EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AB0094

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 12 ta’ Novembru 2009 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (CON/2009/94)

OJ C 291, 1.12.2009, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 291/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-12 ta’ Novembru 2009

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni

(CON/2009/94)

2009/C 291/01

Introduzzjoni u bażi legali

1.

Fl-10 ta’ Settembru 2009 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (1) (minn hawn ’il quddiem id-‘direttiva proposta’).

2.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fuq l-Artikolu 105(5) tat-Trattat, billi d-direttiva proposta tittratta wieħed mill-kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), jiġifieri li tikkontribwixxi għat-twettiq bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

3.

Il-BĊE jilqa’ d-direttiva proposta fir-rigward tar-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ tal-bank u għar-rititolizzazzjonijiet, li bejn wieħed u ieħor huma konsistenti mal-approċċ żviluppat reċentement mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (2). Il-BĊE huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu allinjati iktar ir-rekwiżiti tad-direttiva proposta mal-qafas tar-riskju tas-suq ta’ Basel II revedut. B’mod partikolari, il-BĊE jissuġġerixxi l-introduzzjoni fl-Anness II punt (1) tad-direttiva proposta eżenzjoni għall-attivitajiet ta’ kummerċ ta’ korrelazzjoni mir-rekwiżit li l-iskoperturi tat-titolizzazzjonijiet kollha fil-ktieb tal-kummerċ jirċievu t-trattament tar-riskju speċifiku standardizzat.

4.

Barra minn hekk, il-BĊE jinnota li l-istudju tal-impatt kwantitattiv li bħalissa qed isir mill-Kumitat ta’ Basel fuq is-Superviżjoni Bankarja jista’ jwassal għar-rikalibrazzjoni tal-“attivitajiet ta’ kummerċ ta’ korrelazzjoni”. Jekk l-istudju tal-impatt tassew iwassal għar-rikalibrazzjoni tal-qafas ta’ riskju tas-suq ta’ Basel II, il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ li jkun hemm allinjament korrispondenti tad-direttiva proposta, jew xi emenda għaliha, biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni internazzjonali ġusta f’dan il-qasam.

5.

Il-BĊE jilqa’ wkoll l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ rimunerazzjoni fl-Anness I tad-direttiva proposta, li huma skont l-impenn tal-mexxejja tal-G20 għall-implimentazzjoni ta’ standards ta’ kumpens internazzjonali mmirati li jtemmu prattiċi li jwasslu għat-teħid ta’ riskju eċċessiv (3). Barra minn hekk, il-BĊE jappoġġa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-politiki ta’ rimunerazzjoni fil-livell tal-grupp, biex jiġi żgurat it-trattament konsistenti ta’ impjegati li jieħdu riskju fil-ġurisdizzjonijiet kollha fejn joperaw il-banek tal-UE. Fl-aħħar, il-BĊE jenfasizza li meta jiġu introdotti standards internazzjonali li jindirizzaw primarjament istituzzjonijet finanzjarji sinifikanti fid-dritt Komunitarju, li japplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha (inklużi dawk żgħar), il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fit-Trattat, għandu jiġi applikat kif jixraq.

6.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li tiġi adottata d-direttiva proposta, proposti ta’ abbozzar speċifiċi jidhru fl-Anness akkumpanjati bi spjegazzjoni. Dawn il-proposti ma jindirizzawx l-osservazzjonijiet iktar ġenerali li saru iktar ’il fuq.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-12 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2009) 362 finali.

(2)  Ara “Revisions to the Basel II market risk framework” [Reviżjonijiet għall-qafas tar-riskju tas-suq ta’ Basel II], “Guidelines for computing capital for incremental risk in the trading book” [Linji gwida għall-komputazzjoni tal-kapital għar-riskju inkrimentali fil-ktieb tal-kummerċ], u “Enhancements to the Basel II framework” [Titjib fil-qafas ta’ Basel II], datat it-13 ta’ Lulju 2009, disponibbli fuq il-websajt tal-Bank for International Settlements’ f’http://www.bis.org

(3)  Ara “FSF Principles for Sound Compensation Practices” [Prinċpiji FSF għal Prattiċi ta’ Kumpens Xierqa] u l-istandards ta’ implimentazzjoni rilevanti, disponibbli fil-websajt tal-G20 f’http://www.g20.org


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Referenzi

“Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artiklu 47(2),

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,”

“Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artiklu 47(2),

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,”

Spjegazzjoni:

Billi t-Trattat jeħtieġ konsultazzjoni tal-BĊE fuq id-direttiva proposta, għandha tiddaħħal referenza f’dan is-sens fid-direttiva proposta skont l-Artikolu 253 tat-Trattat.

