EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006O0004

Linja ta' Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 7 ta’ April 2006 dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Ewrosistema għall-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona ta' l-euro u għal organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2006/4)

OJ L 107, 20.4.2006, p. 54–57 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 118M, 8.5.2007, p. 622–625 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 007 P. 248 - 251
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 007 P. 248 - 251
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 003 P. 96 - 99

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2018; Imħassar b' 32018O0014

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2006/294/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

622


LINJA TA' GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ April 2006

dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Ewrosistema għall-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona ta' l-euro u għal organizzazzjonijiet internazzjonali

(BĊE/2006/4)

(2006/294/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-iStatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 23,

Billi:

(1)

Il-linja ta' gwida BĊE/2004/13 ta' l-1 ta’ Lulju 2004 dwar dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Ewrosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona ta' l-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (1) teħtieġ li tiġi emendata biex jiġu akkomodati l-bidliet għad-definizzjoni ta' riżervi u t-tneħħija tal-limitu minimu li taħtu ebda rimunerazzjoni ma jiġi offrut fuq bilanċi ta' kreditu mil-lejl għan-nhar miżmuma bħala servizz ta' flus/investiment. Il-linja ta' gwida BĊE/2004/13 diġà ġiet emendata darba u għalhekk għandha tiġi fformulata mill-ġdid fl-interessi taċ-ċarezza u t-trasparenza.

(2)

Skond l-Artikolu 23 flimkien ma' l-Artikolu 43.4 ta' l-iStatut, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro (minn hawn il quddiem imsejħa il- “BĊNi parteċipanti”) jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet ma' banek ċentrali f'pajjiżi oħrajn u, fejn ikun xieraq, ma' organizzazzjonjiet internazzjonali, u jwettqu kull tip ta' tranżazzjoni bankarja fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

(3)

Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi l-Ewrosistema għandha taġixxi bħala sistema waħda meta tipprovdi servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi lil dawn il-klijenti, irrispettivament mill-membru ta' l- Ewrosistema li permezz tiegħu jiġu pprovduti dawn is-servizzi. Għal dan l-iskop, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi huwa neċessarju li jadotta din il-linja ta' gwida sabiex jiżgura, inter alia, illi s-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema jiġu pprovduti fuq bażi standardizzata taħt termini u kondizzjonijiet armonizzati, illi l-BĊE jirċievi informazzjoni adegwata dwar dawn is-servizzi, u li jiġu identifikati karatteristiċi minimi komuni li huma meħtieġa f'arranġamenti kuntrattwali mal-klijenti.

(4)

Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi huwa meħtieġ li jikkonferma illi kull informazzjoni, data u dokumenti abbozzati minn u/jew skambjati bejn il-membri ta' l-Ewrosistema fil-kuntest tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema jkunu ta' natura konfidenzjali u jkunu soġġetti għall-Artikolu 38 ta' l-iStatut.

(5)

Skond l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 14.3 ta' l-iStatut, il-linji ta' gwida tal-BĊE huma parti integrali mil-liġi tal-Komunità,

ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din il-Linja ta' Gwida:

“kull tip ta' tranżazzjoni bankarja” għandha tinkludi l-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema lil banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona ta' l-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali għal dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni tar-riżervi ta' dawn il-banek ċentrali, pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali,

“personal awtorizzat tal-BĊE” għandha tfisser il-persuni fi ħdan il-BĊE identifikati mill-Bord Eżekuttiv, minn żmien għal żmien, bħala dawk il-persuni awtorizzati biex jibagħtu u jirċievu l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fi ħdan il-qafas tas-servizzi ta' ġestjoni tar-riżervi ta' l-Ewrosistema,

“banek ċentrali” għandha tinkludi l-awtoritajiet monetarji,

“klijent” għandha tfisser kull pajjiż (inklużi kull awtorità pubblika jew aġenzija governattiva), kull bank ċentrali jew awtorità monetarja li jinsabu barra ż-żona ta' l-euro, jew kull organizzazzjoni internazzjonali li lilha jiġu pprovduti servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema minn membru ta' l-Ewrosistema,

“Servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema” għandha tfisser is-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi elenkati fl-Artikolu 2 li jistgħu jiġu pprovduti mill-membri ta' l-Ewrosistema lil klijenti u li jħallu lill-klijenti biex jiġġestixxu b'mod komprensiv ir-riżervi tagħhom permezz ta' membru wieħed ta' l-Ewrosistema,

“Fornitur ta' Servizzi ta' l-Ewrosistema” (FSE) għandha tfisser membru ta' l-Ewrosistema li jipprovdi l-ġabra sħiħa ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema,

“Fornitur ta' Servizzi Individwali” (FSI) għandha tfisser membru ta' l-Ewrosistema li ma jipprovdix is-sett komplut ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema,

