EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12016M/PRO/04

Verzjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 4) DWAR L-ISTATUTI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

OJ C 202, 7.6.2016, p. 230–250 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/teu_2016/pro_4/oj

   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/230


PROTOKOLL (Nru 4)

DWAR L-ISTATUTI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JIXTIEQU li jgħaddu l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew kif hemm previst fl-Artikolu 129(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

KAPITOLU I

SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 1

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali

Skond l-Artikolu 282(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-BĊE flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkostitwixxu l-Eurosistema.

Is-SEBĊ u l-BĊE għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom u jwettqu l-attivitajiet tagħhom skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u ta' dan l-Istatut.

KAPITOLU II

L-GĦANIJIET U L-KOMPITI TAS-SEBĊ

Artikolu 2

Għanijiet

Skond l-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-mira ewlenija ta' l-SEBĊ għandha tkun li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-mira ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, għandha wkoll tagħti appoġġ lil-linji politiċi ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-ħsieb li tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni kif indikati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-SEBĊ għandha taġixxi skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, u tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, u konformement mal-prinċipji indikati fl-Artikolu 119 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Kompiti

3.1.   Skond l-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-ħidma fondamentali li għandha ssir permezz tas-SEBĊ hija:

li tiddefinixxi u timplementa l-politika monetarja ta' l-Unjoni;

li tmexxi l-operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 219 ta' dak it-Trattat;

li żżomm in depożitu u tamministra r-riservi barranin uffiċjali ta' l-Istati Membri;

li tippromwovi l-funzjonament regolari tas-sistemi tal-pagamenti.

3.2.   Skond l-Artikolu 127(3) tat-Trattat imsemmi, it-tielet subinċiż ta' l-Artikolu 3.1 ma jippreġudikax id-dritt ta' Stati Membri li jżommu in depożitu u jamministraw il-bilanċi operattivi fil-kambju internazzjonali.

3.3.   Skond l-Artikolu 127(5) tat-Trattat imsemmi, is-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija tmexxija tajba ta' linji politiċi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti f'dak li jirrigwarda is-sorveljanza prudenzjali li tkun marbuta mas-sorveljanza għaqlija ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.

Artikolu 4

Funzjonijiet konsultattivi

Skond l-Artikolu 127(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

(a)

il-BĊE għandu jiġi konsultat:

dwar kull att ta' l-Unjoni propost fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu;

mill-awtoritajiet nazzjonali dwar kull dispożizzjoni leġislattiva abbozzata fl-oqsma ta' kompetenza tagħha, imma fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura indikata fl-Artikolu 41;

(b)

il-BĊE jista' jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu lill-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni jew lill-awtoritajiet nazzjonali dwar ħwejjeġ li jaqgħu fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Artikolu 5

Ġbir ta' informazzjoni statistika

5.1.   Sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tas-SEBĊ, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali, għandu jiġbor l-informazzjoni statistika meħtieġa jew mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand operaturi ekonomiċi. Għal dan l-għan għandu jikkopera ma' l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

5.2.   Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom iwettqu, sa fejn ikunu jistgħu, il-kompiti deskritti fl-Artikolu 5.1.

5.3.   Il-BĊE għandu jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni, fejn ikun jinħtieġ, tar-regoli u tal-prattika tal-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim ta' l-istatistika fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

5.4.   Il-Kunsill, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 41, għandu jiddefinixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom l-obbligu li jirrapportaw, ir-regoli ta' kunfidenzjalitaà u d-dispożizzjonijiet adattati sabiex jinforza l-konformità.

Artikolu 6

Il-koperazzjoni internazzjonali

6.1.   Fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali li tinvolvi l-kompiti fdati f'idejn is-SEBĊ, l-BĊE għandu jiddeciedi kif għandha tkun irrappreżentata s-SEBĊ.

6.2.   Il-BĊE u, bl-approvazzjoni tiegħu, il-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jipparteċipaw f'istituzzjonijiet monetarji internazzjonali.

6.3.   L-Artikoli 6.1 u 6.2 ma jippreġudikawx l-Artikolu 138 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU III

L-ORGANIZZAZZJONI TAS-SEBĊ

Artikolu 7

L-indipendenza

Skond l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet fdati f'idejhom bit-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u b'dan l-Istatut, la l-BĊE, la xi bank ċentrali nazzjonali, u lanqas xi membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma għandu jitlob jew jaċċetta istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi ta' l-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jippruvawx jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 8

Prinċipju ġenerali

Is-SEBĊ tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Artikolu 9

Il-Bank Ċentrali Ewropew

9.1.   Il-BĊE li, skond l-Artikolu 282(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandu jkollu personalità ġuridika, għandu jgawdi f'kull Stat Membru l-estensjoni kollha ta' kapaċità legali l-aktar pożizzjoni legali estensiva li soltu mogħtija bil-liġi lill-persuni ġuridiċi; jista', b'mod partikolari, jakkwista proprjeta mobbli jew immobbli jew jiddisponi minnha, u jista' ikun parti fi proċeduri legali.

9.2.   Il-BĊE għandha tiżgura li l-kompiti mogħtija lis-SEBĊ taħt l-Artikolu 127(2), (3) u (5) tat-Trattat imsemmi jitwettqu bl-attivitajiet tiegħu stess, konformement ma' dan l-Istatut, jew permezz tal-banek ċentrali nazzjonali konformement ma' l-Artikoli 12.1 u 14.

