EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AB0046

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Novembru 2017 dwar emendi għall-qafas tal-Unjoni għal rekwiżiti kapitali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (CON/2017/46)

OJ C 34, 31.1.2018, p. 5–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/5


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta’ Novembru 2017

dwar emendi għall-qafas tal-Unjoni għal rekwiżiti kapitali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

(CON/2017/46)

(2018/C 34/05)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-2 u fl-20 ta’ Frar 2017 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 rigward il-proporzjon ta’ ingranaġġ, il-proporzjon ta’ ffinanzjar stabbli nett, ir-rekwiżiti tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli, ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, ir-riskju tas-suq, l-esponiment għall-kontropartijiet ċentrali, l-esponiment għall-impriżi ta’ investiment kollettiv, l-esponiment kbir, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u żvelar, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) (iktar ’il quddiem “l-emendi proposti għas-CRR”).

Fis-17 u l-20 ta’ Frar 2017 il-BĊE rċieva talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni kapitali (2) (iktar ’il quddiem l-“emendi proposti għas-CRD”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi l-emendi proposti għas-CRR u s-CRD fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jappoġġa l-pakkett ta’ riforma bankarja tal-Kummissjoni, li ser jimplimenta elementi importanti tal-aġenda globali ta’ riforma regolatorja fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni hija mistennija li ssaħħaħ sostanzjalment l-arkitettura regolatorja u b’hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji fis-settur bankarju. Dak il-progress fit-tnaqqis tar-riskju għandu jwitti t-triq għal progress konkurrenti u korrispondenti fil-kondiviżjoni tar-riskju.

Din l-opinjoni tindirizza kwistjonijiet ta’ importanza partikolari għall-BĊE, li ġew maqsuma f’żewġ taqsimiet: (1) bidliet għall-qafas regolatorju u superviżorju eżistenti tal-Unjoni; u (2) implimentazzjoni ta’ standards superviżorji miftiehma internazzjonalment.

1.   Bidliet għall-qafas regolatorju u superviżorju eżistenti tal-Unjoni

1.1.   Irfinar taħt il-Pilastru 2

1.1.1.

L-emendi proposti għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2 tal-qafas ta’ Basel III (3) fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (4) (CRD) huma intiżi biex jiksbu konverġenza superviżorja akbar fl-Unjoni billi jiddefinixxu b’mod aktar ċar l-elementi tal-akkumulazzjoni ta’ kapital u jintroduċu gwida taħt il-Pilastru 2 dwar fondi proprji addizzjonali, kif ukoll billi jissikkaw b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom f’dan il-kuntest.

1.1.2.

Waqt li b’mod ġenerali l-BĊE jappoġġa l-konverġenza superviżorja, il-proposta biex jiġu żviluppati standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti addizzjonali ta’ fondi proprji mhijiex l-għodda xierqa biex jinkiseb dan l-objettiv.

Fl-ewwel lok, ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 huma speċifiċi għall-istituzzjonijiet, li jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jużaw ġudizzju superviżorju. Jekk wieħed jiddependi biss fuq l-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) jew jekk dawn jintużaw għal partijiet tal-elementi ta’ riskju, dan ma jirriżultax f’approċċ speċifiku għall-istituzzjoni u bbażat fuq ir-riskju li jqis id-diversità tal-profili ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, u fil-fatt iżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jlaħħqu mar-ritmu tar-riskji u tal-iżviluppi fl-industrija.

Fit-tieni lok, il-Linji Gwida tal-ABE dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għall-proċess ta’ reviżjoni u evalwazzjoni superviżorji (SREP) (5) diġà jipprovdu bażi komuni għal implimentazzjoni konsistenti tal-iSREP fl-Unjoni, li jippermetti grad adegwat ta’ ġudizzju superviżorju u jista’ jiġi ssupplimentat bl-użu ta’ evalwazzjoni bejn il-pari tal-ABE. Matul dawn l-aħħar snin, il-konverġenza tjiebet b’mod konsiderevoli bl-implimentazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida (6) u l-implimentazzjoni tal-metodoloġija SREP tal-BĊE, li hija applikata b’mod konsistenti fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) (7).

Meta jitqiesu dawn l-iżviluppi pożittivi, il-BĊE huwa tal-fehma li l-qafas attwali huwa adegwat u li s-suq uniku ser ikompli jibbenefika f’termini ta’ konverġenza mill-għodod eżistenti, possibbilment issupplimentati billi jsir użu ulterjuri minn evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-ABE.

1.1.3.

Addizzjonalment, l-emendi proposti lis-CRD jagħtu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u mhux lill-awtoritajiet superviżorji, is-setgħa li jiddeċiedu, fi ħdan ċerti limiti, dwar il-kompożizzjoni tal-fondi proprji miżmuma sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 u jeskludu l-possibbiltà li r-rekwiżiti tal-Pilastru 2 jiġu ssettjati b’tali mod li jkunu ssodisfati bis-sħiħ b’kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni. Il-BĊE huwa tal-fehma li l-awtoritajiet superviżorji għandhom iżommu s-setgħa li jissettjaw rekwiżit ta’ kompożizzjoni għal fondi proprji addizzjonali u li jeħtieġu li rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali jridu jiġu ssodisfati unikament b’kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni. Minn perspettiva prudenzjali, il-kriżi bankarja u avvenimenti tas-suq aktar reċenti wrew li jista’ jkun hemm sfidi sinifikanti biex jiġu indirizzati, pereżempju, strumenti addizzjonali tal-Grad 1, li l-kapaċitajiet tagħhom ta’ assorbiment ta’ telf mhumiex effiċjenti daqs kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 u li l-kosti tagħhom jistgħu jippreġudikaw il-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu saħansitra aktar. Barra minn hekk, il-prattika tal-BĊE sa minn meta assuma l-kompiti superviżorji prudenzjali tiegħu kienet li jissettja rekwiżiti tal-Pilastru 2 li jridu jiġu ssodisfati b’kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1. Billi teħtieġ li l-bafers jiġu sodisfatti bl-użu biss ta’ kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1, il-korpi leġiżlattivi tal-Unjoni stabbilixxew il-preferenza tagħhom għal kapital tal-ogħla kwalità. Bidla fil-prattika tista’ tirriżulta f’inqas prevedibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u kundizzjonijiet mhux ugwali għal kullħadd.

1.1.4.

Waqt li l-introduzzjoni ta’ bażi komuni għall-impożizzjoni ta’ gwida kapitali ser tassisti fl-implimentazzjoni konsistenti ta’ dik il-gwida madwar l-Unjoni, il-BĊE jikkunsidra li l-emendi proposti għas-CRD għandhom jirriflettu b’mod aktar ċar il-ħtieġa għal flessibbiltà fid-determinazzjoni tal-gwida taħt il-Pilastru 2. B’mod partikolari, għandha titqies ir-relazzjoni bejn l-livell minimu tat-test tal-istress u d-determinazzjoni tal-gwida tal-Pilastru 2. Peress li testijiet tal-istress superviżorji jservu bħala punt ta’ tluq għall-iffissar ta’ gwida tal-Pilastru 2, l-emendi proposti għas-CRD għandhom, b’mod konformi mal-aħjar prattika internazzjonali, jippermettu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti biex japplikaw livelli minimi fissi f’testijiet tal-istress madwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li jistgħu jkunu aktar baxxi mir-rekwiżiti kapitali totali tal-iSREP (TSCR). Il-flessibbiltà li jintuża livell minimu fiss għandu jkun disponibbli bħala opzjoni permanenti. Barra minn hekk, l-użu tat-TSCR għandu jiġi adattat għall-metodoloġija użata fit-test tal-istress. Pereżempju, l-użu tal-livell minimu tat-TSCR fix-xenarju avvers jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ approċċ dinamiku lejn il-karta tal-bilanċ. Minbarra dan, fl-emendi proposti għas-CRD għandha tiġi inkluża dispożizzjoni li tirrigwarda reviżjoni ta’ tliet snin.

1.1.5.

Barra dan, il-mod kif il-gwida tal-Pilastru 2 tinteraġixxi mar-rekwiżiti tal-bafer ikkombinat għandu jiġi ċċarat aktar. B’mod partikolari, għandhom jiġu evitati kunflitti potenzjali mal-objettiv tal-politika tal-bafer kontroċikliku tal-kapital. Dan jinkludi t-tneħħija tar-referenza għall-indirizzar ta’ “varjazzjonijiet ekonomiċi ċikliċi” bħala objettiv ta’ politika tal-gwida tal-Pilastru 2. Barra minn hekk, għalkemm għandu jiġi evitat kull trikkib bejn il-gwida tal-Pilastru 2 u r-rekwiżiti tal-Pilastru 2, l-emendi proposti għas-CRD għandhom jiċċaraw li, meta test tal-istress jidentifika tipi addizzjonali ta’ riskju ta’ kreditu f’sitwazzjoni ipotetika u dawn ikunu parti mir-rekwiżiti tal-Pilastru 2, l-awtoritajiet kompetenti jżommu l-abbiltà li japplikaw miżuri li jindirizzaw dawk ir-riskji fil-gwida tal-Pilastru 2.

