EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0019

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ April 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati (CON/2018/19)

OJ C 255, 20.7.2018, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta’ April 2018

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati

(CON/2018/19)

(2018/C 255/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-23 ta’ Novembru 2017 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq); Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; Regolament (UE) 2015/760 dwar il-fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil; Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (1) (aktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi d-direttiva proposta fiha disposizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat, u l-kompiti speċifiċi assenjati lill-BĊE b’konformità mal-Artikolu 127(6) tat-Trattat. B’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Ir-regolament propost huwa parti minn pakkett komprensiv ta’ proposti biex tissaħħaħ is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) introdotta f’Settembru 2017, li tikkonsisti mit-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) u l-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku (2). Billi l-pakkett jirrigwarda kompiti differenti mwettqa mis-SEBĊ u mill-BĊE, il-BĊE iddeċieda illi jadotta opinjonijiet separati dwar il-pakkett. Għalhekk, din l-opinjoni għandha tinqara flimkien ma’ Opinjoni CON/2018/12 tat-2 ta’ Marzu 2018 dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3).

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jilqa’ l-għan tar-regolament propost li jrawwem superviżjoni prudenzjali u regolamentazzjoni effettiva u konsistenti fl-UE. Il-BĊE jappoġġja aktar integrazzjoni tal-qafas superviżorju fil-livell tal-Unjoni għas-settur bankarju u t-tisħiħ tad-dimensjoni tas-superviżjoni tal-Unjoni billi jagħmel rieżami tal-istruttura attwali tal-ASE (4). Barra minn dan, minkejja l-emendi għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (5) fl-2013, l-ASE ma reġgħux ġew eżaminati minn mindu twaqqfu fl-2010.

1.2.

Fir-rigward tal-allinjament tal-qafas ta’ governanza tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) mal-objettivi u l-iżvilippi deskritti, il-BĊE jixtieq jenfasizza illi l-proġetti tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq tal-Kapital (CMU) jinsabu f’fażijiet ta’ progress differenti. Għaldaqstant ir-rieżami tal-ASE m’għandux neċessarjament jipproduċi tliet eżiti identiċi għat-tliet aġenziji. iżda għandu aktar jindirizza l-mandati u l-funzjonijiet rispettivi tagħhom.

1.3.

Speċifikament fir-rigward tal-funzjonijiet superviżorji ġodda fir-regolament propost, il-BĊE huwa tal-fehma illi ċerti emendi proposti għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 ma jiddistingwux b’mod adegwat l-iskop tal-kompiti superviżorji makroprudenzjali tal-BĊE u l-kompetenza tal-ABE biex tistipula standards regolatorji li jippromwovu konverġenza superviżorja. Il-BĊE iqis illi huwa kruċjali illi s-sinerġiji li jirriżultaw mill-mandati tal-BĊE u tal-ABE jiġu massimizzati. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, għandhom jiġu evitati d-duplikazzjoni jew l-allokazzjoni mhux xierqa tal-kompiti, li jistgħu jtappnu r-responsabbiltajiet tal-awtorità rispettiva u li b’hekk jagħmlu lis-sistema kollha anqas effettiva.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Il-qafas ta’ governanza tal-ABE revedut

2.1.1.

Ir-regolament propost ifittex li jistabbilixxi Bord Eżekuttiv bħala korp ġdid fi ħdan l-istruttura ta’ governanza tal-ABE (6). Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru fuq il-bażi ta’ mertu, ħiliet, għarfien ta’ materji finanzjarji, tal-ikklerjar u tal-post-trading, kif ukoll esperjenza relevanti għas-superviżjoni finanzjarja, permezz ta’ proċedura ta’ għażla miftuħa bl-involviment tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Filwaqt illi l-funzjoni ewlenija tal-Bord Eżekuttiv kif proposta mill-Kummissjoni Ewropea, hija li jagħmel proposti dwar il-kwistjonijiet kollha li jriduy jiġu deċiżi mill-Bord ta’ Superviżuri, huwa propost ukoll li l-Bord Eżekuttiv jingħata setgħat esklussivi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’numru ta’ oqsma sabiex jiġi żgurat li jittieħdu deċiżjonijiet effettivi, imparzjali u orjentati lejn l-Unjoni. Pereżempju, il-Bord Eżekuttiv jkun waħdu responsabbli biex isolvi tilwim bejn awtoritajiet kompetenti (AKi) u jistabbilixxi objettivi superviżorji strateġiċi għal dawk l-AKi. Huwa propost ukoll illi l-Bord Eżekuttiv jieħu deċiżjonijiet dwar il-bidu, il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ testijiet tal-istress mal-Unjoni kollha.