9.3.   Skond l-Artikolu 129(1) tat-Trattat imsemmi, il-korpi deċiżjonali tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 10

Il-Kunsill Regolatorju

10.1.   Skond l-Artikolu 283(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju għandu jiġbor fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

10.2.   Kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed. Mid-data li fiha n-numru ta' membri tal-Kunsill Regolatorju jeċċedi l-21, kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed u n-numru ta' gvernaturi bid-dritt tal-vot għandu jkun 15. Dawn id-drittijiet tal-vot ta' l-aħħar għandhom ikunu assenjati u għandhom iduru kif ġej:

mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi l-15, sakemm jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikunu allokati għal żewġ gruppi, skond l-ikklassifikar tad-daqs ta' sehem ta' l-Istat Membru tal-bank ċentrali nazzjonali fil-prodott domestiku gross komplessiv bi prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ishma fil-prodott domestiku gross komplessiv bil-prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji għandhom ikunu assenjati l-piżijiet ta' 5/6 u 1/6 rispettivament. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u t-tieni grupp mill-gvernaturi li jkun fadal. Il-frekwenza tad-drittijiet tal-vot tal-gvernaturi allokati għall-ewwel grupp m'għandux ikun anqas mill-frekwenza tad-drittijiet tal-vot ta' dawk tat-tieni grupp. Mingħajr preġudizzju għas-sentenza preċedenti, l-ewwel grupp għandu jkun assenjat erba' drittijiet tal-vot u t-tieni grupp ħdax il-dritt tal-vot;

mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikun allokati lil tlett gruppi skond klassifikazzjoni bbażata fuq il-kriterji t'hawn fuq. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u għandu jkun assenjat b'erba' drittijiet tal-vot. It-tieni grupp għandu jkun kompost minn nofs in-numru totali ta' gvernaturi, b'kull frazzjoni miżjuda sa' l-eqreb numru sħiħ, u għandu jkun assenjat tmien drittijiet tal-vot. It-tielet grupp għandu jkun kompost mill-bqija tal-gvernaturi u għandu jkun assenjat tlett drittijiet tal-vot;

f'kull grupp, il-gvernaturi għandhom ikollhom id-drittijiet tal-vot tagħhom għal ammonti ta' żmien ugwali;

għall-kalkolazzjoni ta' l-ishma fil-prodott gross domestika komplessiv bil-prezzijiet tas-suq għandu japplika l-Artikolu 29.2. It-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet finazjarju monetarji għandu jkun kalkolat skond il-qafas ta' l-istatistika li japplika fl-Unjoni Ewropea fil-ħin tal-kalkolazzjoni;

kull meta l-prodott domestiku gross komplessiv bil-prezzijiet tas-suq ikun aġġustat skond l-Artikolu 29.3, jew kull meta n-numru ta' gvernaturi jiżdied, id-daqs u/jew il-kompożizzjoni tal-gruppi għandu jkun aġġustat skond il-prinċipji msemmija hawn fuq;

il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, bid-dritt tal-vot jew mingħajr id-dritt tal-vot, għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji msemmija hawn fuq u jista' jiddeċiedi li jipposponi l-bidu tas-sistema ta' rotazzjoni sad-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi 18.

Id-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat personalment. B'deroga minn din ir-regola, ir-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikolu 12.3 jistgħu jistabbilixxu li membri tal-Kunsill Regolatorju jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom permezz ta' teleconferencing. Dawn ir-regoli għandu jipprovdu wkoll li membru tal-Kunsill Regolatorju li ma jkunx jista' jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju għall-perjodu twil jista' jaħtar sostitut bħala membru tal-Kunsill Regolatorju.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-vot tal-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju, bid-dritt tal-vot jew mingħajru, skond l-Artikoli 10.3, 40.2, u 40.3.

Ħlief kif provdut f'dan l-Istatut, il-Kunsill Regolatorju għandu jaġixxi b'maġġornaza sempliċi tal-membri li għandhom d-dritt tal-vot. F'każ ta' riżultat b'voti ndaqs, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

Sabiex il-Kunsill Regolatorju jkun jista' jivvota, irid ikun hemm kworum ta' żewġ terzi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li matulha deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr konsiderazzjoni għall-kworum.

10.3.   Sabiex jittieħdu xi deċiżjonijiet skond l-Artikoli 28, 29, 30, 32 u 33, il-voti fil-Kunsill Regolatorju għandhom jiġu peżati skond kemm ikollhom ishma l-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Il-piż tal-voti tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun zero. Deċiżjoni li teħtieg maġġoranza kkwalifikata għandha titqies li ttieħdet jekk il-voti favur ikunu jirrappreżentaw mill-anqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-BĊE u jirrappreżentaw mill-anqas nofs ta' l-azzjonisti. Jekk Gvernatur ma jkunx jista' jattendi, ikun jista' jinnomina persuna oħra sabiex tagħti il-vot peżat minfloku.

10.4.   Il-proċeduri tal-laqgħat ikunu kunfidenzjali. Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu.

10.5.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jiltaqa' mill-anqas għaxar darbiet fis-sena.

Artikolu 11

Il-Bord Eżekuttiv

11.1.   Skond l-Artikolu 283(2) l-ewwel subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bord Eżekuttiv ikun magħmul minn President, Viċi-President u erba' membri oħra.

Il-membri jiddedikaw irwieħhom esklussivament għal dmirjiethom. L-ebda membru ma jista' jimpenja ruħu f'xi impjieg ieħor, sew bi ħlas sew jekk le, sakemm ma tkunx ingħatat eċċezzjonalment eżenzjoni mill-Kunsill Regolatorju.

