EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AB0096

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 27 ta’ Novembru 2012 dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (CON/2012/96)

OJ C 30, 1.2.2013, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/6


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Novembru 2012

dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea)

(CON/2012/96)

2013/C 30/05

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jassenja kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1) (minn hawn “il quddiem ir-regolament propost tal-MSU”). Fl-istess jum, il-BĊE irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jassenja kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (2) (minn hawn “il quddiem ir-regolament propost tal-ABE”)

Fil-5 ta’ Novembru 2012, il-BĊE irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew ibbażata fuq l-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar ir-regolament propost tal-ABE.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni dwar ir-regolament propost tal-MSU (SSM – Single Supervisory Mechanism) hija bbażata fuq l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni dwar ir-regolament propost tal-ABE hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat, billi r-regolament propost tal-ABE fih dispożizzjonijiet li jeffettwaw il-kontribut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Ir-regolament propost tal-ABE iqis il-kompiti speċifiċi assenjati lill-BĊE skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u r-regolament propost tal-MSU.

Peress illi ż-żewġ testi jirrigwardaw l-assenjazzjoni ta’ kompiti superviżorji speċifiċi lill-BĊE u t-twaqqif tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), u minkejja ż-żewġ proċeduri leġiżlattivi distinti li japplikaw għal dawn it-testi, il-BĊE adotta opinjoni waħda dwar iż-żewġ proposti. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Ir-regolament propost tal-MSU jwieġeb għat-talba tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern biex jiġu ppreżentati proposti għal MSU li saret fis-summit taż-żona tal-euro fid-29 ta’ Ġunju 2012 (3). Il-BĊE jilqa’ fil-prinċipju dawn il-proposti, li huma konformi mal-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport tal-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2012 (4) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ġunju u t-18 ta’ Ottubru 2012. L-arkitettura tal-unjoni ekonomika u monetarja teħtieġ li tissaħħaħ b’mod sostanzjali sabiex tinkiser il-ħolqa negattiva bejn il-banek u s-sovrani f’uħud mill-Istati Membri taż-żona tal-euro u sabiex treġġa’ lura l-proċess kurrenti tal-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju fiż-żona tal-euro.

1.2.

It-twaqqif tal-MSU għandu jikkontribwixxi għat-trawwim mill-ġdid tal-kunfidenza fis-settur bankarju u sabiex jerġgħu jitqajmu s-self bejn il-banek u l-flussi ta’ kreditu transkonfinali permezz ta’ superviżjoni integrata indipendenti għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw, fuq il-bażi ta’ sistema li tinvolvi lill-BĊE u lis-superviżuri nazzjonali. L-MSU ser jikkontribwixxi wkoll għall-applikazzjoni effettiva tal-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji u għall-armonizzazzjoni ta’ proċeduri u prattiċi superviżorji, billi jneħħi d-distorzjoniiet nazzjonali u jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet ta’ żona b’munita integrata. F’dan il-kuntest, il-BĊE jinsab lest biex iwettaq il-kompiti l-ġodda li jirrigwardaw is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stipulati fir-regolament propost tal-MSU. Il-BĊE iqis illi l-Artikolu 127(6) tat-Trattat jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-assenjazzjoni rapida u effettiva ta’ kompiti superviżorji speċifiċi lill-BĊE.

1.3.

Il-BĊE jappoġġa l-konklużjonijiet tar-Rapport Interim mill-President tal-Kunsill Ewropew dwar unjoni ekonomika u monetarja u qafas finanzjarju integrat (5). F’dan ir-rigward jinnota illi l-Kunsill Ewropew isejjaħ għall-adozzjoni rapida tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-armonizzazzjoni tal-oqfsa nazzjonali tar-riżoluzzjoni (6) u l-oqfsa ta’ garanzija tad-depożiti (7) fil-proposti leġiżlattivi u l-proposti dwar ir-rekwiżiti kapitali tal-banek sal-aħħar tal-2012 (8), li għandha ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-MSU. Barra minn dan, ir-Rapport Interim irrileva illi qafas finanzjarju integrat ma jistax jiġi kkunsidrat separatament mill-passi lejn oqfsa finanzjarji u ekonomiċi aktar integrati u emfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar progress lejn mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku. Il-BĊE huwa tal-fehma illi mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku bħal dan – iffukat fuq Awtorità Ewropea ta’ Riżoluzzjoni – jikkumplimenta tassew lill-MSU sabiex tinkiseb unjoni tas-swieq finanzjarji li taħdem tajjeb. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu bħal dan, jew tal-anqas għandu jkun hemm skadenzi ċari sabiex dan jiġi stabbilit, meta l-BĊE jassumi r-responsabbiltà superviżorja sħiħa – jiġifieri fl-aħħar tal-perijodu tranżitorju msemmi aktar ‘l isfel.

