EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0012

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Marzu 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (CON/2018/12)

OJ C 120, 6.4.2018, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Marzu 2018

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

(CON/2018/12)

(2018/C 120/03)

INTRODUZZJONI U BAŻI LEGALI

Fis-27 ta’ Novembru 2017 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-reolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tħaddim bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas- sistema finanzjarja, skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat, u l-kompiti speċifiċi mogħtija lill-BĊE fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, kif imsemmi fl-Artikolu 127(6) tat-Trattat. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

Ir-regolament propost huwa parti minn pakkett komprensiv ta’ proposti biex tissaħħaħ is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF), li tikkonsisti mit-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) u l-BERS. Il-BĊE huwa tal-fehma li l-BERS kellu rwol ċentrali u ta’ suċċess sa mill-ħolqien tiegħu fir-rigward tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ riskji sistemiċi għall-istabilità finanzjarja fl-Unjoni li jistgħu jirriultaw fi ħdan is-sistema finanzjarja (2).

Għaldaqstant, il-BĊE jappoġġja n-numru limitat ta’ bidliet proposti mill-Kummissjoni Ewropea u indirizzati lejn il-qafas ta’ governanza u operattiv tal-BERS, li huma intiżi biex isaħħu aktar l-effiċjenza u l-effettività tal-BERS u jippermettu lill-BERS li jwettaq aħjar il-mandat tiegħu. Aktar speċifikament, il-BĊE jqis illi l-bidliet proposti għar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huma neċessarji biex jirriflettu kif xieraq l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) (4) u biex jiżguraw illi l-BERS ikun jista’ jwettaq is-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja kollha meta titqies l-importanza dejjem akbar tal-finanzjament ibbażat fuq is-suq, b’mod partikolari bħala riżultat tal-istabbiliment tal-unjoni tas-swieq kapitali. Il-BĊE u l-BERS huma tal-fehma illi l-BĊE jinsab f’pożizzjoni tajba biex ikompli jipprovdi għajnuna analitika, statistika, finanzjarja u amministrattiva lill-BERS b’konformità mal-arranġamenti eżistenti (5). Barra minn dan, il-BĊE ser ikompli wkoll jappoġġja lill-BERS biex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tax-xogħol, u b’hekk jittieħed vantaġġ tal-benefiċċji li jirriżultaw mir-rwol tal-BĊE fil-valutazzjoni tar-riskju u l-analiżi tas-settur bankarju fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU.

Barra minn hekk, il-BĊE jinnota illi r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jitlob li l-BERS jipprovdi lill-ASE bl-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, iżda ma jirregolax l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-BERS u l-awtoritajiet makroprudenzjali li jkunu twaqqfu fi Stati Membri wara l-adozzjoni tiegħu fl-2010. F’dan l-isfond, il-BĊE jilqa’ proposta leġiżlattiva bil-għan li tirrevedi r-reġim attwali tal-qsim ta’ informazzjoni stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Reviżjoni tas-sistema attwali tal-qsim ta’ informazzjoni għandha tħalli lill-BERS jipprovdi id-dejta superviżjoni relevanti meħtieġa mill-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali għat-twettiq tal-mandati tagħhom skont il-liġi nazzjonali, sakemm ikunu stabbiliti salvagwardji suffiċjenti biex jiżguraw konformità mal-liġi tal-Unjoni relevanti. Barra minn hekk, tista’ tkun neċessarja kjarifika korrispondenti biex tagħmilha possibbli għall-membri tal-BERS mis-SEBĊ u għall-awtoritajiet superviżorji li jużaw informazzjoni riċevuta mill-BERS għat-twettiq tal-kompiti statutorji tagħhom.

OSSERVAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

1.   Il-President tal-BERS

Ir-regolament propost jistipula illi l-President tal-BĊE jippresjiedi l-BERS, b’hekk tinħoloq rabta permanenti bejn il-President tal-BĊE u l-President tal-BERS (6). Filwaqt li l-BERS jibqa’ awtonomu, huwa bbenefika wkoll mill-viżibilità, l-indipendenza u r-reputazzjoni tal-BĊE (7). Kif ġie osservat qabel (8), il-banek ċentrali għandhom rwol importanti fil-politika makroprudenzjali, minħabba r-responsabbiltà tagħhom biex jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja u l-kompetenza analitika tagħhom fl-ekonomija reali, is-swieq finanzjarji u l-infrastruttura tas-suq. F’dan ir-rigward, il-BĊE jipprovdi għajnuna analitika, statistika, amministrattiva u loġistiika lill-BERS. Barra minn dan, il-kooperazzjoni mill-qrib fil-livell tekniku bejn il-BĊE u l-BERS tiġi żgurata permezz ta’ kross-rappreżentazzjoni fuq il-Kumitat Tekniku Konsultattiv (ATC) u l-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja tal-BĊE (FSC) F’dan l-isfond, l-attribuzzjoni tal-Presidenza tal-PBERS lill-President tal-BĊE taħt l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tissottolinea l-importanza tal-irwol tal-banek ċentrali fil-funzjonament tal-BERS (9). Għaldaqstant, il-BĊE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex ikun hemm rabta bejn il-Presidenza tal-BERS u l-Presidenza tal-BĊE.

2.   Organizzazzjoni tal-BERS

2.1.   Proċedura għall-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS

Ir-regolament propost jistipula illi, meta jiġi kkonsultat dwar il-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS, wara proċedura miftuħa u trasparenti, il-Bord Ġenerali jevalwa l’idoneità tal-kandidati għall-post ta’ Kap tas-Segretarjat tal-BERS u jinforma wkoll lill-Parlament Ewropew u ‘l-Kunsill dwar il-proċedura ta’ valutazzjoni (10). Il-BĊE ġeneralment jappoġġja wkoll il-proposta biex jiġi mgħolli il-profil tal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS, u jixtieq jagħmel xi kummenti speċifiċi dwar l-irwol tal-BĊE fl-appoġġ lis-Segretarjat tal-BERS u l-irwol tiegħu fil-proċedura tal-ħatra għall-Kap tas-Segretarjat tal-BERS. Is-Segretarjat tal-BERS huwa r-responsabbiltà tal-BĊE u, għal dan il-għan, il-BĊE għandu jipprovdi riżorsi umani u finanzjarji biżżejjed (11). Il-Kap tas- Segretarjat tal- BERS jinħatar mill-BĊE, bil-Bord Ġenerali tal-BERS jaġixxi f’kapaċità konsultattiva (12). F’dan l-isfond, il-BĊE jqis illi din il-proċedura, għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità aħħarijia tal-BĊE biex jaħtar lill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1096/2010 (13).

2.2.   Il-kompiti tal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS

Ir-regolament propost jistipula illi l-President tal-BERS u l-Kumitat ta’ Tmexxija jistgħu jinkarigaw lill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS b’kompiti speċifiċi. Dawn jinkludu, inter alia, it-tmexxija ta’ kuljum tas-Segretarjat tal-BERS, il-koordinazzjoni u t-tħejjija tax-xogħol u t-teħid ta’ deċżjonijiet tal-Bord Ġenerali, u t-tħejjija tal-proposta tal-programm annwali tal-BERS u l-implimentazzjoni tiegħu (14). Il-BĊE jilqa’ din il-kjarifika tal-kompiti li l-Kap tas-Segretarjat tal-BERS jista’ jwettaq. Minn perspettiva prattika, il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS diġà jwettaq il-parti l-kbira tal-kompiti elenkati fir-regolament propost. Fir-rigward tat-tħejjija tal-proposta tal-programm annwali tal-BERS, il-BĊE jikkunsidra illi l-BERS għandu jibqa’ kapaċi jirrispondi b’mod flessibbli biex jindirizza vulnerabbiltajiet potenzjali fis-sistema finanzjarja, li jistgħu jitolbu devjazzjoni temporanja u eċċezzjonali mill-programm ta’ ħidma annwali, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-sitwazzjoni.

2.3.   Ir-rappreżentanza esterna tal-BERS mill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS

Ir-regolament propost jinkludi l-possibilità għall-President tal-BERS li jiddelega il-kompiti tiegħu jew tagħha relatati mar-rappreżentanza esterna tal-BERS lill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS (15). Il- BĊE ġeneralment jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tgħolli il-profil tal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS billi jipprovdi għad-delegazzjoni ta’ ċerti kompiti. Madankollu, il-BĊE jikkunsidra illi r-regolament propost għandu jikkjarifika jekk il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS jistax ukoll jirrappreżenta lill-BERS fir-rigward ta’ kompiti stipulati fl-Artikolu 19(1), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 rigwardanti l-akkontabilità u l-obbligi ta’ rapportar (16). Minħabba l-importanza li tiġi żgurata l-akkontabilità tal-BERS, il-BĊE huwa tal-fehma illi l-President tal-BERS gġandu jkompli jirrappreżenta lill-BERS esternament fir-rigward tal-kompiti stipulati fl-Artikolu 19(1), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 u jista’ jiddelega din ir-rappreżentanza esterna lill-Viċi-President tal-BERS biss.