11.2.   Skond l-Artikolu 283(2) it-tieni subparagrafu ta tat-Trattat imsemmi, il-President, il-Viċi-President u l-Membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jinħatru minn fost persuni ta' statura rikonoxxuta u ta' esperjenza professjonali f'materji monetarji jew bankarji mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill wara li jkun ġie kkonsultat il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Regolatorju.

Il-ħatra tagħhom tkun għal tmien snin u ma tistax tiġġedded.

Persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' l-Istati Membri biss jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.

11.3.   Il-pattijiet u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, u b'mod partikolari s-salarji, il-pensjonijiet u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali, isiru b'kuntratt mal-BĊE u jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju fuq il-proposta ta' Kumitat li jkun fih tliet membri maħtura mill-Kunsill Regolatorju u tliet membri maħtura mill-Kunsill. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv ma jkollhomx id-dritt jivvotaw fuq kwistjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu.

11.4.   Jekk membru tal-Bord Eżekuttiv ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella kien ħati ta' mġieba serjament ħażina, il-Qorti tal-Ġustizzja, tista', wara rikors tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv, iġġiegħlu jirtira.

11.5.   Kull membru tal-Bord Eżekuttiv li jkun preżenti personalment ikollu d-dritt jivvota u jkollu għal dan l-għan, vot wieħed. Salv kif provdut xort' oħra, il-Bord Eżekuttiv jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-voti. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President ikollu l-vot deċisiv. L-arranġamenti għall-votazzjoni jkunu indikati fir-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikolu 12.3.

11.6.   Il-Bord Eżekuttiv ikun responsabbli għall-amministrazzjoni kurrenti tal-BĊE.

11.7.   Kull post vakanti fil-Bord Eżekuttiv għandu jimtela bil-ħatra ta' membru ġdid skond l-Artikolu 11.2.

Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-korpi deċiżjonali

12.1.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta l-linji direttivi u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f'idejn is-SEBĊ mit-Trattati u dan l-Istatut. Il-Kunsill Regolatorju għandu jifformula l-politika monetarja ta' l-Unjoni li tinkludi, kif xieraq, deċiżjonijiet marbutin ma' skopijiet monetarji intermedji, rati indikattivi ta' imgħax u l-fornitura ta' riservi fis-SEBĊ, u għandu jistabbilixxi d-direttivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jimplimenta l-politika monetarja skond il-linji direttivi stabbiliti u d-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill Regolatorju. Waqt li jagħmel dan, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-banek ċentrali nazzjonali. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv jista' jkollu xi poteri delegati lilu meta l-Kunsill Regolatorju hekk jiddeċiedi.

Sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-BĊE għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali sabiex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-ħidmiet tas-SEBĊ.

12.2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkollu r-responsabbiltà li jipprepara laqgħat tal-Kunsill Regolatorju.

12.3.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali tagħha.

12.4.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 4.

12.5.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu d-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 13

Il-President

13.1.   Il-President jew, fl-assenza tiegħu, il-Viċi-President jippresiedi l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

13.2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, il-President jew il-persuna nominata minnu, għandu jirrappreżenta lill-BĊE esternament.

Artikolu 14

Banek ċentrali nazzjonali

14.1.   Skond l-Artikolu 131 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, ikunu kompatibbli mat-Trattati u ma’ dan l-Istatut.

14.2.   L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b'mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta' Gvernatur ta' bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.

Gvernatur jista' jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta' mġieba serjament ħażina. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, bħala ksur tat-Trattati jew ta' xi regola tal-liġi marbuta ma' l-applikazzjoni tiegħu.Dawn il-proċeduri għandhom jibdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.

14.3.   Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-SEBĊ u għandhom jaġixxu skond il-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura li l-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE jiġu mħarsa, u għandu jirrikjedi li tingħatalu kull informazzjoni li tkun tinħtieġ.

14.4.   Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f'dan l-Istatut kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m'għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ.

Artikolu 15

Obbligi li jsiru rapport

15.1.   IL-BĊE għandu jħejji u jippubblika rapporti dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ ta' l-inqas kull tliet xhur.

15.2.   Dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata tas-SEBĊ għandha tiġi ppubblikata kull ġimgħa.

15.3.   Skond l-artikolu 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-BĊE għandu jagħmel rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ u fuq il-politika monetarja kemm tas-sena preċedenti kif ukoll ta' dik kurrenti, lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Kunsill Ewropew.

15.4.   Ir-rapporti u d-dikjarazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu għad-dispożizzjoni ta' kull parti interressata bla ebda ħlas.

Artikolu 16

Karti tal-flus

Skond l-Artikolu 128(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus ta' l-euro fl-Unjoni. Dan il-ħruġ ta' noti jista' jsir kemm mill-BĊE kif ukoll mill-banek ċentrali nazzjonali. Il-karti tal-flus maħruġa mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali biss ikollhom l-istat ta' valuta legali fi ħdan l-Unjoni.

Il-BĊE għandu jirrispetta kemm jista' jkun kull pratika eżistenti fejn għandhom x'jaqsmu l-emissjoni u d-disinn ta' karti tal-flus.

KAPITOLU IV

FUNZJONIJIET MONETARJI U ĦIDMIET TA' L-SEBĊ

Artikolu 17

Kontijiet mal-BĊE u mal-banek ċentrali nazzjonali

Sabiex iwettqu l-ħidmiet tagħhom, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiftħu kontijiet għal istituzzjonijiet ta' kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra fis-suq u jaċċettaw assi, inklużi titoli mniżżla fil-kotba bħala garanziji kollaterali.

