EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AB0032

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 17 ta’ Mejju 2013 dwar proposta għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu u dwar proposta għal regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (CON/2013/32)

OJ C 166, 12.6.2013, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Mejju 2013

dwar proposta għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu u dwar proposta għal regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi

(CON/2013/32)

2013/C 166/02

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-27 ta’ Frar 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (iktar ’il quddiem id-“Direttiva proposta”) (1). Fit-28 ta’ Frar 2013, il-BĊE rċieva talba oħra mingħand il-Kunsill, f’din l-okkażjoni għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament propost”) (2) (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa l-“istrumenti proposti tal-Unjoni”). Il-BĊE rċieva wkoll talbiet mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar l-istrumenti proposti tal-Unjoni, jiġifieri fit-2 ta’ April 2013 fir-rigward tad-direttiva proposta u fit-3 ta’ April 2013 fir-rigward tar-regolament propost.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li l-istrumenti proposti tal-Unjoni fihom dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE. Barra minn hekk, il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(2) u (5) u 128(1) tat-Trattat u l-Artikoli 16 sa 18 u 21 sa 23 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, peress li l-istrumenti proposti tal-Unjoni fihom dispożizzjonijiet li għandhom implikazzjoni għal ċerti kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv għalhekk adotta din l-opinjoni.

1.    Skop u kontenut tal-istrumenti proposti tal-Unjoni

1.1.   Direttiva proposta

L-għan tad-Direttiva proposta huwa li taġġorna u temenda r-reġim tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex jitqiesu reviżjonijiet reċenti għal standards internazzjonali applikabbli, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet tal-Financial Action Task Force (FATF), li ġew adottati fi Frar 2012 (3), kif ukoll bosta rapporti u evalwazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (4). Id-Direttiva proposta, meta tiġi adottata, ser tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2005/60/KE u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE (5).

Id-Direttiva proposta tieħu approċċ iktar ibbażat fuq ir-riskju lejn miżuri (6) kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Hija ssaħħaħ ir-rekwiżiti ta’ “diliġenza dovuta mal-klijent” (7) sabiex ċerti kategoriji ta’ klijenti u transazzjonijiet (8) ma jibqgħux eżentati minn rekwiżiti ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent u sabiex l-“entitajiet obbligati” (9) minn issa ’l quddiem ikollhom jevalwaw il-livell ta’ riskju qabel ma jiddeċiedu jekk jagħmlux diliġenza dovuta mal-klijent. Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASEi) (10) ser ikunu meħtieġa jipprovdu opinjoni konġunta dwar ir-riskji ta' ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jeffetwaw is-suq intern fi żmien sentejn mid-data meta tidħol fis-seħħ id-direttiva proposta, waqt li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jwettqu u jżommu aġġornati evalwazzjonijiet nazzjonali tar-riskju sabiex jidentifikaw dawk l-oqsma fejn huwa meħtieġ tisħiħ fid-diliġenza dovuta mal-klijent (11). Id-direttiva proposta testendi wkoll l-ambitu tar-reġim tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus, b'mod partikolari billi tnaqqas il-livell limitu għall-applikazzjoni tar-reġim għal negozjanti f'oġġetti ta’ valur għoli li jirċievu ħlasijiet f’kontanti mingħand klijenti ta’ bejn EUR 15 000 EUR 7 500.

Id-direttiva proposta ser tgħolli l-livell ta’ diliġenza dovuta mal-klijent li għandha ssir fir-rigward ta’ “persuni esposti b’mod politiku” (PEPs) (12), b’mod partikolari billi teħtieġ li d-diliġenza dovuta msaħħa mal-klijent (13) issir fir-rigward ta’ dawk il-persuni kif ukoll tal-membri tal-familji tagħhom u persuni assoċjati magħhom mill-qrib. Il-PEPs issa ser jinkludu mhux biss individwi “barranin” iżda wkoll individwi “lokali” fdati b'funzjonijiet pubbliċi prominenti (14).

