EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AB0026

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ April 2016 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (CON/2016/26)

OJ C 252, 12.7.2016, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ April 2016

dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti

(CON/2016/26)

(2016/C 252/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-20 ta’ Jannar 2016 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”). Fl-1 ta’ Frar 2016, il-BĊE rċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar ir-regolament propost.

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) TFUE, u l-kompiti tal-BĊE dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif imsemmi fl-Artikolu 127(6) TFUE. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) hija t-tielet pilastru neċessarju sabiex tiġi kkompletata l-Unjoni Bankarja, wara l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR). Billi r-responsabbiltà u l-kontroll għandhom jiġi allinjati, li tiġi stabbilita xibka ta’ sigurtà komuni għad-depożitanti fil-livell Ewropew hija l-konsegwenza loġika sabiex tiġi elevata għal-livell Ewropew ir-responsabbiltà għas-superviżjoni u r-riżoluzzjoni bankarja. Bl-MSU u l-MUR kompletament operattivi, l-awtoritajiet nazzjonali fil-biċċa l-kbira m’għadx għandhom kontroll fuq l-elementi ewlenin li jiddeterminaw jekk skema ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali (SGD) għandhiex tagħmel ħlasijiet lil depożitanti assigurati jew tikkontribwixxi għal finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, ir-responsabbiltà sabiex jiġi żgurat li hemm mezzi finanzjarji suffiċjenti biex tisseddaq l-kunfidenza tad-depożitanti kollha u għalhekk tiġi ssalvagwardata l-istabbiltà finanzjarja għandha tiġi assunta fl-istess livell u tiġi elevata għall-EDIS. Ir-regolament propost isegwi r-rakkomandazzjonijiet mir-Rapport tal-Ħames Presidenti (2), li appella għat-tnedija tal-EDIS. Kif ġie indikat fir-rapport, sistema bankarja tista’ tkun verament uniformi biss jekk il-livell ta’ kunfidenza fis-sigurtà tad-depożiti bankarji tkun għolja bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. L-EDIS iġġib ukoll benefiċċji li jirriżultaw mir-riskju tad-diversifikazzjoni u tkun iktar tista’ tiflaħ għal xokkijiet, billi r-riskji jinfirxu iktar fil-wisa’ fuq grupp ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, u avvenimenti ta’ ħlas individwali jkunu inqas probabbli li jegħlbu l-kapaċità tas-sistema.

1.2.

Il-BĊE jikkondividi bi sħiħ il-fehma tal-Kummissjoni li sistema unika ta’ protezzjoni ta’ depożitu hija t-tielet pilastru neċessarju tal-Unjoni Bankarja u li hija meħtieġa sabiex issaħħaħ iktar il-protezzjoni tad-depożitanti u sseddaq l-istabbilità finanzjarja, biex b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ dejjem ikbar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) (3).

1.3.

Il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li r-regolament propost jistabbilixxi proċess gradwali ta’ żieda tal-assigurazzjoni reċiproka tal-SGD parteċipanti sabiex finalment tintlaħaq sistema uniformi ta’ assigurazzjoni ta’ depożitu li tillimita r-rabta bejn bank u s-sovran domestiku tiegħu.

1.4.

Kumplessivament, il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jiffissa pjan direzzjonali u skeda ta’ żmien ċari b’passi tranżitorji ddefiniti b’mod ċar u limitati lejn EDIS żviluppata għal kollox. L-istadji tar-riassigurazzjoni u tal-koassigurazzjoni għandhom għalhekk jitqiesu bħala tranżizzjonijiet lejn assigurazzjoni sħiħa, li hija skedata li tibda fl-2024. Dan l-approċċ fi stadji jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn li jsir iktar progress f’oqsma oħrajn tal-Unjoni Bankarja u l-EMU inġenerali. Barra minn hekk, dan l-approċċ għandu l-għan li jiżgura li hemm biżżejjed żmien sabiex jiġu akkumulati kontribuzzjonijiet ex-ante ġewwa l-Unjoni Bankarja qabel il-bidu tal-istadju tal-assigurazzjoni sħiħa. Fl-aħħar nett, se jiġi żgurat trattament ugwali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati mal-SGD parteċipanti billi jittieħdu inkunsiderazzjoni riskji speċifiċi għall-istituzzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-oħrajn kollha fl-Unjoni Bankarja meta jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom. Sabiex tisseddaq iktar il-kredibbiltà tal-EDIS u sabiex tinqata’ effettivament ir-rabta bank/sovran fil-livell nazzjonali, mekkaniżmu ta’ sostenn pubbliku komuni fiskalment newtrali għall-EDIS għandu jiġi stabbilit mhux iktar tard mill-bidu tal-istadju ta’ assigurazzjoni sħiħa.

1.5.