1.1.6.

L-emendi proposti għas-CRD jillimitaw is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipprovdulhom informazzjoni supplimentari jew aktar frekwenti. Għalkemm il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ l-objettiv sottostanti li jiġi evitat rapportar doppju u jitnaqqsu l-ispejjeż tar-rapportar, il-possibbiltà li tintalab dejta granulari ad hoc hija essenzjali sabiex jiġu evalwati kif suppost il-profili ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal, inter alia, l-iskop tal-iSREP. Huwa diffiċli biex dawn ir-riskji jinqabdu bis-sħiħ ex ante permezz ta’ rapportar armonizzat, b’mod partikolari minħabba l-mod kif jiżviluppaw l-attivitajiet u r-riskji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti dejjem jeħtieġu li jiġbru informazzjoni granulari addizzjonali sabiex jevalwaw b’mod adegwat il-punti ta’ saħħa u ta’ dgħjufija tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ riskji speċifiċi jew klassijiet ta’ assi, eż. fir-rigward ta’ selfiet improduttivi. Għalhekk, il-BĊE huwa tal-fehma li dawn il-limitazzjonijiet għandhom jitneħħew mill-emendi proposti għas-CRD.

1.1.7.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jitħallew jimponu rekwiżiti ta’ fondi proprji kull meta r-riskju tar-rata tal-imgħax ikun sors materjali ta’ tħassib u mhux biss meta r-riskji jkunu jeċċedu ċertu livell minimu ddefinit minn qabel. Barra minn hekk, il-mandat propost għall-ABE biex tispeċifika ċerti kunċetti għall-iskop tar-reviżjoni tal-esponiment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għar-riskju tar-rata tal-imgħax minn attivitajiet nominali mhux ta’ negozjar jissuġġerixxi lista eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li fihom huma meħtieġa miżuri superviżorji bħala riżultat ta’ bidliet potenzjali fir-rati tal-imgħax (8). Il-BĊE huwa tal-fehma li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw aktar flessibbiltà fl-impożizzjoni ta’ miżuri superviżorji.

1.1.8.

L-emendi proposti għas-CRD jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jikkonsultaw lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni qabel l-adozzjoni ta’ xi rekwiżit kapitali addizzjonali (9). Waqt li l-BĊE jappoġġa l-objettiv li tinkiseb koordinazzjoni effettiva mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, il-proposta għal konsultazzjoni formali ta’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni qabel ma jiġu ddeterminati r-rekwiżiti addizzjonali ta’ fondi proprji jew qabel ma tingħata gwida kif speċifikat fis-CRD tkun pendantika bla bżonn u formalistika żżejjed fil-prattika, mingħajr ma ttejjeb is-sustanza tal-arranġamenti attwali. Barra minn hekk, il-Memorandum ta’ Ftehim eżistenti bejn il-BĊE u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (10), li ġie implimentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-iżvilupp tad-deċiżjonijiet SREP tal-2016, diġà jiżgura kooperazzjoni effiċjenti. Waqt li titqies in-natura mhux vinkolanti tal-gwida kapitali, id-deċiżjoni li tiġi imposta din il-gwida għandha tibqa’ barra mill-qafas ta’ deċiżjonijiet konġunti u għandha tkun soġġetta biss għal skambju ta’ informazzjoni bejn membri tal-kulleġġ.

1.2.   Interazzjoni ta’ setgħat mikro u makroprudenzjali

Il-BĊE ġeneralment jappoġġa t-tneħħija tal-Pilastru 2 bħala strument mill-ġabra ta’ għodod makroprudenzjali, iżda jtenni l-fehma tiegħu li t-tneħħija tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2 m’għandhiex twassal biex l-awtoritajiet ikollhom għodod insuffiċjenti biex iwettqu l-mandat tagħhom u jiksbu l-objettivi ta’ politika tagħhom (11). B’hekk, l-appoġġ tal-BĊE għall-eliminazzjoni proposta tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2 mill-ġabra ta’ għodda makroprudenzjali huwa soġġett għall-proviso li l-ġabra tal-għodda titwessa’ u ssir operazzjonali. Qafas makroprudenzjali operazzjonali u effettiv huwa speċjalment importanti f’unjoni monetarja fejn huma meħtieġa politiki makroprudenzjali sabiex jiġu indirizzati żbilanċi speċifiċi għall-pajjiż jew għas-settur, u li b’hekk jiżvolġu rwol kumplimentari fl-indirizzar tal-eteroġenità f’ċikli finanzjarji u ta’ negozju fost l-Istati Membri u, b’dan il-mod, jgħinu biex tinżamm l-integrità tas-Suq Uniku u biex tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja. Fl-istess ħin, il-qafas rivedut għandu jevita li jiffaċilita deċiżjonijiet ta’ ring-fencing li jistgħu jżidu r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq u joħolqu impedimenti għal konsolidazzjoni tas-sistema bankarja.

B’mod aktar ġenerali, il-BĊE jtenni l-importanza ta’ reviżjoni makroprudenzjali rigoruża, kif enfasizzat fil-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-qafas tal-politika makroprudenzjali tal-Unjoni. Fil-frattemp, fir-rigward tat-titjib tal-effettività operazzjonali tal-qafas makroprudenzjali, bħala minimu l-aġġustamenti li ġejjin għall-qafas attwali huma meħtieġa bħala kwistjoni ta’ prijorità u għandhom jiġu indirizzati f’din ir-reviżjoni. Fl-ewwel lok, il-ġerarkija preżenti għas-sekwenzar tal-mekkaniżmu ta’ attivazzjoni (l-hekk imsejħa “pecking order”) għandha tiġi rtirata. Il-pecking order preżenti tipprovdi inċentivi avversi fir-rigward tal-għażla ta’ strumenti u tirriżulta fi preġudizzju favur l-inazzjoni. Fit-tieni lok, il-varjetà wiesgħa ta’ proċeduri ta’ notifika u attivazzjoni għal miżuri makroprudenzjali għandhom isiru aktar effiċjenti, simplifikati u armonizzati. Dan ikun jinvolvi, inter alia, li tiġi stabbilita proċedura ta’ attivazzjoni unifikata u simplifikata għall-użu tal-għodda makroprudenzjali pprovduti fl-Artikolu 458 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (12) (CRR) u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ attivazzjoni għall-bafer tal-kapital differenti b’tali mod li jippermetti lill-awtoritajiet makroprudenzjali jaġixxu b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu. F’dan ir-rigward, bidliet għar-regoli relatati mal-bafer tal-istituzzjonijiet l-oħrajn li huma sistemikament importanti u mal-bafer tar-riskju sistemiku għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ċċarat l-iskop tal-politika ta’ dawn il-bafers, biex b’hekk jiġi eliminat it-trikkib u tittejjeb l-effettività tal-użu tagħhom mill-awtoritajiet. Fit-tielet lok, il-proċess stipulat fl-Artikolu 136(3) tas-CRD għandu jiġi ssimplifikat b’tali mod li kull awtorità nnominata tevalwa r-rata adegwata tal-bafer kontroċikliku tal-kapital fuq bażi trimestrali iżda tissettja jew tirrisettja r-rata biss jekk ikun hemm bidla fl-intensità ta’ riskji sistemiċi ċikliċi. F’dan il-kuntest, il-proċeduri għan-notifikazzjoni tar-rata tal-bafer kontroċikliku għandhom jiġu emendati wkoll biex jirrikjedu li l-awtoritajiet innominati tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU jinnotifikaw ukoll l-informazzjoni speċifikata fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 136(7) tas-CRD lill-BĊE. Finalment, il-BĊE jikkunsidra li huwa ta’ importanza assoluta li l-qafas tal-politika makroprudenzjali jiġi rrevedut f’intervalli regolari, waqt li jitqiesu żviluppi fil-qafas analitiku kif ukoll l-esperjenza prattika fl-implimentazzjoni tal-politika. F’dan ir-rigward, għandha tiddaħħal ukoll dispożizzjoni għal reviżjoni komprensiva tal-qafas makroprudenzjali fit-tliet snin li ġejjin, inklużi l-ambitu u l-idoneità tal-ġabra ta’ għodda.