Id-direttiva proposta tipprovdi regoli u proċeduri aktar b’saħħithom u ddefiniti b’mod aħjar għall-identifikazzjoni ta’ sidien benefiċjarji (15) ta’ entitajiet korporattivi jew ġuridiċi u trusts, għalkemm id-definizzjoni ta’ sjieda benefiċjarja tibqa’ l-istess. Minbarra dan, entitajiet korporattivi jew ġuridiċi u trusts ser ikunu meħtieġa li jżommu rekords fir-rigward tal-identità tas-sidien benefiċjajri tagħhom [’]. Barra minn hekk, id-Direttiva proposta tintroduċi xi bidliet għar-rekwiżiti ta’ żamma ta’ records fir-rigward tad-diliġenza dovuta mal-klijent u transazzjonijiet, kif ukoll għall-politiki interni u l-proċeduri ta’ entitajiet obbligati, f’tentattiv biex jintlaħaq bilanċ bejn l-iffaċilitar ta’ kontrolli robusti tal-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu u l-ħarsien tal-prinċipji tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta u d-drittijiet tas-suġġett tad-dejta.

Id-direttiva proposta ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni bejn l-unitajiet ta’ intelliġenza finanzjarja tal-Istati Membri li l-kompiti tagħhom huma li jservu bħala punti ta’ kuntatt nazzjonali sabiex jirċievu, janalizzaw u jqassmu lill-awtoritajiet kompetenti rapporti dwar suspetti ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu.

Finalment, id-direttiva proposta tagħmel enfasi akbar fuq l-infurzar u s-sanzjonijiet minn direttivi preċedenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-negozji jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tar-regoli dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri xierqa u jimponu sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ dawk il-ksur. It-tipi ta’ sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu applikati huma stipulati fid-direttiva proposta.

1.2.   Regolament propost

Ir-regolament propost huwa marbut mill-qrib mal-kisba tal-għanijiet tad-direttiva proposta. Huwa essenzjali għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jirrapportaw informazzjoni adegwata, preċiża u attwali fir-rigward tat-trasferimenti ta’ fondi mwettqa għall-klijenti tagħhom sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaġixxu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Ir-regolament propost (16) jimmira li jissikka l-obbligi legali eżistenti għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ fondi u dawk li jipprovdu servizzi ta’ pagament fid-dawl ta’ standards internazzjonali li qegħdin jiżviluppaw (17). B’mod partikolari, dan jimmira li jtejjeb it-traċċabilità tal-ħlasijiet billi jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jiżguraw li t-trasferimenti ta’ fondi jkunu akkumpanjati b’informazzjoni wkoll dwar min jirċievi l-ħlas għall-awtoritajiet kompetenti. Għal dak l-iskop, ser jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jivverifikaw l-identità tal-benefiċjarji ta' ħlasijiet li joriġinaw minn barra l-Unjoni għal ammonti ta' aktar minn EUR 1 000 (18). Dan ser jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikollhom fis-seħħ proċeduri bbażati fuq ir-riskju sabiex jevalwaw meta jeżegwixxu, jiċħdu jew jissospendu trasferimenti ta’ fondi u jżommu records ta’ ħlasijiet għal 5 snin. Ir-regolament propost jiċċara wkoll li r-rekwiżiti ser ikopru karti ta’ kreditu u ta’ debitu, ċellulari u strumenti elettroniċi oħrajn, jekk jintużaw għat-trasferiment ta’ fondi.

2.    Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ l-istrumenti proposti tal-Unjoni. Il-BĊE jappoġġa bis-saħħa reġim tal-Unjoni li jiżgura li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet residenti fl-Unjoni jkollhom għodod effettivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari kontra kwalunkwe abbuż tas-sistema finanzjarja minn dawk li jaħslu l-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu u l-kompliċi tagħhom. Il-BĊE jikkunsidra li l-istrumenti proposti tal-Unjoni jindirizzaw b’mod korrett u effettiv id-dgħjufijiet identifikati fir-reġim attwali tal-Unjoni u jaġġornawh biex jieħu f’kunsiderazzjoni t-theddidiet identifikati mill-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu għall-Unjoni u s-sistema finanzjarja tagħha u l-istandards internazzjonali li qegħdin jevolvu dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn it-theddidiet. Il-BĊE jikkunsidra wkoll li l-istrumenti proposti tal-Unjoni ser itejbu ċ-ċarezza u l-konsistenza tar-regoli applikabbli fost l-Istati Membri, b’mod partikolari f’oqsma importanti bħad-diliġenza dovuta mal-klijent u s-sjieda benefiċjarja.