Emenda 2

Artikolu 1(9)

“Artikolu 122b

1.   Minkejja l-piżijiet tar-riskju għal pożizzjonijiet ġenerali ta’ rititolizzazzjoni fl-Anness IX, il-Parti 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu japplikaw piż tar-riskju ta’ 1 250 % għal pożizzjonijiet f’rititolizzazzjonijiet kumplessi ħafna, sakemm l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx uriet lill-awtorità kompetenti għal kull pożizzjoni ta’ rititolizzazzjoni bħal din li hija kkonformat mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 122a(4) u (5).

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fir-rigward ta’ pożizzjonijiet f’rititolizzazzjonijiet ġodda maħruġa wara l-31 ta’ Diċembru 2010. Rigward il-pożizzjonijiet f’rititolizzazzjonijiet eżistenti, il-paragrafu 1 għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2014 f’każijiet fejn skoperturi sottostanti ġodda jiżdiedu jew jitbiddlu wara dik id-data.”

Artikolu 122b

1.   Minkejja l-piżijiet tar-riskju għal pożizzjonijiet ġenerali ta’ rititolizzazzjoni fl-Anness IX, il-Parti 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu japplikaw piż tar-riskju ta’ 1 250 % għal pożizzjonijiet f’ritolizzazzjonijiet kumplessi ħafna, sakemm l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx uriet lill-awtorità kompetenti għal kull pożizzjoni ta’ rititolizzazzjoni bħal din li hija kkonformat mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 122a(4) u (5).

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fir-rigward ta’ pożizzjonijiet f’rititolizzazzjonijiet ġodda maħruġa wara l-31 ta’ Diċembru 2010. Rigward il-pożizzjonijiet f’rititolizzazzjonijiet eżistenti, il-paragrafu 1 għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2014 f’każijiet fejn skoperturi sottostanti ġodda jiżdiedu jew jitbiddlu wara dik id-data.”

Spjegazzjoni:

Il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta għall-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni hija indirizzata b’mod adegwat fl-Artikolu 122a tad-Direttiva adottata mill-Kunsill fil-15 ta’ Lulju 2009  (2) Barra minn hekk, it-trattament propost ta’ skoperturi ta’ rititolizzazzjoni kumplessi ħafna proposti taħt l-Artikolu 122b mhuwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità applikat fl-Artikolu 122a(5) tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, li pprovdiet għal medda ta’ 250 % sa 1 250 %, dan jiddependi fuq il-livell ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-diliġenza dovuta. Bħala konsegwenza, il-BĊE jissuġġerixxi li jitħassar l-Artikolu 122b propost.

Emenda 3

Anness I, paragrafu 1

“11.   POLITIKI DWAR IR-RIMUNERAZZJONI

22.

Meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki dwar ir-rimunerazzjoni għal dawk il-kategoriji ta’ personal li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jikkonformaw mal-prinċipji segwenti b’mod li jkun adattat għad-daqs tagħhom, għall-organizzazzjoni interna u għan-natura, il-firxa u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:

(a)

il-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun konsistenti ma’ u tippromwovi mmaniġġjar tajjeb u effikaċi tar-riskji u ma tinkoraġġix teħid tar-riskju li jaqbeż il-livell ta’ riskju ttollerat tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(b)

il-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun konsistenti mal-istrateġija kummerċjali, l-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(c)

il-korp maniġerjali (funzjoni superviżorja) tal-istituzzjoni ta’ kreditu jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha;

(d)

l-implimentazzjoni tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun, tal-anqas darba fis-sena, soġġetta għal reviżjoni interna ċentrali u indipendenti dwar il-konformità mal-politiki u l-proċeduri għar-rimunerazzjoni definiti mill-korp maniġerjali (funzjoni superviżorja);

(e)

Fejn ir-rimunerazzjoni tkun marbuta mal-prestazzjoni, l-ammont totali ta’ rimunerazzjoni jkun ibbażat fuq kombinazzjoni tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità tan-negozju konċernata u tar-riżultati globali tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(f)

Il-komponenti fissi u varjabbli tar-rimunerazzjoni totali jkunu bbilanċjati b’mod xieraq; il-komponent fiss jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-rimunerazzjoni totali sabiex jippermetti t-tħaddim ta’ politika kompletament flessibbli dwar il-bonusijiet, fosthom il-possibbiltà li ma jitħallas l-ebda bonus;

(g)

il-ħlasijiet marbuta mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu l-prestazzjoni miksuba maż-żmien u huma mfassla b’mod li ma jippremjawx il-falliment;

(h)

il-kejl tal-prestazzjoni li jintuża sabiex jiġu kkalkulati bonusijiet jew raggruppamenti ta’ bonusijiet jinkludi aġġustament għar-riskji preżenti u futuri u jqis il-prezz tal-kapital u l-likwidità meħtieġa;

(i)

il-ħlas tal-parti prinċipali ta’ bonus sinifikanti jiġi ddifferit għal perjodu xieraq u jkun marbut mal-prestazzjoni tal-kumpanija fil-ġejjieni.”

