EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0035

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Awwissu 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles IV”) (CON/2018/35)

OJ C 378, 19.10.2018, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Awwissu 2018

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles IV”)

(CON/2018/35)

(2018/C 378/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-25 ta' Ġunju 2018, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perijodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”) (1) (iktar 'il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li bis-saħħa tiegħu, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-BĊE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika, wara konsultazzjoni mal-BĊE. B'konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jinnota li r-regolament propost ser jissostitwixxi l-bażi legali tal-programm Pericles 2020 attwali, li ġie stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), mill-1 ta' Jannar 2021, sabiex ikompli il-programm Pericles sal-aħħar tal-2027.

1.2.

Il-BĊE jtenni l-fehma tiegħu li l-programm Pericles huwa kontribut siewi għall-attivitajiet li diġà saru mill-BĊE, l-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti u muniti tal-euro (3). Il-BĊE huwa kunfidenti illi l-programm Pericles IV ser ikompli jikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tal-integrità tal-karti tal-flus tal-euro.

1.3.

Il-BĊE jenfasizza l-involviment attiv tiegħu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro. B'mod partikolari, il-BĊE jiżviluppa disinji tal-karti tal-flus u karatteristiċi ta' sigurtà għall-karti tal-flus tal-euro li jippermettu lill-pubbliku ġenerali u lill-esperti jiddistingwu l-karti tal-flus ġenwini minn dawk iffalsifikati u li jservu ta' deterrent għall-falsifikaturi.

1.4.

Mill-2013, il-karti tal-flus tas-serje Europa ġew introdotti gradwalment. Biex tipprepara għat-tnedija ta' karti tal-flus b'karatteristiċi ta' sigurtà aġġornati, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema joffru firxa wiesgħa ta' informazzjoni lill-manifatturi u l-fornituri tat-tagħmir tal-karti tal-flus, kif ukoll lill-banek kummerċjali, bejjiegħa bl-imnut u oħrajn li jużaw tagħmir tal-karti tal-flus jew jimmaniġġaw flus kontanti fuq bażi ta' kuljum. Barra minn hekk, il-BĊE jipprovdi programmi ta' taħriġ u materjal ta' taħriġ biex jikkumplimenta t-taħriġ professjonali ta' dawk li jimmaniġġjaw il-flus kontanti. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tad-disinn u s-sigurtà hija disponibbli għall-pubbliku ġenerali wara t-tnedija ta' serje ġdida tal-karti tal-flus.

1.5.

Barra minn dan, il-BĊE janalizza tipi ġodda ta' iffalsifikar fiċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Iffalsifikar (CAC) tiegħu u juża t-tagħrif miksub sabiex jagħti parir aħjar lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi. Il-CAC jikkoordina d-disseminazzjoni tad-dejta teknika u statistika magħrufa kollha dwar il-karti tal-flus foloz tal-euro lill-partijiet kollha relevanti.

1.6.

Il-falsifikaturi qed jagħmlu użu dejjem akbar ta' hardware u software ta' immaġni diġitali. Bi tweġiba, il-Grupp ta' Deterrenza tal-Iffalsifikar tal-Bank Ċentrali, li tiegħu l-BĊE huwa membru, jappoġġja u juża teknoloġiji bħal sistemi ta' deterrenza tal-iffalsifikar, li jipprevjenu l-qbid jew ir-riproduzzjoni ta' immaġni ta' karti tal-flus protetti.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.

Skont l-Artikolu 4(2) tar-regolament propost, il-Kummissjoni Ewropea tqis miżuri rilevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħra, b'mod partikolari l-BĊE u l-Europol meta timplimenta l-programm Pericles IV f'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Il-BĊE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tisfrutta bis-sħiħ l-esperjenza tal-BĊE fit-twettiq tat-taħriġ u l-għoti ta' informazzjoni dwar il-karti tal-flus euro u biex tipprovdi għall-involviment sħiħ tal-BĊE f'dan ir-rigward.

2.2.