Artikolu 18

Is-suq miftuħ u l-operazzjonijiet ta' kreditu

18.1.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot and forward) jew taħt ftehim ta' rkupru u b'titoli ta' self, ta' kreditu, u li jkunu trasferibbli sew jekk f'euro jew f'muniti oħra, kif ukoll f'metalli prezzjużi;

imexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, meta is-self ikun ibbażat fuq garanziji kollaterali adegwati.

18.2   Il-BĊE jistabbilixxi prinċipji ġenerali għal operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta' kreditu li jitwettqu minnu stess jew mill-banek ċentrali nazzjonali, inkluż għal mod kif jitħabbru il-kondizzjonijiet li taħthom huma jkunu lesti li jidħlu fi tranżazzjonijiet bħal dawn.

Artikolu 19

Riżervi minimi

19.1.   Suġġett għall-Artikolu 2, il-BĊE jista', sabiex jimxi ma' l-għanijiet ta' linji politiċi monetarji, jeżiġi mingħand l-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri li jkollhom minimi ta' riżervi fil-kontijiet tagħhom mal-BĊE u mal-banek ċentrali nazzjonali. Regolamenti dwar il-kalkolu u d-determinazzjoni tar-riżervi minimi meħtieġa jistgħu jkunu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. F'każijiet ta' inadempjenza il-BĊE ikollu l-jedd li jiġbor imgħax li jkun impost bħala piena u li jimponi sanzjonijiet oħra li jkollhom effett paragunabbli.

19.2.   Sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-bażi għar-riżervi minimi u l-ogħla proporzjonijiet permissibbli bejn dawk ir-riżervi u l-bażi tagħhom, kif ukoll is-sanzjonijiet xierqa f'każijiet ta' inadempjenza.

Artikolu 20

Strumenti oħra ta' Kontroll Monetarju

Il-Kunsill Regolatorju jista', b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, jiddeċiedi fuq l-użu ta' dawk il-metodi l-oħra ta' kontroll monetarju kif iqis xieraq, skond l-Artikolu 2.

Il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-ambitu li fih dawk il-metodi jimponu obbligazzjonijiet fuq terzi.

Artikolu 21

Operazzjonijiet ma' entitajiet pubbliċi

21.1.   Skond l-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, overdrafts jew tipi oħra ta' faċilità ta' kreditu mal-BĊE jew mal-banek ċentrali nazzjonali favur l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, korpi oħra rregolati bil-liġi amministrattiva, jew intrapriżi pubbliċi fi Stati Membri huma pprojbiti, bħalma jkun ipprojbit ix-xiri dirett ta' istrumenti ta' kreditu minn għandhom mill-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali.

21.2.   IL-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmluha ta' aġenti fiskali għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 21.1.

21.3.   Il-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' proprjeta pubblika fil-kuntest ta' provvista ta' riżervi mill-banek ċentrali, jkunu mgħotija l-istess trattament mill-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE bħalma jingħataw lill-istituzzjonijiet ta' kreditu privati.

Artikolu 22

Sistemi ta' clearing u ħlas

IL-BĊE u l-banek centrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista' jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta' clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjizi oħra jkunu effiċjenti u validi.

Artikolu 23

Operazzjonijiet esterni

IL-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi oħra u, fejn ikun xieraq, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

jakkwistaw, ibiegħu fil-mument bħala futuri u jgħaddu kull tip ta' assi ta' valuta estera u metalli prezzjużi;

il-frażi “attiv ta' valuta estera” tinkludi kull titolu u assi oħra fil-valuta ta' kull pajjiż jew miżuri ta' konteġġ u f'liema forma jkunu;

jżommu in depożitu u jamministraw l-assi imsemmija f'dan l-Artikolu; jagħmlu kull tip ta' transazzjoni bankarja f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi operazzjonijiet ta' self u prestiti.

Artikolu 24

Operazzjonijiet oħra

Minbarra l-operazzjonijiet li joriġinaw mill-ħidmiet tagħhom, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jidħlu f'operazzjonijiet li jkollhom skopijiet amministrattivi għalihom jew għall-ħaddiema tagħhom.

KAPITOLU V

IS-SORVELJANZA PRUDENZJALI

Artikolu 25

Is-sorveljanza prudenzjali

25.1.   IL-BĊE jista' joffri parir lil u jiġi konsultat mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri dwar il-kamp ta' azzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-Unjoni fejn tidħol is-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

25.2.   Konformement ma’ kull regolament tal-Kunsill taħt l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-BĊE jista' jiżvolġi kompiti speċifiċi dwar linji politiċi li jirrigwardaw s-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra bl-eċċezzjoni ta' kumpaniji ta' l-assigurazzjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI TA' L-SEBĊ

Artikolu 26

Il-kontabbiltà finanzjarja

26.1.   Is-sena finanzjarja tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tibda fl-ewwel jum ta' Jannar u tispiċċa fl-aħħar jum ta' Diċembru.

26.2.   Il-kontijiet annwali tal-BĊE jitlestew mill-Bord Eżekuttiv, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. Il-kontijiet jiġu approvati mill-Kunsill Regolatorju u għandhom wara dan jiġu ppubblikati.

26.3.   Għall-finijiet analitiċi u operattivi, il-Bord Eżekuttiv għandu jlesti balance sheet konsolidata tas-SEBĊ, li tinkludi dak l-attiv u l-passiv tal-banek ċentrali nazzjonali li jaqgħu taħt is-SEBĊ.

26.4.   Sabiex isseħħ l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi r-regoli neċessarji sabiex jiġu standardizzati l-kontijiet u r-rapporti ta' operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali.

Artikolu 27

Il-verifika

27.1.   Il-kontijiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju u approvati mill-Kunsill. L-awdituri jkollhom kull setgħa li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali u li jiksbu kull informazzjoni fuq it-transazzjonijiet tagħhom.