1.3.   Rinunzja transkonfinali għal rekwiżiti prudenzjali

1.3.1.

Il-BĊE b’mod ġenerali jappoġġa l-introduzzjoni tal-possibbiltà għal awtorità kompetenti li tirrinunzja l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali lil sussidjarja li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun jinsab fi Stat Membru differenti minn dak tal-impriża prinċipali tagħha, li hija konsistenti mal-istabbiliment tal-MSU u l-unjoni bankarja.

1.3.2.

Salvagwardji prudenzjali addizzjonali u modifiki tekniċi jistgħu jindirizzaw kwalunkwe tħassib potenzjali dwar l-istabilità finanzjarja li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ rinunzja għall-unjoni bankarja, li għadha miexja lejn stat ta’ tlestija. B’mod partikolari, iż-żewġ prekundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin jistgħu jiddaħħlu sabiex is-sussidjarji jibbenefikaw mir-rinunzja: (a) is-sussidjarji eliġibbli għar-rinunzja m’għandhomx weħidhom jaqbżu ċertu limitu minimu, eż. il-limiti minimi għas-sinifikanza stipulati fl-SSMR; u (b) ir-rinunzja għandha tkun soġġetta għal limitu minimu ta’ 75 %, eż. ir-rekwiżit ta’ fondi proprji minimi jista’ jitnaqqas l-aktar minn 8 % sa 6 % tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju. F’dan ir-rigward, il-garanzija tkun meħtieġa biss b’rabta mal-ammont ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji meħtieġa attwalment irrinunzjati. Barra minn hekk, il-BĊE jirrakkomanda li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu rreveduti fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħhom u li għandha tingħata konsiderazzjoni, b’mod partikolari, lil jekk il-limitu minimu għandux jitbaxxa aktar fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-unjoni bankarja.

1.3.3.

L-emendi proposti għas-CRR għandhom jiċċaraw addizzjonalment li l-garanzija minn impriża prinċipali għal sussidjarja għandha tiġi riflessa b’mod xieraq fir-rkwiżiti prudenzjali għar-riskju ta’ kreditu applikabbli għall-impriża prinċipali. B’mod partikolari, l-impriża prinċipali għandu jkollha 100 % tad-drittijiet tal-vot tas-sussidjarja.

1.3.4.

Finalment, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tranżitorji xierqa għall-implimentazzjoni tar-rinunzja tal-kapital transkonfinali, waqt li jitqies il-progress ulterjuri ppjanat dwar l-unjoni bankarja deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja (13) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar it-tlestija tal-unjoni bankarja”).

1.4.   Implimentazzjoni tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9 (IFRS 9)

L-emendi proposti għas-CRR jipprovdu għal perijodu ta’ introduzzjoni f’fażijiet għal provvedimenti ta’ telf ta’ kreditu mistenni taħt IFRS 9 (14) sabiex jittaffa l-impatt ta’ IFRS 9 fuq il-kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 regolatorju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (15). Il-BĊE jirrakkomanda li l-perijodu għal miżuri tranżitorji għal IFRS 9 għandu jibda fl-1 ta’ Jannar 2018 b’introduzzjoni f’fażijiet lineari (16). F’dan il-kuntest, il-presidenza tal-Kunsill hija mħeġġa li taċċelera l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta l-arranġament tranżitorju għal IFRS 9.

Barra minn hekk, ikun preferibbli li l-introduzzjoni f’fażijiet tapplika biss għat-tnaqqis inizjali tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 fl-1 ta’ Jannar 2018 (approċċ statiku) u mhux l-ammonti ta’ telf mistennija kkalkulati taħt IFRS 9 fid-data ta’ rapportar relevanti fil-perijodu ta’ tranżizzjoni (approċċ dinamiku), peress li dan l-aħħar approċċ effettivament idewwem l-applikazzjoni sħiħa ta’ IFRS 9 (17).

Sabiex jiġi evitat l-għadd doppju ta’ ammonti miżjuda lura mal-kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1, il-BĊE jirrakkomanda li jsiru korrezzjonijiet matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni għall-partijiet kollha tas-CRR li jassumu t-tnaqqis ta’ kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1, jiġifieri għaż-żieda lura għal kapital tal-Grad 2, għal ammonti ta’ assi ta’ taxxa ddiferita mhux imnaqqsa, u għal tnaqqis fil-valuri ta’ skopertura għall-approċċ standardizzat għal riskju ta’ kreditu, il-proporzjon tal-ingranaġġ u l-qafas ta’ skopertura kbira.

Il-miżuri tranżitorji għandhom ikunu obbligatorji għall-istituzzjonijiet kollha; inkella istituzzjonijiet li jagħżlu li ma jadottawhomx ikunu jistgħu jġiegħlu lil istituzzjonijiet oħrajn biex jagħmlu wkoll frontloading, li jmur kontra l-iskop proprju li jitħalla aktar żmien biex isir adattament għat-tnaqqis inizjali tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 meta ssir il-qalba għal IFRS 9.

1.5.   Tnaqqis u aġġustamenti addizzjonali għall-kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1

Il-BĊE jilqa’ l-kjarifika tal-Kummissjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 104(1)(d) tas-CRD u l-Artikolu 16(2)(d) tal-SSMR kif stipulat fir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport dwar l-MSU”) (18) u, b’mod partikolari, il-konferma li l-awtoritajiet kompetenti huma awtorizzati li jitolbu lil istituzzjoni ta’ kreditu biex tapplika aġġustamenti speċifiċi (tnaqqis, filtri jew miżuri simili) għal kalkoli ta’ fondi proprji fejn it-trattament tal-kontabilità applikat mill-istituzzjoni ta’ kreditu jitqies li mhuwiex prudenti minn perspettiva superviżorja. Il-BĊE huwa tal-fehma li dik il-kjarifika għandha tiġi inkluża direttament fit-test tas-CRD biex tiġi żgurata ċertezza legali.

1.6.   Impriża prinċipali intermedjarja fl-UE

Il-BĊE jilqa’ r-rekwiżit li jiġu stabbiliti impriżi prinċipali intermedjarji fl-UE għal gruppi bankarji ta’ pajjiżi terzi b’żewġ istituzzjonijiet jew aktar stabbiliti fl-Unjoni, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kriterji jew jinqabżu ċerti livelli minimi (19), peress li dan għandu jippermetti lis-superviżur konsolidanti biex jevalwa r-riskji u s-sodezza finanzjarja tal-grupp bankarju sħiħ fl-Unjoni u biex jiġu applikati rekwiżiti prudenzjali fuq bażi kkonsolidata.

Madankollu, ċerti aspetti tal-emendi proposti għas-CRD jeħtieġu kjarifika ulterjuri sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju. Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit għandu japplika kemm għal istituzzjonijiet ta’ kreditu minn pajjiżi terzi kif ukoll għal friegħi (jiġifieri wkoll f’każijiet fejn l-operazzjonijiet tal-Unjoni tal-grupp minn pajjiż terz jitwettqu, parzjalment jew esklużivament, permezz ta’ friegħi). Fit-tieni lok, ladarba tkun stabbilita impriża prinċipali fl-UE, għandu jkun rekwiżit li l-friegħi eżistenti tal-istess grupp bankarju minn pajjiż terz li jaqbżu ċertu livell minimu jiġu stabbiliti mill-ġdid bħala friegħi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata fl-Unjoni sabiex jiġu pprevenuti opportunitajiet ta’ arbitraġġ regolatorju, peress li s-superviżjoni ta’ friegħi minn pajjiżi terzi mhijiex armonizzata. Huwa importanti wkoll, fuq medda ta’ żmien itwal, li jiġi armonizzat il-qafas regolatorju u superviżorju ta’ friegħi ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni. Fit-tielet lok, kemm jekk l-impriża prinċipali intermedjarja fl-UE tkun stabbilita bħala kumpanija holding finanzjarja, kumpanija holding finanzjarja mħallta jew istituzzjoni ta’ kreditu, għandu jiġi żgurat li l-qafas għad-determinazzjoni tas-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata ma jirriżultax f’eżitu li mhuwiex xieraq u li jista’ jikkomprometti l-eżerċitar ta’ superviżjoni effiċjenti u effettiva minn awtoritajiet kompetenti li jagħmlu superviżjoni fil-konfront ta’ entitajiet li jappartjenu għall-grupp minn pajjiż terz fuq bażi individwali. Konsegwentement, meta l-impriża prinċipali intermedjarja fl-UE tkun stabbilita bħala istituzzjoni ta’ kreditu, u sabiex il-kundizzjonijiet jinġiebu ugwali għal kullħadd, għandha tiġi esplorata l-introduzzjoni ta’ kriterju simili għal dak stipulat fl-Artikolu 111(5) tas-CRD, li bħalissa japplika għal kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta. Barra minn hekk, l-ambitu tal-applikazzjoni u l-proċess marbut mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 111(5) tas-CRD għandhom jiġu ċċarati. Fir-raba’ lok, f’każ ta’ kunflitt bejn il-liġijiet ta’ pajjiż terz u r-rekwiżit għal impriża prinċipali intermedjarja individwali fl-UE, li jipprevjeni jew jikkumplika bla bżonn il-konformità mar-rekwiżit ta’ impriża prinċipali intermedjarja fl-UE, għandha tiġi esplorata deroga li tagħti diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, biex jippermettu l-istabbiliment ta’ żewġ impriżi prinċipali intermedjarji separati fl-UE (jew biex ikunu jistgħu jinstiltu entitajiet speċifiċi mill-impriża prinċipali intermedjarja individwali fl-UE). F’dan il-każ, li-livell minimu għar-rekwiżit tal-impriża prinċipali intermedjarja fl-UE għandu jiġi applikat fil-livell tal-grupp sħiħ minn pajjiż terz, qabel ma tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni, sabiex l-eżerċitar ta’ din id-diskrezzjoni ma jirriżultax f’ċirkomvenzjoni tal-limiti minimi applikabbli għall-istabbiliment ta’ impriża prinċipali intermedjarja fl-UE, kif ipprovdut fl-emendi proposti għas-CRD.