1.4.

Mill-perspettiva tal-BĊE, ir-regolament propost tal-MSU għandu jkun konformi mal-prinċipji ewlenin li ġejjin. L-ewwel, il-BĊE, fi ħdan l-MSU, għandu jkun jista’ jwettaq il-kompiti assenjati lilu b’mod effettiv u rigoruż mingħajr riskju għar-reputazzjoni tiegħu. It-tieni, il-BĊE għandu jibqa’ indipendenti fit-twettiq tal-kompiti kollha tiegħu. It-tielet, għandu jkun hemm firda stretta bejn il-kompiti l-ġodda tal-BĊE li jikkonċernaw is-superviżjoni u l-kompiti tiegħu li jirrigwardaw il-politika monetarja u li huma assenjati mit-Trattat. Ir-raba’, il-BĊE għandu jkun jista’ jkollu aċċess sħiħ għall-kompetenza, it-tagħrif u r-riżorsi operattivi tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Il-ħames, l-MSU għandu jopera b’mod li huwa kompletament konsistenti mal-prinċipji li jirfdu s-suq uniku fis-servizzi finanzjarji u b’aderenza sħiħa mal-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ wkoll il-possibbiltà li jinvolvi Stati Membri li mhumiex fi-żona tal-euro fl-MSU biex tiġi żgurata armonizzazzjoni akbar tal-prattiċi superviżorji fi ħdan l-Unjoni Ewropea, biex b'hekk jissaħħaħ is-suq intern. Is-sitt punt, il-BĊE jinsab lest biex jikkonforma mal-ogħla standards ta’ kontabilità għall-kompiti superviżorji.

1.5.

L-ewwel, sabiex l-MSU jitħalla jmexxi superviżjoni effettiva, ir-regolament propost tal-MSU jafda lill-BĊE b’kompiti superviżorji speċifiċi assoċjati mal-poteri superviżorji u investigattivi korrispondenti li huma meħtieġa u mal-aċċess dirett għall-informazzjoni. Dan huwa essenzjali biex jiżgura illi l-MSU jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv. Il-BĊE jilqa’ l-inklużjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha. Dan huwa importanti biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi fost il-banek u biex tiġi mwaqqfa s-segmentazzjoni fis-sistema bankarja. L-aħħar, l-assenjazzjoni proposta tal-poteri superviżorji makro-prudenzjali lill-BĊE hija milqugħa billi l-BĊE ser ikun jista' jikkoordina l-użu ta' politiki makro- u mikro-prudenzjali. Il-BĊE jinnota wkoll illi r-regolament propost tal-MSU jistipula illi, fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu, il-BĊE għandu jippromwovi s-sigurtà u s-sodizza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (9), li jimplika illi r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom ukoll natura makro-prudenzjali. Il-BĊE huwa tal-fehma illi r-regolament propost tal-MSU għandu jagħmel possibbli l-attivazzjoni tal-istrumenti makro-prudenzjali pprovduti mil-liġi tal-Unjoni, fuq inizjattiva tal-BĊE jew tal-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, minħabba r-responsabbiltà tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, u l-prossimità u l-għarfien tal-ekonomiji u s-sistemi finanzjarji nazzjonali (10), l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikollhom għodod biżżejjed għad-dispożizzjoni tagħhom biex jindirizzaw riskji makro-prudenzjali relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ Stati Membri li jipparteċipaw, mingħajr ħsara għall-possibbiltà tal-MSU li jaġixxi sabiex irażżan riskji bħal dawn b’mod effettiv. Minħabba l-importanza ta’ firda li tiffunzjona bejn is-superviżjoni makro- u mikro-prudenzjali u r-responsabbiltà tal-Kunsill Governattiv għall-istabbiltà finanzjarja, għandhom ikunu previsti proċeduri speċifiċi fi ħdan il-qafas tal-MSU għall-involviment tal-Kunsill Governattiv fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar mizuri ta’ politika makro-prudenzjali.