2.1.2.

Il-BĊE jappoġġja r-riżami tal-istruttura ta’ governanza tal-ASE, inkluż reviżjoni tad-dritt tal-vot tagħhom u tal-istruttura tas-sħubija tal-Bordijiet rispettivi tagħhom. Madankollu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jibqa’ l-korp għat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ kompiti immirati lejn it-trawwim ta’ konverġenza superviżorja fl-Unjoni, aktar milli jingħataw setgħat superviżorji wiesgħa lil korp li jkun għadu kemm twaqqaf (8). Fl-istess waqt, sabiex jissaħħu l-effettività u l-effiċjenza tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri, il-BĊE jappoġġja t-twaqqif ta’ Bord Eżekuttiv iffukat fuq kompiti amministrattivi u magħmul minn membri permanenti u mhux tal-AK, li jiżgura perspettiva tal-Unjoni aktar b’saħħitha. Għaldaqstant, filwaqt illi l-BĊE jilqa’ l-proposta li l-Bord Eżekuttiv jiġi assenjat it-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tal-ABE, huwa ma jappoġġjjax l-għoti ta’ dritt ġenerali ta’ inizjattiva għal atti regolatorji lill-Bord Eżekuttiv (9). Dan id-dritt ta’ inizjattiva m’għandux jiġi estiż għall-kompetenzi regolatorji tal-Bord tas-Superviżuri fir-rigward tal-adozzjoni ta’ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet, u deċiżjonijiet.

2.1.3.

Barra minn dan, il-BĊE japprova l-proposta biex tissaħħaħ l-indipendenza statutorja tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll il-proposta illi tagħmel il-proċedura tal-ħatra ta’ membri tal-Bord Eżekuttiv aktar trasparenti minn dik użata biex jinħatar il-Bord ta’ Ġestjoni eżistenti.

2.1.4.

Il-BĊE jappoġġja l-objettiv tar-regolament propost li t-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) jiġi rikonoxxut u rifless fl-SESF. Madankollu, ir-regolament propost ma jagħtix kunsiderazzjoni xierqa lid-dimensjoni tal-Unjoni eżistenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Aktar speċifikament, ma huwiex previst illi l-BĊE ikun membru tal-Bord Eżekuttiv propost, minkejja l-kompiti tiegħu relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fiż-żona tal-euro. Konsegwentement, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jikkunsidraw l-għoti ta’ status ta’ osservatur lill-BĊE fuq il-Bord Eżekuttiv propost. Minħabba l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-ABE u l-BĊE fir-rigward tal-ħidma konġunta tagħhom, il-preżenza tal-BĊE bħala osservatur fuq il-Bord Eżekuttiv propost għandha tkun ta’ vantaġġ (10).

2.2.   Pjanijiet superviżorji strateġiċi

2.2.1.