27.2.   Il-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jkunu japplikaw biss għal eżami ta' l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE.

Artikolu 28

Il-kapital tal-BĊE

28.1.   Il-kapital tal-BĊE ikun ta' 5 000 miljun EUR. Il-kapital jista' jiżdied b'dawk l-ammonti li l-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi waqt li jaġixxi bil-maġġoranza kkwalifikata msemmija fl-Artikolu 10.3, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

28.2.   Il-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-uniċi sottoskriventi u detenturi tal-kapital tal-BĊE. Is-sottoskrizzjoni fil-kapital tkun skond il-kjavi stabbilita fl-Artikolu 29.

28.3.   Il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi bil-maġġoranza kkwalifikata skond l-Artikolu 10.3, għandu jiddeċiedi sa liema limitu ammont il-kapital jiġi konferit u f'liema forma.

28.4.   Skond l-Artikolu 28.5, l-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-BĊE ma jistgħux jiġu trasferiti, mirhuna jew issekwestrati.

28.5.   Jekk il-kjavi msemmija fl-Artikolu 29 tiġi aġġustata, il-banek ċentrali nazzjonali għandhom jittrasferixxu bejniethom l-ishma mill-kapital sal-limitu meħtieġ sabiex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni ta' l-ishma mill-kapital tkun tikkorrispondi mal-kjavi aġġustata. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi l-pattijiet u l-kondizzjonijiet ta' dawk it-transferimenti.

Artikolu 29

Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital

29.1.   Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-BĊE, iffissata għall-ewwel darba fl-1998 meta ġiet stabbilita s-SEBĊ, għandha tiġi determinata billi kull bank ċentrali nazzjonali jingħata piż f'din il-kjavi ekwivalenti għas-somma ta':

50 % tas-sehem li jkollu l-Istat Membru rispettiv tiegħu mill-popolazzjoni ta' l-Unjoni fis-sena preċedenti għal dik meta tkun ġiet stabbilita l-SEBĊ;

50 % tas-sehem ta' l-Istat Membru rispettiv tiegħu mill-prodott domestiku gross ta' l-Unjoni skond il-prezzijiet fis-suq hekk kif dawn ikunu ġew reġistrati matul l-aħħar ħames snin li ppreċedew is-sena ta' qabel dik meta tkun ġiet stabbilita l-SEBĊ;

Il-perċentwali tiġi mqarrba 'l fuq jew 'l isfel għall-eqreb multiplu ta' 0,0001 %.

29.2.   L-informazzjoni statistika li għandha tintuża fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tiġi pprovduta mill-Kummissjoni skond ir-regoli adottati mill-Kunsill taħt il-proċedura li hemm provdut dwarha fl-Artikolu 41.

29.3.   Il-piżijiet assenjati lill-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu aġġustati kull ħames snin wara li l-SEBĊ tiġi stabbilita b'analoġija mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 29.1. Il-kjavi kif aġġustata tibda tapplika mill-ewwel ġurnata tas-sena ta' wara.

29.4.   Il-Kunsill Regolatorju jieħu kull miżura oħra meħtieġa sabiex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 30

It-trasferiment ta' assi ta' riżerva barranin lill-BĊE

30.1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 28, il-BĊE tiġi pprovduta mill-banek ċentrali nazzjonali b'assi ta' riżerva barranin, barra minn muniti ta' l-Istati Membri, ECUs, pożizzjonijiet ta' riżerva ta' l-IMF u SDRs, sa ammont ekwivalenti għal 50 000 miljun ECU. Il-Kunsill Regolatorju jiddeċiedi fuq il-proporzjon li jista' jintalab li jiġi konferit mill-BĊE wara li tiġi stabbilita u dwar l-ammonti li jintalbu aktar tard. Il-BĊE jkollha kull dritt li żżomm in depożitu r-riżervi barranin li jiġu ttrasferiti lilha kif ukoll li tużahom għall-bżonnijiet stipulati f'dan l-Istatut.

30.2.   Il-kontribuzzjonijiet ta' kull bank ċentrali nazzjonali jiġu ffissati skond il-proporzjon tas-sehem tiegħu fil kapital sottoskritt tal-BĊE.

30.3.   Kull bank ċentrali nazzjonali jiġi akkreditat mill-BĊE bi dritt ta' preljev ekwivalenti għall- kontribuzzjoni tiegħu. Il-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta' dawn it-talbiet.

30.4.   Aktar talbiet għal assi ta' riżerva barranin li jkunu jaqbżu l-limitu stipulat fl-Artikolu 30.1 mill-BĊE, jistgħu isiru skond l-Artikolu 30.2, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċeduri li hemm fl-Artikolu 41.

30.5.   Il-BĊE tista' żżomm u tamministra pożizzjonijiet ta' riżerva ta' IMF u SDRs u tipprovdi sabiex dawk l-assi jinġabru flimkien.

30.6.   Il-Kunsill Regolatorju jieħu l-miżuri l-oħra kollha neċessarji sabiex dan l-Artikolu jiġi applikat.

Artikolu 31

L-Assi ta' riżervi barranin miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali

31.1   Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmlu transazzjonijiet sabiex iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn organizzazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 23.

31.2.   L-operazzjonijiet l-oħra kollha f'assi ta' riżerva barranin li jibqgħu għand il-banek ċentrali nazzjonali wara t-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 30, u t-transazzjonijiet ta' l-Istati Membri bil-bilanċi tagħhom fir-rati tal-kambju għandhom, meta jaqbżu ċertu limitu li jkun definit fil-parametri ta' l-Artikolu 31.3, ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-BĊE, u dan sabiex tiġi żgurata koerenza mal-linji politiċi monetarji u dwar ir-rati tal-kambju ta' l-Unjoni u kull politika monetarja ta' l-Unjoni.