1.6.

It-tieni, il-BĊE irid iwettaq il-kompiti assenjati lilu mir-regolament propost tal-MSU mingħajr ħsara għall-għanijiet tas-SEBĊ kif stipulat fl-Artikolu 127 tat-Trattat (11). Il-BĊE ser jiżgura illi l-attivitajiet tiegħu fi ħdan l-MSU la jeffettwaw it-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt it-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn “il quddiem l-'Istatut tas-SEBĊ”) u lanqas ma jikkompromettu l-istruttura istituzzjonali tiegħu. Taħt it-Trattat u l-Istatut (12), il-BĊE igawdi minn indipendenza sħiħa (13) fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, li jinkludu l-kompiti superviżorji assenjati lilu permezz tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit tat-Trattat tal-indipendenza tal-BĊE japplika għalih bħala istituzzjoni sħiħa, u għalhekk jinkludi l-organi tiegħu, bħall-bord superviżorju u l-membri tiegħu meta jkunu qed iwettqu kompiti taħt ir-regolament propost tal-MSU. Barra minn dan, l-indipendenza tal-BĊE tinkludi wkoll l-indipendenza operattiva tas-superviżuri, kif imsemmi fil-Prinċipji Ewlenin tal-Kumitat għas-Superviżjoni Bankarja dwar is-Superviżjoni Bankarja Effettiva (14) li ġew adottati dan l-aħħar (minn hawn “il quddiem il Prinċipji Ewlenin”).

1.7.

Aspett ieħor relatat tal-Prinċipji Ewlenin li jiżgura l-effettività tas-superviżjoni huwa l-protezzjoni legali xierqa tas-superviżuri għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom biex jiġi protett l-interess ġenerali. F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota xejra normattiva u każistika f’bosta Stati Membri u f’livell globali li xxaqleb lejn il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tas-superviżuri. Il-BĊE iqis illi r-responsabbiltà tal-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-uffiċjali rispettivi tagħhom għandha tiġġarrab biss f’każijiet ta’ mġieba ħażina intenzjonata jew negliġenza ċara. L-ewwel, din il-limitazzjoni għandha tirrifletti l-prinċipji komuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-superviżjoni bankarja f'numru ta' Stati Membri li qed jikber, kif ukoll f'bosta ċentri finanzjarji importanti tad-dinja, li jxaqilbu lejn il-limitazzjoni tar-responsabbiltà superviżorja. It-tieni, ikun konsistenti mal-każijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li r-responsabbiltà tinstab biss f’każ ta’ illegalità kwalifikata. It-tielet, din id-dispożizzjoni tallinja l-Unjoni mal-konsensus globali miksub bil-Prinċipji Ewlenin, skont liema l-liġijiet superviżorji għandhom jipproteġu lis-superviżur u lill-istaff tiegħu kontra kawżi għal-azzjonijiet meħuda u/jew omissjonijiet li jkunu saru waqt it-twettiq tal-kompiti tagħom in buona fede u għall-kosti tad-difiża ta’ dawn l-azzjonijiet u/jew omissjonijiet, sabiex tissaħħaħ aktar il-pożizzjoni tal-awtorità superviżorja fil-konfront tal-entitajiet superviżjonati (15). Ir-raba’, dan il-kunsens globali huwa bbażat fuq il-kumplessità tal-kompiti superviżorji. L-awtoritajiet superviżorji huma taħt obbligu biex jipproteġu l-pluralità ta’ interessi f’sistema bankarja li tiffunzjona tajjeb u s-sistema finanzjarja kollha. Barra minn dan, b’mod partikolari fi żmenijiet ta’ kriżi, l-awtoritajiet superviżorji iridu joperaw taħt restrizzjonijiet ta’ ħin kbar. Il-ħames, li jiġi ċċarat ir-reġim ta’ responsabbiltà fi ħdan MSU li jopera f’ambjent ta’ ħafna ġurisdizzjonijiet għandu jikkontribwixxi għal: (i) reġim ta’ responsabbiltà armonizzata fi ħdan l-MSU; (ii) żamma tal-integrità tal-kapaċità tal-MSU biex jaġixxi, peress illi reġim ta’ responsabbiltà li huwa strett u diversifikat wisq fi ħdan l-istruttura kumplessa tal-MSU jista’ jdgħajjef id-deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja tal-MSU biex tieħu l-azzjoni neċessarja; u (iii) limitazzjoni ta’ proċedimenti legali spekulattivi ibbażati fuq allegazzjoni ta’ responsabbiltà għal azzjoni jew omissjoni ta’ awtorità tal-MSU.