3.    Osservazzjonijiet speċifiċi

3.1.   Rigward id-direttiva proposta, il-BĊE jinnota li l-bażi legali tagħha hija l-Artikolu 114 tat-Trattat u għaldaqstant timmira li tapprossima d-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti u li timminimizza l-inkonsistenzi bejniethom madwar l-Unjoni. L-Istati Membri b’hekk jistgħu jiddeċiedu li jkomplu jbaxxu aktar il-livelli limitu stipulati fid-Direttiva proposta għall-applikazzjoni tal-obbligi tagħha jew li jadottaw miżuri aktar stretti (19). Pereżempju, fil-każ ta’ transazzjonijiet bejn negozjanti f’oġġetti ta’ valur għoli u klijenti mhux kummerċjali li jammontaw għal EUR 7 500 (20) jew aktar, jidher li l-Artikolu 5 tad-direttiva proposta jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw miżuri aktar stretti milli sempliċement jeħtieġu li n-negozjant jissodisfa d-diliġenza dovuta mal-klijent, ir-rapportar u obbligi relevanti oħrajn taħt id-direttiva proposta. Kwalunkwe miżuri oħrajn ta’ din ix-xorta għandhom jiġu mwieżna b’attenzjoni kontra l-benefiċċji pubbliċi mistennija.

3.2.   Waqt li l-BĊE jinnota d-definizzjoni ta’ “fornitur tas-servizzi ta’ pagament” fl-Artikolu 2(5) tar-regolament propost, huwa jinnota wkoll li, skont il-premessa 8 tar-regolament propost u l-premessa 35 tad-direttiva proposta, mhijiex l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi fi ħdan l-ambitu tar-regolament persuni li jipprovdu “istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu unikament b’messaġġ jew sistemi oħrajn ta’ appoġġ għat-trażmissjoni ta’ fondi jew b’sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu”, bħas-sistema TARGET2 mhaddma mill-BĊE. Il-BĊE jappoġġa dan l-approċċ u jenfasizza l-importanza li tinżamm din l-eċċezzjoni sabiex is-sistemi ta’ pagamenti fl-Ewropa jkomplu joperaw mingħajr xkiel. L-impożizzjoni ta' dan ir-rekwiżit fuq il-fornituri ta' serviziz ta' kklerjar u ta' saldu tista' twassal għal diffikultajiet u dewmien sinifikanti fl-ipproċessar ta' ħlasijiet bejn banek u entitajiet oħrajn li jipprovdi servizzi ta' pagamenti. Min-naħa l-oħra, dan potenzjalment jista' jkollu impatt serju fuq l-ippjanar tal-likwidità tal-banek u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji mingħajr xkiel. Għal din ir-raġuni, u fl-interessi taċ-ċertezza legali u t-trasparenza, il-BĊE jirrakkomanda li din l-eżenzjoni tiġi pprovduta fid-dispożittiv tal-istrumenti proposti tal-Unjoni, u mhux fil-premessi. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat b’attenzjoni jekk atti legali oħrajn tal-Unjoni li preżentament jużaw l-istess appoġġ u teknika ta’ abbozzar għal dan it-tip ta’ eżenzjoni (21) għandhomx isegwu din ir-rakkomandazzjoni.