1.7.   Proporzjonalità fir-rapportar

Fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar ta’ istituzzjonijiet iżgħar il-BĊE ġeneralment jappoġġa approċċ proporzjonat. F’xi każijiet, istituzzjonijiet iżgħar għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar simplifikati skont id-daqs u l-kumplessità tagħhom u skont kemm ikunu riskjużi.

It-tnaqqis propost fil-frekwenza ta’ rapportar regolatorju (20) minn istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħmlu superviżjoni adegwata ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (21). Ir-rapporti regolatorji huma ferm relevanti, peress li dawn huma fost l-aktar sorsi ta’ informazzjoni importanti għas-superviżjoni kontinwa ta’ istituzzjonijiet iżgħar. Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni adegwata tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti biex jaġġustaw l-intensità tal-azzjonijiet superviżorji tagħhom fir-rigward ta’ dawk l-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, għalkemm tnaqqis fil-frekwenza tar-rapportar ser inaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż ta’ konformità għal istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar minn perspettiva ta’ riżorsi umani, huwa improbabbli li dan ikun inqas ta’ piż minn perspettiva tal-IT, peress li istituzzjonijiet iżgħar xorta waħda jkollhom bżonn ipoġġu sistemi tal-IT xierqa fis-seħħ u l-maġġoranza ta’ dawn l-ispejjeż diġà ġew imġarrba.

Minflok ma titnaqqas il-frekwenza tar-rapportar regolatorju l-BĊE jissuġġerixxi li l-ambitu ta’ rapportar għal istituzzjonijiet iżgħar jista’ jiġi emendat, ladarba l-ABE tkun evalwat l-impatt finanzjarju fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (22) f’termini ta’ kosti ta’ konformità u benefiċċji superviżorji (23).

Applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi rikonoxxuta b’mod aktar sistematiku fis-CRR kollu. Każijiet speċifiċi għandhom jiġu identifikati meta trattament aktar proporzjonat jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-konformità mingħajr ma jikkomprometti r-reġim superviżorju prudenzjali. Approċċ aktar proporzjonat jista’ jiġi pprovdut, b’mod partikolari fil-oqsma tal-governanza interna u r-reġim ta’ kompetenza u idoneità, remunerazzjoni, u żvelar.

1.8.   Restrizzjonijiet awtomatiċi fuq distribuzzjonijiet

Fir-rigward tal-emendi proposti għas-CRD dwar l-ammont massimu distribwibbli (MDA), il-BĊE jilqa’ l-kjarifika dwar l-akkumulazzjoni ta’ kapital (capital stack). Barra minn hekk, il-BĊE jipproponi li l-profitti interim/ta’ tmiem is-sena kollha mhux diġà inklużi fil-kapital tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 (nett mid-distribuzzjonijiet diġà mħallsa) għandhom jiġu inklużi fl-MDA u mhux biss dawk il-profitti ġġenerati wara l-aħħar distribuzzjoni. L-enfasi fuq l-aktar distribuzzjoni jew ħlas reċenti tillimita l-profitti li jistgħu jintużaw għall-kalkolu tal-MDA. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu spiss ikollhom diversi dati ta’ deċiżjonijiet għall-ħlas tal-kupuni, dividendi u bonuses. Aktar ma jkun frekwenti li istituzzjoni ta’ kreditu tieħu deċiżjonijiet dwar distribuzzjonijiet jew tħallashom, aktar ikun qasir il-perijodu li matulu jiġu ġġenerati l-profitti u b’hekk aktar ikun baxx l-ammont ta’ profitti eliġibbli biex jintużaw fil-kalkolu tal-MDA. Din ir-restrizzjoni mhijiex iġġustifikata jekk il-profitti interim/ta’ tmiem is-sena ġġenerati, iżda mhux diġà inklużi fil-kapital ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1, ikunu ogħla mid-distribuzzjonijiet magħmula.

1.9.   Riskju tal-kreditu u tal-kreditu tal-kontroparti

1.9.1.

Waqt li l-leġiżlazzjoni tal-Livell 2 iċċarat b’mod komprensiv l-immudellar f’termini tar-riskju tal-kreditu, tas-suq u dak operazzjonali, dawk l-ispeċifiċitajiet għadhom neqsin fir-rigward tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti. Il-BĊE jirrakkomanda li s-CRR għandu jiġi emendat sabiex jitlob lill-ABE biex tiżviluppa standards tekniċi regolatorji bi kriterji ta’ valutazzjoni speċifiċi għall-Metodu tal-Mudell Intern (Internal Model Method - IMM) u għall-metodu avvanzat ta’ aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu (advanced credit valuation adjustment - A-CVA). Dawn l-istandards tekniċi regolatorji għandhom jistipulaw f’aktar dettall il-valutazzjoni tal-materjalità għal bidliet u estensjonijiet tal-mudell kemm għall-IMM kif ukoll għall-A-CVA. Finalment, għandha tiżdied dispożizzjoni li teħtieġ lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiksbu approvazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti sabiex japplikaw l-approċċ A-CVA.

1.9.2.

Istituzzjonijiet ta’ kreditu li diġà implimentaw l-IMM ma jużawhiex esklużivament, u jużaw metodi oħrajn (mhux interni) biex jikkalkulaw uħud mill-iskoperturi tagħhom. Dan joħloq tħassib li għadd kbir ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu ma jkunux kapaċi jikkonformaw mar-rekwiżit li l-IMM ma jistax jiġi applikat b’mod ikkombinat ma’ metodi oħrajn. Għal dan il-għan, is-CRR għandu jiġi emendat sabiex jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiksbu permess biex jużaw l-IMM għal riskju ta’ kreditu ta’ kontroparti fuq bażi parzjali permanenti, kif jistgħu għal tipi ta’ riskju oħrajn.

1.9.3.

Barra minn hekk, ir-regoli attwali tas-CRR sabiex jiġi ddeterminat il-parametru ta’ maturità għandhom jiġu estiżi biex ikopru skoperturi għal transazzjonijiet ta’ finanzjament ta’ derivattivi u titoli u tranżazzjonijiet għal terminu miftuħ.

1.9.4.

Id-definizzjoni tad-delta superviżorja proposta mill-Kummissjoni għall-approċċ standardizzat ġdid biex jitkejlu l-iskoperturi tar-riskju ta’ kreditu ta’ kontroparti għandha tiġi allinjata mal-istandards tal-Kumitat ta’ Basel għas-Superviżjoni Bankarja (BCBS) li huma matematikament korretti.

1.10.   Trattament ta’ kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta

1.10.1.