1.8.

It-tielet, huwa essenzjali li l-kompiti superviżorji u ta’ politika monetarja assenjati lill-BĊE jinfirdu b'mod strett, sabiex jiġu pprevenuti kunflitti ta' interess potenzjali u jiġi żgurat teħid ta’ deċiżjonijiet awtonomu għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti, fil-waqt li tiġi żgurata konformità mal-qafas istituzzjonali tas-SEBĊ. Għal dak il-għan, strutturi ta’ governanza xierqa huma meħtieġa biex tiġi żgurata firda bejn dawn il-kompiti, li fl-istess waqt tippermetti li l-istruttura ġenerali tibbenefika minn sinerġiji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi żgurat illi, taħt ir-regolament propost tal-MSU u fi ħdan il-kuntest tal-qafas tat-Trattat, il-bord superviżorju ġdid jikkostitwixxi ċ-ċentru ta' gravità tal-funzjoni superviżorja tal-BĊE. Minbarra l-kapijiet tas-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jipparteċipaw, il-bord superviżorju għandu jinkludi wkoll bħala osservaturi lil rappreżentanti ta’ banek ċentrali nazzjonali li jwettqu attivitajiet superviżorji anċillari għal dawk tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jkunu previsti minn dispożizzjonijiet statutorji. Barra minn dan, sa fejn huwa l-aktar possibbli l-bord superviżorju għandu jkollu l-għodod u l-għarfien neċessarji biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv, fil-waqt illi jirrispetta ir-responsabbiltajiet statutorji fundamentali tal-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. F’dan il-kuntest, il-qafas għall-funzjonament tal-bord superviżorju għandu jiżgura trattament ugwali fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw, inkluż l-Istati Membri li stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. L-aħħar, waqt li jqis ukoll l-esperjenza tal-banek ċentrali nazzjonali varji li diġà jwettqu s-superviżjoni, il-BĊE ser jistabbilixxi regoli interni u proċeduri xierqa biex jiżgura firda xierqa fil-funzjonijiet li jappoġġaw dawn il-kompiti.

1.9.

