EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AB0022

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta’ April 2016 dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistipula miżuri bil-għan li tistabbilixxi b’mod progressiv rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali (CON/2016/22)

OJ C 216, 16.6.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-6 ta’ April 2016

dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistipula miżuri bil-għan li tistabbilixxi b’mod progressiv rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali

(CON/2016/22)

(2016/C 216/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-30 ta’ Ottubru 2015 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistipula miżuri bil-għan li tistabbilixxi b’mod progressiv rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali (l-“IMF” jew il-“Fond”) (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni proposta”) (1).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 138 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistabbilixxi li, sabiex jiġi żgurat il-post tal-euro fi ħdan is-sistema monetarja internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jikkonsulta lill-BĊE, jista’ jadotta miżuri xierqa sabiex jiżgura rappreżentanza unifikata fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-konferenzi. B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1

Id-deċiżjoni proposta tibni fuq ir-Rapport tal-Ħames Presidenti (2), li sejħet għal rappreżentanza esterna dejjem aktar unifikata tal-unjoni ekonomika u monetarja (EMU), hekk kif tevolvi lejn Unjoni ekonomika, finanzjarja u fiskali. Il-BĊE jikkondividi l-objettiv li gradwalment isaħħaħ ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fi ħdan l-IMF bl-għan aħħari li jistabbilixxi kostitwenza waħda jew bosta kostitwenzi taż-żona tal-euro u jiżgura li ż-żona tal-euro tesprimi pożizzjoni komuni.

1.2

Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika taż-żona tal-euro, li hija essenzjali għall-għan ta’ rappreżentanza esterna unifikata, kif ipprovdut fl-Artikoli 4 u 9 tad-deċiżjoni proposta. Għalkemm il-koordinazzjoni tjiebet fis-snin reċenti, din għadha teħtieġ tisħiħ u titjib ulterjuri sabiex tkun proporzjonata mal-governanza ekonomika taż-żona tal-euro, li diġà ssaħħet fi snin reċenti, u bl-integrazzjoni aktar profonda antiċipata kif enfasizzat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti.

1.3

Il-BĊE jixtieq jenfasizza li għall-iskopijiet li tinkiseb rappreżentanza unifikata u effettiva taż-żona tal-euro fl-IMF huwa kruċjali li l-partijiet kollha involuti jaġixxu b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jeħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jassistu lil xulxin, b’rispett reċiproku sħiħ, fit-twettiq ta’ kompiti li joħorġu mit-TUE u t-TFUE (kollettivament imsejħin “Trattati”). Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li jżommu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tippreġudika l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni. L-Artikolu 13(2) TUE jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jipprattikaw kooperazzjoni reċiprika sinċiera.

1.4

Il-BĊE jinnota li d-deċiżjoni proposta timmira li tistabbilixxi rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro taħt il-liġi tal-Unjoni, mingħajr ma tbiddel l-istruttura ta’ sħubija tal-IMF li hija bbażata fuq il-pajjiż taħt l-Artikoli ta’ Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali (3) (iktar ‘il quddiem l-“Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF”). Rappreżentanza unifikata bis-sħiħ taż-żona tal-euro fl-IMF tidher li teħtieġ emenda għall-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF, sabiex tinfetaħ l-isħubija għal organizzazzjonijiet sovranazzjonali bħall-Unjoni/iż-żona tal-euro. Il-BĊE jinnoita li dik ir-riforma mhijiex prevista taħt id-deċiżjoni proposta. Għalhekk, ir-rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro fl-IMF hija ristretta għal dawk l-oqsma ta’ politika li huma ttrasferiti lill-Unjoni.