31.3.   Il-Kunsill Regolatorju għandu jippubblika linji direttivi bl-għan li jiffaċilita operazzjonijiet bħal dawk.

Artikolu 32

L-Allokazzjoni ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali

32.1.   L-introjtu li jakkumula għad-dispożizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-funzjoni tal-politika monetarja tas-SEBĊ (iżjed 'il quddiem imsemmi bħala “introjtu monetarju”) jiġi allokat fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

32.2.   L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali jkun daqs l-introjtu annwali tiegħu derivat mill-assi tiegħu kontra l-flus fiċ-ċirkulazzjoni u l-passiv fid-depożiti għal istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn l-assi għandhom jiġu riżervati mill-banek ċentrali nazzjonali skond linji direttivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

32.3.   Jekk, wara l-introduzzjoni ta' l-euro, l-istruttura tal-balance sheet tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju, ma jippermettux l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32.2, il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jiddeċidi li, b'deroga mill-Artikolu 32.2, l-introjtu monetarju jitqies skond metodu alternattiv għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

32.4.   L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi mnaqqas b'ammont ekwivalenti għal kull imgħax imħallas minn dak il-bank ċentrali fuq il-passiv fid-depożitu tiegħu f'istituzzjonijiet ta' kreditu skond l-Artikolu 19.

Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li banek ċentrali nazzjonali jingħataw indennizz għal kull ħlas li jkunu għamlu in-konnessjoni ma' l-emissjoni tal-karti tal-flus jew f'ċirkostanzi eċċezjonali għal kull telf speċifiku li joriġina mill-operazzjonijiet ta' politika monetarja kkummissjonati mis-SEBĊ. L-indennizz ikun f'dik il-forma li tidher xierqa fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju; dawn l-ammonti jistgħu jiġu paċuti kontra l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali.

32.5.   Is-somma ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali għandha tiġi allokata lill-banek ċentrali nazzjonali fi proporzjon ta' l-ishma mħallsa fil-kapital ta' l-BĊE, salva kull deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju konformement ma' l-Artikolu 33.2.

32.6.   Is-saldu u t-tpaċija tal-bilanċi li joriġinaw mill-allokazzjoni ta' dħul monetarju għandhom isiru mill-BĊE konformement mal-linji direttivi stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

32.7.   Il-Kunsill Regolatorju ser jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 33

L-Allokazzjoni ta' profitt u telf nett tal-BĊE

33.1.   Il-profitt nett tal-BĊE għandu jiġi trasferit f'din l-ordni li ġej:

(a)

ammont li jiġi stabbilit mill-Kunsill Regolatorju, li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-profitt nett, ikun trasferit fil-fond ta' riżerva ġenerali suġġett għal-limitu ekwivalenti għal 100 % tal-kapital;

(b)

il-bqija tal-profitt nett jiġi mqassam lill-azzjonisti tal-BĊE fi proporzjon għall-ishma tagħhom imħallsa.

33.2.   F'każ ta' telf min-naħa tal-BĊE, l-iżbilanċ jista' jitpaċa mill-fond ta' riżerva ġenerali tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju, kontra l-introjtu monetarju tas-sena finanzjarja relevanti fi proporzjon u sa l-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 32.5.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 34

Atti legali

34.1.   Skond l-Artikolu 132 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-BĊE:

jagħmel regolamenti meħtieġa sabiex jimplimenta il-kompiti fl-Artikolu 3.1, l-ewwel subinċiż, fl-Artikoli 19.1, 22 jew 25.2 u f'każijiet stabbiliti fl-atti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 41;

jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex iwettaq ix-xogħol fdat lis-SEBĊ taħt it-Trattati u f'dan l-Istatut.

jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti opinjonijiet.

34.2.   Il-BĊE jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu.

34.3.   Fil-limitu u taħt il-kondizzjoni adottati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, il-BĊE għandu d-dritt jimponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi fuq intrapriżi għal nuqqas ta' konformità ma' l-obbligazzjonijiet taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tagħha.

Artikolu 35

Il-Kontroll ġudizzjarju u materji relatati

35.1.   L-atti jew l-ommissjonijiet tal-BĊE ikunu suġġetti għar-reviżjoni jew l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati. Il-BĊE jista' jibda proċeduri fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattati.

35.2.   Il-Kwistjonijiet bejn il-BĊE fuq naħa, u l-kredituri tagħha, id-debituri jew ma' kull persuna oħra, ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, salv meta l-ġurisdizzjoni tkun ġiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

35.3.   Il-BĊE ikun suġġett għall-kondizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 340 fit-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Il-banek ċentrali nazzjonali ikunu responsabbli skond il-liġijiet rispettivi tagħhom.

35.4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi skond u konformement ma' kull klawsola ta' arbitraġġ li jkun hemm f'kuntratt magħmul minn jew f'isem il-BĊE, kemm jekk il-kuntratt ikun regolat bid-dritt pubbliku jew dak privat.

35.5.   Id-Deċiżjoni tal-BĊE sabiex tibda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea trid tittieħed mill-Kunsill Regolatorju.