Madankollu, Unjoni Bankarja li taħdem tajjeb teħtieġ iktar passi lil hinn mit-twaqqif tal-EIDS. Għal dan l-iskop il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja” (4) tipprovdi numru ta’ miżuri biex jitnaqqsu iktar r-riskji fis-settur bankarju u sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd. F’dan il-kuntest, il-BĊE jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) bħala prekundizzjoni neċessarja għall-EDIS u għalhekk jitlob lill-Istati Membri kkonċernati jikkonformaw ma’ dan l-obbligu kemm jista’ jkun malajr (6). Il-BĊE jilqa’ u jappoġġa bi sħiħ kull miżura oħra ta’ tnaqqis ta’ riskju li ssemmi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Hemm bżonn li jsir progress fuq dawn il-miżuri oħrajn b’mod parallel mat-twaqqif tal-EDIS, mhux biss sabiex jiġu assigurati kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, iżda wkoll sabiex tiġi promossa wkoll l-integrazzjoni finanzjarja. Madankollu, soluzzjoni li tagħmel tranżizzjoni minn fażi waħda tal-EDIS għall-oħra li tiddependi fuq il-progress fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju tista’ tikkawża dewmien. Jekk tali introduzzjoni kundizzjonali gradwali tal-EIDS tiġi appoġġata, kull stadju ewlieni dwar it-tnaqqis tar-riskju għandu jkun ddefinit b’mod preċiż ex ante, verifikabbli oġġettivament, jista’ jintlaħaq realistikament u legalment marbut mat-tranżizzjonijiet bejn il-fażijiet fil-proposta tal-EDIS. Sabiex jiġi żgurat li l-EIDS ma tiġix posposta indefinittivament, il-lista tal-istadji ewlenin għandha tinkludi l-iktar elementi importanti li huma meħtieġa għal tisħiħ ulterjuri tal-Unjoni Bankarja. Il-lista għandha primarjament tkun limitata għal kwistjonijiet b’rabta materjali ċara mal-EIDS u m’għandhiex tirriferi għal diskussjonijiet li jkunu għaddejjin li dwarhom l-iskeda taż-żmien ma tkunx ċara.

1.6.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jikkunsidra li jista’ jkun hemm bżonn ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-iktar elementi importanti tal-proposta fid-dawl tar-regolament propost u l-interazzjoni tiegħu mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, partikolarment id-Direttiva 2014/49/UE u d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u r-rwol tal-Bord Uniku tar-Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“Bord”), kif ipparagunat mar-rwol kurrenti tal-korpi deċiżjonali responsabbli għall-SGD nazzjonali.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Għan tar-regolament propost

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost għandu l-għan li jkun konsistenti mad-Direttiva 2014/49/UE billi jikkumplimenta l-prinċipji u r-regoli tiegħu (8). Il-funzjoni ewlenija ta’ SGD taħt id-Direttiva 2014/49/UE “hija li tipproteġi d-depożitanti mill-konsegwenzi tal-insolvenza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu” (9). Ir-regolament propost jirregola r-relazzjoni bejn l-EDIS u l-Fond ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (DIF) u l-SGD, fejn l-iskemi nazzjonali jibqgħu responsabbli għal kollox għall-kumpens tad-depożitanti. F’dan l-isfond il-BĊE jikkunsidra li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat espressament, fit-test tar-regolament propost, li l-EDIS għandha wkoll l-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni tad-depożitanti ġewwa l-Istati Membri tal-Unjoni Bankarja.

2.2.   Ambitu tal-EDIS

Il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li r-regolament propost għandu japplika għall-SGD kollha li huma rrikonoxxuti uffiċjalment fl-Istati Membri parteċipanti fl-Unjoni Bankarja taħt id-Direttiva 2014/49/UE (10), jiġifieri SGD statutorji, SGD kuntrattwali u skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali kif ukoll l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati ma’ dawk l-iskemi. Madankollu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha b’aċċess għar-riżorsi EDIS għandhom ikunu rregolati u ssorveljati fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (11) u tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Dan jikkonforma għal kollox mar-rakkomandazzjoni tar-Rapport tal-Ħames Presidenti li l-ambitu tal-EDIS għandu jikkoinċidi ma’ dak tal-MSU u li d-drittijiet ibbażati fuq ir-riskju għandhom jitħallsu mill-banek parteċipanti kollha fl-Istati Membri. Fil-fatt, huwa biss bi skema ta’ protezzjoni ta’ depożitu uniformi inklużiva għal kollox li se jintlaħaq livell ugwali ta’ kunfidenza tad-depożitanti ġewwa l-Unjoni Bankarja, biex b’hekk tiġi pprevenuta l-frammentazzjoni tas-suq u d-distorsjoni kompetittiva.

