proposta, il-BĊE jinnota li, minn perspettiva ta’ produzzjoni, dan il-valur jista’ jiġi identifikat biss f’dak li jirrigwarda karti jew muniti ffalsifikati li jkunu lesti.

Madankollu, il-BĊE jinnota li l-kunċett ta’ karti tal-flus u muniti ffalsifikati mhuwiex neċessarjament limitat biss għal karti tal-flus u muniti ffalsifikati lesti, iżda jista’ jkopri wkoll karti tal-flus u muniti ffalsifikati mhux lesti li jkunu jinsabu fil-proċess ta’ produzzjoni. Il-BĊE jenfasizza li, fil-kuntest tal-produzzjoni jew alterazzjoni frodulenti ta' karti tal-flus u muniti ddenominati f'euro jew f'muniti oħrajn (5), l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jiskopru flus foloz mhux lesti. Il-BĊE jinnota li t-teknika standard użata mill-pulizija meta jaqbdu post klandestin fejn jinħadmu l-flus foloz huwa li jipprovaw jintervjenu waqt li r-reat ikun attwalment jinsab għaddej. Din tkun kwistjoni ta’ ġudizzju, u f’xi każijiet jista’ jkun hemm ftit prodotti lesti iżda ħafna xogħol li jkun jinsab għaddej. Il-BĊE jinnota li dawn il-prodotti mhux lesti ma jkollhomx valur nominali iżda valur nominali potenzjali, li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ piena proporzjonata taħt l-Artikolu 5 tad-direttiva proposta. Għaldaqstant, il-premessa 19 u l-Artikolu 5 għandhom jiġu emendati sabiex jinkludu referenzi għall-valur nominali potenzjali fir-rigward ta’ flus foloz mhux lesti. Il-valur nominali potenzjali għandu jitqies bħala kriterju ulterjuri meta tiġi applikata pieni proporzjonata għal xi reat taħt l-Artikolu 3(1)(a) sa (c) tad-direttiva proposta.

Barra minn hekk, il-karti tal-flus u l-muniti ffalsifikati misjuba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jkunu ddenominati fi, jew ikollhom id-dehra ta’, munita oħra li mhijiex l-euro. F’dak il-każ, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jitħallew jidentifikaw l-valur nominali jew il-valur potenzjali nominali relevanti ta’ dawk il-karti tal-flus u muniti ffalsifikati. Għalhekk, il-BĊE jidhirlu li jkun ta’ benefiċċju li jiġu emendati ulterjorment il-premessa 19 u l-Artikolu 5 sabiex jipprovdu li l-istandards minimi u massimi għal pieni jieħdu f’kunsiderazzjoni l-valur nominali jew il-valur potenzjali nominali relevanti tal-karti tal-flus u muniti ffalsifikati misjuba, li ma jkunux karti tal-flus u muniti ffalsifikati ddenominati f’euro.

3.2.   Reati ta’ falsifikazzjoni fir-rigward tal-għodda tal-produzzjoni u l-materja prima ta’ karti tal-flus u muniti

Il-BĊE huwa tal-fehma li l-istandards għal pieni minimi u massimi għandhom japplikaw għal kull tip ta’ reat taħt l-Artikolu 3(1) tad-direttiva proposta. Dan l-approċċ għandu jżid b’mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effetti ta’ deterrent tal-pieni. F’dan ir-rigward, peress li l-karti tal-flus u l-muniti foloz l-aktar sofistikati jinħadmu b’komponenti minn diversi sorsi, pereżempju ologrammi frodulenti minn pajjiżi mhux tal-Unjoni, il-BĊE jappoġġa l-inklużjoni ta’ reati taħt l-Artikolu 3(1)(d) tad-direttiva proposta, meta dawn ikunu jinvolvu ċirkustanzi partikolarment serji, fl-ambitu tar-reġim ta’ pieni taħt l-Artikolu 5(4) tad-direttiva proposta.

3.3.   Obbligu li jintbagħtu karti tal-flus u muniti ffalsifikati għal analiżi

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li d-direttiva proposta tirrikonoxxi l-importanza li l-NACs u l-CNACs ikunu awtorizzati mill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jeżaminaw karti tal-flus u muniti tal-euro ffalsifikati għall-analiżi, l-identifikazzjoni u l-iskoperta ta’ flus foloz oħrajn. Madankollu, il-BĊE jirrakkomanda li meta l-kampjuni ta’ karti tal-flus u muniti ssuspettati li huma foloz ma jkunux jistgħu jintbagħtu għaliex ikun neċessarju li jinżammu bħala provi, dawn il-kampjuni ta' karti tal-flus u muniti ffalsifikati għandhom jintbagħtu lill-NAC jew CNAC mingħajr dewmien wara li jkunu tlestew il-proċeduri relevanti.