1.5

Il-BĊE jinnota li l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) fl-Eurosistema u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) jiżvolġu rwol importanti fir-rappreżentanza tal-pajjiżi rispettivi tagħhom fl-IMF, fi ħdan il-qafas tal-istruttura ta’ sħubija tal-IMF li hija bbażata fuq il-pajjiż. Skont l-Aritkolu V(1) tal-Artikoli tal-Ftehim tal-IMF (4), kull pajjiż membru għandu jinnomina l-aġenziji li permezz tagħhom ser jittratta mal-IMF. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, huma l-BĊNi li huma maħtura bħala dawn l-aġenziji (5). Barra minn hekk, il-BĊNi jiżvolġu rwol importanti fir-rappreżentanza tal-Istati Membri tagħhom fil-korpi tal-IMF li jieħdu d-deċiżjonijiet. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (6) il-Gvernatur tal-BĊN iservi bħala l-Gvernatur ta’ pajjiżu fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-IMF, waqt li fi Stati Membri oħrajn huwa jservi bħala l-Gvernatur Supplenti fuq il-Bord tad-Diretturi tal-IMF. Barra minn hekk, f’bosta każijiet il-Gvernatur ta’ BĊN li jkun il-membru supplenti fuq il-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC). Minbarra dan, ħafna BĊNi huma involuti mill-qrib fil-proċedura ta’ għażla għad-Diretturi Eżekuttivi (Supplenti) tal-pajjiżi tagħhom, u f’xi każijiet il-BĊNi jagħmlu l-għażla.

Skont l-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF (7) kull Stat Membru taż-żona tal-euro jinnomina l-bank ċentrali tiegħu bħala depożitarju għall-bilanċi kollha tal-IMF fil-munita tiegħu. Barra minn hekk, il-BĊNi tal-Eurosistema jżommu u jimmaniġġjaw drittijiet speċjali ta’ prelevament (SDRs) allokati lill-pajjiżi rispettivi tagħhom permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fid-dipartiment ta’ SDR tal-IMF (8) u jipparteċipaw f’arranġamenti ta’ negozjar volontarji ta’ SDR. Minbarra dan, il-BĊNi tal-Eurosistema jipparteċipaw fil-pjan ta’ tranżazzjoni finanzjarja tal-IMF, jipprovdu sottoskrizzjonijiet ta’ kwoti obbligatorji għas-sħubija ta’ pajjiżhom fl-IMF u – meta jkun meħtieġ u skont kif xieraq – jipprovdu linji ta’ kreditu volontarji fuq bażi bilaterali lill-IMF u fil-kuntest kemm tal-Ftehimiet Ġenerali tal-IMF li Jissellef kif ukoll tal-Arranġamenti l-Ġodda li Jissellef.

1.6

Minn perspettiva tal-liġi tal-Unjoni, it-Trattati jirrikonoxxu ir-rwol li l-BĊNi u l-BĊE jiżvolġu fil-konfront tal-IMF. Taħt l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) il-BĊE u l-BĊNi jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u jmexxu kull tip ta’ tranżazzjoni bankarja f’relazzjonijiet magħhom, inklużi operazzjonijiet ta’ teħid u għoti ta’ self (9). Il-BĊNi huma awtorizzati li jtwetuq tranżazzjonijiet fit-twettiq tal-obbligi tagħhom lejn organizzazzjonijiet internazzjonali (10). Il-BĊE jista’ jżommu u jimmaniġġja pożizzjonijiet ta’ riżerva tal-IMF u SDRs u jipprovdi għall-ippuljar ta’ dawk l-assi (11). F’dan ir-rigward, il-BĊE ġie ddenominat mill-Bord Eżekuttiv tal-IMF bħala detentur preskritt ta’ SDRs skont l-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF (12).