Ir-raba’, huwa essenzjali għall-MSU illi jkun jista’ jistrieħ fuq l-għarfien u r-riżorsi tas-superviżuri nazzjonali fit-twettiq tal-kompiti superviżorji ġodda. Informazzjoni kwalitattiva profonda u l-kompetenza konsolidata ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll informazzjoni kwantitattiva affidabbli, huma essenzjali. Permezz ta’ proċeduri deċentralizzati xierqa, fil-waqt li tinżamm l-unità tas-sistema superviżorja u tiġi evitata d-duplikazzjoni, l-MSU ser ikun jista’ jibbenefika mill-prossimità akbar tas-superviżuri nazzjonali mal-entitajiet superviżjonati u fl-istess waqt jiżgura l-kontinwità neċessarja u l-konsistenza tas-superviżjoni fl-Istati Membri li jipparteċipaw. F’dan il-kuntest, ir-regolament propost tal-MSU jista’ jiċċara aktar il-modalitajiet prattiċi għad-deċentralizzazzjoni ta’ kompiti superviżorji fi ħdan l-MSU, jiġifieri billi jispeċifika ċerti prinċipji organizzattivi bażiċi. B’mod partikolari, għandu jispeċifika illi l-BĊE għandu jkun jista’ jirrikorri għand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ anqas relevanza ekonomika, finanzjarja jew prudenzjali, mingħajr ħsara għad-dritt tal-BĊE li jipprovdi gwida u istruzzjonijiet, jew li jassumi l-kompiti ta’ awtoritajiet nazzjonali meta dan ikun meħtieġ. Barra minn dan, ir-regolament propost tal-MSU għandu jipprovdi l-bażi għal qafas xieraq għal allokazzjoni effiċjenti ta’ kompiti superviżorji fi ħdan l-MSU, inkluż proċeduri ta’ notifika għad-deċiżjonijiet superviżorji adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għalhekk, minbarra r-regoli speċifiċi li għandhom ikunu inklużi fir-regolament propost tal-MSU, il-BĊE, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jipparteċipaw fl-MSU, għandu jispeċifika aktar il-kriterji u l-mekkaniżmi għad-deċentralizzazzjoni fi ħdan l-MSU fir-regoli dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas. B’mod partikolari, dawn ir-regoli għandhom iħallu lil istituzzjonijiet ta' kreditu, bħala l-indirizzati ta' mizuri superviżorji, jidentifikaw b'mod ċar l-awtorità relevanti bħala l-kuntatt tagħhom. Barra minn dan, kemm il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont l-awtonomija organizzattiva tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw ir-riżorsi meħtieġa biex jimplimentaw il-kompiti tagħhom fi ħdan l-MSU. L-aħħar, ser ikun importanti li jiġi żgurat illi r-responsabbiltà aħħarija tal-BĊE għas-superviżjoni fi ħdan l-MSU hija mqabbla ma’ poteri ta’ kontroll fuq l-MSU kollha u l-entitajiet superviżjonati, kif ukoll minn arranġamenti ta’ kooperazzjoni mill-qrib ħafna mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż regoli speċifiċi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u flussi ta’ informazzjoni xierqa. Għalhekk, għandu jkun hemm arranġamenti effiċjenti għal flussi ta’ informazzjoni fi ħdan l-MSU ukoll sabiex jipprevjenu xi duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar għal istituzzjonijiet ta’ kreditu.

1.10.

Il-ħames, ir-regolamenti proposti tal-MSU u tal-ABE għandhom jiżguraw illi l-qafas ġdid ser ikun konsistenti mas-suq uniku. Iż-żewġ elementi ewlenin li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu sabiex jinkiseb dan il-għan. L-ewwel, ir-regolament propost tal-MSU għandu jħalli lill-Istati Membri li jixtiequ jingħaqdu mal-MSU jinvolvu ruħhom f’mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni mill-qrib li huma xierqa u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-bord superviżorju taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-Istati Membri taż-żona tal-euro, jiġifieri bl-istess drittijiet u obbligi. It-tieni, l-assenjazzjoni lill-BĊE ta’ kompiti li jikkonċernaw is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu għal Stati Membri taż-żona tal-euro toħloq qafas istituzzjonali ġdid li jista’ jeħtieġ aġġustamenti għall-governanza tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE). Ir-regolament propost tal-ABE għandu jistipula l-aġġustamenti neċessarji għall-istruttura ta’ governanza u għall-poteri tal-ABE, b'mod partikolari billi jipprovdi trattament ugwali fost l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-BĊE, fil-waqt li jħares l-indipendenza tal-BĊE. Il-BĊE ser ikompli jipparteċipa fil-Bord tas-Superviżuri tal-ABE taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (16). Barra minn dan, meta jqis ir-rwol ċentrali tiegħu fl-MSU, il-BĊE ser jikkontribwixxi biex jiġi żgurat illi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jipparteċipaw fl-MSU jassumu pożizzjonijiet konsistenti reċiproki fil-korpi tal-ABE li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti superviżorji tal-BĊE, inkluż l-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi f’dan il-qasam kif xieraq, mingħajr ħsara għall-kompiti superviżorji li jibqgħu għand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-aħħar, jistgħu jiġu żviluppati arranġamenti xierqa biex tiġi żgurata kooperazzjoni mingħajr xkiel tal-MSU mal-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw.