Il-BĊE jappoġġja b’mod ġenerali l-objettiv tar-regolament propost li tapprofondixxi l-integrazzjoni finanzjarja u ssaħħaħ l-istabbiltà tas-suq intern permezz ta’ aktar konverġenza superviżorja fil-livell tal-Unjoni (11). Iżda, l-għoti ta’ setgħat ta’ ippjanar strateġiku lill-ABE mhuwiex xieraq f’dan il-kuntest. L-identifikazzjoni ta’ xejriet mikro-prudenzjali, riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet għal istituzzjonijiet finanzjarji u d-definizzjoni ta’ prijoritajiet superviżorji strateġiċi rispettivi huma kompiti superviżorji ewlenin li għandhom jitwettqu mill-awtorità superviżorja mikro-prudenzjali kompetenti, u mhux mill-ABE fil-funzjoni tagħha bħala regolatur li jistabbilixxi standards (12).

2.2.2.

B’mod aktar speċifiku, is-separazzjoni tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-prijoritajiet superviżorji għandha twassal għal ineffiċjenzi li jikkomplikaw mingħajr bżonn il-proċess ta’ ppjanar superviżorju kif ukoll, b’mod aktar ġenerali, ineffiċjenzi fis-superviżjoni. Li jiġu żgurati proċessi superviżorji sodi, effettivi u affidabbli, u ż-żamma tal-flessibilità fir-risposta għal żviluppi negattivi f’livell kemm mikro kif ukoll makroprudenzjali, huwa essenjali għall-awtorità superviżorja responsabbli. Għalhekk, l-istess awtorità għandha tkun responsabbli għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tas-superviżjoni sabiex jiġu żgurati risposti superviżorji rapidi għar-riskji u r-riżorsi jiġu allokati b’mod effiċjenti.

2.2.3.

Li jiġu żgurati l-allinjament tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-kompiti superviżorji huwa wkoll rifless fil-leġiżlazzjoni sekondarja. Partikolarment, bis-saħħa tal-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (13), l-ippjanar u t-twettiq ta’ kompiti allokati lill-BĊE bħala CA għas-superviżjoni prudenzjali fiż-żona tal-euro jsiru kollha mill-Bord Superviżorju tal-BĊE. Konsegwentement, skont ir-regolament propost, hemm ir-riskju illi ll-ABE tistà tiddupplika kompiti illi huma diġa mwettqa mill-BĊE, li jista’ jwassal għal sensji mhux meħtieġa u anqas effiċjenza u effettività fis-superviżjoni ġenerali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fiż-żona tal-euro. Barra minn dan, għandu jkun hemm allinjament sħiħ bejn ill-kompetenzi tal-BĊE u tal-ABE u r-reġimi ta’ responsabbilità rispettivi tagħhom. L-ABE m’għandhiex tiddeċiedi dwar kwalunkwe ippjanar superviżorju strateġiku li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jinżamm responsabbli għalih il-BĊE.

2.2.4.

Minn perspettiva ta’ prattiċità, ir-regolament propost jippreżenta r-riskju li jimpedixxi b’mod sinifikanti l-proċessi ta’ ippjanar operattiv u strateġiċi tal-MSU kif ukoll il-proċess għall-identifikazzjoni tar-riskji meħtieġ tiegħu. B’mod aktar speċifiku, ir-regolament propost jitlob li l-MSU jippreżenta abbozz ta’ programmi ta’ ħidma għas-sena ta’ wara lill-ABE superviżorja bosta xhur bil-quddiem. Ir-rapportar tal-programm ta’ ħidma superviżorja għas-sena segwenti f’fażi daqshekk bikrija lill-ABE iħarbat il-proċessi ta’ ippjanar operattiv u strateġiċi stabbiliti tal-MSU, kif ukoll il-proċess għall-identifikazzjoni tar-riskji preċedenti - kollha proċessi mmexxija b’kooperazzjoni mill-qrib mad-19-il AK - u għandu għaldqastant ixekkel il-għan li jiġu żgurati proċessi superviżorji effettivi u effiċjenti. Barra minn dan, ir-regolament propost għandu jagħti lill-ABE d-dritt li toħroġ rakkomandazzjoni biex titlob aġġustament tal-programm ta’ ħidma tal-AKi (14).

2.2.5.