2.3.   Governanza tal-EDIS

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-EDIS se tiġi amministrata mill-Bord. Huwa importanti li l-EDIS tiġi amministrata minn korp indipendenti tal-Unjoni li huwa ssalvagwardat minn influwenza politika u se jiżgura aċċess għad-DIF taħt kundizzjonijiet ugwali għall-SGD kollha. Il-Bord jista’ jistenna li jkun hemm benefiċċju mill-effetti tas-sinerġija billi jiġu amministrati b’mod simultanju l-fondi ta’ assigurazzjoni ta’ riżoluzzjoni u ta’ depożitu, partikolarment billi joqgħod fuq il-kompetenza teknika li akkumula fl-eżerċitar tal-kompiti ta’ riżoluzzjoni meta jamministra l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF). Jista’ jkun hemm żidiet fl-effiċjenza billi l-amministrazzjoni u l-investiment taż-żewġ fondi jeħtieġu konoxxenzi u kompetenzi tekniċi simili. Madankollu, it-twettiq ta’ dawn il-kompiti ġodda b’mod effettiv jista’ jeħtieġ l-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali lill-Bord (ara l-paragrafu 2.9). Ir-riżorsi kemm għall-SRF u d-DIF għandhom jiġu indikati b’mod ċar għall-iskopijiet rispettivi tagħhom, u biex jiġi evitat speċifikament ir-riskju li r-riżorsi għall-protezzjoni tad-depożitu jistgħu jiġu konfużi u potenzjalment “ikkunsmati” għal finijiet ta’ riżoluzzjoni.

Il-BĊE jilqa’ l-arranġamenti proposti fejn il-BĊE huwa intitolat li jaħtar rappreżentant permanenti li jista’ jipparteċipa fil-laqgħat tas-sessjonijiet kollha tal-Bord, inklużi s-sessjonijiet plenarji kollha tal-EDIS u s-sessjoni plenarja konġunta.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali biss jew awtoritajiet maħtura jkunu membri tal-korpi deċiżjonali tal-EDIS. L-ebda entità privata li tamministra SGD nazzjonali ma tkun involuta direttament fis-sessjoni plenarja tal-EDIS. Il-BĊE jilqa’ din ir-restrizzjoni u jfakkar li skont id-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 2(1)(18) tad-Direttiva 2014/49/UE, awtoritajiet maħtura (pubbliċi) biss jitħallew jipparteċipaw fil-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, billi entitajiet privati li jamministraw SGD jappartjenu għal assoċjazzjonijiet bankarji f’ċerti Stati Membri, meta jingħataw aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali dwar banek li huma l-kompetituri tagħhom, dan jista’ jqanqal kwistjonijiet serji ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.

2.4.   Imminimizzar ta’ spejjeż għal-likwidazzjoni u l-kontroll fuq l-użu tal-EDIS

Meta wieħed iħares lejn il-proċedura ta’ likwidazzjoni, fejn id-Direttiva 2014/59/UE tgħid espressament li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jipprovaw jimminimizzaw l-ispejjeż ta’ riżoluzzjoni u jevitaw il-qerda tal-valur, l-awtoritajiet inkarigati mil-likwidazzjoni għandu jkollhom ukoll l-għan ġenerali li jimminimizzaw l-ispejjeż tal-likwidazzjoni, biex b’hekk jiżguraw it-telf għad-depożiti koperti, u għaldaqstant, l-SGD jiġu mminimizzati. Sabiex jilħqu dan l-għan, l-awtoritajiet inkarigati mil-likwidazzjoni għandhom jitħallew jieħdu l-ktieb tad-depożiti kopert flimkien ma’ ċerti assi oħrajn tal-istituzzjoni ta’ kreditu li qed tfalli u jittrasferuhom lil xerrej tas-settur privat. Dan ix-xiri u tip ta’ assunzjoni ta’ tranżazzjoni jistgħu, f’ħafna każijiet, ikunu inqas għoljin għal SGD milli jsir ħlas tad-depożiti ggarantiti fil-likwidazzjoni. Bl-istess mod, hemm bżonn li jiġi kkjarifikat, fit-test tar-regolament propost, jekk ir-riżorsi finanzjarji tal-EIDS jistgħux jintużaw għall-implimentazzjoni tal-miżuri alternattivi pprovduti bħalissa fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/49/UE. Billi l-mod kif isir il-proċess ta’ likwidazzjoni se jkun fundamentali għas-salvagwardja tal-fondi tal-SGD u għalhekk ta’ dawk ukoll tal-EDIS, huwa importanti li l-Bord ikollu l-possibbiltà li jeżerċita ċertu kontroll fuq il-proċess tal-likwidazzjoni nazzjonali. Għalhekk, bħar-Regolament (UE) Nru 806/2014, li jipprovdi għall-Bord li jieħu f’idejh ir-riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni jekk il-fondi SRF għandhom jintużaw, il-Bord għandu jkun jista’ jipparteċipa fil-proċedura tal-likwidazzjoni jekk x’aktarx li jkun hemm bżonn ta’ riżorsi tal-EDIS. Dan jiżgura li l-kontroll fuq il-proċedura tal-likwidazzjoni tkun allinjata direttament mar-responsabbiltà ġejja mill-protezzjoni tad-depożitu.

