EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AB0042

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 4 ta’ Mejju 2011 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (CON/2011/42)

OJ C 159, 28.5.2011, p. 10–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 159/10


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ Mejju 2011

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq

(CON/2011/42)

2011/C 159/05

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-2 ta’ Marzu 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (1) (iktar ’il quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li d-direttiva proposta tinkludi dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija mingħajr xkiel ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Sabiex is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja, li ġiet stabbilita reċentament, tkun tista’ taħdem b’mod effettiv, huma meħtieġa bidliet għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-operat tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) (2) u tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) (3). F’dan ir-rigward, id-direttiva proposta li temenda leġiżlazzjoni fis-setturi tal-assigurazzjoni u t-titoli – essenzjalment id-Direttiva 2009/138/KE (4) u sa grad iktar limitat id-Direttiva 2003/71/KE (5) – tikkumplimenta l-qafas legali diġà adottat mid-Direttiva 2010/78/UE (6). Din l-opinjoni b'hekk għandha tinqara flimkien mal-Opinjoni tal-BĊE CON/2010/23 (7).

2.

L-opinjoni tevalwa d-direttiva proposta minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja. L-osservazzjonijiet u l-proposti ta’ abbozzar li jinsabu f’din l-opinjoni jiffokaw fuq aspetti li huma relevanti għar-riforma tal-arkitettura ta’ superviżjoni, l-involviment tal-BĊE, tas-SEBĊ u tal-BERS u arranġamenti ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-ASE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Tagħti attenzjoni partikolari wkoll lill-ħtieġa sabiex jiġu żgurati fejn relevanti approċċi konsistenti bejn id-diversi setturi finanzjarji bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali kif ukoll bħala għodda għall-konverġenza tas-superviżjoni.

Osservazzjonijiet speċifiċi

Ktieb wieħed tar-Regoli Ewropej fis-settur finanzjarju

3.

L-iżvilupp ta’ ktieb wieħed tar-regoli Ewropej għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-suq waħdieni (8), li l-BĊE jappoġġja bis-sħiħ (9), jeħtieġ (i) identifikazzjoni xierqa tal-oqsma relevanti għal atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni, (ii) involviment adegwat tal-ASE fil-tħejjija ta’ dawn l-atti li jieħu f’kunsiderazzjoni n-natura teknika tagħhom u l-ħtieġa li wieħed jiddependi fuq il-ħila esperta speċjalizzata ħafna tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni; u (iii) approċċ konsistenti u kkoordinat bejn setturi differenti sabiex jiġu adottati dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

L-irwol ta’ konsulenza tal-BĊE fir-rigward ta’ abbozzi ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni

4.

Wara li kkunsidra l-importanza tal-funzjoni li għandhom jaqdu l-atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni adottati taħt l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat (10) bħala komponent sostanzjali tal-ktieb ta’ regoli wieħed, il-BĊE jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-eżerċizzju tal-irwol tiegħu ta’ konsulenza taħt l-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat.

L-ewwel nett, l-abbozzi ta’ atti ddelegati jew ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jikkwalifikaw bħala “atti proposti tal-Unjoni” fi ħdan it-tifsira tal-ewwel inċiż tal-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat. Kemm l-atti ddelegati kif ukoll dawk tal-implimentazzjoni jikkostitwixxu atti legali tal-Unjoni. B’mod sinifikanti, il-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 282(5) tat-Trattat jirreferu għal “abbozzi” ta’ atti legali tal-Unjoni li dwarhom il-BĊE jeħtieġ li jiġi kkonsultat (11). Għalhekk, l-ambitu tad-dmir li jiġi kkonsultat il-BĊE ma jistax jiġi llimitat biss għal dawk l-abbozzi ta’ atti bbażati fuq proposta tal-Kummissjoni.

Fit-tieni lok, fis-sentenza OLAF (12), il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE huwa intiż “sabiex essenzjalment jiżgura illi l-leġiżlatura tadotta l-att biss wara li l-korp ikun ġie kkonsultat, li, permezz tal-funzjonijiet speċifiċi li huwa jeżerċita fil-qafas Komunitarju fil-qasam ikkonċernat u permezz tal-grad għoli ta’ kompetenza li huwa għandu, huwa f’pożizzjoni partikolarment tajba sabiex ikollu rwol utli fil-proċess leġiżlattiv previst”.