“11.   POLITIKI DWAR IR-RIMUNERAZZJONI

22.

Meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki dwar ir-rimunerazzjoni għal dawk il-kategoriji ta’ personal li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jikkonformaw mal-prinċipji segwenti b’mod li jkun adattat għad-daqs tagħhom, għall-organizzazzjoni interna u għan-natura, il-firxa u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:

(a)

il-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun konsistenti ma’ u tippromwovi mmaniġġjar tajjeb u effikaċi tar-riskji u ma tinkoraġġix teħid tar-riskju li jaqbeż il-livell ta’ riskju ttollerat tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(b)

il-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun konsistenti mal-istrateġija kummerċjali, l-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(c)

il-korp maniġerjali (funzjoni superviżorja) tal-istituzzjoni ta’ kreditu jistabbilixxi u jirrivedi l-prinċipji ġenerali tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha;

(d)

l-implimentazzjoni tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun, tal-anqas darba fis-sena, soġġetta għal reviżjoni interna ċentrali u indipendenti dwar il-konformità mal-politiki u l-proċeduri għar-rimunerazzjoni definiti mill-korp maniġerjali (funzjoni superviżorja);

(e)

ir-rimunerazzjoni ta’ staff impenjat fil-kontroll finanzjarju u tar-riskju hija indipendenti mill-oqsma ta’ negozju li jissorveljaw u f’parità mar-rwol ewlieni tagħhom fl-istituzzjoni tal-kreditu;

(e f)

fejn ir-rimunerazzjoni tkun marbuta mal-prestazzjoni, l-ammont totali ta’ rimunerazzjoni jkun ibbażat fuq kombinazzjoni tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità tan-negozju konċernata u tar-riżultati globali tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(h g)

il-kejl tal-prestazzjoni li jintuża sabiex jiġi kkalkulati il-komponent tar-rimunerazzjoni varjabbli bonusijiet jew raggruppamenti ta’ bonusijiet jinkludi aġġustament għat-tipi kollha ta’ riskji preżenti u futuri u jqis il-prezz tal-kapital u l-likwidità meħtieġa;

(h)

rimunerazzjoni varjabbli ggarantita tista’ sseħħ biss f’każijiet eċċezzjonali fil-kuntest tal-impjieg ta’ staff ġdid u huwa limitat għall-ewwel sena, wara li jitqiesu l-politiki tal-immaniġġjar tar-riskju prudenti;

(f i)

I il-komponenti fissi u varjabbli tar-rimunerazzjoni totali jkunu bbilanċjati b’mod xieraq u konsistenti ma’ allinjament tar-riskju; il-komponent fiss jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-rimunerazzjoni totali sabiex jippermetti t-tħaddim ta’ politika kompletament flessibbli dwar il-bonusijiet fir-rigward tal-komponent varjabbli, fosthom il-possibbiltà li ma jitħallas l-ebda bonus komponent variabbli;

(j)

il-ħlas tar-rimunerazzjoni varjabbli totali ma tillimitax il-kapaċità tal-istituzzjoni ta’ kreditu li ssaħħaħ il-bażi kapitali tagħha;

(i k)

il-ħlas tal-parti prinċipali ta’ bonus komponent ta’ rimunerazzjoni varjabbli sinifikanti jiġi ddifferit għal perjodu xieraq ta’ mhux anqas minn tliet snin, ma jiġix vestit iktar mgħaġġel milli fuq bażi pro rata u jkun marbut mal-prestazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu fil-ġejjieni;

(l)

proporzjon sostanzjali tal-komponent tar-rimunerazzjoni varjabbli għandu jingħata f’ishma jew fi strumenti marbuta mal-ishma, jew, meta jkun xieraq, strumenti oħrajn mhux fi flus kontanti sakemm dawn l-istrumenti joħolqu inċentivi allinjati mal-ħolqien tal-valur fit-tul u l-orizzonti taż-żmien tar-riskju. Għoti f’ishma, marbuta mal-ishma jew strumenti oħrajn mhux fi flus kontanti huma suġġetti għal politika ta’ żamma xierqa;

(g m)

il-ħlasijiet marbuta mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu l-prestazzjoni miksuba maż-żmien u huma mfassla b’mod li ma jippremjawx il-falliment;.