2.4.   Bidliet relatati mal-istabbiliment tal-MSU

Sabiex jittieħed kont tal-ħolqien tal-Unjoni Bankarja b’mod ġenerali, u l-istabbiliment tal-MSU b’mod partikolari, ir-regolament propost jinkludi lill-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE fost il-membri tal-Bord Ġenerali bid-dritt tal-vot (17), fil-Kumitat ta’ Tmexxija (18), u lir-rappreżentant tiegħu/tagħha fl-ATC (19). L-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja u l-bidliet relatati mal-qafas istituzzjonali għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu wara l-istabiliment tal-MSU huma ta’ relevanza għall-kompiti u l-funzjonijiet tal-BERS. Għaldaqstant, il-BĊE jilqa’ l-bidliet proposti mill-Kummissjoni, li huma ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti magħmulin mill-BĊE dwar it-tisħiħ tal-governanza tal-BERS (20). Il-BĊE jinnota illi r-regolament propost jattribwixxi d-dritt tal-vot filBord Ġenerali tal-BERS lill-President tal-Bord Superviżorju, u jiżgura illi l-President tal-Bord Superviżorju huwa rrappreżentat fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BERS. Meta jindirizza dawn l-aspetti speċifiċi, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lit-tqabbil tad-dimensjoni Ewropea tal-MSU (Single Supervisory Mechanism –SSM) mal-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ istituzzjonali xieraq bejn id-dritt li tivvota u d-dritt li ma tivvotax tar-rappreżentanti bankarju superviżorji ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja u tal-Istati Membri mhux parteċipanti.

2.5.   Il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet minn pajjii terzi fil-Bord Ġenerali tal-BERS

Il-Kummissjoni tipproponi it-tħassir tad-dispożizzjoni fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 li permezz tiegħu il-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-BERS tista’ tkun miftuħa għal rappreżentanti ta’ livell għoli ta’ awtoritajiet relevanti minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari minn pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-parteċipazzjoni tagħhom hija strettament limitata għal kwistjonijiet ta’ rilevanza partikolari għal dawk il-pajjiżi (21). Din id-dispożizzjoni sservi bħala l-bażi legali biex il-Bord Ġenerali tal-BERS jistieden lil rappreżentanti ta’ livell għoli ta’ awtoritajiet relevanti minn pajjiżi terzi u jippermetti lill-BERS biex jagħmel arranġamenti li jispeċifikaw in-natura, l-iskop, u aspetti proċedurali tal-involviment ta’ dawk il-pajjiżi terzi fix-xogħol tal-BERS (22). Il-BĊE jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni tinżamm sabiex tiġi ppreżervata l-flessibbiltà neċessarja biex il-BERS ikompli jinkludi, fejn relevanti, lil dawn ir- rappreżentanti ta’ livell għoli ta’ awtoritajiet relevanti minn pajjiżi terzi fix-xogħol tal-BERS.

3.   Twissijiet u rakkomandazzjonijiet mill-BERS

3.1.   Il-BĊE bħala destinatarju tat-twissijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS

Ir-regolament propost jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 sabiex, inter alia, jistipula illi twissijiet u rakkomandazzjonijiet tal-BERS jistgħu jkunu indirizzati wkoll lill-BĊE, bħala awtorità kompetenti jew innominata fi Stati Membri li qed jipparteċipaw fl-MSU, għal kompiti mogħtija lill-BĊE b’konformità mal-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-BĊE jilqa’ l-kjarifika tal-lista tal-indirizzati potenzjali ta’ twissijiet u rakkomandazzjonijiet tal-BERS, li tirrikonoxxi kif xieraq l-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja u l-bidliet relatati fl-istruttura istituzzjonali tal-qafas regolatorju għall-politika makroprudenzjali (23).