F’dan l-isfond, sabiex jitgawdew il-benefiċċji sħaħ tal-irwol ta’ konsulenza li jeżerċita l-BĊE, dan tal-aħħar għandu jiġi kkonsultat fil-ħin dwar kull abbozz ta’ atti tal-Unjoni, inklużi abbozzi ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni, li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Il-BĊE għandu jeżerċita l-irwol ta’ konsulenza tiegħu waqt li jikkunsidra bis-sħiħ it-termini ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

Arranġamenti għall-iskambju ta’ informazzjoni

5.

Fil-kuntest tal-emendi ġenerali komuni għall-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni settorjali u li huma neċessarji sabiex ikunu jistgħu joperaw l-awtoritajiet il-ġodda, il-BĊE jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-inklużjoni ta’ mezzi ta’ aċċess xierqa għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-leġiżlazzjoni relevanti applikabbli għas-settur finanzjarju. Il-BĊE b’hekk jissuġġerixxi li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi emendata b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2006/48/KE (13) skont liema m’hemm xejn li jżomm lill-awtoritajiet kompetenti u lill-AEAPX milli jibagħtu informazzjoni lill-banek ċentrali tas-SEBĊ, inkluż il-BĊE, fejn xieraq, lil awtoritajiet nazzjonali oħrajn responsabbli għas-superviżjoni ta’ sistemi ta’ pagament u lill-BERS meta din l-informazzjoni tkun relevanti għall-kompiti rispettivi tagħhom (14). Għandhom jiġu stabbiliti wkoll arranġamenti xierqa għall-iskambju ta’ informazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Konverġenza bejn diversi setturi tas-servizzi finanzjarji

6.

Waqt li jirrikonoxxi l-objettivi limitati tad-direttiva proposta, il-BĊE huwa tal-fehma li l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni għandu jkun konsistenti, fejn xieraq, bejn id-diversi setturi tas-servizzi finanzjarji, l-aktar sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju. Pereżempju, il-BĊE jissuġġerixxi l-promozzjoni ta’ konverġenza bejn settur u ieħor f'dawn l-oqsma:

6.1.   It-trattament ta’ investimenti finanzjarji fil-kalkolu ta’ fondi proprji: meta jiddetermina l-fondi proprji tiegħu, il-BĊE huwa tal-fehma li l-koerenza fit-trattament ta’ “parteċipazzjonijiet” fl-istess settur u bejn diversi setturi tas-servizzi finanzjarji tista’ tiġi miżjuda sabiex jiġi evitat kwalunkwe arbitraġġ regolatorju bejn entitajiet legali u/jew bejn entitajiet fi ħdan konglomerat finanzjarju (15). Il-BĊE jirrakkomanda b’mod partikolari li tiġi allinjata ulterjorment id-definizzjoni ta’ parteċipazzjoni f’impriżi tal-assigurazzjoni u istituzzjonijiet tal-kreditu fid-Direttiva 2006/48/KE (16) u d-Direttiva 2009/138/KE (17) u l-metodi li għandhom jintużaw fil-livell tal-grupp sabiex jiġi indirizzat l-ingranaġġ doppju li jirriżulta minn parteċipazzjonijiet transsettorjali (18). Is-Sottokumitat dwar Konglomerati Finanzjarji stabbilit mir-regolamenti tal-ASE (19) jista’ jiżvolġi rwol siewi fit-trawwim ta’ konverġenza transsettorjali.

6.2.   L-indirizzar tal-istabbiltà finanzjarja: kwalunkwe effetti tal-proċiklikalità li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju Solvenza II, u, fejn relevanti, il-kontribuzzjoni ta’ mekkaniżmi kontroċikliċi għall-istabbiltà finanzjarja, inkluż fir-rigward tal-primjum tal-illikwidità, imsemmi fid-direttiva proposta, jistgħu jiġu evalwati ulterjorment.