Prattika bħal din tista’ twassal għal sitwazzjonijiet fejn prijoritajiet superviżorji jistgu jkollhom bżonn jiġu aġġustati f’fażi tard ħafna tal-proċess ta’ ppjanar superviżorju tal-MSU, tqajjem mistoqsijiet serji dwar l-affidabbiltà tal-ippjanar għal timijiet superviżorji konġunti, CAs u funzjonijiet orizzontali, u b’hekk tikkomprometti l-effettività tas-superviżjoni prudenzjali fiż-żona tal-euro. Billi l-AKi huma involuti mill-qrib fil-proċess ta’ ppjanar superviżorju tal-MSU, l-emendi proposti għandhom jeffettwaw b’mod gravi l-arranġamenti eżistenti bejn il-BĊE u l-AKi fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-objettivi superviżorji. Fid-dawl tal-effetti negattivi potenzjali identifikati fuq l-effettività u l-effiċjenza tas-superviżjoni prudenzjali fiż-żona tal-euro, il-BĊE jirrakkomanda bis-sħiħ illi titneħħa d-dispożizzjoini dwar is-setgħat ta’ ippjanar superviżorju strateġiku mir-regolament propost.

2.3.   Ittestjar għal stress

2.3.1.

Ir-regolament propost jittrasferixxi s-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri lill-Bord Eżekuttiv fir-rigward tal-bidu u l-koordinazzjoni ta’ testijiet għal stress fl-Unjoni kollha (15). Billi l-Bord tas-Superviżuri ma jibqax aktar involut f’aspetti ewlenin tat-testijiet għal stress fl-Unjoni kollha, bħal ma huma l-iżvilupp ta’ metodoloġiji, l-għażla tal-kampjun jew il-komunikazzjoni tall-eżiti tagħhom, il-proċeduri attwali li jirregolaw it-testijiet għa stress mal-Unjoni kollha jkunu suġġetti għal bidliet sinifikanti. Il-BĊE iqis illi t-testijiet għal stress huma għodda superviżorja ewlenija, li trid tiġi użata minn dawk l-awtoritajiet li għandhom responsabbiltajiet superviżorji, sabiex jiġiżgurat illi t-testijiet għal stress jilħqu l-għan tagħhom illi jappoġġjaw evalwazzjonijiet tar-riskju individwali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni. Għaldaqstant, il-BĊE jirrimarka speċifikament fuq ir-raġuni għaliex il-bidliet maħsuba jistgħu jimminaw l-effettività tas-supervżjoni, u b’hekk imorru kontra l-għan tal-Kummissjoni illi ssaħħaħ l-istabbiltà tas-suq intern.

2.3.2.

L-ewwel, qed jiġi nnutat illi l-proċess ġdid propost jikkumplikaw mingħajr bżonn il-proċess tal-ittestjar għal stress fil-livell tal-Unjoni, billi l-awtorità superviżorja prudenzjali ikollha tagħmel kull sforz sabiex tikkonforma ma’ deċiżjonijiet tal-Bord Eżekuttiv tal-ABE fuq bosta aspetti tat-testijiet għal stress, partikolarment dwar l-iskop u l-livell ta’ dettall tal-informazjoni li trid tiġi ppubblikata. Billi l-AKi iwettqu partijiet sinifikanti tal-eżerċizzju tat-test għal stress, bħall-assigurazzjoni tas-sottomissjonijiet minn istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni, huwa importanti illi huma jkunu involuti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont ir-responsabbilità esklussiva tagħhom għal dawk l-elementi tal-qafas li fl-aħħar mil-aħħar jiddefinixxu il-programm ta’ ħidma tagħhom u ħtieġa ta’ riżorsi.

2.3.3.

