EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AB0027

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ April 2016 dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati, u proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti dati (CON/2016/27)

OJ C 223, 21.6.2016, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/3


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ April 2016

dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati, u proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti dati

(CON/2016/27)

(2016/C 223/05)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-25 ta’ Frar 2016, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva żewġ talbiet mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, segwiti minn żewġ talbiet mill-Parlament Ewropew irċevuti fit-18 ta’ Marzu 2016, għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”) u proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti dati (2) (iktar ’il quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi r-regolament propost u d-direttiva proposta fihom dispożizzjonijiet li jeffettwaw il-kompitu tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali li jikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet

Il-memoranda spjegattivi kemm tar-regolament kif ukoll tad-direttiva fihom talba sabiex tiġi ddifferita id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) b’sena. Id-differiment tad-data ta’ applikazzjoni se jagħti lill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll lill-parteċipanti fis-suq, ammont raġonevoli ta’ żmien biex jintroduċu l-infrastruttura teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-BĊE jirrikonoxxi li d-differiment ta’ din id-data mhux se jkollu impatt fuq l-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ miżuri tal-“Livell 2” taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE.

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-BĊE jipproponi li d-data ta’ skadenza tiġi ddiferita sabiex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE, kif ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħhom, b’sena, flimkien mas-sena estensjoni tal-iskadenza ta’ applikazzjoni.

Il-BĊE m’għandux iktar kummenti dwar ir-regolament propost u d-direttiva proposta.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qed tiġi prevista proposta ta’ abbozzar speċifika f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ April 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2016) 57 finali.

(2)  COM(2016) 56 finali.

(3)  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(4)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


Top