6.3.   Politiki u skemi ta’ remunerazzjoni: skont l-objettivi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (20), il-BĊE ġeneralment jilqa’ x-xogħol għaddej fuq politiki u skemi ta’ remunerazzjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ implimentazzjoni Solvenza II (21); il-prinċipji ta’ livell għoli miftiehma internazzjonalment ta’ politiki ta’ remunerazzjoni żviluppati għal banek u standards ta’ implimentazzjoni korrispondenti (22) għandhom japplikaw għas-settur tal-assigurazzjoni (23), waqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, fejn relevanti.

6.4.   Stimi ta’ kreditu: taħt id-direttiva proposta, l-AEAPX ser tiġi fdata b’ċerti kompiti relatati ma’ (i) l-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ istituzzjonijiet esterni ta’ valutazzjoni tal-kreditu (external credit assessment institutions – ECAIs) u (ii) l-allokazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-kreditu tagħhom għal skala oġġettiva ta’ passi tal-kwalità tal-kreditu (24), li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni jkollha tadotta kriterji dettaljati fil-forma ta’ atti ddelegati (25). Waqt li l-BĊE fil-prinċipju jappoġġja dawn il-kompiti l-ġodda fdati lill-AEAPX u jirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull wieħed mis-setturi tas-servizzi finanzjarji, il-BĊE jinnota wkoll li l-eliġibbiltà tal-ECAIs hija diġà indirizzata fil-kuntest tad-Direttiva 2006/48/KE (26) u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 (27). F’dan l-isfond u fid-dawl tan-natura transsettorjali ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-BĊE għalhekk jissuġġerixxi, qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva, evalwazzjoni li tinvolvi t-tliet ASE bil-għan li jiġu żgurati konsistenza u sinerġiji bejn il-leġiżlazzjoni settorjali relevanti tal-Unjoni, inklużi wkoll miżuri possibbli ta’ implimentazzjoni.

6.5.   Konstatazzjoni ta’ “waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji”: f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit tal-Kapital ta’ Solvenza, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni hija meħtieġa mill-awtorità superviżorja li tieħu l-miżuri meħtieġa fi ħdan perjodu massimu ta’ disa’ xhur (28). F’każ ta’ waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji, l-awtorità superviżorja tista’ testendi dan il-perjodu b’perjodu ta’ żmien xieraq li “jieħu f’kunsiderazzjoni il-fatturi relevanti kollha” (29). Taħt id-direttiva proposta, l-AEAPX ikollha tidentifika u tiddikjara l-eżistenza ta’ avveniment ta’ waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni għandha tadotta atti ddelegati li jispeċifikaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-AEAPX sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali avvenimenti u “il-fatturi” li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, inkluż il-“perjodu ta’ żmien xieraq” massimu (30). Il-BĊE jappoġġja l-irwol propost assenjat lill-AEAPX sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-approċċi bejn l-Istati Membri. Għall-istess raġuni, il-konsultazzjoni tal-BERS u l-introduzzjoni ta’ kriterji, metodi u rekwiżiti kwalitattivi u kwantitattivi sabiex jiġu stabbiliti tali avvenimenti jistgħu jkunu xierqa wkoll.

Kjarifika ulterjuri għandha tiġi pprovduta dwar l-interazzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet tal-AEAPX dwar avvenimenti ta’ waqgħa eċċezzjonali fi swieq finanzjarji, dikjarazzjonijiet mill-Kunsill dwar sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fi ħdan it-tifsira tar-regolamenti tal-ASE (31) kif ukoll miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali f’każ ta’ deterjorament ulterjuri fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata (32).

Dispożizzjonijiet tranżitorji

7.

