EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AB0028

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta’Marzu 2010 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 dwar il-kwalità tad-dejta statistika fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (CON/2010/28)

OJ C 103, 22.4.2010, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 103/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta’Marzu 2010

dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 dwar il-kwalità tad-dejta statistika fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv

(CON/2010/28)

2010/C 103/01

Fit-8 ta’ Marzu 2010, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 479/2009 dwar il-kwalità tad-dejta statistika fil-kuntest tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv (1) (minn issa ’l quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress illi l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) jassistu jew jikkontribwixxu għall-kumpilazzjoni tal-istatistika taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (2). Barra minn hekk, huma jirrappurtaw dwar l-istatistika finanzjarja lill-BĊE għall-fini tal-qadi tad-dmirjiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjoni ġenerali

Il-BĊE jappoġġja r-regolament propost bħala pass importanti ħafna lejn it-titjib tal-kwalità tal-istatistika msemmija fir-Regolament (KE) Nru 479/2009.

Osservazzjonijiet speċifiċi

Il-BĊE jemfasizza illi huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bl-aċċess għall-informazzjoni kollha illi l-Kummissjoni teħtieġ biex tevalwa l-kwalità tad-dejta. Il-BĊE jqis ukoll illi għal dan il-għan lista aktar dettaljata minn dik proposta sabiex tiġi inkluża fl-Artikolu 8(2) għandha tkun ta’ benefiċċju sabiex tiżdied il-kjarezza u ċ-ċertezza dwar it-tip ta’ informazzjoni li tista’ tintalab. Għandu jkun ċar illi l-lista mhijiex eżawrenti.

Bl-istess mod, il-BĊE jikkunsidra illi l-introduzzjoni ta’ xi eżempji fl-Artikolu 11(3) tista’ tiċċara meta jkunu meħtieġa ż-żjarat metodoloġiċi. Reviżjonijiet frekwenti u kbar tad-dejta, aġġustamenti fiċ-ċaqliq tal-istokks li huma persistenti u mingħajr spjegazzjoni u li jikkonċernaw kwistjonijiet metodoloġiċi jistgħu jwasslu għal tħassib u għalhekk jeħtieġu viżita metodoloġika, li l-BĊE jemmen hija mezz eċċellenti biex tittejjeb il-kwalità tad-dejta. Naturalment, id-dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 479/2009 li jikkonċernaw dawn iż-żjarat, u d-dispożizzjonijiet l-oħra intiżi għat-titjib fil-kwalità tad-dejta, jistgħu biss ikunu verament effettivi meta jiġu applikati b’mod komplut.

Barra minn hekk, il-BĊE jemmen illi d-definizzjoni ta’ ‘defiċit tal-gvern (surplus)’ fir-Regolament (KE) Nru 479/2009 għandha tiġi allinjata ma’ standards internazzjonali tal-istatistika. Għalhekk il-BĊE jipproponi illi jintuża d-defiċit (B.9) mill-kontijiet nazzjonali għall-proċedura ta’ defiċit eċċessivv (EDP) kif kien isir fis-snin bikrija ta’ din il-proċedura. Dan ikollu l-benefiċċju addizzjonali li tiżdied it-trasparenza tal-proċess ta’ rappurtar, peress illi bl-esklużjoni ta’ ħlasijiet taħt arranġamenti dwar is-swaps u taħt ftehim dwar ir-rata forward mid-defiċit użat għall-EDP il-figuri tad-defiċit isiru anqas suxxettibbli għall-manipolazzjonijiet li jsiru permezz ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji kumplessi.

Sabiex titjieb il-kwalità tad-dejta, il-BĊE jixtieq ukoll jizgura illi l-kumpilazzjoni tad-dejta ppjanata tkun ibbażata fuq l-aktar informazzjoni aġġornata disponibbli, billi jintużaw riżultati ta’ kull xahar u ta’ kull tliet xhur fejn disponibbli. Idealment, il-kwalità ta’ din id-dejta ppjanata għandha tiġi wkoll miflija bir-reqqa.

Barra minn hekk, il-BĊE jemmen illi l-Kummissjoni għandha tingħata aktar żmien biex tevalwa d-dejta attwali u jiffavorixxi l-estensjoni tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 14 b’ġimgħa għal erba’ ġimgħat. L-estensjoni ta’ dan il-perijodu titlob ukoll trażmissjonijiet ta’ data aktar bikrin mill-Istati Membri, sabiex ma jitħarbtux il-proċessi amministrattivi (inkluż, per eżempju, it-tħejjija tar-rapporti dwar il-konverġenza) li fihom tintuża din id-dejta. Ghalhekk, il-BĊE jipproponi li l-iskadenzi għar-rappurtar jitmexxew ‘il quddiem fil-futur. Billi l-BĊE jifhem illi emenda għar-Regolament (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (3) (jiġifieri l-programm għat-trażmissjoni tas-Sistema Ewropea tal-Kontabilità (ESA)) jinsab preżentement għad-diskussjoni, l-iskadenzi rispettivi għandhom jiġu allinjati sabiex jiġu evitati problemi ta’ konsistenza.