Barra minn hekk, b'referenza għall-kooperazzjoni li tiffunzjona sewwa fost il-partijiet interessati tal-programm Pericles IV, il-BĊE jtenni l-opinjoni tiegħu li jkun ta' benefiċċju jekk il-Kummissjoni tikkomunika ma' u tinvolvi lill-BĊE u lill-Europol meta tħejji l-programmi ta' ħidma li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm, b'mod partikolari biex teżamina l-inizjattivi b'mod konġunt, u b'hekk tevita d-duplikazzjoni u s-sovrappożizzjoni possibbli bejn dan il-programm, programmi rilevanti oħra u l-attivitajiet ta' taħriġ tal-BĊE (4). Tali kooperazzjoni tiffaċilita wkoll l-applikazzjoni ta' strateġija allinjata kontra l-iffalsifikar u l-frodi tal-euro. Għalhekk, l-Artikolu 10 tar-regolament propost għandu jiġi emendat biex jipprovdi għal konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet prinċipali involuti, inklużi l-BĊE u l-Europol, mill-Kummissjoni fir-rigward tal-programmi ta' ħidma. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-BĊE biżżejjed ħin biex jiffamiljarizza ruħu mad-dokumentazzjoni fir-rigward tal-programmi ta' ħidma li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 10 (5).

2.3.

L-Artikolu 12 tar-regolament propost jeħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm Pericles IV. L-Artikolu 13 jipprovdi għal evalwazzjoni fil-frattemp matul, u evalwazzjoni finali wara, il-programm. Filwaqt li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BĊE, l-informazzjoni annwali għandha tiġi kkomunikata biss lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-BĊE jinnota wkoll li l-Komunikazzjoni dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm Pericles 2020 ġiet ippreżentata biss lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (6). Il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa (1) biex ikun involut b'mod regolari fit-tħejjija tar-rapporti ta' evalwazzjoni matul il-programm biex jirrifletti l-miżuri li jkun ħa u l-involviment attiv tiegħu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar; (2) għal rispons minn entitajiet li jipparteċipaw attivament f'miżuri rilevanti flimkien mal-Kummissjoni biex jiġu inklużi b'mod xieraq fir-rapporti ta' evalwazzjoni u l-komunikazzjonijiet; u (3) sabiex jinżamm regolarment infurmat fil-ġejjieni dwar il-programm. Għaldaqstant, il-BĊE jirrakkomanda li jiġu emendati l-Artikoli 12(3) u 13(3) tar-regolament propost sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jingħata kemm informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm kif ukoll evalwazzjonijiet fil-frattemp tal-programm.

2.4.

L-Artikolu 11 tar-regolament propost jipprovdi għal delegazzjoni lill-Kummissjoni, li b'mod partikolari għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tiżviluppa d-dispożizzjonijiet għal qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni skont l-Artikolu 12(2). Il-BĊE jinnota li din is-setgħa hija diġà prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 331/2014. Madankollu, il-BĊE jinnota wkoll li l-Artikolu 133 tat-Trattat jeħtieġ li l-BĊE jiġi kkonsultat qabel ma jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Dan l-obbligu mhuwiex limitat għar-regolament propost, iżda japplika wkoll għal atti delegati li jittrattaw oqsma ta' kompetenza definiti fl-att leġiżlattiv bażiku. Il-BĊE jiġi kkonsultat dwar ir-regolament propost skont l-Artikolu 133 tat-Trattat u, għaldaqstant, għandu jiġi kkonsultat ukoll qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe att delegat previst fl-Artikolu 12(2) tar-regolament propost peress li dawn huma miżuri implimentattivi bl-iskop li jipproteġu l-euro kontra iffalsifikar u bħala tali huma meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Fil-kuntest tal-Artikolu 11(4), li jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru qabel ma tadotta att delegat, il-BĊE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha wkoll tikkonsulta formalment lill-BĊE.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta' Awwissu 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2018) 369 final.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).

(3)  Ara paragrafu 1 tal-Opinjoni CON/2006/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Lulju 2006 fuq it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 163, 14.7.2006, p. 7), u l-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2012/17 tat-2 ta' Lulju 2012 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 137, 12.5.2012, p. 7). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(4)  Ara l-paragrafu 8 tal-Opinjoni CON/2005/22 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Ġunju 2005 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 161, 1.7.2005, p. 11), paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2006/35 u l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2012/17.

(5)  Ara l-paragrafu 2.5 tal-Opinjoni CON/2012/17.

(6)  Ara l-premessa 6 tar-regolament propost.


Top