Waqt li l-BĊE jifhem il-ħtiġijiet għal rekwiżiti tranżitorji (33), jista’ jkun xieraq li jitnaqqsu sostanzjalment f’xi każijiet il-perjodi massimi ta’ 10 snin previsti għall-adozzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex jiġu pprovduti l-inċentivi xierqa għal applikazzjoni f’waqtha tar-riforma Solvenza II (34). Bħala eżempju u fid-dawl tal-importanza ta’ approċċ konsistenti biex jiġi żgurat rapportaġġ ta’ kwalità, l-applikazzjoni tal-metodi u l-preżunzjonijiet li għandhom jintużaw fil-valutazzjoni tal-attivi u l-passivi għandha ssir fi żmien raġonevoli.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qegħdin jiġu ppreżentati proposti ta’ abbozzar speċifiċi fl-Anness flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2011) 8 finali.

(2)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12); Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48); Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84) (iktar ’il quddiem imsejħa konġuntament “ir-regolamenti tal-ASE”).

(3)  Ara r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-superviżjoni makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1) u Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).

(4)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (riformulazzjoni) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(5)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(6)  Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120).

(7)  Opinjoni CON/2010/23 tat-18 ta’ Marzu 2010 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (ĠU C 87, 1.4.2010, p. 1).

(8)  Ara, pereżempju, il-premessa 22 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u l-premessa 14 tad-Direttiva 2010/78/UE.

(9)  Ara, pereżempju, il-paragrafu 2 tal-Opinjoni CON/2009/17 tal-5 ta’ Marzu 2009 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU C 93, 22.4.2009, p. 3), paragrafu 2 tal-Opinjoni CON/2010/5 tat-8 ta’ Jannar 2010 dwar tliet proposti għal regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ĠU C 13, 20.1.2010, p. 1) u l-paragrafu 1.3.1 tal-Opinjoni CON/2010/23.

(10)  L-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat jappartjienu għall-Parti Sitta, Kapitolu 2, Sezzjoni 1 bit-titolu “L-atti legali tal-Unjoni”.

(11)  L-Artikolu 282(5) tat-Trattat jirreferi għal abbozzi ta’ atti tal-Unjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin: Bulgaru (“проект на акт на Съюза”); Spanjol (“proyecto de acto de la Unión”); Daniż (“udkast”); Ġermaniż (“Entwurf für Rechtsakte der Union”); Estonjan (“ettepanekute”); Grieg (“προτεινόμενη πράξη της Ένωσης”); Franċiż (“projet d'acte de l'Union”); Taljan (“progetto di atto dell'Unione”); Latvjan (“projektiem”); Litwan (“Sąjungos aktų projektų”); Olandiż (“ontwerp van een handeling van de Unie”); Portugiż (“projectos de acto da União”); Rumen (“proiect de act al Uniunii”); Slovakk (“navrhovaných aktoch Únie”); Sloven (“osnutki aktov Unije”); Finlandiż (“esityksistä”); Svediż (“utkast”). Il-verżjoni Irlandiża tgħid “gniomh Aontais arna bheartu”, li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ atti “ppjanati” tal-Unjoni.

(12)  Kawża C-11/00 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Bank Ċentrali Ewropew [2003] Ġabra I-7147, b’mod partikolari l-punti 110 u 111.

(13)  Ara l-Artikolu 49 u l-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2006/48/KE.

(14)  Ara, pereżempju, il-paragrafi 13 sa 15 tal-Opinjoni CON/2009/17 u l-paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2010/23.

(15)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(16)  Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1). B’mod partikolari l-Artikolu 4(10) u l-Artikolu 57.

(17)  Ara l-Artikolu 92 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 212(2), kif emendat bid-direttiva proposta.

(18)  Jiġifieri, pereżempju, id-differenzi fid-definizzjonijiet ta’ “konnessjoni sostenibbli”, “influwenza sinifikanti” fir-rigward tal-kunċett ta’ “parteċipazzjoni” jew fir-rigward tal-limiti minimi għall-waqgħa – li jvarjaw minn 20 % fil-leġiżlazzjoni tal-assigurazzjoni għal 10 % fil-leġiżlazzjoni bankarja.

(19)  Ara l-Artikolu 57(1) tar-regolamenti tal-ASE.

(20)  Ara b’mod partikolari l-premessa 8 u l-paragrafi 1.1 u 2.1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009 dwar politiki ta’ remunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22).