It-tieni, jekk il-Bord Eżekuttiv kellu jiddeċiedi waħdu dwar bosta aspetti tat-testijiet għal stress mal-Unjoni kollha, inkluż l-iżvelar, jista’ jiddeċiedi, possibilment mingħajr ebda intenzjoni, li jiżvela informazzjoni illi l-AKi ikunu jippreferu jżommu kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-Bord tas-Superviżuri għandu jżomm il-kompetenza tiegħu illi jiddeċiedi liema informazzjoni għandha tiġi żvelata fl-eżitu tat-testijiet għal stress fl-Unjoni kollha. Sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi bejn il-ġurisdizzjonijiet u jiġu mnaqqsa l-effetti negattivi possibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja, huwa kruċjali illi l-grad ta’ żvelar jiġi deċiż flimkien mal-AKi, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-għan kontiwu li jikiseb l-ogħla livell possibbli ta’ armonizzazzjoni bejn l-AKi.

2.3.4.

Fl-aħħar, il-BĊE huwa mħasseb illi r-regolament propost, fil-forma attwali tiegħu, ma jiżgurax b’mod adegwat il-kwalità u l-komprensività ta’ testijiet għal stress għal finijiet supervżorji, eż il-firxa ta’ attivitajiet bankarji, riskji assoċjati u l-adegwatezza tal-metodoloġiji tal-ittestjar għal stress. Jekk il-kompetenzi tal-ittestjar għal stress ikunu allokati lill-Bord Eżekuttiv, x’aktarx illi t-testijiet għal stress la jkunu mfasslin biżżejjed għal finijiet superviżorji, u lanqas ma jirriflettu kif xieraq l-ispeċifiċitajiet u r-riskji tas-settur bankarju superviżjonat mill-BĊE u l-AKi rispettivi. F’dan l-isfond, il-BĊE jirrakkomanda it-tneħħija tad-dispożizzjonijiet fir-regolament propost relatati mal-ittestjar għal stress fir-rigward taż-żamma tal-arranġamenti attwali, li servew sew l-għan tagħhom.

2.4.   Reviżjonijiet indipendenti ta’ AKi

2.4.1.

Ir-regolament propost jistipola illi l-ABE tirrevedi l-attivitajiet ta’ AKi bil-għan li tissaħħaħ aktar il-konsistenza tal-eżiti superviżorji. Għal dan il-għan, l-ABE għandha tiżviluppa metodi li jippermettu evalwazzjoni objettiva u paragun bejn l-AKi u tipproduċi rapport li jippreżenta l-eżitu tar-reviżjoni (16).

2.4.2.

Filwaqt illi l-BĊE jappoġġja l-għan iddikjarat li jiġu żgurati deċiżjonijiet effettivi, imparzjali u orjentati lejn l-Unjoni, huwa jqis illi l-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari eżistenti huwa mekkaniżmu siewi u ta’ suċċess fit-tkabbir tal-konverġenza superviżorja fl-Unjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi bejn is-CAs. Għaldaqstant, il-BĊE ma jara l-ebda ħtieġa biex jabbanduna l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. Fl-istess waqt, kif stipulat f’aktar dettal fid-dokument tekniku ta’ ħidma, il-BĊE jappoġġja ċerti elementi tal-proposta biex l-evalwazzjoni bejn il-pari tinbidel f’reviżjoni indipendenti.

2.5.   Koordinazzjoni tad-delega u l-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet kif ukoll it-trasferimenti tar-riskju lil pajjiżi terzi

2.5.1.

Ir-regolament propost jagħti l-kompitu lill-Bord Eżekuttiv biex jiskrutinizza attivitajiet ta’ delega u esternalizzazzjoni, kif ukoll it-trasferiment tar-riskju f’pajjiżi terzi. Ir-regolament propost jitlob li l-AK jinnotifika lill-ABE bi kwalunkwe awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni fejn il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-istituzzjoni finanzjarja jinvolvi attivitajiet ta’ delega u esternalizzazzjoni, kif ukoll it-trasferiment tar-riskju (17). Minn perspettiva superviżorja, il-ħtieġa li l-ABE tiġi nnotifikata b’dawn l-arranġamenti tista’ ma tkoprix adegwatament l-għan tar-regolament propost li jiddetermina l-arbitraġġ regolatorju fl-Istati Membri (18).