2.5.   Kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju

Il-BĊE jappoġġa bi sħiħ il-fatt li r-regolament propost jintroduċi metodoloġija ġewwa l-Unjoni Bankarja għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju mill-istadju ta’ koassigurazzjoni u li jinnomina lill-Bord biex jiffissal-livell ta’ kontribuzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu relatat mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn li qed jipparteċipaw. Dan huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet jiġu allokati b’mod ġust u li l-EDIS tkun ffinanzjata b’mod robust. Il-grad ta’ riskju jiġi ddeterminat skont metodoloġija bbażata fuq il-kriterji (13) previsti fl-Artikolu 74c propost. Determinazzjoni bħal dik trid tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju speċifiku għall-istituzzjoni relatat mal- istituzzjonijiet oħrajn kollha fl-Unjoni Bankjarja. Meta jiġu pparagunati dawn ir-riskji ġewwa l-Unjoni Bankarja u jsir l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet rispettivi fuq din il-bażi dan jgħin sabiex jitwaqqfu l-inċentivi ġusti għad-deċiżjonijiet tan-negozju u jillimita r-riskji ta’ abbuż (free-riding) u perikoli morali. Dan huwa importanti sabiex jittaffa t-tħassib li ċerti setturi bankarji jistgħu jkunu potenzjalment “issussidjati” minn setturi bankarji oħrajn.

Kwistjoni importanti li għandha tiġi kkunsidrata huwa jekk u sa fejn l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għad-determinazzjoni tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet għandu jirrifletti wkoll il-probabbiltà li tiġi attivata l-assigurazzjoni ta’ depożitu għal istituzzjoni ta’ kreditu, u speċjalment il-probabbiltà li għandha titpoġġa f’likwidazzjoni u mhux riżoluzzjoni.

Barra minn dan, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ir-regolament propost għandu bżonn jindirizza kif se jintużaw il-kontribuzzjonijiet, li f’ċerti Stati Membri jinġabru ’l fuq mil-livell tar-rekwiżit minimu ta’ 0,8 % ta’ depożiti koperti.

2.6.   Ir-rwol tal-BĊE fid-determinazzjoni tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex ante għal kull SGD parteċipanti

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jipprevedi li kull sena, għal kemm idum il-perijodu tar-riassigurazzjoni u tal-koassigurazzjoni, il-Bord se jikkonsulta lill-BĊE u lill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel id-determinazzjoni għal kull SGD tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li jista’ jitlob minn istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati mal-SGD rispettivi. Dawn il-kontribuzzjonijiet regolari jirriflettu l-kompetenza tas-superviżuri fir-rigward tal-valutazzjoni tal-possibbiltà ta’ riskju ta’ istituzzjonijiet u jippermettu lill-BĊE u lill-awtoritjiet kompetenti nazzjonali biex jiżguraw li l-proċedura għall-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ma timminax s-sodizza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkontribwixxu.

2.7.   Użu ta’ riżorsi

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jeħtieġ l-użu ta’ riżorsi, mhux biss għal ħlasijiet, imma anki jekk hemm riżoluzzjoni li sseħħ fi kwalunkwe wieħed mit-tliet stadji tal-EDIS. Dan huwa importanti sabiex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni, li għal ħafna banek li qed ifallu jew x’aktarx ifallu jista’ jkun ta’ interess pubbliku u għalhekk is-soluzzjoni ppreferuta minflok l-insolvenza. Dan jikkonforma wkoll mad-Direttiva 2014/49/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014, li teħtieġ li l-SGD tkun responsabbli sal-livell tad-depożiti koperti, iżda d-depożitanti għandhom jibqgħu jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom u l-parteċipazzjoni fil-finanzjament tar-riżoluzzjoni m’għandhiex taqbeż it-telf li l-SGD jkunu ġarrbu fil-każ ta’ insolvenza.

Madankollu, ir-regolament propost jeħtieġ li jindirizza espressament jekk il-bilanċi ta’ depożiti ’l fuq minn EUR 100 000 li huma temporanjament protetti minn 3 sa 12-il xahar skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat kif permess mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/49/UE, għandhomx ikunu koperti mill-EDIS.