(21)  Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni (DĠ Suq Intern u Servizzi), il-karta ta’ konsultazzjoni dwar il-funzjoni depożitarja UCITS u dwar ir-remunerazzjoni tal-maniġers tal-UCITS, 14.12.2010, p. 26 (disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2010/ucits/consultation_paper_en.pdf).

(22)  Ara b’mod partikolari l-Artikolu 22 u u l-Anness V tad-Direttiva 2006/48/KE u l-Linji ta’ Gwida tas-CEBS dwar Politiki u Prattiki ta’ Remunerazzjoni, l-10 ta’ Diċembru 2010, disponibbli fuq: http://eba.europa.eu/cebs/media/Publications/Standards%20and%20Guidelines/2010/Remuneration/Guidelines.pdf

(23)  Ara l-Parir tas-CEIOPS għal Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Livell 2 dwar is-Solvenza II: Kwistjonijiet ta’ Remunerazzjoni, CEIOPS-DOC-51/09, https://eiopa.europa.eu/fileadmin/tx_dam/files/consultations/consultationpapers/CP59/CEIOPS-DOC-51-09%20L2-Advice-Remuneration-Issues.pdf

(24)  Ara l-Artikolu 2(20) tad-direttiva proposta – l-Artikolu 109a(1)(a) ġdid propost tad-Direttiva 2009/138/KE.

(25)  Ara l-premessa 18 u l-Artikolu 2(21) tad-Direttiva proposta – subparagrafu (n) ġdid propost tal-Artikolu 111(1) tad-Direttiva 2009/138/KE.

(26)  Ara l-Artikoli 81 sa 83 tad-Direttiva 2006/48/KE kif ukoll l-Anness VI, Parti 2 tiegħu.

(27)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tas-16 ta’ Settembru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(28)  Artikolu 138 tad-Direttiva 2009/138/KE.

(29)  Artikolu 138(4) tad-Direttiva 2009/138/KE.

(30)  Artikolu 2(30) u 2(31) tad-Direttiva proposta.

(31)  Artikolu 18 tar-regolamenti tal-ASE.

(32)  Artikolu 138(5) tad-Direttiva 2009/138/KE.

(33)  Taħt id-Direttiva proposta, il-perjodi massimi għad-dispożizzjonijiet tranżitorji huma stipulati fid-Direttiva 2009/138/KE. Madankollu, il-perjodi ta’ żmien attwali fi kwalunkwe att iddelegat jistgħu jkunu iqsar (ara wkoll il-premessa 30 tad-Direttiva proposta).

(34)  Artikolu 75 tad-Direttiva 2009/138/KE – Ara l-Artikoli 308a(5) u 308b(e) tad-Direttiva proposta.


ANNESS

Proposti ta’ abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Artikolu 2 tad-direttiva proposta

Emenda għad-Direttiva 2009/138/KE, Artikolu 70

[L-ebda emenda fid-direttiva proposta].

“Artikolu 70

It-trażmissjoni ta’ informazzjoni lil banek ċentrali, awtoritajiet monetarji, superviżuri ta’ sistemi ta’ pagament u l-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

Bla ħsara għal din it-Taqsima, awtorità superviżorja tista’ tittrażmetti informazzjoni maħsuba għat-twettiq tal-kompiti tagħha lil dawn li ġejjin:

(1)

lill-banek ċentrali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u lil organizzazzjonijiet oħrajn b’funzjoni simili fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji fejn din l-informazzjoni tkun relevanti għall-kompiti statutorji rispettivi tagħhom, inkluż it-twettiq tal-politika monetarja u l-provvediment relatat ta’ likwidità, superviżjoni tal-ħlasijiet, sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu tat-titoli u s-salvagwardjar tal-istabilità tas-sistema finanzjarja;

(2)

fejn xieraq, awtoritajiet nazzjonali oħrajn responsabbli għas-superviżjoni tas-sistemi tal-ħlas; u

(3)

il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), meta dik l-informazzjoni tkun relevanti għall-kompiti tiegħu.