2.5.2.

Jista’ minflok ikun hemm sovrapożizzjoni ma’ kompiti superviżorji mikro-prudenzjali mwettqa mill-BĊE fil-kuntest tal-MSU, u jista’ minflok iżid saff mhux iġġustifikat ta’ piż amministrattiv fil-proċess superviżorju. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni hija diġà proċess fuq żewġ saffi li titlob illi l-AKi u l-BĊE jevalwaw l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni. Il-koordinament tal-evalwazzjoni mal-ABE kieku żżid it-tielet saff u b’hekk iżżid aktar il-kumplessità u d-dewmien tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, il-BĊE huwa tal-fehma illi l-kompiti proposti la ġħandhom jiġu allokati fuq xi korp amministrattiv tal-ABE u lanqas fuq il-Bord tas-Superviżuri.

2.6.   Kooperazzjoni internazzjonali

2.6.1.

Ir-regolament propost jissuġġerixi rwol ewlieni għall-ABE fl-evalwazzjoni tal-ekwivalenza regolatorja u superviżorja tas-sistemi legalo ta’ pajjiżi terzi li normalment jitwettqu mill-Kummissjoni (19). B’mod aktar speċifiku, l-ABE hija allokata l-kompitu li timmonitorja l-iżviluppi regolatorji u superviżorji, il-prattiċi ta’ infurzar, u żviluppi tas-suq relevanti f’pajjiżi terzi li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza. Minbarra dan, l-ABE tkun tikkoopera ma’ AKi ta’ ġurisdizzjonijiet billi tidħol fi ftehimiet amministrattivi bilaterali.

2.6.2.

Il-BĊE jilqa’ r-rwol tal-ABE li tassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija (20) u l-monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza (21). Madankollu, il-BĊE jixtieq jgħaddi xi kummenti dwar il-proċedura maħsuba għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet amministrattivi bejn AKi u; l-awtorità superviżorja tal-pajjiż terz rispettiv (22).

2.6.3.

Il-BĊE iqis illi hija meħtieġa kjarifika tal-punt (b) tal-Artikolu 33(2a). Il-BĊE jifhem illi s-setgħat tal-ABE biex tinnegozja u tinkludi dispożizzjonijiet f’arranġamenti ta’ kooperazzjoni, skont dan il-paragrafu, huma intiżi biss biex jippermettu segwitu tad-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza. Jista’ jiġi ċċarat illi l-AK tibqa’ responsabbli biex tikkoordina l-attivitajiet superviżorji u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

2.6.4.

Barra minn dan, il-BĊE jilqa’ l-Artikolu 33(2c) propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jagħti l-kompitu lill-ABE biex tiżviluppa arranġamenti amministrattivi li jservu bħala mudell. Dawn għandhom jiġu żviluppati b’mod konġunt mal-AKi. Madankollu, il-BĊE iqis illi jekk l-ABE tieħu rwol attiv fil-proċess ta’ negozjar, dan jista’ jżid kumplessità mhux meħtieġa fil-proċess ta’ negozjar, u jista’ jittardja wkoll il-konklużjoni ta’ Memoranda ta’ Ftehim (MoUs) għall-kooperazzjoni superviżorja. Barra minn dan, billi kull pajjiż terz jopera taħt il-qafas legali tiegħu, u billi l-awtoritajiet superviżorji jeħtieġu flessbilità massima fl-adozzjoni ta’ MoUs matul in-negozjati, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet prattiċi fir-rigward tal-obbligu biex jintuża mudell standardizzat għall-MoU żviluppat mill-ABE. Għaldaqstant, id-dependenza fuq dawn il-mudelli ta’ arranġamenti amministrattivi għandha ssir fuq il-bażi tal-aħjar sforz.

2.7.   Tibdil fis-setgħat tal-immultar u t-talbiet għal informazzjoni

2.7.1.