Il-BĊE jappoġġa l-armonizzazzjoni u t-titjib tas-superviżjoni fuq kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta. Huwa importanti li azzjonijiet għal superviżjoni kkonsolidata jkunu jistgħu jiġu mmirati direttament lejn l-impriża prinċipali ta’ grupp bankarju, irrispettivament jekk tkunx istituzzjoni jew kumpanija holding. F’dan ir-rigward, l-objettiv superviżjorju fundamentali huwa li jiġi żgurat li l-impriża prinċipali twettaq it-tmexxija u l-koordinazzjoni tagħha fuq is-sussidjarji tagħha b’mod li effettivament javvanza s-superviżjoni kkonsolidata. B’mod ġenerali, ir-reġim l-ġdid għandu jippermetti għall-karatteristiċi partikolari ta’ kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta u r-rwol tagħha fi ħdan grupp li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, sabiex jiġu evitati impedimenti eċċessivi għall-funzjonament tal-grupp.

1.10.2.

Xi aspetti tal-emendi proposti għas-CRTD u s-CRR għandhom jibbenefikaw mit-titjib jew kjarifika. Pereżempju, hija meħtieġa kjarifika dwar kif l-emendi proposti li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni ta’ kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta jirrelataw mar-regoli eżistenti dwar is-superviżjoni ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti. Addizzjonalment, l-emendi proposti għas-CRD u s-CRR ma jindikawx b’ċarezza suffiċjenti liema mid-dispożizzjonijiet attwali li jirreferu għal “istituzzjoni ta’ kreditu” għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu kumpanija holding finanzjarja u kumpanija holding finanzjarja mħallta għall-finijiet ta’ superviżjoni kkonsolidata. Speċifikazzjoni ulterjuri hija meħtieġa wkoll b’rabta mal-miżuri superviżorji li jinsabu għaddejjin li s-superviżur konsolidanti jista’ japplika għal kumpanija holding finanzjarja u kumpanija holding finanzjarja mħallta.

1.10.3.

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-effett tal-emendi proposti fuq l-Artikolu 111 tas-CRD. Huwa ta’ tħassib partikolari li s-superviżur konsolidanti jista’ jkun jinsab f’ġurisdizzjoni differenti mill-kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta. Imbagħad ikun jenħtieġ li s-superviżur konsolidanti jiżgura konformità mar-rekwiżiti konsolidati minn kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta stabbilita fi Stat Membru differenti. L-emendi proposti għas-CRD għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jistipulaw f’dettall akbar kif għandha titwettaq kooperazzjoni transkonfinali effiċjenti f’dak bħal dan.

1.10.4.

Finalment, l-emendi proposti għas-CRD għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiċċaraw it-trattament ta’ kumpaniji holding finanzjarji eżistenti u kumpaniji holding finanzjarji mħallta li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

1.11.   Superviżjoni ta’ ditti ta’ investiment transkonfinali kbar

Ditti ta’ investiment kbar u kumplessi li qishom banek u li jipprovdu servizzi ta’ investiment li għandhom impatt fuq il-karta tal-bilanċ tagħhom, b’mod partikolari dawk b’operazzjonijiet transkonfinali, jistgħu jippreżentaw riskji akbar għall-istabbilità finanzjarja kif ukoll riskju akbar ta’ effetti li jinxterdu fuq banek oħrajn. Il-BĊE huwa tal-fehma li s-superviżjoni kkonsolidata u individwali ta’ ditti kbar ta’ investiment transkonfinali li qishom banek fl-Unjoni teħtieġ li tiġi kkunsidrata ulterjorment, sabiex jiġu żgurati standards superviżorji prudenti u konsistenti li jikkorrispondu mar-riskji li dawn id-ditti jistgħu jippreżentaw. Waħda mill-alternattivi possibbli tkun li jiġu emendati s-CRD/CRR sabiex jiġi żgurat li ditti ta’ investiment kbar transkonfinali jitqiesu bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu (24). Dan ikun relevanti għal ditti ta’ investiment li ta’ spiss iwettqu attivitajiet bħal tal-banek li jkunu ta’ tip kif imwettqa mill-banek. Għal ditti ta’ investiment li ma jkunux f’dik il-kategorija, id-differenzjazzjoni attwali tat-trattament riflessa fl-arranġamenti nazzjonali għandha tiġi ppreżervata.

1.12.   Setgħat nazzjonali

1.12.1.

L-RMSU jagħti lill-BĊE kompiti speċifiċi relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dawn il-kompiti jitwettqu billi jitqiesu bis-sħiħ l-għaqda u l-integrità tas-suq intern u t-trattament ugwali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u bil-għan ta’ prevenzjoni tal-arbitraġġ regolatorju (25). Għal dan l-iskop, il-BĊE huwa meħtieġ li japplika d-dritt tal-Unjoni kollu relevanti u meta dan id-dritt ikun kompost minn direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-direttivi (26), b’mod partikolari s-CRD u d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta’ Banek (27) (BRRD). Madankollu, xi setgħat superviżorji mhumiex imsemmija speċifikament fid-dritt tal-Unjoni u differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżultaw f’asimitriji fis-setgħat superviżorji tal-BĊE fost l-Istati Membri parteċipanti.

1.12.2.

F’dan ir-rigward, il-BĊE diġà eżamina l-ambitu u l-firxa ta’ setgħat superviżorji eżistenti u żviluppa approċċ sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tas-setgħat tal-BĊE. Minkejja l-kjarifika tal-kompetenzi tal-BĊE, jekk dawn is-setgħat superviżorji eżistenti jiġu pprovduti b’bażi legali komuni taħt id-dritt tal-Unjoni, dan jiskatta rekwiżit għat-traspożizzjoni tagħhom u jgħin biex tiġi ċċarata l-interpretazzjoni dwar jekk setgħa speċifika mogħtija taħt il-liġi nazzjonali taqax taħt l-ambitu ta’ kompitu speċifiku mogħti lill-BĊE. Barra minn hekk, dan għandu jrawwem kundizzjonijiet ugwali għal kullħadd fis-superviżjoni bankarja tal-Unjoni permezz tal-armonizzazzjoni tas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jinkiseb dan, id-dritt tal-Unjoni għandu jinkludi referenza ċara għal setgħat superviżorji addizzjonali f’għadd ta’ oqsma, sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali fir-rigward tas-setgħat superviżorji diretti tal-BĊE u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal kullħadd fir-rigward tas-setgħat superviżorji madwar l-unjoni bankarja. Dawn l-oqsma huma relatati prinċipalment ma’ akkwisti f’pajjiżi terzi, fużjonijiet, trasferimenti ta’ assi u deċiżjonijiet strateġiċi oħrajn, l-emendar tal-istatuti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-ftehimiet tal-azzjonisti tagħhom dwar l-eżerċitar ta’ drittijiet tal-votazzjoni, l-għoti ta’ kreditu lil partijiet relatati, l-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, setgħat superviżorji fir-rigward ta’ awdituri esterni u setgħat addizzjonali relatati mal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

1.13.   Valutazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità u detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin

1.13.1.

Preżentament, is-CRD ma tistabbilixxix rekwiżiti għall-proċedura li għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti meta jwettqu valutazzjonijiet fuq membri tal-korpi ta’ ġestjoni. Bħala konsegwenza, il-prattiki nazzjonali jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli fir-rigward taż-żmien meta ssir il-valutazzjoni, l-iskadenzi, u dwar jekk il-valutazzjoni sseħħx qabel jew immedjatament wara ħatra. Il-BĊE jirrakkomanda li d-dritt tal-Unjoni jiġi emendat sabiex jiġu armonizzati aktar il-proċessi għal valutazzjonijiet ta’ “kompetenza u idoneità”.

1.13.2.

Detenturi ta’ pożizzjonijiet ewlenin għandhom impatt importanti fuq il-tmexxija ta’ kuljum ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u fl-istruttura ta’ governanza ġenerali tagħhom. Il-BĊE jirrakkomanda li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi emendat biex jinkludi definizzjoni ta’ detenturi ta’ pożizzjonijiet ewlenin u sabiex tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ maniġment ta’ livell għoli. Barra minn hekk, sabiex jiġu armonizzati l-approċċi nazzjonali, għandha tiddaħħal dispożizzjoni dwar is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti meta jevalwaw id-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin f’istituzzjonijiet sinifikanti.

1.14.   Skambju ta’ informazzjoni

Il-qafas attwali tal-Unjoni ftit jagħmel referenzi għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali u għal awtoritajiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus (28). Lanqas m’hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali u l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar separazzjoni strutturali. Il-BĊE jipproponi li d-dispożizzjonijiet tas-CRD dwar skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali għandhom jiġu emendati biex jipprovdu espliċitament għal kooperazzjoni ma’ dawn l-awtoritajiet l-oħrajn.

