EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AB0010

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Marzu 2016 dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' eżenzjonijiet għal kummerċjanti ta’ prodotti bażiċi (CON/2016/10)

OJ C 130, 13.4.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 130/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta' Marzu 2016

dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' eżenzjonijiet għal kummerċjanti ta’ prodotti bażiċi

(CON/2016/10)

(2016/C 130/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-12 ta' Jannar 2016 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjkoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' eżenzjonijiet għal kummerċjanti ta' prodotti bażiċi (1) (iktar 'il quddiem ir-“regolament propost”). Fit-8 ta' Frar 2016, il-BĊE ġie kkonsultat dwar l-istess proposta mill-Parlament Ewropew.

Il-Kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament propost jinkludi dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' kompetenza tal-BĊE, b'mod partikolari b'rabta mal-kompitu tas-SEBĊ skont l-Artikolu 127(5) li jikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti li huma relatati mal-istabbiltà tas- sistema finanzjarja.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1

L-objettiv tar-regolament propost huwa li jiżgura li l-kummerċjanti ta' prodotti bażiċi (“ditti tal-investimenti li n-negozju ewlieni tagħhom jikkonsisti b’mod esklussiv fil-forniment ta’ servizzi tal-investimenti jew f’attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punti 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2004/39/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill] (2) u li għalihom, fil-31 ta’ Diċembru 2006, ma kinitx tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (3)”) ma jsirux so[[etti g]ar-rekwi\iti kollha li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali” jew “RRK”) (4) fir-rigward ta' skoperturi kbar u fondi proprji fl-1 ta' Jannar 2018 mingħajr deċiżjoni konxja u infurmata li dak it-trattament huwa xieraq għalihom.

1.2

Waqt li r-rekwiżiti dwar l-iskoperturi l-kbar u l-fondi proprji tal-RRK a jidhrux li huma mfassla apposta għall-kummerċjanti ta' prodotti bażiċi, deċiżjoni biex tiġi estiża l-eżenzjoni minn dawn ir-rekwiżiti prudenzjali għandha tqis kwalunkwe riskju sistemiku potenzjali li jistgħu jippreżentaw il-kummerċjanti ta' prodotti bażiċi. Dawk ir-riskji jistgħu jirriżultaw minn numru ta' sorsi, b'mod partikolari:

l-ammont totali ta' ingranaġġ;

l-istabbiltà ta' strutturi kapitali;

rabtiet mas-sistema bankarja permezz ta' dejn u rati ta' inadempjenza relatati;

involviment f'attivitajiet kreditizji mhux bankarji (eż. it-titolizzazzjoni ta' riċevibbli jew inventarji);

il-possibbiltà ta' effetti kollaterali fuq ditti oħrajn li jkunu għaddejjin minn probelmi finanzjarji li jistgħu jkunu kkawżati minn inadempjenzi f'pożizzjonijiet ta' derivattivi, b'mod partikolari pożizzjonijiet derivattivi spekulattivi barra l-Borża li ma jkunux ikklerjati ċentralment, iżda wkoll minn movimenti negattivi fil-pożizzjonijiet sottostanti, li jikkawżaw telf fil-valwazzjoni skont is-suq fuq pożizzjonijiet futuri li jeċċedu l-qligħ fil-valwazzjoni skont is-suq fuq l-inventarju miżmum bħala kollateral, bil-konsegwenza li l-kontroparti jkollha titħallas il-marġni tal-varjazzjoni.

1.3

Il-BĊE s'issa ma identifika ebda indikazzjoni konkreta ta' riskju sistemiku maħluq minn kummerċjanti ta' prodotti bażiċi li jagħmilha strettament neċessarja f'dan l-istadju li titneħħa l-eżenzjoni għal rekwiżiti li jikkonċernaw skoperturi kbar u fondi proprji li japplikaw fil-preżent. Kummerċjanti ta' komoditajiet attivi fl-Ewropa huma ġeneralment inqas ingranati u għandhom strutturi kapitali aktar reżiljenti minn banek. Huma, tipikament, għandhom proporzjonijiet ta' assi għall-ekwità relattivament baxxi u ma jidhrux li jinvolvu ruħhom fi trasformazzjonijiet ta' maturità u likwidità bħall-banek. Barra minn hekk, rabtiet mas-sistema bankarja permezz ta' dejn u rati ta' inadempjenza relatati jidhru li huma pjuttost limitati; L-iskopertura diretta tal-banek għall-kummerċjanti ta' komoditajiet tidher li hija relattivament minuri, u ttaffi r-riskji potenzjali ta' kontaġju. Finalment, minkejja t-tkabbir konsiderevoli tas-swieq tad-derivattivi ta' prodotti bażiċi matul dawn l-aħħar 15-il sena, m'hemm l-ebda evidenza konklużiva li l-kummerċ f'derivattivi ta' prodotti bażiċi għandu effetti negattivi fuq is-sistema finanzjarja aktar wiesgħa. Madankollu, analiżi dettaljata tal-impatt tidher li hija pass neċessarju sabiex tittieħed l-aktar deċiżjoni xierqa fir-rigward tat-tneħħija jew l-estensjoni temporanja tal-eżenzjoni. B'mod partikolari, għandha tingħata kunsiderazzjoni lil kwistjonijiet ta' kundizzjonijiet ġusti relatati ma' istituzzjonijiet ta' kreditu li jinnegozjaw prodotti bażiċi.

1.4

L-eżenzjoni għandha tabilħaqq tkun biss ta' natura temporanja. Il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija li tippreżenta proposta għal reviżjoni komprensiva tar-regolazzjoni prudenzjali ta' ditti ta' investiment. Ir-raġunament u l-objettiv ta' estensjoni temporanja tal-eżenzjoni għandhom ikunu llimitati għall-evitar ta' bidliet regolatorji sinifikanti qabel dik ir-reviżjoni komprensiva, li għandha ssir kemm jista' jkun malajr.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta' Marzu 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2015) 648 finali.

(2)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 06 Volum 007 P. 263 - 306).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal-10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 06 Volum 002 P. 43 - 62)

(4)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


Top