35.6.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni f'kawżi dwar it-twettiq minn xi bank ċentrali nazzjonali ta’ l-obbligazzjonijiet taħt dawn it-Trattati u dan l-Istatut. Jekk il-BĊE jikkonsidra li bank ċentrali nazzjonali jkun naqas milli jwettaq xi obbligazzjoni taħt dawn it-Trattati u dan l-Istatut, il-BĊE jagħti opinjoni kkunsidrata fuq il-kwistjoni wara li jagħti lill-bank ċentrali nazzjonali involut l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk il-bank ċentrali nazzjonali in kwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu ma' dik il-fehma fiż-żmien mogħti mill-BĊE, il-BĊE jista' jressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Il-persunal

36.1.   Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-impjegati tal-BĊE.

36.2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza f'kull tilwima bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet previsti mir-reġim li japplika għalihom.

Artikolu 37 (ex Artikolu 38)

Is-sigriet professjonali

37.1.   Membri tal-korpi regolatorji u l-impjegati tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali, ikunu obbligati, ukoll wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu spiċċaw, li ma jagħtux informazzjoni li tkun tax-xorta koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali.

37.2.   Persuni li jkollhom aċċess għal informazzjoni koperta bil-leġislazzjoni ta' l-Unjoni li tkun timponi obligazzjoni ta' segretezza għandhom ikunu suġġetti għal dik il-leġislazzjoni.

Artikolu 38 (ex Artikolu 39)

Il-firmatarji

Il-BĊE jintrabat legalment ma' terzi, mill-President jew minn żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv jew bil-firem ta' żewġ membri tal-persunal tal-BĊE li jkunu ġew awtorizzati kif suppost mill-President sabiex jiffirmaw f'isem il-BĊE.

Artikolu 39 (ex Artikolu 40)

Il-privileġġi u l-immunitajiet

Il-BĊE għandu jgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-qadi ta' d-dmirijiet tiegħu, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta' l-Unjoni.

KAPITOLU VIII

EMENDA TA' L-ISTATUT U TAL-LEĠISLAZZJONI KOMPLEMENTARI

Artikolu 40 (ex Artikolu 41)

Proċedura simplifikata għall-emendi

40.1.   Konformement ma' l-Artikolu 129(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 5.1,5.2, 5.3, 17, 18, 19.1, 22, 23, 24, 26, 32.2, 32.3, 32.4, 32.6, 33.1(a) u 36 ta' dan l-Istatut jistgħu jiġu emendati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja jew fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE u wara li jikkonsulata mal-Kummissjoni, jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara kunsultazzjoni mal-BĊE. F'kull każ ikun hemm il-bżonn tal-kunsens tal-Parlament Ewropew.

40.2.   L-Artikolu 10.2 jista' jiġi emendat b'deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara l-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-emendi m'għandhomx jidħlu fis-seħħ sakemm ma jkunux approvati mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

40.3.   Rakkomandazzjoni magħmula mill-BĊE taħt dan l-Artikolu teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 41 (ex Artkolu 42)

Il-leġislazzjoni komplementari

Konformement ma' l-Artikolu 129(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-BĊE, jew fuq rakkomandazjoni mill-BĊE u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, għandu jadotta il-provvedimenti msemmija fl-Artikoli 4, 5.4, 19.2, 20, 28.1, 29.2, 30.4 u 34.3 ta' dan l-Istatut.

KAPITOLU IX

PERIJODU TRANSITORJU U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA GĦALL-SEBĊ

Artikolu 42 (ex Artikolu 43)

Dispożizzjonijiet ġenerali

42.1.   Deroga kif inhi msemmija fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandha tfisser li l-Artikoli li ġejjin f'dan l-Istatut ma jagħtu l-ebda dritt u lanqas ma jimponu xi obbligazzjoni fuq l-Istat Membru involut: 3, 6, 9.2, 12.1, 14.3, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 26.2, 27, 30, 31, 32, 33, 34, 50 u 52.

42.2.   Il-banek ċentrali ta' l-Istati Membri b'deroga kif indikata fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat imsemmi jżommu l-poteri tagħhom fil-qasam tal-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.

42.3.   Konformement ma' l-Artikolu 139(4) tat-Trattat, “Stati Membri” għandha tinftiehem bħala “Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” fl-Artikoli li ġejjin ta' dan l-Istatut: 3, 11.2, 19.

42.4.   “Banek ċentrali nazzjonali” għandha tinftiehem bħala “banek ċentrali ta” Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro' fl-Artikoli li ġejjin ta' dan l-Istatut: 9.2, 10.2, 10.3, 12.1, 16, 17, 18, 22, 23, 27, 30, 31, 32, 33.2 u 52.

42.5.   “Azzjonisti” għandha tinftiehem bħala “banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” fl-Artikoli 10.3 u 33.1.

42.6.   “Kapital sottoskritt tal-BĊE” għandha tinftiehem bħala “kapital tal-BĊE sottoskritt mill-banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” fl-Artikoli 10.3 u 30.2.

Artikolu 43 (ex Artikolu 44)

Il-kompiti transitorji tal-BĊE

Il-BĊE għandu jassumi dawk il-kompiti preċedenti ta' l-IME previsti fl-Artikolu 141(2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li, minħabba d-deroga ta' xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri, ikunu għad iridu jsiru wara l-introduzzjoni ta' l-euro.

Il-BĊE għandu jagħti pariri fil-preparattivi għall-abrogazzjoni tad-deroga indikata fl-Artikolu 140 tat-Trattat imsemmi.

Artikolu 44 (ex Artkolu 45)

Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE

44.1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ġenerali jiġi kostitwit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE.

44.2.   Il-Kunsill Ġenerali jkun magħmul mill-President u l-Viċi-President tal-BĊE u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

44.3.   Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali huma elenkati fid-dettal fl-Artikolu 46 ta' dan l-Istatut.