1.7

Il-BĊE jifhem li d-deċiżjoni proposta mhijiex intiża li tbiddel l-arranġamenti li l-Istati Membri taż-żona tal-euro poġġew fis-seħħ sabiex jiżguraw it-twettiq tad-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom fl-IMF. Fi ħdan dawn il-konfini, il-BĊE jinsab lest li jikkontribwixxi għall-isforzi li saru mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata rappreżentata unifikata taż-żona tal-euro fi ħdan il-korpi kollha tal-IMF, u sabiex jiżvolġi l-irwol tiegħu f’rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro kif deċiż mill-Kunsill. Kwalunkwe miżura bbażata fuq l-Artikolu 138 TFUE għandha tqis kif meħtieġ il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu hija ristrett għal dawk l-oqsma ta’ politika li ġew ittrasferiti lill-Unjoni u fejn il-BĊE u l-BĊNi jeżerċitaw b’mod indipendenti s-setgħat speċifiċi mogħtija lilhom taħt it-TFUE u l-Istatut tas-SEBĊ (13).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1   Indipendenza tal-Eurosistema

2.1.1

Kif innotat iktar ‘il fuq, l-objettiv li tinkiseb rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro fl-IMF ikollha tintlaħaq billi jiġu rrispettati l-kompetenzi tal-Eurosistema, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 127 TFUE, u l-indipendenza tiegħu, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-prinċipju tal-liġi tal-Unjoni ta’ indipendenza huwa intiż li jipproteġi lill-Eurosistema minn kwalunkwe interferenza politika sabiex ikun jista’ jsegwi b’mod effettiv l-objettivi u jeżerċita l-kompiti mogħtija lilu permezz tal-eżerċitar indipendenti tas-setgħat speċifiċi mogħtija lilha mil-liġi tal-Unjoni (14).

2.1.2

L-Artikolu 138(2) TFUE ma jistax jillimita l-indipendenza tal-Eurosistema. Sabiex tkun “xierqa” skont it-tifsira tal-Artikolu 138(2) TFUE, id-deċiżjoni proposta b’hekk għandha tiżgura li l-eżerċitar indipendenti tal-kompiti u s-setgħat tal-Eurosistema tkun protetta matul il-proċess sabiex jinstab il-mudell ottimali għall-organizzazzjoni ta’ rappreżentanza esterna unifikata taż-żona tal-euro fl-IMF. Waqt li l-objettivi, il-kompiti u s-setgħat speċifiċi li huma protetti mill-indipendenza tal-Eurosistema jkomplu jevolvu, l-aktar relevanti huma deskritti hawn isfel.

2.1.3

L-objettiv primarju tal-Eurosistema huwa li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet (l-ewwel sentenzi tal-Artikoli 127(1) TFUE u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-SEBĊ u t-tieni sentenza tal-Artikolu 282(2) TFEU. L-allokazzjoni ta’ din l-objettiv hija marbuta intrinsikament mal-għoti ta’ livell għoli ta’ indipendenza lill-Eurosistema, peress li r-rekwiżit tat-TFUE ta’ indipendenza tal-banek ċentrali jirrifletti l-fehma ġenerali li l-objettiv primarju ta’ stabbiltà tal-prezzijiet jinkiseb bl-aħhjar mod permezz ta’ sistema bankarja ċentrali li tkun totalment indipendenti b’mandat iddefinit b’mod preċiż (15). Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 282(1) TFUE, il-politika monetarja tal-Unjoni titmexxa mill-Eurosistema. Fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(c) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 282(1) TFUE, it-terminu “politika monetarja” m’għandux jinqara f’sens ristrett u tekniku bħala li jirreferi biss għall-kompitu bażiku tal-Eurosistema li għalih jirreferi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE. Dik l-interpretazzjoni ristretta la hija ġġustifikata u lanqas intenzjonata. Il-BĊE jifhem it-terminu “politika monetarja” bħala li jirrifletti t-titolu tal-Kapitolu 2 tat-Titolu VIII tal-Parti Tlieta tat-TFUE, u għalhekk jifhem li dan iħaddan il-poteri speċifiċi kollha relatati mal-euro kif deskritt fid-dispożizzjonijiet relevanti tat-TFUE, b’mod partikolari l-Artikoli 127 u 128 TFUE (16).