Finalment, il-BĊE jikkunsidra bħala importanti illi l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità tad-dejta rappurtata mal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 u regoli tal-kontabbiltà bażilari ESA 95.

Fejn il-BĊE jirrikkmanda illi r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu elenkati għal dan il-għan fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test ta’ spjega.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 31 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2010) 53 finali.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, pġ. 1.

(3)  ĠU L 310, 30.11.1996, pġ. 1.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009

Artikolu 8

“2.   L-Istati Membri għandhom mill-aktar fis possibbli jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bl-aċċess għall-informazzjoni kollha mitluba għall-evalwazzjoni tal-kwalità tad-dejta, inkluża l-istatistika bħal dejta mill-kontijiet nazzjonali, inventarji, tabelli għan-notifika ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv, kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali marbutin man-notifiki.

Il-format tal-kwestjonarji għandu jiġi definit mill-Kummissjoni (Eurostat) wara konsultazzjoni mal-Kumitat għall-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u l-Bilanċ tal-Pagamenti (minn hawn ‘il quddiem msemmi bħala CMFB).”

Artikolu 8

“2.   L-Istati Membri għandhom mill-aktar fis possibbli jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bl-aċċess għall-informazzjoni kollha statistika u baġitarja mitluba għall-evalwazzjoni tal-kwalità tad-dejta. .

Informazzjoni statistika u baġitarja tfisser, b’mod partikolari:

(a)

dejta minn kontijiet nazzjonali;

(b)

inventarji;

(c)

tabelli għan-notifika ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv (EDP);

(d)

kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali marbutin man-notifiki EDP;

(e)

informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kontabilità Ġenerali/Ministeru tal-Finanzi/awtorità reġjonali relevanti dwar l-esekuzzjoni tal-baġit Statali u reġjonali;

(f)

il-kontijiet ta’ entitajiet extra-baġitarji/organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ u entitajiet simili li huma parti mis-settur ġenerali tal-gvern fil-kontijiet nazzjonali;

(g)

il-kontijiet ta’ fondi tas-sigurtà soċjali;

(h)

stħarriġ tal-gvernijiet lokali.

Il-format tal-kwestjonarji għandu jiġi definit mill-Kummissjoni (Eurostat) wara konsultazzjoni mal-Kumitat għall-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u l-Bilanċ tal-Pagamenti ( CMFB).”

Spjegazzjoni

Ir-regolament propost għandu jispeċifika illi l-informazzjoni mitluba tista’ tkun ta’ natura statistika u baġitarja, u tipprovdi eżempji ta’ kategoriji ta’ din l-informazzjoni, sabiex tiżdied il-kjarezza u t-trasparenza.

Emenda 2

Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009

Artikolu 11

“3.   Iż-żjarat metodoloġiċi huma ntiżi sabiex jissorveljaw il-proċessi u jivverifikaw il-kontijiet li jiġġustifikaw id-dejta attwali rappurtata u joħorġu b’konklużjonijiet dettaljati dwar il-kwalità tad-dejta rappurtata, kif definit fl-Artikolu 8(1).

Iż-żjarat metodoloġiċi għandhom isiru biss f’każijiet eċċezzjonali fejn ikunu ġew identifikati riskji jew problemi sinifikanti fil-kwalità tad-dejta.”

Artikolu 11

“3.   Iż-żjarat metodoloġiċi huma ntiżi sabiex jissorveljaw il-proċessi u jivverifikaw il-kontijiet li jiġġustifikaw id-dejta attwali rappurtata u joħorġu b’konklużjonijiet dettaljati dwar il-kwalità tad-dejta rappurtata, kif definit fl-Artikolu 8(1).

Iż-żjarat metodoloġiċi għandhom isiru biss f’każijiet eċċezzjonali fejn ikunu ġew identifikati riskji jew problemi sinifikanti fil-kwalità tad-dejta, bħal per eżempju reviżjonijiet frekwenti u kbar tad-dejta, aġġustamenti fiċ-ċaqliq tal-istokks li huma persistenti u mingħajr spjegazzjoni jew problemi mhux riżoltu marbutin ma’ kwistjonijiet metodoloġiċi.