Artikolu 45 (ex Artkolu 46)

Regoli ta' proċedura tal-Kunsill Ġenerali

45.1.   Il-President jew, fl-assenza tiegħu, il-Viċi-President tal-BĊE għandu jippresjedi l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE.

45.2.   Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-drit għall-vot fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

45.3.   Il-President għandu jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

45.4.   B'deroga mill-Artikolu 12.3, il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

45.5.   Is-Segretarjat tal-Kunsill Ġenerali għandu jiġi pprovdut mill-BĊE.

Artikolu 46 (ex Artikolu 47)

Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali

46.1.   Il-Kunsill Ġenerali għandu:

jwettaq il-kompiti imsemmija fl-Artikolu 43;

jikkontribwixxi għall-funzjonijiet konsultattivi msemmija fl-Artikoli 4 u 25.1.

46.2.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi:

għall-ġbir ta' informazzjoni statistika kif imsemmija fl-Artikolu 5;

għall-istabbiliment ta' attivitajiet ta’ rappurtaġġ tal-BĊE kif imsemmija fl-Artikolu 15;

għall-istabbiliment tar-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 26 kif imsemmi fl-Artikolu 26.4;

biex jittieħdu l-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 29 kif imsemmi fl-Artikolu 29.4;

biex jiġu stipulati l-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 36.

46.3.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi fil-preparattivi neċessarji sabiex jiġu ffissati irrevokabbilment ir-rati tal-kambju tal-muniti ta' l-Istati Membri li għandhom deroga, fil-konfront ta' l-euro, kif msemmi fl-Artikolu 140(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

46.4.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi mgħarraf mill-President tal-BĊE bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 47 (ex Artikolu 48)

Provvedimenti transitorji dwar il-kapital tal-BĊE

Skond l-Artikolu 29.1 kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi ppeżat fil-kjavi ta' sottoskrizzjoni tal-kapital tal BĊE. B'deroga mill-Artikolu 28.3, il-banek ċentrali ta' Stati Membri b'deroga ma jikkonferux il-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali, b'maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-BĊE u mill-inqas nofs l-azzjonisti, ma jiddeċidix li għandha titħallas perċentwali minima bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' l-operat tal-BĊE.

Artikolu 48 (ex Artikolu 49)

Ħlas differit tal-kapital, ta' riservi u ta' provvista tal-BĊE

48.1.   Il-bank ċentrali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata, għandu jħallas is-sehem sottoskritt tiegħu tal-kapital tal-BĊE, fl-istess livell tal-banek ċentrali ta' Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro, u għandu jittrasferixxi lill-BĊE, assi f'riservi barranin skond l-Artikolu 30.1. Is-somma li tiġi trasferita għandha tiġi ffissata billi jiġi moltiplikat il-valur ta' l-EUR skond ir-rati ta' kambju kurrenti ta' l-assi tar-riservi barranin li kienu diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skond l-Artikolu 30.1, bil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali nazzjonali u l-għadd ta' ishma diġa mħallsa mill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra.

48.2.   B'żieda mal-ħlas li għandu jsir skond l-Artikolu 48.1, il-bank ċentrali involut għandu jikkontribwixxi għar-riservi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riservi, u għall-ammont li għad ikun irid jiġi allokat lir-riservi u l-provvisti li jikkorrispondu għall-bilanċ tal-kont ta' profitt u telf kif jidher sal-31 ta' Diċembru tas-sena qabel l-abrogazzjoni tad-deroga. Is-somma li titħallas għandha tiġi stabbilita billi jiġi moltiplikat l-ammont tar-riservi, kif imsemmi hawn qabel u kif muri fil-balance sheet approvata tal-BĊE, bil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali involut u l-għadd ta' ishma diġà mħallsa mill-banek ċentrali l-oħra.

48.3.   Malli pajjiż wieħed jew iżjed isiru Stati Membri u l-banek ċentrali nazzjonali tagħhom isiru parti mis-SEBĊ, il-kapital sottoskritt tal-BĊE u l-limitu fuq l-ammont ta' assi ta' riservi barranin li jistgħu jiġu trasferiti lill-BĊE għandhom jiżdiedu awtomatikament. Iż-żieda għandha tkun stabbilita permezz tal-multiplikazzjoni ta' l-ammonti rispettivi li jeżistu f'dak iż-żmien skond il-proporzjon, fi ħdan is-sistema estiża tas-sottoskrizzjoni tal-kapital, bejn il-peżar tal-banek ċentrali nazzjonali li ser jidħlu u l-peżar tal-banek ċentrali nazzjonali li huma diġa' membri tas-SEBC. Il-peżar ta' kull bank ċentrali nazzjonali fis-sistema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital għandu jiġi kalkulat b'analoġija għall-Artikolu 29.1 u konformement ma' l-Artikolu 29.2. Il-perijodi ta' referenza li għandhom jintużaw għad-data statistika għandhom ikunu identiċi għal dawk applikati għall-aħħar aġġustament tal-peżati ta' kull ħames snin taħt l-Artikolu 29.3.

Artikolu 49 (ex Artikolu 52)

Il-kambju ta' noti bankarji f'muniti ta' l-Istati Membri

Wara li r-rati tal-kambju jiġu ffissati irrevokabbilment skond l-Artikolu 140(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-karti ta' flus bankarji denominati f'muniti b'rati tal-kambju li jkunu ġew iffissati irrevokabbilment, jinbidlu mill-banek ċentrali nazzjonali bil-valur pari tagħhom rispettiv.

Artikolu 50 (ex Artikolu 53)

L-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet transitorji

Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, l-Artikoli 42 sa 47 għandhom japplikaw.


Top