2.1.4

L-Eurosistema ġiet attribwita wkoll objettivi sekondarji: mingħajr preġudizzju għall-objettiv ta’ stabilità tal-prezzijiet, l-Eurosistema tappoġġa l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 3 TUE (ara wkoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 127(1) TFUE, it-tielet sentenza tal-Artikolu 282(2) TFUE u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-SEBĊ). L-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 TUE huma speċifikati ulterjorment fl-Artikolu 119 sa 127 TFUE.

2.1.5

Finalment, minbarra l-objettivi stipulati fit-TFUE, l-Eurosistema tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-linji politiċi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-sorveljanza prudenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) TFUE. Dan isegwi l-objettiv li jiġu żgurati s-sikurezza u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-kompiti speċifiċi relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li ngħataw lill-BĊE mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 127(6) TFUE. Sa minn Novembru 2014, il-BĊE jwettaq dawn il-kompiti fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), li huwa kompost mill-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. F’dan ir-rigward il-BĊE huwa marbut ukoll b’obbligi ta’ segretezza professjonali (17) u huwa meħtieġ li jaġixxi b’mod indipendenti skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

2.2   L-istatus tal-BĊE bħala osservatur fi ħdan l-IMF

2.2.1

Il-BĊE huwa l-unika istituzzjoni tal-Unjoni elenkata fl-Artikolu 13(1) TUE li ngħatat personalità ġuridika internazzjonali (18). Skont l-Artikoli 6.1 u 6.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, fil-qasam ta’ kooperazzjoni internazzjonali, fir-rigward tal-kompiti fdati lis-SEBĊ, il-BĊE jiddeċiedi kif is-SEBĊ ser tiġi rrappreżentata u jekk il-BĊE u, soġġett għall-approvazzjoni tiegħu, il-BĊNi jistgħu jipparteċipaw f’istituzzjonijiet monetarji internazzjonali. L-Artikolu 6.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jiprpovdi li dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri xierqa adottati mill-Kunsill taħt l-Artikolu 138(2) TFUE sabiex tiġi żgurata rappreżentanza unifikata fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-konferenzi internazzjonali.

Il-BĊE għandu jkomplu jingħata rwol prominenti fir-rappreżentanza taż-żona tal-euro fl-IMF, jiġifieri rwol li jqis bis-sħiħ il-fatt li l-Eurosistema teżerċita b’mod indipendenti l-poteri speċifiċi mogħtija lilu mit-TFUE u l-Istatut tas-SEBĊ, kif jagħmel il-BĊE għal dawk il-poteri mogħtija lilu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Għalhekk, dan l-irwol għandu ta’ mill-inqas jinkludi d-drittijiet li l-BĊE, bħala r-rappreżentant tal-Eurisistema, għandu preżentament bħala osservatur fl-IMF, jiġifieri d-dritt li jindirizza u jissottometti dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-korpi tal-IMF. Jista’ jkun meħtieġ li dan l-irwol jiġi estiż aktar, jekk l-o0rganizzazzjoni ta’ rappreżentanza esterna unifikata twassal għal żieda fid-drittijiet taż-żona tal-euro fl-IMF. Kontra dan l-isfond, il-BĊE jikkunsidra li l-objettiv li tinkiseb rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro fl-IMF jista’ jinkiseb biss billi jiġi rrispettat bis-sħiħ l-impatt tal-eżerċitar indipendenti tal-poteri speċifiċi tal-BĊE fil-qasam ta’ rappreżentazzjoni esterna. Il-fehmiet u l-pożizzjonijiet riżultanti taż-żona tal-euro għandhom jiġu kkoordinati b’attenzjoni u jiġu espressi b’leħen wieħed. Dan, madankollu, jimplika li l-organizzazzjoni ta’ rappreżentanza unifikata għandha tqis għal kollox l-allokazzjoni interna ta’ kompetenzi u l-mandati rispettivi ta’ diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll il-garanziji ta’ indipendenza bbażati fuq it-Trattati li jimmiraw li jipproteġu lill-Eurosistema minn kwalunkwe pressjoni politika sabiex tkun tista’ ssegwi b’mod effettiv l-objettivi attribwiti lill-kompiti tagħha.