3.2.   It-trażmissjoni ta’ twissijiet u rakkomandazzjonijiet tal-BERS lill-Parlament Ewropew

Il-BĊE jappoġġja b’mod ġenerali l-proposta biex twissijiet u rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew (24). Madankollu, il-BĊE jixtieq jemfasizza illi l-korpi kolha għandhom jiżguraw kunfidenzjalità u segretezza professjonali stretti sabiex jitnaqqsu r-riskji potenzjali li jirriżultaw minn kxif qabel iż-żmien jew mhux dovut ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-suq li tista’ tikkomprometti l-istabbilità finanzjarja fl-Unjoni. Kull żieda għan-numru ta’ riċeventi ta’ twissijiet u rakkomandazzjonijiet tal-BERS għandha tikkonsidra bis-sħiħ dawn ir-riskji, li jinqalgħu qabel ma dawn it-twissijiet u rakkomandazzjonijiet ikunu ġew ikkomunikati lill-pubbliku ġenerali.

4.   Ġabra u skambju ta’ informazzjoni

4.1.   L-involviment tal-ASE fir-rigward ta’ talbiet għal informazzjoni disaggregata mingħand il-banek ċentrali tas-SEBĊ

Il-BĊE jqis illi r-regolament propost għandu jibbenefika minn kjarifika tal-iskop tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Fis-sitwazzjoni attwali, mhuwiex ċar għal kollox mill-abbozzar ta’ din id-dispożizzjoni jekk l-ASE iridux jiġu wkoll ikkunsultati meta l-BERS jitlob informazzjoni disaggregata mingħandil-banek ċentrali tas-SEBĊ. Il-BĊE ma jara ebda raġuni biex l-ASE jiġu involuti fl-evalwazzjoni dwar jekk it-talba tal-BERS għal informazzjoni mhux superviżorja hijiex iġġustifikata u xierqa. Ghaldaqstant, huwa jissuġġerixxi kjarifika illi l-ASE iridu jiġu kkonsultati biss jekk it-talbiet tal-BERS ikunu relatati ma informazzjoni superviżorja disaggregata.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmula fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2017) 538 finali.

(2)  Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Frar 2015 dwar ir-reviżjoni tal-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (CON/2015/4) (ĠU C 192, 10.6.2015, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(4)  Ara l-“Kontribuzzjoni tal-BĊE għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-qafas tal-politika makroprudenzjali tal-UE”, ta’ Diċembru 2016 (minn hawn ’il quddiem il-“kontribuzzjoni tal-BĊE”), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu. Ara wkoll paġna 4 tar-“Rispons tal-BERS għad-Dokument ta’ Konsultazzjoni dwar ir-‘Reviżjoni tal-Qafas tal-Politika Makroprudenzjali tal-UE”, 24 ta’ Ottubru 2016 (minn hawn ’il quddiem ir-“rispons tal-BERS”), disponibbli fuq il-websajt tal-BERS fuq www.esrb.europa.eu.

(5)  Ara l-paġni 9 u 10 tal-kontribuzzjoni tal-BĊE u paġna 3 tar-rispons tal-BERS.

(6)  Ara l-Artikolu 1(2)(a) tar-regolament propost.

(7)  Ara l-paġna 3 tar-rispons tal-BERS.

(8)  Ara l-paġna 9 tal-kontribuzzjoni tal-BĊE

(9)  Ara l-paragrafu 1.2 tal-Opinjoni CON/2015/4.

(10)  Ara l-Artikolu 1(1)(a) tar-regolament propost.

(11)  Ara l-premessa 8 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).

(12)  Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1096/2010

(13)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).

(14)  Ara l-Artikolu 1(1)(b) tar-regolament propost.

(15)  Ara l-Artikolu 1(2)(b) tar-regolament propost.

(16)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010

(17)  Ara l-Artikolu 1(3)(a)(i) tar-regolament propost.

(18)  Ara l-Artikolu 1(5)(a)(i) tar-regolament propost.

(19)  Ara l-Artikolu 1(7)(a)(ii) tar-regolament propost.

(20)  Ara l-paragrafi 2.1, 2.2 u 5.1 tal-Opinjoni CON/2015/4; ara wkoll il-paġna 10 tal-kontribuzzjoni tal-BĊE.

(21)  Ara l-Artikolu 1(4) tar-regolament propost.

(22)  Ara l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(23)  Ara l-paġna 2 tal-kontribuzzjoni tal-BĊE.

(24)  Ara l-Artikolu 1(8)(b) tar-regolament propost.


Top