Ir-regolament propost jistabbilixxi mekkanizmu għat-tisħiħ tad-dritt tal-ABE li tiġbor informazzjoni bil-ħsieb li tizgura aktar illi l-ABE twettaq il-kompiti u l-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv (23). Għal dan il-għan, ir-regolament propost jaffida lill-ABE bis-setgħa li timponi multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta istituzzjonijiet finanzjarji relevanti, kumpaniji azzjonarji jew fergħat ta’ istituzzjoni finanzjarja relevanti u entitajiet mhux irregolati operattivi fi ħdan grupp finanzjarju jew konglomerat li huma sinifikanti għall-attivitajiet finanzjarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji relevanti jonqsu milli jikkonformaw b’mod akkurat, kompletament jew fi żmien xieraq ma’ talba jew deċiżjoni mill-ABE (24). L-ABE għandha tagħti lil dik l-istituzzjoni finanzjarja id-dritt li tinstema’ qabel ma dawn il-multi jew ħlasijiet ta’ penali jiġu imposti (25) u kull deċiżjoni li timponi dawn il-multi u ħlasijiet ta’ penali hija soġġetta għal riezami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (26).

2.7.2.

Il-BĊE ġeneralment jappoġġja l-objettiv iddikjarat li jiġi żgurat illi l-ABE jkollha d-dritt tiġbor informazzjoni li hija meħtieġa biex tippermettilha twettaq id-dmirijiet u l-kompiti tagħha. Madankollu l-BĊE jqis illi t-tisħiħ propost tad-dritt tal-ABE li tiġbor l-informazzjoni, billi tingħata s-setgħa timponi multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, għandu jkun mingħajr ħsara għall-possibilità illi l-AKi jeżerċitaw setgħat disponibbli lilhom b’reazzjoni għan-nuqqas tal-istituzzjonijiet finanzjarji rispettivi li jikkonformaw ma’ talbiet għal informazzjoni mill-AKi b’mod akkurat, komplet jew f’waqtu.

2.8.   Rapportar superviżorju u r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru 3

2.8.1.

Filwaqt li jħarsu ‘l quddiem, il-ko-leġiżlaturi jistgħu jikkunsidraw il-formalizzazzjoni u l-espansjoni tar-rwol tal-ABE fir-rigward tat-trasparenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jevitaw id-dupplikazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar tagħhom. B’mod partikolari, l-ABE tista’ tiġi nkargata bl-integrazzjoni tar-rapportar superviżorju u tar-rekwiżiti kwantitattivi tad-divulgazzjoni tal-Pilastru 3 għal istituzzjonijiet finanzjarji, kif stipulati fil-liġi tal-Unjoni, ġo qafas għar-rapportar uniku, li fih id-dejta divulgata taħt il-Pilastru 3 tifforma sub-sett tad-dejta suġġetta għar-rapportar superviżorju. L-integrazzjoni ta’ dawn iż-żewġ streams tad-dejta tippermetti li l-ABE tiżviluppa u żżomm hub ta’dejta li tinkludi informazzjoni divulgata skont ir-rekwiżiti kwantitattivi tad-divulgazzjoni tal-Pilastru 3 u estratta mid-dejta superviżorja. Istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jibbenefikaw minn qafas bħal dan, billi huma jkollhom jirrapportaw l-informazzjoni rispettiva darba biss, u s-superviżuri prudenzjali kif ukoll utenti oħra tad-dejta għandhom jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli għal dejta pertinenti.

2.8.2.