2.2.2

Barra minn hekk, kif ġie nnutat qabel, ir-rappreżentanza unifikata jkollha tiġi organizzata b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni reċiproka sinċiera bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (Artikolu 13(2) TUE). Għalhekk, il-BĊE jantiċipa li l-Kummissjoni u l-Kunsill ser jikkontribwixxu biex jinkiseb l-objettiv ta’ rappreżentanza unifikata taż-żona tal-euro b’mod konformi mal-mandat u s-setgħat tal-Eurosistema. Wieħed jassumoi li dik ir-rappreżentanza unifikata ser tonora l-prattika li ilha għal żmien twil li l-banek ċentrali jkunu assoċjati mill-qrib mat-tħejjija ta’ pożizzjonijiet komuni taż-żona tal-euro għal proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-IMF u fil-parteċipazzjoni ta’ BĊNi tal-Eurosistema f’dawn il-proċessi fid-dawl tal-ħila esperta tagħhom fl-oqsma li fihom l-IMF huwa attiv.

2.2.3

Il-BĊE preżentement huwa rrappreżentat f’żewġ korpi tal-IMF fuq bażi permanenti. Il-President tal-BĊE huwa osservatur fi ħdan l-IMFC. Barra minn hekk, il-BĊE għandu status ta’ osservatur fi ħdan il-Bord Eżekuttiv tal-IMF meta jiġu diskussi kwisjtonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-mandat tiegħu (19). B’mod partikolari, il-BĊE huwa mistieden li jibgħat rappreżentant għal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv tal-IMF meta jiġu diskussi l-kwisjtonijiet li ġejjin: (a) politiki taż-żona tal-euro fil-kuntest konsulazzjonijiet taħt l-Artikolu IV ma’ pajjiżi membri; (b) Sorveljanza ta’ fondi taħt l-Artikolu IV tal-politiki ta’ membri individwali taż-żona tal-euro; (c) l-irwol taż-żona tal-euro fis-sistema monetarja internazzjonali; (d) il-prospetti ekonomiċi dinjin; (e) rapporti dwar l-istabbiltà finanzjarja globali; (f) żviluppi ekonomiċi u fis-suq globali. Barra minn hekk, il-BĊE huwa mistieden li jibgħat rappreżentant għal laqgħat tal-Bord Eżekuttiv tal-IMF dwar partiti fl-aġenda riknoxxuti mill-BĊE u l-Fond bħala li huma ta’ interess reċiproku għat-twettiq tal-mandati rispettivi tagħhom. L-istatus ta’ osservatur tal-BĊE jimplika li, bil-permess tal-President, ir-rappreżentant tal-BĊE jista’ jindirizza, bil-fomm jew bil-miktub, lill-Bord Eżekuttiv tal-IMF fir-rigward ta’ kwistjonijiet li għalihom ikun ġie mistieden il-BĊE, waqt li d-dritt li jindirizza u jieħu deċiżjonijiet dwar il-medda sħiħa ta’ partiti fil-fora tal-IMF huwa rriżervat għall-Istati Membri.

2.3   Osservazzjonijiet tekniċi u proposti ta’ abbozzar

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament proposti jiġi emendat, qed jiġu stipulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv. Dan id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ April 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2015) 603 final.

(2)  Ara r-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar it-Tlestija tal-Unjoni Eknomika u Monetarja (Completing Europe’s Economic and Monetary Union), 22 ta’ Ġunju 2015, disponibbli fuq www.ec.europa.eu.

(3)  Artikoli II u III tal-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF.

(4)  Ara t-Taqsima 1 tal-Artikolu V tal-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF, li tipprovdi li kull pajjiż membru għandu jittratta mal-Fond biss permezz tat-Teżor, bank ċentrali, fond ta’ stabilizzazzjoni jew aġenzija simili oħra, u li l-Fond għandu jittratta biss ma’ dawk l-istess aġenziji jew permezz tagħhom.