3.3.   Ulterjorment, il-BĊE jinnota li bosta mill-kunċetti ddefiniti fl-Artikolu 2 tar-regolament propost huma ddefiniti wkoll f’atti legali oħrajn tal-Unjoni li huma relatati mill-qrib mar-regolament propost, e.ż. id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (22) (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva dwar Servizzi ta’ Ħlas’ (DSĦ)), ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (23) u r-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (24). Peress li l-użu ta’ definizzjonijiet stabbiliti għandu jtejjeb il-konsistenza u jagħmilha eħfef biex l-atti legali tal-Unjoni jinftiehmu bħala xi ħaġa sħiħa, il-BĊE jissuġġerixxi li l-Artikolu 2 tar-Regolament propost għandu jiġi emendat kif xieraq, jiġifieri:

(a)

Id-definizzjonijiet ta’ “pagatur” (min iħallas) u “benefiċjarju” (min jitħallas) għandhom jiġu allinjati mad-definizzjonijiet ta’ dawn it-termini fid-DSĦ;

(b)

“Fornitur tas-servizzi ta’ pagamenti” (Fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas) huwa kunċett stabbilit mid-DSĦ u huwa llimitat għal sitt kategoriji differenti ta’ fornituri ta’ tali servizzi elenkati fid-DSĦ; għaldaqstant id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fir-Regolament propost għandha tirreferi għad-DSĦ;

(c)

Id-definizzjoni ta’ ‘trasferiment ta’ fondi “minn persuna għal persuna”’ għandha tkun iddefinita b’mod aktar ċar bħala tranżazzjoni bejn żewġ persuni fiżiċi, li t-tnejn jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom barra mill-ambitu tan-negozju, kummerċ jew professjoni tagħhom.

Din l-opinjoni ser tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2013) 45 finali.

(2)  COM(2013) 44 finali.

(3)  Standards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni – ir-Rakkomandazzjonijiet FATF, Pariġi, 16 ta’ Frar 2012, disponibbli fuq il-websajt tal-FATF fuq http://www.fatf-gafi.org

(4)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(5)  Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ persuni esposti b’mod politiku u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29).

(6)  Id-direttiva proposta teħtieġ li l-entitajiet obbligati, inter alia, iwettqu d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, iżommu rekords, ikollhom kontrolli interni u jippreżentaw rapporti dwar transazzjonijiet suspettużi fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(7)  Ara l-Kapitolu II, Taqsimiet 1 u 2, Artikoli 9 sa 15, tad-direttiva proposta.

(8)  Pereżempju, klijenti li huma negozji rregolati, bħal istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni u kumpaniji elenkati fi swieq irregolati ta’ titoli pubbliċi.

(9)  Ara l-Artikolu 2(1) tad-direttiva proposta li jelenka l-‘entitajiet obbligati’ li għalihom tapplika d-direttiva proposta, b'mod partikolari inklużi istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji kif iddefiniti ulterjorment.

(10)  L-ASE huma l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(11)  Ara l-Artikoli 16 sa 23 tad-direttiva proposta.

(12)  Ara d-definizzjonijiet fl-Artikolu 3(7) kif ukoll l-obbligi fuq dawk il-persuni pprovduti fl-Artikolu 11 u l-Artikoli 18 sa 22 tad-direttiva proposta.

(13)  Ara l-Artikoli 16 sa 23 tad-direttiva proposta.

(14)  Ara l-Artikolu 3(7)(b) tad-direttiva proposta. F’dan ir-rigward, “lokali” tfisser meta l-PEP tkun ġiet fdata minn Stat Membru tal-Unjoni b’funzjonijiet pubbliċi prominenti, waqt li “barranin” tfisser meta l-PEP tkun ġiet fdata minn pajjiż terz f’dawk il-funzjonijiet.

(15)  Ara l-Artikoli 3(5), 29 u 30 tad-direttiva proposta.

(16)  Ir-regolament propost ser jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1).

(17)  Prinċipalment ir-Rakkomandazzjoni 16 tal-FATF dwar it-titjib tat-trasparenza ta’ trasferimenti bankarji transkonfinali.

(18)  Ara l-Artikolu 7 tar-regolament propost.

(19)  Ara l-Artikolu 5 tad-direttiva proposta li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam li tkopri d-direttiva proposta għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(20)  Ara l-Artikolu 10(c) tad-direttiva proposta.

(21)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat- 23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).

(22)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

(23)  ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.

(24)  ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22.


Top