Dawn l-awtoritajiet jew organizzazzjonijiet jistgħu wkoll jikkomunikaw lill-awtoritajiet superviżorji dik l-informazzjoni li jeħtieġu għall-finijiet tal-Artikolu 67. L-informazzjoni rċevuta f’dan il-kuntest għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar is-segretezza professjonali stabbilit f’din it-Taqsima.

F’sitwazzjoni ta’ emerġenza, inkluża sitwazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jikkomunikaw, mingħajr dewmien, informazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali meta dik l-informazzjoni tkun relevanti għall-kompiti statutorji tagħhom inkluż it-twettiq tal-politika monetarja u l-provvediment relatat ta’ likwidità, superviżjoni tal-ħlasijiet, sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu tat-titoli u s-salvagwardjar tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u lill-BERS, meta dik l-informazzjoni tkun relevanti għall-kompiti tiegħu.

Spjegazzjoni

L-emenda għandha l-għan li tallinja d-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mat-terminoloġija użata fid-direttivi l-oħrajn dwar is-settur finanzjarju, kif ukoll f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, waqt li tiżgura l-aċċess tal-BERS għal informazzjoni minn awtoritajiet superviżorji (ara wkoll il-paragrafu 5 tal-opinjoni).

Emenda 2

Artikolu 2(30)(a) tad-direttiva proposta

Emenda għall-Artikolu 138(4) tad-Direttiva 2009/138/KE

“Fil-każ ta waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji, kif determinat mill-AEAPX skont dan il-paragrafu, l-awtoritàsuperviżorja tista’ testendi l-perjodu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 b’perjodu xieraq ta’ żmien b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha”.

“Fil-każ ta waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji, kif determinat mill-AEAPX b’konsultazzjoni mal-BERSskont dan il-paragrafu, l-awtorità superviżorja tista’ testendi l-perjodu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 b’perjodu xieraq ta’ żmien b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha”.

Spjegazzjoni

Fid-dawl tal-implikazzjonijiet sistemiċi transsettorjali possibbli ta’ tali avveniment, il-BERS għandu jiġi kkonsultat fejn xieraq malli tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji (ara l-paragrafu 11 tal-opinjoni).

Emenda 3

Artikolu 2(31) tad-direttiva proposta

Emenda għall-Artikolu 143 tad-Direttiva 2009/138/KE

“1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a u bla ħsara għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 301b u 301ċ, billi tispeċifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-AEAPX biex tkun determinata l-eżistenza ta' waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji u l-fatturi li għandhom ikunu kkunsidrati għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 138(4) inkluż il-perjodu massimu ta’ żmien xieraq, espress f’għadd totali ta’ xhur, li għandu jkun l-istess għall-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kollha kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(4)”.

“1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a u bla ħsara għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 301b u 301ċ, billi tispeċifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-AEAPX biex tkun determinata l-eżistenza ta' waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji u l-fatturi li għandhom ikunu kkunsidrati għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 138(4) inklużi l-metodi, il-kriterji u r-rekwiżiti kwalitattivi u kwantitattivi, il-perjodu massimu ta’ żmien xieraq, espress f’għadd totali ta’ xhur, li għandu jkun l-istess għall-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kollha kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(4)”.

Spjegazzjoni

L-iskop tal-emenda huwa li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ waqgħa eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji (ara l-paragrafu 6.5 tal-opinjoni).

Emenda 4

Artikolu 2(61) tad-direttiva proposta

Emenda għall-Artikolu 259 tad-Direttiva 2009/138/KE (paragrafu 4 ġdid)

 

Huwa miżjud dan il-paragrafu 4:

“4.   L-AEAPX għandha tabbozza fi żmien [XXX] snin wara [XXX] rapport li jevalwa kwalunkwe effetti ta’ proċiklikalità li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju Solvenza II, u, fejn relevanti, il-kontribuzzjoni ta’ mekkaniżmi kontroċikliċi għall-istabbiltà finanzjarja, inkluż fir-rigward tal-primjum ta’ illikwidità msemmi fl-Artikolu 77a”.

Spjegazzjoni

Ara l-paragrafu 6.2 tal-opinjoni.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jitħassar it-test.


Top