2.8.   Dmir tal-EDIS lejn l-SGD fl-istadji tal-assigurazzjoni kemm parzjali kif ukoll sħaħ

It-twaqqif tal-EDIS se jiffaċilita l-aċċess għal riżorsi finanzjarji addizzjonali mill-SGD, għall-ewwel permezz ta’ riassigurazzjoni u koassigurazzjoni, u r-riżorsi se jinbnew gradwalment fid-DIF għal dan l-iskop. Sa mhux iktar tard mill-2024, il-kontribuzzjonijiet kollha miġbura mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati mal-SGD għandhom jiġu inkanalati direttament fid-DIF fl-EDIS. Madankollu, skont id-Direttiva 2014/49/UE l-iskemi nazzjonali, pjuttost milli l-EDIS jew id-DIF, jibqgħu responsabbli għal kollox fir-rigward tat-talbiet għal kumpens tad-depożitanti. Għaldaqstant, fl-istadju tal-assigurazzjoni sħiħa, ir-regolament propost għandu jistipula b’mod ċar obbligu legali għall-EDIS jew id-DIF sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ riżorsi kollha relatati mat-talbiet tad-depożitanti wara avveniment innotifikat minn SGD nazzjonali skont l-Artikolu 41h(2). Il-BĊE jifhem li dan l-obbligu għall-EDIS huwa maħsub mill-Artikolu 41h(1), li jgħid li “l-iSGD parteċipanti għandha tkun assigurata bis-sħiħ mill-EDIS”. Madankollu, obbligu legali ċar ikollu bżonn kjarifika fl-Artikolu 41 m(2) sabiex jiġi assigurat li l-ħlas pro rata previst fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ħlas simultanji multipli jirrigwarda biss id-distribuzzjoni tal-mezzi finanzjarji disponibbli immedjatament, jiġifieri l-EDIS mhijiex meħlusa milll-obbligu tagħha fir-rigward tal-SGD biex tkopri l-ispejjeż kollha tal-SGD, wara l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex post u/jew rikors għal mezzi ta’ finanzjament alternattivi. Iktar importanti, l-istess obbligu legali, għalkemm limitat għas-sehem speċifiku li huwa koassigurat, għandu japplika wkoll għall-obbligi tal-EDIS lejn l-SGD matul il-fażi tal-koassigurazzjoni. Dan jikkonferma wkoll il-bżonn għal mekkaniżmu ta’ sostenn pubbliku fiskalment newtrali għall-EDIS. Fl-aħħar nett, iż-żmien għall-Bord biex jieħu deċiżjoni fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli bis-saħħa tal-Artikolu 41 m(2) għandu jitnaqqas, billi l-SGD huma mistennija li jikkumpensaw depożitanti fi żmien sebat ijiem (14).

2.9.   Skwalifika mill-kopertura mill-EDIS

L-Artikolu 41i jistabbilixxi proċedura għall-iskwalifika SGD mill-kopertura EDIS. Taħt din il-proċedura l-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Bord jew ta’ Stat Membru parteċipanti, tista’ tiddeċiedi li: (a) SGD naqset milli tikkonforma mal-obbligi skont ir-regolament propost jew mal-Artikoli 4, 6, 7 jew 10 tad-Direttiva 2014/49/UE; jew (b) SGD, l-awtorità amministrattiva rilevanti fit-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/49/UE jew kull awtorità rilevanti oħra tal-Istat Membru, fir-rigward ta’ talba partikolari għall-kopertura mill-EDIS, aġixxiet b’mod li jmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera kif preskritt fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jipprovdi salvagwardji mmirati biex jiġi żgurat li l-SGD kollha jikkonformaw mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt qafas ġdid skont l-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva 2014/49/UE. Dan huwa importanti sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ abbuż u biex jittaffa l-periklu morali. Madankollu, minħabba l-qawwa ta’ din is-sanzjoni u l-konsegwenzi eventwali għad-depożitanti, l-iskwalifika ta’ SGD nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata biss meta tkun proporzjonata mal-ksur imwettaq u impost wara l-SGD inkwistjoni tkun naqset milli tikkonforma mal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni provviżorja fi skadenzi stabbiliti minn qabel taħt il-proċeduri li jiġu stabbiliti skont ir-regolament propost. Ksur li jattiva skwalifika għandu jiġi stabbilit b’mod iktar preċiż sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali. Sanzjonijiet oħrajn, inklużi ħlasijiet ta’ penali, għandhom jiġu kkunsidrati għal ksur iżgħar. Barra minn hekk, meta tiġi deċiża skwalifika, hemm bżonn li jkun hemm stabbilit mekkaniżmu xieraq sabiex jiġi żgurat li l-mira ewlenija li tiżgura l-protezzjoni adegwata tad-depożiti ggarantiti kollha tkun rrispettata fi kwalunwe żmien. Dan huwa importanti b’mod partikolari mill-istadju tal-assigurazzjoni sħiħa, meta l-kontribuzzjonijiet kollha miġbura mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti jiġu ttrasferiti direttament ġewwa l-EDIS, sabiex jiġi żgurat li d-depożitanti ma jmorrux agħar f’termini ta’ protezzjoni ta’ depożiti mqabbla ma’ xi tkun is-sitwazzjoni jekk l-SGD tagħhom ma kinitx parti mill-EDIS u l-kontribuzzjonijiet kollha kienu akkumulati fil-livell nazzjonali.