1.15.   Reġim ta’ infurzar u sanzjonijiet

Il-lista ta’ ksur soġġetti għal sanzjonijiet taħt is-CRD ma tinkludix għadd ta’ ksur importanti, jiġifieri fir-rigward tar-rekwiżiti kapitali tal-Pilastru 1, regolamenti u deċiżjonijiet superviżorji maħruġa minn awtorità kompetenti, ir-rekwiżit biex issir applikazzjoni għal permess minn qabel u obbligi biex tiġi nnotifikata l-awtorità kompetenti. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni dwar jekk jagħtux is-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jimponu penali amministrattivi f’każijiet bħal dawn. Dan l-approċċ jista’ jwassal għal inkonsistenzi bejn l-Istati Membri u jimmina l-infurzar effettiv ta’ rekwiżiti prudenzjali. Sabiex jilqa’ kontra dan, il-BĊE jipproponi li titwessa’ l-lista ta’ ksur soġġetti għal sanzjonijiet.

1.16.   Opzjonijiet u diskrezzjonijiet

1.16.1.

L-eżistenza ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet nazzjonali fir-regolazzjoni prudenzjali tipprevjeni l-kisba ta’ ktieb ta’ regoli uniku fil-livell tal-Unjoni u żżid saff żejjed ta’ kumplessità u spejjeż, waqt li tippermetti opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju. B’mod partikolari, opzjonijiet għall-Istati Membri joħolqu ostakli għat-tħaddim effiċjenti tal-MSU, li jrid iqis regolamenti u prattiki differenti fl-Istati Membri parteċipanti. L-eżerċitar konkurrenti u diverġenti ta’ dawk l-opzjonijiet jirriżulta f’kobba regolatorja li tista’ tfixkel it-tħaddim bla skossi tas-superviżjoni tal-BĊE fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti u fir-rigward ta’ skoperturi relatati ma’ pajjiżi terzi.

1.16.2.

F’xi każijiet, dawn id-diverġenzi jaffettwaw ukoll is-setgħat superviżorji. B’hekk, dawn l-opzjonijiet u diskrezzjonijiet li mhumiex iġġustifikati minn perspettiva prudenzjali, għandhom jiġu armonizzati direttament f’leġiżlazzjoni tal-Livell 1. B’mod simili, l-introduzzjoni ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet ġodda għandha tiġi skoraġġita, kif huwa l-każ, pereżempju, fl-emendi proposti għas-CRR fil-qasam tal-investiment ta’ ekwità f’fondi.

1.17.   Rekwiżiti ta’ fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali (CCPs)

Il-BĊE jappoġġa l-introduzzjoni ta’ perijodu ta’ eżenzjoni ddefinit minn qabel fl-emendi proposti għas-CRR fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji għal skoperturi għas-CCPs. Dan il-perijodu ta’ eżenzjoni ddefinit minn qabel għandu jippermetti lill-istituzzjonijiet biex jikkunsidraw lil CCP ta’ pajjiż terz li tkun applikat, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), biex tiġi rikonoxxuta bħala CCP kwalifikanti. Dak il-perijodu ta’ eżenzjoni huwa importanti sabiex l-istituzzjonijiet jingħataw ċertezza legali fir-rigward tat-trattament tal-iskoperturi tagħhom fuq orizzont ta’ żmien relevanti. Madankollu, il-BĊE jemmen li jekk jiġi pprovdut perijodu massimu ta’ eżenzjoni ta’ ħames snin wara d-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent (meta l-Kummissjoni tkun għadha ma adottatx att ta’ implimentazzjoni) dan jista’ jitqies li huwa eċċessiv fid-dawl tal-implikazzjonijiet potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn skoperturi għal CCPs ta’ pajjiżi terzi mhux rikonoxxuti. Il-BĊE għalhekk jissuġġerixxi li jiġi stabbilit perijodu ta’ eżenzjoni massimu iqsar għal skoperturi għal CCPs ta’ pajjiżi terzi li għadhom ma ġewx rikonoxxuti taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   Implimentazzjoni ta’ standards superviżorji miftiehma internazzjonalment

Il-BĊE jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ standards superviżorji miftiehma internazzjonalment fid-dritt tal-Unjoni. Minħabba l-interkonnettività tas-sistema finanzjarja globali, standards globali huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-kumparabbiltà u kundizzjonijiet ekwi.

2.1.   Proporzjon ta’ ingranaġġ

2.1.1.

Il-BĊE jappoġġa l-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ taħt id-dritt tal-Unjoni u l-kalibrazzjoni tiegħu għal 3 %, li huwa konformi mal-istandards tal-BCBS u r-rakkomandazzjonijiet tal-ABE (30). Il-BĊE jirrakkomanda li l-implimentazzjoni ddettaljata tal-istandards tal-proporzjon ta’ ingranaġġ mill-Unjoni tikkunsidra debitament l-eżitu ta’ diskussjonijiet internazzjonali li jinsabu għaddejjin, b’mod partikolari fi ħdan il-BCBS, kif ukoll kwalunkwe żviluppi ulterjuri fuq livell internazzjonali.

2.1.2.

L-emenda proposta għas-CRR telimina d-diskrezzjoni eżistenti għall-awtoritajiet kompetenti biex jeżentaw mill-miżura ta’ skopertura tal-proporzjon ta’ ingranaġġ kwalunkwe skoperturi intragruppi diġà eżentati minn piżijiet ta’ riskju u skoperturi li jirriżultaw mill-mogħdija ta’ tfaddil irregolat (31), u minflok tintroduċi eżenzjonijiet awtomatiċi għal dawn l-iskoperturi (32). Il-BĊE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jitħallew jeskludu dawn l-iskoperturi mill-proporzjon ta’ ingranaġġ biss jekk tingħata approvazzjoni ex ante mill-awtorità kompetenti, wara valutazzjoni tar-riskji relatati ta’ ingranaġġ sottostanti kif huwa l-każ fid-dritt tal-Unjoni attwalment applikabbli. Fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti fl-MSU, il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-Gwida tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (33).

2.1.3.

Jekk l-eżenzjoni ta’ skoperturi li tirriżulta minn kreditu ta’ esportazzjoni appoġġat uffiċjalment (34) għandha tinżamm, in għandha tkun limitata sal-grad meħtieġ, inkwantu din tkun iġġustifikata minn ħtieġa fuq il-livell tal-Unjoni u mhux minn preferenzi nazzjonali, peress li tikkostitwixxi devjazzjoni mill-istandards tal-BCBS. L-eżenzjoni awtomatika tal-iskoperturi li tirriżulta minn selfiet promozzjonali mill-miżura ta’ skopertura (35) tiddevja wkoll mill-istandards tal-BCBS u hija wkoll f’kunflitt mar-razzjonal tal-proporzjon ta’ ingranaġġ bħala miżura mhux ibbażata fuq riskju. Barra minn hekk, din l-eżenzjoni awtomatika mhijiex konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-ABE u timpedixxi tqabbil effiċjenti ta’ proporzjonijiet ta’ ingranaġġ madwar is-suq. Finalment, id-diċitura ta’ bosta eżenzjonijiet, li spiss ma jkunux ċari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati, jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet biex jinterpretaw l-eżenzjonijiet f’modi differenti, li possibiblment iwassal biex l-eżenzjonijiet jkollhom applikazzjoni usa’ u ma jkunux immirati lejn każijiet ferm speċifiċi.

2.1.4.

Il-BĊE jappoġġa l-introduzzjoni ta’ ħlas addizzjonali għall-proporzjon ta’ ingranaġġ speċifikament għal istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (global systemically important institutions - G-SIIs), li għandu jkun ibbażat fuq l-istandards internazzjonali fir-rigward tad-disinn u l-kalibrazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti malli jiġu ffinalizzati. Rekwiżiti addizzjonali għal G-SIIs għandhom jirriflettu r-relevanza sistemika tagħhom u jipprovdu l-kapaċità addizzjonali ta’ assorbiment ta’ telf sabiex tiġi żgurata protezzjoni supplimentari kontra l-falliment potenzjali tagħhom.

2.1.5.

L-emendi proposti għas-CRR jipprovdu wkoll għat-tpaċija tal-marġni inizjali fil-każ ta’ skoperturi derivattivi relatati mal-ikklerjar ta’ klijenti, li huwa element ieħor li jiddevja mill-istandards tal-BCBS. It-trattament tal-marġni inizjali għal dawn it-transazzjonijiet huwa kwistjoni sensittiva li bħalissa qiegħda tiġi rriveduta fuq livell internazzjonali. L-implimentazzjoni fl-Unjoni għandha tirrifletti l-konklużjonijiet ta’ din ir-reviżjoni malli tiġi ffinalizzata (36).

2.1.6.