1.11.

Is-sitta, ir-responsabbiltà demokratika hija l-kontrobilanċ indispensabbli tal-indipendenza. Il-BĊE huwa diġà suġġett għal obbligi ta’ kontabiltà u ta’ rapportar li għandhom jinżammu kollha għall-kompiti eżistenti tiegħu. Il-BĊE jinnota illi obbligi simili ser jiġu stabbiliti taħt ir-regolament propost tal-MSU bil-ħsieb tal-kompiti superviżorji. Abbażi ta’ dawk l-obbligi statutorji, għandhom jitfasslu forom ta’ kontabiltà separati u xierqa, ukoll b’konformità mal-Prinċipji Ewlenin. Dawn il-mekkaniżmi ta’ kontabilità għandhom jirriflettu l-konsiderazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel, huma għandhom jirrispettaw l-indipendenza tal-BĊE. It-tieni, il-kontabiltà għandha sseħħ fil-livell li fihom jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet. Il-mekkaniżmi ta’ kontabiltà għandhom għalhekk jitfasslu primarjament fil-livell Ewropew, mingħajr ħsara għal arranġamenti ta’ kontabiltà eżistenti ta’ superviżuri nazzjonali, li japplikaw ukoll għall-kompiti superviżorji rispettivi tagħhom li mhumiex fdati lill-MSU, u għal skambji ta' fehmiet okkażjonali tas-Sedja jew ta’ membri tal-bord superviżorju ma’ parlamenti nazzjonali, skont kif xieraq. It-tielet, mekkaniżmi sodi għandhom ikunu stipulati sabiex titħares il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni superviżorja.

2.   Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-BĊE jemfasizza l-importanza li jintlaħaq ftehim dwar il-proposti fuq imsemmija sal-aħħar tal-2012 biex tinżamm l-iskeda prevista, jiġifieri d-dħul fis-seħħ tar-regolament tal-MSU propost fl-1 ta’ Jannar 2013, l-implimentazzjoni operattiva gradwali matul l-2013, u l-implimentazzjoni sħiħa sal-1 ta’ Jannar 2014. Sekwenza obbligatorja hija kruċjali biex il-BĊE jitħalla jniedi l-arranġamenti preparatorji neċessarji, jistabbilixxi l-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-BĊE u awtoritajiet nazzjonali kompetenti taħt qafas deċentralizzat, jikkommetti r-riżorsi xierqa u jkun lest internament biex jassumi l-kompiti superviżorji b’konformità ma’ skeda regolatorja miftehma għal-introduzzjoni gradwali. F’dan il-kuntest, il-BĊE jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li matul il-perijodu tranżitorju l-BĊE jista’ jitlob kull informazzjoni relevanti biex il-BĊE jwettaq evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ Stati Membri li jipparteċipaw (inkluż reviżjoni tal-kwalità tal-assi). Dan għandu jappoġġa tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn il-bidu ta’ superviżjoni operattiva mill-MSU. Il-BĊE iqis illi l-iskeda proposta mill-Kummissjoni hija ambizzjuża imma fattibbli.