F’dan il-kuntest, jistgħu jiġu kkunsidrati diversi soluzzjonijiet. Pereżempju, il-kontribuzzjonijiet tal-SGD skwalifikata jistgħu jinżammu fid-DIF u d-depożiti miżmuma fid-data meta l-SGD tiġi skwalifikata jistgħu jkomplu jkunu koperti mill-EDIS, billi jiġi żgurat li d-depożitanti jkollhom kreditu legali dirett kontra l-EDIS. Alternattivament, ir-regolament propost jista’ jipprovdi għal metodoloġija u proċedura fejn ir-riżorsi miġbura minn istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati mal-SGD skwalifikata jiġu rimborsati lil dik l-SGD meta tkun skwalifikata. Fi kwalunkwe xenarju minn dawn, l-ammonti li għandhom jiġu rifużi jew ikunu disponibbli sabiex jiġu ssodisfatti l-krediti diretti għandhom jiġu limitati sabiex ikunu konsistenti mal-għan tal-klawżola ta’ skwalifika. Ir-regolament propost għandu jipprovdi gwida ċara dwar il-proċedura ta’ rimbors, inklużi l-iskeda ta’ żmien u l-metodoloġija għaċ-ċirkolazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġi rimborsati. Din il-metodoloġija, pereżempju, tista’ tibni fuq il-metodoloġija applikata għar-ripatrijazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet lil SGD taħt ir-regolament propost fil-każ ta’ terminazzjoni tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taż-żona tal-euro fil-qafas tal-MSU (15). Bl-istess mod, l-awtorità rilevanti għandha — jekk l-opzjoni tar-rimbors ma tintgħażilx — tkun intitolata biex titlob riżorsi mid-DIF sabiex jingħata kontribut għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni, skont id-Direttiva 2014/59/UE (16), meta tkun ittieħdet deċiżjoni li tistabbilixxi li istituzzjoni ta’ kreditu qed tfalli jew x’aktarx tfalli.

Il-premessi (17) tar-regolament propost jimplikaw li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, kif preskritt fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, jestendi għall-entitajiet, il-korpi u l-awtoritajiet kollha rilevanti involuti fl-applikazzjoni tar-regolament propost. Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ta’ min jgħid espressament fl-Artikolu 41i li dan il-prinċipju japplika wkoll għall-Kummissjoni u l-Bord. Barra minn hekk, ir-Regolament propost għandu jiġi abbozzat b’tali mod li jindika meta l-kundizzjonijiet li taħthom jopera dan il-prinċipju jitqiesu li ma jkunux ġew irrispettati, sabiex jiġu żgurati salvagwardji adegwati, il-prevedibbiltà tal-konsegwenzi u sabiex jiġu evitati riskji li mhumiex neċessarji għall-istabbiltà finanzjarja.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 41i jibbenefika wkoll mill-introduzzjoni ta’ proċedura u skeda ta’ żmien li għandhom jiġu segwiti meta jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ skwalifika. F’dan ir-rigward, il-proċedura taħt l-Artikolu 258 TFUE (18) tista’ sservi ta’ ispirazzjoni. Barra minn dan, tista’ tkun meħtieġa kjarifika dwar ir-relazzjoni bejn il-proċedura ta’ skwalifika pprovduta fl-Artikolu 41i u l-proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE. F’dan ir-rigward, huwa nnotat li l-iskwalifika ta’ SGD mingħajr ripatrijazzjoni tal-kontribuzzjonijiet pprovduti mill-istituzzjonijiet affiljati ma’ din l-SGD tammonta għal ksur awtomatiku tal-Artikolu 10(2) (19) tad-Direttiva 2014/49/UE mill-SGD kkonċernata. Dan huwa għaliex skont l-Artikolu 74c(4) propost, il-kontribuzzjonijiet li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati ma’ SGD partikolari jħallsu fi ħdan l-EDIS jgħoddu għal-livell minimu fil-mira li l-SGD parteċipanti għandha tilħaq skont id-Direttiva 2014/49/UE. Barra minn hekk, mhumiex l-SGD innifishom li għandhom jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti li jinsabu fl-Artikoli 4, 6 7 u 10 tad-Direttiva 2014/49/UE, imma pjuttost l-Istati Membri jew entitajiet oħra, pereżempju istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati.

2.10.   Irkupru tar-riżorsi tad-DIF

Il-proċeduri għad-DIF għall-irkupru tar-riżorsi pprovduti lil SGD fil-każ ta’ avveniment ta’ ħlas huma primarjament marbuta mal-progress mal-isforzi ta’ ġbir fi proċeduri ta’ insolvenza nazzjonali. It-tul ta’ dawn il-proċeduri jvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, u kultant jieħu pjuttost fit-tul. Huwa konsiljabbli li jkun hemm iktar preċiżjoni fl-Artikolu 41q sabiex il-Bord ikun jista’ jeżerċita ċerti drittijiet fir-rigward tal-proċeduri ta’ insolvenza nazzjonali, biex b’hekk jiġi żgurat li tiġi rrikonoxxuta l-pożizzjoni legali tal-Bord mill-qrati. L-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet jistgħu jeħtieġu wkoll l-allokazzjoni ta’ riżorsi sinjifikanti għall-Bord għat-twettiq ta’ dan il-kompitu.