Spjegazzjoni

Il-BĊE jissuġġerixxi illi jiġi speċifikat b’mod mhux eżawrenti liema huma l-każijiet eċċezzjonali li jeħtieġu żjara metodoloġika.


Test kurrenti

Emendi proposti mill-BĊE

Emenda 3

Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009

“3.   ‘Defiċit tal-Gvern (surplus)’ ifisser l-ammont nett li jissellef (self nett) (EDP B.9) tas-settur tal-‘gvern ġenerali’ (S.13), kif definit f’ESA 95. L-imgħax inkluż fid-defiċit tal-gvern huwa l-imgħax (EDP D.41), kif definit f’ESA 95.”

“3.   ‘Defiċit tal-Gvern (surplus)’ ifisser l-ammont nett li jissellef (self nett) ( B.9) tas-settur tal-‘gvern ġenerali’ (S.13), kif definit fl-ESA 95. L-imgħax inkluż fid-defiċit tal-gvern huwa l-imgħax ( D.41), kif definit fl-ESA 95.”

Spjegazzjoni

Kif spjegat fl-osservazzjonijiet speċifiċi, il-BĊE jissuġġerixxi it-titjib tat-trasparenza tal-proċess ta’ rappurtar billi jintuża d-defiċit fil-kontijiet nazzjonali (B.9) għall-finijiet tal-EDP.

Emenda 4

Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009

“1.   ‘Figuri tal-livelli ppjanati tad-defiċit tal-gvern u tad-dejn tal-gvern’ tfisser il-figuri stabbiliti għas-sena kurrenti mill-Istati Membri. Huma għandhom ikunu l-aktar previżjonijiet uffiċjali riċenti, u li jieħdu in kunsiderazzjoni l-aktar deċiżjonijiet baġitarji u żviluppi ekonomiċi riċenti u l-prospetti. Huma għandhom isiru fl-iqsar żmien possibbli qabel l-iskadenza għar-rappurtar.”

“1.   ‘Figuri tal-livelli ppjanati tad-defiċit tal-gvern u tad-dejn tal-gvern’ tfisser il-figuri stabbiliti għas-sena kurrenti mill-Istati Membri. Huma għandhom ikunu l-aktar previżjonijiet uffiċjali riċenti, u li jieħdu in kunsiderazzjoni l-aktar deċiżjonijiet baġitarji u żviluppi ekonomiċi riċenti u l-prospetti kif ukoll ir-riżultati ta’ kull xahar u ta’ kull tliet xhur. Huma għandhom isiru fl-iqsar żmien possibbli qabel l-iskadenza għar-rappurtar.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE huwa tal-fehma illi l-kwalità tad-dejta ppjanata titjieb kieku tinġabar abbażi tal-aktar informazzjoni aġġornata disponibbli.

Emenda 5

Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009

“1.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi d-dejta tad-defiċit u d-dejn attwali tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat mill-iskadenza għar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 3(1) jew wara r-reviżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1). Dak il-forniment ta’ dejta għandu jsir permezz tal-pubblikazzjoni.”

“1.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi d-dejta tad-defiċit u d-dejn attwali tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv, fi żmien erba’ ġimgħat mill-iskadenza għar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 3(1) jew wara r-reviżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1). Dak il-forniment ta’ dejta għandu jsir permezz tal-pubblikazzjoni.”

Spjegazzjoni

Sabiex jagħti lill-Kummissjoni aktar żmien sabiex tevalwa sew il-kwalità tad-dejta attwali rappurtata mill-Istati Membri, il-BĊE jixtieq jipproponi estensjoni żgħira tal-iskadenza.

Emenda 6

Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-dejta attwali rappurtata lill-Kummissjoni (Eurostat) tiġi fornita skont il-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97. F'dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika hija li jiżguraw il-konformità tad-dejta rappurtata mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u regoli tal-kontabbiltà bażilari ESA 95.”

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-dejta attwali rappurtata lill-Kummissjoni (Eurostat) tiġi fornita skont il-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. F'dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika hija li jiżguraw il-konformità tad-dejta rappurtata mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u r-regoli tal-kontabbiltà bażilari ESA 95.’ L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jingħataw aċċess għall-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa bix jaqdu din il-funzjoni.

Spjegazzjoni

L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jingħataw aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex jiżguraw il-konformità tad-dejta rappurtata mal-Artikolu 1 tar-Regolament u r-regoli tal-kontabbiltà bażilari ESA 95. Din il-kwistjoni ġiet ukoll indirizzata fl-Opinjoni tal-BĊE CON/2010/17 tat-23 ta’ Frar 2010 dwar it-twaqqif tas-Sistema Ellenika għall-Istatistika u awtorità indipendenti tal-istatistika  (2).


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  Ippubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE li jinsab http://www.ecb.europa.eu


Top