Barra minn dan, l-istabbiliment ta’ qafas għal repożitorju ċentrali ta’ dejta fl-ABE jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità ta’ dejta superviżorja, kif instab matul l-eżerċizzju ta’ trasparenza tal-ABE. Jista’ jkattar ukoll b’mod aktar ġenerali l-interazzjoni tas-settur bankarju tal-Unjoni billi jiffaċilita l-aċċess ta’ parteċipanti fis-suq għal informazzjoni divulgata taħt il-Pilastru 3 tal-qafas ta’ Basel (27). Hub tad-dejta bħal din tkun tiżvela d-dejta tal-Pilastru 3 skjont ir-rekwiżiti għal istituzzjonijiet finanzjarji (fuq bażi trimestrali, ta’ darbtejn fis-sena jew annwali) sabiex finalment tpoġġi lill-Unjoni fl-istess livell bħall-Istati Uniti f’termini ta’ disponibilità tad-dejta (28). L-ABE diġa esprimiet li tinsab lesta biex twaqqas l-infrastruttura teknina għal hub tad-dejta bħal din, iżda teħtieġ mandat legali biextippubblika dejta disponibbli bħala parti minn repożitorju ċentrali mingħajr il-kunsens espliċitu tal-istituzzjonijiet finanzjarji (29) li għalihom tappartjeni din id-dejta. Dan il-mandat għandu, madankollu jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-AKi li jitolbu informazzjoni addizzjonali ad hoc mingħand entitajiet taħt superviżjoni. Għaldaqstant, il-BĊE jara mertu fl-esplorazzjoni ulterjuri tal-fattibilità legali u prattika li jiġi stabbilit repożitorju tad-dejta fl-ABE.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta’ April 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  KUMM(2017) 536 finali.

(2)  KUMM(2017) 542 finali.

(3)  Opinjoni CON/2018/12 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Marzu 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU C 120, 6.4.2018, p. 2). L-opinjonijiet tal-BĊE kollha huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(4)  Ara paġna 3 tal-kontribuzzjoni tal-BĊE għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar operazzjonijiet tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, 7 ta’ Ġunju 2017, (aktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni tal-BĊE dwar l-ASE”), disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(5)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Ara l-Artikolu 45 ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(7)  Ara l-Premessa 23 tar-regolament propost.

(8)  Ara l-Premessa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(9)  Ara l-Artikolu 1(27)(a) tar-regolament propost.

(10)  Ara paġni 2 u 3 tal-kontribuzzjoni tal-BĊE dwar l-ASE.

(11)  Ara l-Artikolu 47(3) ġdid propost b’mod konġunt mal-Artikolu 29a ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(12)  Ara wkoll Premessa 17 tar-Regolament propost.

(13)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(14)  Artikolu 29a(3) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(15)  Ara l-Artikolu 47(3) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 b’mod konġunt mal-Artikolu 32 ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(16)  Ara l-Artikolu 1(13) tar-regolament propost.

(17)  Artikoli 31a(2) u 31a(3) proposti ġodda tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(18)  Ara l-Premessa 18 tar-regolament propost.

(19)  Artikolu 1(17) tar-regolament propost.

(20)  Artikolu 33(2) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(21)  Artikolu 33(2a) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(22)  Ara l-Artikolu 33(2ċ) ġdid propost tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(23)  Ara l-Artikoli 35 sa 35h ġodda proposti tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(24)  Ara l-Premessa 20 tar-regolament propost.

(25)  Ara l-Artikolu 35f ġdid tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(26)  Ara l-Artikolu 35h ġdid tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(27)  Ara ‘Pillar 3 disclosure requirements – consolidated and enhanced framework’ tal-Kumitat ta’ Basel għas-Superviżjoni Bankarja, Marzu 2017, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank għal Ħlasijiet Internazzjonali fuq www.bis.org

(28)  Fil-US, il-Kunsill Federali għall-Eżami ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji (FFIEC - Federal Financial Institutions Examination Council) jipprovdi repożitorju ta’ dejta superviżorja għall-pubbliku fuq bażi ta’ bank bank, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-FFIEC fuq cdr.ffiec.gov/public.

(29)  Ara Enria, A., Ensuring transparency in the European financial system, Official Monetary and Financial Institutions Forum (OMFIF) City Lecture, Mejju 2016, p. 9, disponiobblifuq is-sit elettroniku tal-OMFIF fuq www.omfif.org.


Top