2.11.   Arranġament ta’ mekkaniżmi ta’ sostenn

Ir-regolament propost ma jipprovdix għal mekkaniżmu ta’ sostenn Ewropew fiskalment newtrali għall-EDIS fil-każ ta’ avveniment wieħed ta’ ħlas jew ta’ diversi ħlasijiet li jaqbżu r-riżorsi finanzjarji disponbbli tal-EDIS, u kontribuzzjonijiet ex post jew finanzjament alternattiv ma jkunux jistgħu jintużaw malajr biżżejjed sabiex jiġi żgurat ħlas fil-ħin tad-depożitant jew l-involviment fil-ħin tal-EDIS f’każ ta’ riżoluzzjoni. Dan jimplika li kwalunkwe obbligu ta’ ħlas fir-rigward tad-depożitanti li jaqbeż ir-riżorsi pprovduti mill-EDIS fil-prinċipju jmur lura għand l-SGD rilevanti bis-saħħa tal-Artikolu 10(9) tad-Direttiva 2014/49/UE, li jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-SGD jkollhom fis-seħħ finanzjament alternattiv adegwat sabiex ikunu jistgħu jiksbu finanjament għal żmien qasir biex jissodisfaw il-krediti kontra dawk l-SGD. Għaldaqstant, l-effiċjenza tas-sistema sħiħa, fl-aħħar mill-aħħar tistrieħ fuq il-kredibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ sostenn nazzjonali.

Il-BĊE huwa tal-fehma li mekkaniżmu ta’ sostenn komuni pubbliku fiskalment newtrali għall-EDIS l-iktar tard fl-istadju ta’ assigurazzjoni sħiħa huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell għoli uniformi ta’ kunfidenza fil-protezzjoni ta’ depożiti taħt kull ċirkustanza u sabiex tiddgħajjef effettivament ir-rabta tal-bank/sovran fil-livell nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar, id-dipendenza fuq mekkaniżmi ta’ sostenn jegħleb l-iskop tar-regolament propost li jirrinforza l-Unjoni Bankarja billi jitnaqqsu r-rabtiet tal-bank/sovran fl-Istati Membri individwali (20). It-twaqqif tal-EDIS isaħħaħ b’mod sinjifikanti l-Unjoni Bankarja billi jiġi offrut livell konsiderevolment iktar għoli ta’ protezzjoni kontra xokkijiet lokali kbar minħabba li l-SGD jkollhom aċċess għar-riżorsi miġburin tal-EDIS. Madankollu, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ sostenn komuni, l-EDIS ma jkunx jista’ jelimina fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-kunfidenza tad-depożitanti bħala riżultat ta’ dubji dwar il-kredibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ sostenn purament nazzjonali. Għalhekk, mekkaniżmu ta’ sostenn pubbliku komuni fiskalment newtrali huwa element importanti biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-EDIS u għandha tiġi mqassma skont il-mutwalizzazzoni progressiva tal-protezzjoni tad-depożiti. Mekkaniżmu ta’ sostenn komuni solidu mhux biss jagħti riassigurazzjonijiet lil depożitanti fl-Istati Membri b’pożizzjoni fiskali inqas favorevoli, imma jwassal għal EDIS globalment iktar b’saħħtu. Kull mekkaniżmu ta’ sostenn bħal dan għad-DIF għandu jirrispetta l-prinċipju tan-newtralità fiskali, sabiex jiġi żgurat li kull fond pubbliku jiġi rkuprat mis-settur finanzjarju permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex post. L-użu tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jidher li jista’ jkun opzjoni possibbli għat-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ sostenn pubbliku komuni fiskalment newtali.

2.12.   Aċċess awtomatiku għall-Istati Membri li jingħaqdu fl-MSU

Il-premessa 14 tar-regolament propost jidher li jipprevedi aċċess awtomatiku għall-EDIS mill-SGD kollha rrikonoxxuti uffiċjalment fi Stat Membru li jingħaqad fl-MSU. Filwaqt li għandu jkun hemm definittivament obbligu sabiex il-pilastri kollha tal-Unjoni Bankarja jingħaqdu simultanjament, miżuri tranżitorji għandhom ikunu fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-introduzzjoni gradwali bla xkiel ta’ kwalunkwe SGD li jingħaqdu f’data iktar tard. Dan jiżgura li kull sħubija tali ma ttaqqalx indebitament l-arranġamenti fiskali tal-EDIS. Pereżempju, jekk Stat Membru jingħaqad matul l-istadju aħħari tal-koassigurazzjoni jew matul l-istadju ta’ assigurazzjoni sħiħa, jista’ jkun iġġustifikat li jiġi pprovdut trasferiment ta’ fondi akkumulati mill-SGD mill-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament propost (jew parti predefinita ta’ dawk il-fondi) skont il-linja ta’ finanzjament prevista fl-Artikolu 41j mill-SGD lill-EDIS.