L-emendi proposti għas-CRR iżommu l-approċċ attwali għall-kalkolu tal-proporzjon ta’ ingranaġġ fuq il-bażi tal-karta tal-bilanċ fi tmiem it-trimestru (37). Il-BĊE jirrakkomanda li tiġi riveduta din id-dispożizzjoni, waqt li jitqiesu d-diskussjonijiet internazzjonali li jinsabu għaddejjin dwar il-perijodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-proporzjon ta’ ingranaġġ.

2.1.7.

Il-kwistjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati r-riżervi tal-bank ċentrali għall-finijiet tal-kalkolu tal-iskopertura tal-proporzjon ta’ ingranaġġ hija kwistjoni sensittiva oħra li bħalissa qiegħda tiġi riveduta fuq livell internazzjonali. L-implimentazzjoni tal-proporzjon ta’ ingranaġġ taħt id-dritt tal-unjoni għandha tikkunsidra l-konklużjonijiet ta’ din ir-reviżjoni ladarba tiġi ffinalizzata.

2.1.8.

Il-BĊE jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-ABE li s-CCPs m’għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżit ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ anki jekk dawk l-entitajiet ikollhom liċenzja bankarja f’xi Stati Membri. L-eżenzjoni ta’ dawn is-CCPs mill-proporzjon ta’ ingranaġġ hija ġġustifikata minn salvagwardji speċifiċi imposti fuq is-CCPs permezz tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u mill-fatt li l-obbligazzjonijiet ta’ CCPs, bħall-marġnijiet miżmuma fil-forma ta’ depożiti, huma akkumulati prinċipalment għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju aktar milli għal attivitajiet ta’ finanzjament ta’ investiment.

2.2.   Proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (net stable funding ratio - NSFR)

2.2.1.

L-emendi proposti għas-CRR jiddevjaw mill-istandards tal-BCBS fir-rigward tat-trattament ta’ assi likwidi ta’ kwalità għolja tal-Livell 1 billi japplikaw fattur ta’ finanzjament stabbli meħtieġ (required stable funding - RSF) u mhux fattur ta’ 5 % (38). Il-BĊE jipproponi li rewiżit ta’ finanzjament stabbli għandu jinżamm għal assi likwidi ta’ kwalità għolja tal-Livell 1 (esklużi flus kontanti u riżervi tal-bank ċentrali, li għandhom ikunu soġġetti għal fattur ta’ RSF ta’ 0 %), peress li dawn l-assi huma soġġetti għal xi riskju ta’ prezz fuq orizzont ta’ żmien ta’ sena, anki fin-nuqqas ta’ xenarju ta’ stress. Mhuwiex xieraq li jiġi introdott l-istess trattament bħal bil-proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità, meta jitqiesu l-oqfsa ta’ żmien differenti taż-żewġ standards.

2.2.2.

L-emendi proposti għas-CRR jiddevjaw ukoll mill-istandards tal-BCBS fir-rigward tat-trattament ta’ riskju ta’ finanzjament futur f’kuntratti derivattivi (39). Il-BĊE jilqa’ l-mandat mogħti lill-ABE biex tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-opportunità li tadotta miżura aktar sensittiva għar-riskju (40), minħabba li l-istandards tal-BCBS humiex sensittivi biżżejjed għar-riskju (41). Madankollu, l-arranġamenti tranżitorji proposti fihom ċerti nuqqasijiet kunċettwali li jintroduċu opportunitajiet ta’ arbitraġġ regolatorju, u l-impatt tagħhom fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu għadu ma ġiex evalwat. Għalhekk, sakemm tkun ġiet identifikata metodoloġija aktar xierqa, il-BĊE jipproponi li r-reġim tranżitorju għandu jiġi allinjat mal-istandards tal-BCBS.

2.2.3.

Fir-rigward tat-trattament ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament assigurati, l-emendi proposti għas-CRR japplikaw fattur RSF aktar baxx għal transazzjonijiet siguri u mhux siguri ma’ kontropartijiet finanzjarji b’maturità rimanenti ta’ inqas minn sitt xhur minn dik ipprovduta taħt l-istandards tal-BCBS (42). Reviżjoni olistika ta’ fatturi applikati għat-transazzjonijiet siguri kollha inklużi fl-NSFR għandhom jitwettqu, fuq il-bażi ta’ analiżi profonda, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatturi għal kollateral u maturitajiet speċifiċi humiex ikkalibrati kif suppost. Sakemm issir tali reviżjoni, il-BĊE jipproponi li l-fatturi RSF ipprovduti taħt l-istandards tal-BCBS għandhom jiġu applikati.

2.2.4.

L-emendi proposti għas-CRR jinkludu eżenzjoni mir-rekwiżit tal-NSFR għal assi u obbligazzjonijiet marbuta direttament ma’ bonds koperti ġenerali li jikkonformaw mad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43) u għal soft bullet u conditional pass-through bonds li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ skattament tal-maturità (44). Il-BĊE jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-ABE li għandhom jiġu eżentati biss fully matched funding pass-through covered bond structures, peress li dawn ma jippreżentaw ebda riskju ta’ finanzjament għall-bank emittenti (45). B’kuntrast, il-BĊE jipproponi li bonds koperti oħrajn m’għandhomx ikunu eżentati mill-NSFR peress li dawn il-bonds, b’mod simili għal obbligazzjonijiet oħrajn għal tul ta’ żmien itwal, għandhom riskji ta’ finanzjament sinifikanti li mhumiex immitigati mill-karatteristiċi strutturali tagħhom. Meta titqies l-importanza ta’ bonds koperti fil-finanzjament ta’ banek, eżenzjoni de facto tal-biċċa l-kbira ta’ bonds koperti pendenti tirriżulta f’dilwizzjoni sinifikanti tal-istandards prudenzjali.

2.3.   Reviżjoni fundamentali tal-ktieb tal-kummerċ

2.3.1.

Il-BĊE jilqa’ l-proposta għall-implimentazzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-istandards tal-BCBS ġdid dwar ir-riskju għas-suq li jirriżulta mir-reviżjoni fundamentali tal-ktieb tal-kummerċ (FRTB) (46). Il-BĊE jirrakkomanda li l-implimentazzjoni dettaljata tal-istandard FRTB fl-Unjoni, b’mod partikolari l-arranġamenti tranżitorji xierqa, tikkunsidra debitament l-eżitu ta’ diskussjonijiet internazzjonali li jinsabu għaddejjin, b’mod partikolari fi ħdan il-BCBS, kif ukoll kwalunkwe żviluppi ulterjuri f’livell internazzjonali. Barra minn hekk, il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ sentejn li huwa previst attwalment jista’ ma jkunx suffiċjenti għall-istituzzjonijiet biex juru l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-mudell u għas-superviżuri biex jivvalutaw u japprovaw kif suppost il-mudelli ta’ riskju tas-suq. Dan huwa minħabba l-fatt li l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ għadd ta’ aspetti importanti tal-approċċ tal-mudelli interni ser tiġi pprovduta fi standards tekniċi regolatorji, li ser ikunu disponibbli biss wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi proposti għas-CRR. Għal din ir-raġuni, ikun parir tajjeb li tittawwal il-fażi ta’ implimentazzjoni.

2.3.2.

Ir-reġim tranżitorju propost li jintroduċi rikalibrazzjoni ‘l isfel sinifikanti (b’35 %) tar-rekwiżiti kapitali tal-FRTB fuq perijodu ta’ tliet snin, huwa kawża għal tħassib minħabba li jista’ jirriżulta f’rekwiżiti kapitali tar-risku tas-suq li jkunu taħt il-livelli attwali b’mod sinifikanti għal istituzzjonijiet speċifiċi. Waqt li perijodu tranżitorju jista’ jgħin biex itaffi l-impatt fuq ir-rekwiżiti kapitali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE jipproponi li l-kalibrazzjoni tranżitorja għandha titneħħa gradwalment f’fażijiet, skont skeda ddefinita minn qabel, u kkombinata ma’ limitu minimu sabiex jiġi evitat li rekwiżiti kapitali tar-riskju tas-suq jaqgħu taħt il-livelli attwali.

Fir-rigward tal-bidliet addizzjonali għall-qafas ta’ riskju tas-suq bil-għan li tinkiseb aktar proporzjonalità, il-BĊE jikkunsidra l-emendi proposti għas-CRR li jippermettu lil istituzzjonijiet b’kotba tal-kummerċ żgħar li jużaw approċċi simplifikati huma żieda adegwata, sakemm il-livelli minimi għal applikazzjoni jinżammu fil-livelli stipulati fil-proposta. Madankollu, l-approċċ standardizzat simplifikat propost għandu jkun biżżejjed sensittiv għar-riskju u jwassal għal rekwiżiti kapitali li huma adegwati meta mqabbla mal-approċċi ġodda applikabbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu akbar. Għal dan il-għan, reviżjonijiet futuri tas-CRR għandhom iqisu l-iżviluppi relevanti fil-livell tal-BCBS.