(5)  Ara pereżempju, l-Awstrija: Taqsimiet 1 u 2 tal-Liġi Federali tat-23 ta’ Ġunju 1971 dwar iż-żieda fil-kwota tal-Awstrija fl-IMF u t-trasferiment tal-kwota sħiħa mill-Oesterreichische Nationalbank, BGBL Nru 309/1971; il-Ġermanja: Artikolu 3(2) tal-Liġi dwar l-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF tad-9 ta’ Jannar 1978 (BGBl. 1978 II p. 13) kif emendata bl-Artikolu 298 tar-Regolament tal-31 ta’ Awwissu 2015 (BGBl. I p. 1474); il-Finlandja: Taqsima 2 tal-Att 68/1977 dwar l-approvazzjoni ta’ ċerti emendi għat-Trattat dwar il-Fond Monetarju Internazzjonali; is-Slovenja: Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-sħubija tar-Repubblika tas-Slovenja fil-Fond Monetarju Internazzjonali; il-Portugall: Artikolu 1(1) tad-Digriet-Liġi Nru 245/89, tal-5 ta’ Awwissu 1989.

(6)  Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-Belġju, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Portugall.

(7)  Ara t-Taqsima 2(A) tal-Artikolu XIII tal-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF.

(8)  Ara l-Artikolu XVII tal-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF.

(9)  Ara l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 23 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(10)  Ara l-Artikolu 31.1 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(11)  Ara l-Artikolu 30.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(12)  Ara t-Taqsima 3 tal-Artikolu XVII tal-Artikoli ta’ Ftehim tal-IMF.

(13)  Għall-BĊE għandu jqis ukoll il-kompiti mogħtija lill-BĊE mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(14)  Ara l-paragrafu 134 tas-sentenza f’Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Bank Ċentrali Ewropew, C-11/00, ECLI:EU:C:2003:395.

(15)  Ara l-ewwel paragrafu tat-taqsima “Indipendenza Funzjonali” tal-Kapitolu 2.2.3 tar-Rapport ta’ Konverġenza tal-BĊE għall-2014.

(16)  Ara l-paragrafu 9 tal-Opinjoni CON/2003/20 dwar it-terminu “politika monetarja” fl-Artikolu 3(1)(c) TFUE. Peress li l-Istatut tas-SEBĊ huwa parti integrali mit-Trattati (Artikolu 51 TUE), it-terminu “politika monetarja” jirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet dwar il-politika monetarja stipulati fl-Istatut tas-SEBĊ.

(17)  Ara l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(18)  Ara l-Artikolu 282(3) tat-TFUE, l-Artikolu 9.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-personalità ġuridika internazzjonali tal-BĊE hija limitata għall-funzjonijiet tiegħu u d-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattati. B’hekk, skont l-Artikoli 6.1 u 6.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, fil-qasam ta’ kooperazzjoni internazzjonali, li tkun tinvolvi l-kompiti fdati lis-SEBĊ, il-BĊE għandu jiddeċiedi kif is-SEBĊ ser tiġi rrappreżentata u jekk il-BĊE u, soġġett għall-approvazzjoni tiegħu, il-BĊNi, jistgħu jipparteċipaw f’istituzzjonijiet monetarji internazzjonali. L-Artikolu 6.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jiprpovdi li dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri xierqa adottati mill-Kunsill taħt l-Artikolu 138(2) TFUE sabiex tiġi żgurata rappreżentanza unifikata fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-konferenzi internazzjonali.

(19)  Deċiżjoni Nru 12925-(03/1), Diċembru 27, 2002, kif emendata bid-Deċiżjoni Nri 13414-(05/01), Diċembru 23, 2004, 13612-(05/108), Diċembru 22, 2005, u 14517-(10/1), Jannar 5, 2010.


Top