Fejn il-BCE jirrakkomanda illi tiġi emendata d-direttiva proposta, għal dan il-għan qed jiġu stipulati fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmula fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2013) 42 final

(2)  ĠU L 140, 14.6.2000, p. 1.

(3)  Nru 2623, p. 372 Lega tan-Nazzjonijiet – Serje ta’ Trattati tal-1931.

(4)  Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha ħlief, s’issa, Malta.

(5)  Ara l-Artikolu 3(1)(a) tad-direttiva proposta.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Premessa 19

“(19)

L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li jimponu żmien qasir ta’ priġunerija jew li jevitaw il-priġunerija f'każijiet fejn il-valur nominali totali tal-karti u muniti ffalsifikati ma jkunx sinifikanti jew ma jkunx jinvolvi ċirkostanzi partikolarment serji. Dak il-valur għandu jkun inqas minn EUR 5 000, jiġifieri għaxar darbiet aktar mill-ogħla denominazzjoni tal-euro, għall-każijiet li jitolbu piena oħra għajr għall-priġunerija, u inqas minn EUR 10 000 għall-każijiet li jitolbu inqas minn sitt xhur priġunerija.”

“(19)

L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li jimponu żmien qasir ta’ priġunerija jew li jevitaw il-priġunerija f'każijiet fejn il-valur nominali totali jew il-valur nominali potenzjali tal-karti u muniti ffalsifikati ma jkunx sinifikanti jew ma jkunx jinvolvi ċirkostanzi partikolarment serji. Dak il-valur għandu jkun inqas minn EUR 5 000jew l-ammont ekwivalenti fil-munita tal-karti tal-flus u l-muniti ffalsifikati relevanti, jiġifieri għaxar darbiet aktar mill-ogħla denominazzjoni tal-euro, għall-każijiet li jitolbu piena oħra għajr għall-priġunerija, u inqas minn EUR 10 000 jew l-ammont ekwivalenti fil-munita tal-karti tal-flus u l-muniti ffalsifikati relevanti għall-każijiet li jitolbu inqas minn sitt xhur priġunerija.”

Spjegazzjoni

Il-premessa 19 għandha tiġi emendata sabiex titħalla l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw piena proporzjonata fir-rigward ta' karti tal-flus u muniti ffalsifikati mhux lesti, li jista' jkollhom biss valur nominali potenzjali. Il-valur nominali potenzjali għandu jitqies bħala kriterju ulterjuri meta tiġi applikata piena proporzjonata għal kwalunkwe reat taħt l-Artikolu 3(1)(a) sa (c) tad-direttiva proposta.

Barra minn hekk, peress li l-karti tal-flus u l-muniti ffalsifikati misjuba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jkunu ddenominati fi, jew ikollhom id-dehra ta’, muniti oħra apparti l-euro, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati membri għandhom jitħallew jidentifikaw l-valur nominali jew il-valur nominali potenzjali relevanti ta’ dawk il-karti tal-flus u l-muniti ffalsifikati. Għalhekk, il-premessa 19 għandha tiġi emendata ulterjorment biex tipprovdi li l-istandards minimi u massimi għall-pieni għandhom jikkunsidraw l-valur nominali jew il-valur nominali potenzjali relevanti ta' karti tal-flus u muniti ffalsifikati li mhumiex euro.

Emenda 2

Artikolu 5

“Artikolu 5

Pieni

 

   (…)

2.   Għar-reati msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’ valur nominali totali ta’ inqas minn EUR 5 000 u li ma jinvolvux ċirkustanzi partikolarment serji, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu multa minflok priġunerija.

3.   L-offiżi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’ valur nominali totali ta’ mill-inqas EUR 5 000 għandhom ikunu kastigabbli bi priġunerija b'piena massima ta' mill-inqas tmien snin.

4.   L-offiżi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’ valur nominali totali ta' mill-inqas EUR 10 000 jew li jinvolvu ċirkustanzi partikolarment serji għandhom ikunu kastigabbli b’

(a)

piena minima ta’ mill-inqas sitt xhur priġunerija;

(b)

piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija;”

 

   (L-ebda test)

“Artikolu 5

Pieni

 

   (…)

2.   Għar-reati msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’ valur nominali totali jew valur nominali potenzjali ta’ inqas minn EUR 5 000jew l-ammont ekwivalenti fil-munita tal-karti tal-flus jew muniti ffalsifikati relevanti, u li ma jinvolvux ċirkustanzi partikolarment serji, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu multa minflok priġunerija.