2.3.3.

L-emendi proposti għas-CRR ma jinkorporawx xi elementi ewlenin tal-istandards tal-BCBS, bħall-ispeċifikazzjoni tat-test tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf, direttament fil-leġiżlazzjoni tal-Livell 1, u dawn jitħallew għal leġiżlazzjoni ddelegata futura. Il-BĊE jipproponi li dawn l-elementi għandhom jiġu inklużi direttment fis-CRR, u li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biss għandhom jiġu implimentati fi standards tekniċi.

2.3.4.

L-emendi proposti għas-CRR jagħtu ammont sinifikanti ta’ libertà ta’ mudellar lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li tista’ twassal għal diverġenzi serji fil-prattiki superviżorji u fl-immudellar tar-riskju. B’reazzjoni għal dan, il-BĊE jipproponi li restrizzjonijiet għall-immudellar żviluppati bħala parti mill-FRTB fuq il-bażi ta’ studji kumparattivi għandhom jiġu inkorporati fis-CRR.

2.3.5.

B’differenza mill-istandards tal-BCBS, l-emendi proposti għas-CRR jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jagħżlu, mingħajr ebda restrizzjoni, l-iskrivaniji tan-negozjar li għalihom japplikaw għal approvazzjoni tal-mudell intern u dawk li għalihom ser iżommu l-approċċ standardizzat. Sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi, fuq il-bażi tal-approċċ magħżul mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal skrivaniji ta’ negozjar kumparabbli, biex jiddeterminaw l-inklużjoni ta’ skrivaniji ta’ negozjar li huma jikkunsidraw li għandhom ikunu fi ħdan l-ambitu tal-approċċ tal-mudelli interni.

Proposti ta’ abbozzar speċifiċi mill-persunal tal-BĊE fir-rigward ta’ emendi proposti għas-CRR u s-CRD huma elenkati f’dokument ta’ ħidma tekniku separat akkumpanjat b’test spjegatorju f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku ma ġiex adottat mill-Kunsill Governattiv. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta’ Novembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2016) 850 finali.

(2)  COM (2016) 854 finali.

(3)  Disponsibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) fuq www.bis.org

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Ara l-Linji Gwida EBA/GL/2014/13 tal-Awtorità Bankarja Ewropea tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għall-proċess ta’ reviżjoni u evalwazzjoni superviżorji (SREP).

(6)  Ara r-Rapport tal-ABE dwar il-konverġenza ta’ prattiki superviżorji (EBA-Op-2016-11), 14 ta’ Lulju 2016, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ABE fuq www.eba.europa.eu

(7)  Fuq il-bażi tal- Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63) (SSMR), il-BĊE jwettaq reviżjonijiet superviżorji u għal dak l-iskop iddefinixxa metodoloġija komuni tal-iSREP (ara b’mod partikolari l-Gwida tal-BĊE dwar is-Supervijoni Bankarja ta’ Novembru 2014, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu). Bħala riżultat, il-konsistenza fir-rekwiżiti addizzjonali imposti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti żdiedet b’mod notevoli. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti fi ħdan l-MSU, il-korrelazzjoni bejn il-punteġġi ġenerali tal-iSREP u r-rekwiżiti kapitali żdiedet minn 26 % qabel l-2014 għal 76 % fl-2016 (ara l-paġna 44 tal-ktejjeb tal-metodoloġija tal-iSREP tal-2016 maħruġ mill-MSU, disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fuq www.bankingsupervision.europa.eu).

(8)  Ara l-Artikolu 98(5a) ġdid propost tas-CRD.

(9)  Ara l-Artikolu 104c ġdid propost tas-CRD.

(10)  Memorandum ta’ ftehim bejn il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Diċembru 2015 fir-rigward ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(11)  Ara l-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-qafas tal-politika makroprudenzjali tal-UE (12 ta’ Diċembru 2016), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(12)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(13)  COM(2017) 592 final.

(14)  Ara l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità, IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (2014), disponibbli fuq www.ifrs.org.

(15)  Ara l-Artikolu 473a ġdid propost tas-CRR.

(16)  B’mod konformi mal-paragrafu 96 A ġdid propost tad-dokument Basel III, ara l-istandards tal-BCBS: Regulatory treatment of accounting provisions – interim approach and transitional arrangements, Marzu 2017, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BIS fuq www.bis.org. Fuq il-bażi ta’ dan il-paragrafu, il-perċentwali għal kull sena huma ddeterminati fuq il-bażi ta’ linja dritta.

(17)  Ara l-Artikolu 473a ġdid propost tas-CRR.

(18)  COM(2017) 591 final.

(19)  Ara l-Artikolu 21b ġdid propost tas-CRD.

(20)  Ara l-Artikoli 99(4), 101(5), 394(3) u 430(1) ġodda proposti tas-CRR.

(21)  Din il-proposta għandha taffettwa madwar 80 % tal-istituzzjonijiet kollha inqas sinifikanti.

(22)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta’ istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).

(23)  Ara l-Artikolu 99(7) ġdid propost tas-CRR.

(24)  Ara l-Komunikazzjoni dwar it-tlestija tal-unjoni bankarja, p. 19 u r-Rapport dwar l-MSU, p. 8.

(25)  Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-RMSU.

(26)  Ara l-Artikolu 4(3) tal-proposta.

(27)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(28)  La s-CRD u lanqas id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73) ma jipprovdu speċifikament għal kooperazzjoni ta’ din ix-xorta.

(29)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(30)  Rapport tal-ABE dwar ir-rekwiżiti tal-proporzjon ta’ ingranaġġ taħt l-Artikolu 511 tas-CRR (Nru EBA-Op-2016-13), 3 ta’ Awwissu 2016, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ABE fuq www.eba.europa.eu

(31)  Ara l-Artikolu 429a(1) ġdid propost tas-CRD.

(32)  Ara l-Artikolu 429a ġdid propost tas-CRR.

(33)  Ara l-Gwida tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni (verżjoni kkonsolidata). Novembru 2016, disponibbli fuq is-sit elettroniku dwar is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fuq www.bankingsupervision.europa.eu.

(34)  Aral-Artikolu 429a(1)(f) tas-CRR ġdid propost.

(35)  Aral-Artikolu 429a(1)(e) tas-CRR ġdid propost.

(36)  Ara d-Dokunment Konsultattiv tal-BCBS, p. 33. Reviżjonijiet għall-qafas tal-proporzjon ta’ ingranaġġ ta’ Basel III, 25 ta’ April 2016, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BIS fuq www.bis.org.

(37)  Ara l-Artikolu 429(2) ġdid propost tas-CRR moqri flimkien mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

(38)  Ara l-Artikolu 428r(1)(a) ġdid propost tas-CRR, u l-paragrafu 37 tad-dokument tal-BCBS Basel III: the net stable funding ratio, Ottubru 2014 (iktar ’il quddiem il-“Qafas BCBS NSFR”), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BIS fuq www.bis.org

(39)  Ara l-Artikolu 428u(2) ġdid propost u l-Artikolu 428x(2), (3) u (4) tas-CRR.

(40)  Ara l-Artikolu 510(4) ġdid propost tas-CRR.

(41)  Ara l-kontribuzzjoni tal-Eurosistema għad-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ DG FISMA tal-Kummissjoni Ewropea dwar kunsiderazzjonijiet ulterjuri għall-implimentazzjoni tal-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett fl-Unjoni Ewropea, 14 ta’ Settembru 2016.

(42)  Ara l-Artikolu 428s(b) ġdid propost u l-Artikolu 428u(1)(a) u (b) tas-CRR, u l-paragrafi 38 u 39(b) tal-qafas BCBS NSFR.

(43)  Direttiva 2009/65 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(44)  Ara l-Artikolu 141a(2)(d) ġdid propost tas-CRD.

(45)  Ara r-Rakkomandazzjoni 6 tar-Rapport tal-ABE dwar Rekwiżiti ta’ Finanzjament Stabbli Nett taħt l-Artikolu 510 tas-CRR (EBA Op/2015/22) tal-15 ta’ Diċembru 2015, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-ABE fuq www.eba.europa.eu

(46)  Standards BCBS. Rekwiżiti kapitali minimi għar-riskju tas-suq, Jannar 2016, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BIS fuq www.bis.org


Top