22a.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma sinifikanti fir-rigward tad-daqs tagħhom, organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom għandhom jistabbilixxu kumitat ta’ bord ta’ rimunerazzjoni biex jissorvelja l-politiki u l-prattiċi ta’ kumpens tagħhom. Il-kumitat ta’ rimunerazzjoni għandu jiġi kkostitwit b’mod li jippermettilu li jeżerċita ġudizzju kompetenti u indipendenti fuq politiki ta’ rimunerazzjoni u prattiċi u inċentivi maħluqin għall-immaniġġjar tar-riskju, il-kapital u l-likwidità.

Spjegazzjoni:

Il-BĊE jissuġġerixxi li jiġi emendat l-Anness I, paragrafu 1 tad-direttiva proposta kif ġej: (i) il-kejl tal-prestazzjoni għandu jiġi aġġustat għat-tipi kollha ta’ riskju (ara l-punt g tal-kolonna tal-lemin iktar ’il fuq); u (ii) il-punti h u i tal-Anness 1, paragrafu 1 tad-direttiva proposta għandhom jinqalbu (ara l-punti g u i tal-kolonna tal-lemin iktar ’il fuq) biex jinżammew flimkien ir-referenzi għall-kejl tal-prestazzjoni u għall-komponent tar-rimunerazzjoni varjabbli. Fl-aħħar nett, il-BĊE jipproponi l-introduzzjoni ta’ prinċipji ġodda li jirriflettu l-ftehim tal-mexxejja tal-G20 li ntlaħaq fil-Laqgħa Għolja ta’ Pittsburg bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru 2009. B’mod partikolari, il-Mexxejja tal-G20 jaqblu għal kollox mal-istandards ta’ implimentazzjoni tal-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja mmirata lejn l-allinjament ta’ kumpens mal-ħolqien ta’ valur fit-tul, mhux it-teħid ta’ riskju eċċessiv (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq).

Emenda 4

Anness II, paragrafu 3(e)

“7.

Għall-finijiet tal-punti 10b(a) u 10b(b), ir-riżultati tal-kalkolu li tagħmel l-istituzzjoni nnifisha għandhom jiżdiedu b’fattur ta’ multiplikazzjoni (m+) ta’ mill-inqas 3.”

“7.

Għall-finijiet tal-punti 10b(a) u 10b(b), ir-riżultati tal-kalkolu li tagħmel l-istituzzjoni nnifisha għandhom jiżdiedu b’fattur ta’ multiplikazzjoni (m+) ta’ mill-inqas 3 u fattur ta’ multiplikazzjoni (ms) ta’ mill-inqas 3.”

Spjegazzjoni:

Il-BĊE jappoġġa l-allinjament tad-direttiva proposta mat-test ta’ Basel rilevanti (jiġifieri Reviżjonijiet għall-qafas tar-riskju tas-suq ta’ Basel II) li jipprovdi għal żewġ multiplikaturi differenti għall-valur-fir-riskju kurrenti u stressjat.

Emenda 5

Anness II, paragrafu 3(f)

“Għall-finijiet tal-punt 10b(a) u 10b(b), il-fattur ta’ multiplikazzjoni (m+) għandu jiġi miżjud b’fattur ta’ żieda ta’ bejn 0 u 1 skont it-Tabella 1, jiddependi fuq in-numru ta’ qbiż tal-valur għall-aktar 250 ġurnata tan-negozju riċenti kif muri mill-ittestjar b’lura tal-kejl tal-valur fir-riskju mill-istituzzjoni kif stabbilit fil-punt 10 […].”

“Għall-finijiet tal-punt 10b(a) u 10b(b), il-fattur ta’ multiplikazzjoni (mc+ ) u (ms) għandu jiġi miżjud b’fattur ta’ żieda ta’ bejn 0 u 1 skont it-Tabella 1, jiddependi fuq in-numru ta’ qbiż tal-valur għall-aktar 250 ġurnata tan-negozju riċenti kif muri mill-ittestjar b’lura tal-kejl tal-valur fir-riskju mill-istituzzjoni kif stabbilit fil-punt 10 […].”

Spjegazzjoni:

Ara l-ispjegazzjoni għall-Emenda 4.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. It-tħassir (strikethrough) fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jitħassar test.

(2)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet adottata mill-Kunsill fil-15 ta’ Lulju 2009, wara ftehim milħuq mal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, disponibbli fil-websajt tal-Kunsill f’http://register.consilium.europa.eu


Top