3.   Implimentazzjoni tar-riforma

Kif imsemmi aktar ‘il fuq, ir-regolament propost tal-MSU għandu jagħti lill-BĊE il-poteri neċessarji biex iwettaq il-kompiti assenjati lilu b’mod effettiv. Il-BĊE igawdi minn poteri regolatorji taħt l-Artikolu 132 tat-Trattat u l-Artikolu 34.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE li jagħmluha possibbli għalih biex jimplimenta dawn il-kompiti b’konformità mal-acquis tal-Unjoni u leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tkun ser toħroġ, b’mod partikolari l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji (inkluż il-proċeduri għal konformità jew spjegazzjoni fir-rigward tal-linji gwida jew rakkomandazzjonijiet tal-ABE). Madankollu, wara l-adozzjoni tar-regolament propost tal-MSU u l-implimentazzjoni tar-riformi, tisħiħ ulterjuri għandu jikkontribwixxi biex jiffaċilita t-twettiq mill-BĊE tal-kompiti superviżorji tiegħu. L-ewwel, ir-regolament propost tal-MSU għandu jagħmilha possibbli għall-BĊE li jadotta regolamenti biex jispeċifika aktar l-arranġamenti u l-proċeduri biex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimponu sanzjonijiet. Għandu wkoll ikun żgurat illi l-BĊE għandu l-poter biex jadotta miżuri prekawzjonarji disponibbli għal awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi nazzjonali. It-tieni, l-għodod prudenzjali ewlenin stipulati fil-leġiżlazzjoni bankarja tal-Unjoni għandha tiġi dejjem aktar sostnuta, fejn xieraq, permezz ta’ liġi tal-Unjoni li hija direttament applikabbli, kif inhu diġà l-każ, pereżempju, bid-dispożizzjonijiet tas-CRR propost. Ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji li hija direttament applikabbli għandha tikkontribwixxi kemm għall-effettività tal-MSU kif ukoll għall-funzjonament tas-suq uniku. It-tielet, skont l-Artikolu 25.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE jinsab lest biex jikkontribwixxi għal aktar armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali billi jagħti parir lill-Istati Membri li jipparteċipaw dwar l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ direttivi tal-Unjoni li jirrigwardaw is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja għal kwistjonijiet marbutin mal-kompiti assenjati lill-BĊE taħt ir-regolament propost tal-MSU.

4.   Emendi futuri tar-regolament propost tal-MSU

Ir-regolament propost tal-MSU jagħmel provvediment għal rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2015, li potenzjalment iwassal għal aġġustamenti għat-test tiegħu li jeħtieġu l-użu tal-proċedura fl-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Biex jiżgura illi r-regolament propost tal-MSU jista’ fil-futur jiġi aġġustat b’mod tekniku għal ċirkostanzi ġodda b’mod tempestiv u flessibbli, il-BĊE jirrakkomanda illi l-Kunsill Ewropew jikkonsidra li jirrikorri għal-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont dan l-Artikolu 48, il-Kunsill Ewropew jista’ jew jawtorizza lill-Kunsill biex jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata (17) għal emendi tekniċi futuri tar-regolament propost tal-MSU, jew biex dawn l-emendi jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (18). Din il-proċedura emendatorja simplifikata għar-regolament tal-MSU għandha tagħmilha possibbli li jitqiesu żviluppi futuri fil-leġiżlazzjoni ta' superviżjoni prudenzjali u bankarja tal-Unjoni li jeffettwaw l-MSU.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  KUMM(2012) 511 finali.

(2)  KUMM(2012) 512 finali.

(3)  Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro, 29 ta’ Ġunju 2012.

(4)  Lejn unjoni ekonomika u monetarja ġenwina.

(5)  Rapport Interim mill-President tal-Kunsill Ewropew, Lejn unjoni ekonomika u monetarja ġenwina, 12 ta’ Ottubru 2012.

(6)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KEE, id-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 – KUMM(2012) 280 finali

(7)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti – KUMM(2010) 368 finali.

(8)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju (KUMM(2011) 453 finali) u proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment (“is-CRR proposta”) – KUMM(2011) 452 finali.

(9)  Artikolu 1 tar-regolament propost tal-MSU.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew CON/2012/5 tal-25 ta’ Jannar 2012 dwar proposta għal Direttiva dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti ta’ investiment u dwar proposta għal Regolament dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment (ĠU C 105, 11.4.2012, p. 1).

(11)  Ara l-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(12)  Ara l-Artikolu 130 u l-Artikolu 282(3) tat-Trattat u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(13)  Il-kunċett tal-indipendenza ta’ bank ċentrali jinkludi indipendenza funzjonali, istituzzjonali, personali u finanzjarja (ara, pereżempju, ir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-BĊE 2012, p. 21).

(14)  Adottati f’Settembru tal-2012. Disponibbli fuq il-websajt tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali fuq http://www.bis.org

(15)  Prinċipju 2, paragrafu 9 tal-Prinċipji Ewlenin.

(16)  Artikolu 40(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità tas-Sorveljanza Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(17)  Artikolu 48(7), l-ewwel subparagrafu

(18)  Artikolu 48(7), it-tieni subparagrafu.


Top