2.13.   Skambju ta’ informazzjoni

Ir-regolament propost jirrikonoxxi l-importanza tal-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti sabiex jiġi żgurat l-funzjonament bla xkiel tal-EDIS, jiġifieri, il-Bord, l-awtoritjajiet maħtura, l-awtoritjaiet kompetenti, inklużi l-BĊE, u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni billi titħeġġeġ il-konklużjoni, meta jkun meħtieġ ta’ memoranda ta’ ftehim (21). Fid-dawl tal-importanza ta’ din il-kwistjoni, u sabiex jiġu evitati ostakli potenzjali għal dan l-iskambju ta’ informazzjoni, jidher li huwa neċessarju li jiġi emendat l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex jiġu espressament inklużi l-SGD u l-awtoritajiet maħtura fost il-korpi u l-awtoritajiet li huma intitolati li jiskambjaw l-informazzjoni u jikkonkludu memoranda ta’ ftehim skont dak l-Artikolu. Dan jista’ jintlaħaq billi tiddaħħal dispożizzjoni ġdida fir-regolament propost.

2.14.   Osservazzjonijiet tekniċi u proposti ta’ abbozzar

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Dan jinkludi wkoll il-kliem propost mill-BĊE għal emenda tad-Direttiva 2014/49/UE. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ April 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2015) 586 finali.

(2)  Ir-rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta’ Ġunju 2015“Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Europa” li jinsab fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni f’www.ec.europa.eu

(3)  Ara r-Rapport dwar Integrazzjoni Finanzjarja fl-Ewropa 2016 tal-BĊE, “Rapport tal-Ħames Presidenti” tat-22 ta’ Ġunju 2015 dwar “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Europa”, li jinsab fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni f’www.ec.europa.eu; il-lekċer Marjolin mogħti minn Mario Dragi, President tal-BĊE, fil-konferenza European Money and Finance Forum (SUERF) organizzata mid-Deutsche Bundesbank, Frankfurt, l-4 ta’ Frar 2016 u d-diskors ta’ Mario Dragi, President tal-BĊE, fil-Forum dwar is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, tal-4 ta’ Novembru 2015, Frankfurt, it-tnejn jinsabu fis-sit elettroniku tal-BĊE f’www.ec.europa.eu

(4)  COM(2015) 587 finali.

(5)  Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(6)  Stati Membri taż-żona tal-euro fejn it-traspożizzjoni kienet għadha pendenti kienu mistennija li jlestu dan il-kompitu sal-aħħar tal-ewwel trimestru tal-2016.

(7)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(8)  Ara l-premessa 15 tar-regolament propost.

(9)  Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2014/49/UE.

(10)  Ara l-Artikolu 1(3) tar-regolament propost li jemenda l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1), ara wkoll l-Artikolu 1(2)(a), (b) u (c) l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE.

(11)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(12)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(13)  Dawn huma: (a) il-livell tal-kapaċità ta’ assorbiment ta’ telf tal-istituzzjoni; (b) l-abbiltà tal-istituzzjoni li tissodisfa l-obbligi tagħha għal żmien qasir u fit-tul; (c) l-istabbiltà u l-varjetà tas-sorsi ta’ finanzjament tal-istituzzjoni u l-assi likwidi ħafna tagħha mingħajr piżijiet; (d) il-kwalità tal-assi tal-istituzzjoni; (e) il-mudell tan-negozju u l-ġestjoni tal-istituzzjoni; (f) il-livell ta’ kemm hemm piżijiet fuq l-assi tal-istituzzjoni.

(14)  Bla ħsara għal dispożizzjonijiet tranżitorji, li, madankollu, jiskadu fil-bidu tal-istadju ta’ assigurazzjoni sħiħa.

(15)  Ara l-Artikolu 1(5) tar-regolament propost li jemenda, fost l-oħrajn, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(16)  L-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(17)  Ara b’mod partikolari l-premessa 40 tar-regolament propost.

(18)  L-Artikolu 258 tat-Trattat jistabbilixxi proċedura li l-Kummissjoni għandha ssegwi jekk tikkunsidra li Stat Membru naqas milli jissodisfa obbligu taħt it-Trattati: għandha tagħti opinjoni kkunsidrata dwar il-kwistjoni wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fil-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(19)  L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/49/UE jgħid li l-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ SGD għandhom jilħqu livell fil-mira ta’ mill-inqas 0.8 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-membri tagħha sat-3 ta’ Lulju 2024.

(20)  Ara l-premessa 17 tar-regolament propost.

(21)  Ara l-proposta 39 tar-regolament propost.


Top