3.   L-offiżi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’ valur nominali totali jew valur nominali potenzjali ta’ mill-inqas EUR 5 000jew l-ammont ekwivalenti fil-munita tal-karti tal-flus jew muniti ffalsifikati relevanti, għandhom ikunu kastigabbli bi priġunerija b'piena massima ta' mill-inqas tmien snin.

4.   L-offiżi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu karti u muniti ta’ valur nominali totali jew valur nominali potenzjali ta’ mill-inqas EUR 10 000jew l-ammont ekwivalenti fil-munita tal-karti tal-flus jew muniti ffalsifikati relevanti, għandhom ikunu kastigabbli b’

(a)

piena minima ta’ mill-inqas sitt xhur priġunerija;

(b)

piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija;

5.   Il-pieni taħt il-paragrafu 4 għandhom japplikaw ukoll għar-reati msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1) li jinvolvu ċirkostanzi partikolarment serji.

Spjegazzjoni

L-Artikolu 5(2) sa (4) għandu jiġi emendat sabiex tkun tista’ tiġi applikata piena proporzjonata fir-rigward ta' karti u muniti ffalsifikati mhux lesti, li jista' jkollhom biss valur nominali potenzjali. Il-valur nominali potenzjali għandu jitqies bħala kriterju ulterjuri meta tiġi applikata piena proporzjonata għal kwalunkwe reat taħt l-Artikolu 3(1)(a) sa (c) tad-direttiva proposta.

Barra minn hekk, peress li l-karti tal-flus u l-muniti ffalsifikati misjuba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jkunu ddenominati fi, jew ikollhom id-dehra ta’, muniti oħra apparti l-euro, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri għandhom jitħallew jidentifikaw il-valur nominali jew il-valur nominali potenzjali relevanti ta’ dawk il-karti u l-muniti ffalsifikati. Għalhekk, l-Artikolu 5(2) sa (4) għandu jiġi emendat ulterjorment biex jipprovdi li l-istandards minimi u massimi għall-pieni għandhom jikkunsidraw il-valur nominali jew il-valur potenzjali nominali relevanti ta' karti tal-flus u muniti ffalsifikati li mhumiex euro.

Finalment, biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effetti ta’ deterrent tal-pieni, huwa ssuġġerit li jiġu inklużi r-reati kriminali stipulati fl-Artikolu 3(1)(d) tad-direttiva proposta li jinvolvu ċirkostanzi partikolarment serji fl-ambitu tar-reġim tal-pieni taħt l-Artikolu 5(4) billi jiddaħħal paragrafu 5 ġdid.

Emenda 3

Artikolu 10(2)

“2.   Jekk il-kampjuni neċessarji ta' karti u muniti ssuspettati li huma foloz ma jistgħux jiġu trasmessi għaliex ikun meħtieġ li dawn jinżammu bħala evidenza fi proċedimenti kriminali sabiex jiggarantixxu proċess ġust u effettiv u d-dritt għal difiża tal-awtur issuspettat, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Analiżi u ċ-Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali tal-Muniti għandu jingħata aċċess għalihom mingħajr dewmien.”

“2.   Jekk il-kampjuni neċessarji ta' karti u muniti ssuspettati li huma foloz ma jistgħux jiġu trasmessi għaliex ikun meħtieġ li dawn jinżammu bħala evidenza fi proċedimenti kriminali sabiex jiggarantixxu proċess ġust u effettiv u d-dritt għal difiża tal-awtur issuspettat, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Analiżi u ċ-Ċentru għall-Analiżi Nazzjonali tal-Muniti għandu jingħata aċċess għalihom mingħajr dewmien. Immedjatament wara li jkunu ngħalqu dawn il-proċeduri, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jibagħtu dawn il-kampjuni neċessarji ta’ kull tip ta’ karta tal-flus issuspettata li hija ffalsifikata liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Analiżi u kull tip ta' munita ssuspettata li hija ffalsifikata liċ-Ċentru Nazzjonali ta' Analiżi tal-Muniti.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jirrakkomanda li, meta l-kampjuni ta’ karti tal-flus u muniti ssuspettati li huma ffalsifikati ma jkunux jistgħu jintbagħtu għaliex ikun neċessarju li jinżammu bħala provi, dawn il-kampjuni ta' karti tal-flus u muniti ffalsifikati għandhom jintbagħtu lill-NACs jew CNACs mingħajr dewmien wara li jkunu tlestew il-proċeduri relevanti.


(1)  It-tipa skura fil-korp tat-test tindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.


Top