“organizzazzjoni internazzjonali” għandha tfisser kull organizzazzjoni, minbarra l-istituzzjonjiet u l-korpi tal-Komunità stabbiliti permezz jew taħt l-awtorità ta' xi trattat internazzjonali,

“riżervi” għandha tfisser l-assi eliġibbli f'denominazzjoni euro ta' klijent, jiġifieri flus kontanti u kull titolu finanzjarju li huma eliġibbli bħala “assi ta' l-ewwel livell (tier one assets)” tad-database ta' assi eliġibbli ta' l-Ewrosistema, kif ippubblikati u aġġornati kuljum fuq il-websajt tal-BĊE, ħlief għal: (i) kemm it-titoli finanzjarji li jaqgħu taħt il-“grupp ta' ħruġ 3 (issuer group 3)” kif ukoll għall-kumplament tal-gruppi ta' ħruġ, it-titoli finanzjarji li jaqgħu taħt il-“kategorija ta” likwidità IV'; (ii) assi miżmuma esklussivament sabiex jintlaħqu l-obbligi ta' pensjonijiet u obbligi relatati tal-klijent fir-rigward ta' personal li kienu u li għadhom jaħdmu miegħu; (iii) kontijiet identifikati miftuħa ma' membru ta' l-Ewrosistema minn klijent għall-iskopijiet ta' l-ippjanar mill-ġdid ta' dejn pubbliku fi ħdan il-qafas ta' ftehim internazzjonali; u (iv) dawk il-kategoriji ta' assi denominati f'euro kif deċiżi mill-Kunsill Governattiv minn żmien għal żmien.

Artikolu 2

Lista ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema

Is-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema għandhom jikkonsistu f'dawn:

1.

Kontijiet ta' kustodja (safe keeping) għar-riżervi;

2.

Servizzi ta' kustodja (safe keeping):

(a)

rendikonti ta' kustodja ta' l-aħħar tax-xahar, bil-possibilità li jingħataw rendikonti f'dati oħrajn skond kif jitlob il-klijent;

(b)

it-trasmissjoni ta' dikjarazzjonijiet permezz tas-SWIFT lill-klijenti kollha li jistgħu jirċievu rendikonti permezz tas-SWIFT, u permezz ta' mezzi oħra adattati għal dawk il-klijenti li ma jistgħux jużaw is-SWIFT;

(ċ)

notifika ta' azzjonijiet tal-kumpaniji (corporate actions) (e.ż. ħlasijiet u fidi ta' kupuni) fir-rigward ta' investimenti f'titoli finanzjarji tal-klijenti;

(d)

l-ipproċessar ta' azzjonijiet tal-kumpaniji (corporate actions) f'isem il-klijenti;

(e)

l-iffaċilitar ta' arranġamenti bejn klijenti u aġenti bħala terzi, taħt ċerti restrizzjonijiet, għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-operat ta' programmi awtomatiċi ta' self ta' titoli;

3.

Servizzi ta' ħlas:

(a)

servizzi bla ħlas/kunsinna kontra servizzi ta' finalità ta' ħlas għat-titoli denominati f'euro li għalihom huma pprovduti kontijiet ta' kustodja;

(b)

konferma tal-finalità ta' kull operazzjoni permezz tas-SWIFT (jew mezzi oħra adattati għal dawk il-klijenti li ma jistgħux jużaw is-SWIFT);

4.

Servizzi ta' flus kontanti/investiment:

(a)

ix-xiri/il-bejgħ ta' valuti barranin għall-kontijiet tal-klijent fuq bażi prinċipali, li jkopri x-xiri/l-bejgħ fil-pront (spot purhcase/sale) ta' valuta barranija għall-kontijiet tal-klijenti fuq bażi prinċipali, li jkopri x-xiri/bejgħ ta' l-euro kontra l-valuti tal-Ġ10 barra ż-żona ta' l-euro bħala minimu;

(b)

servizzi ta' depożitu għal perjodu fiss fuq bażi ta' aġenzija;

(ċ)

bilanċi ta' kreditu mil-lejl għan-nhar :

Tier 1 – investiment awtomatiku ta' ammont fiss u limitat għal kull klijent fuq bażi prinċipali,

Tier 2 – possibbilta' ta' investiment ta' fondi ma' parteċipanti fis-suq fuq bażi ta' aġenzija;

(d)

l-eżekuzzjoni ta' investimenti għal klijenti skond l-istruzzjonijiet permanenti tagħhom u skond is-sett ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema;

(e)

l-eżekuzzjoni ta' l-ordnijiet tal-klijenti għal xiri/bejgħ ta' titoli fis-suq sekondarju.

Artikolu 3

Forniment ta' servizzi mill-FPE u l-FPI

1.   Fil-qafas tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema, issir distinzjoni bejn Membri ta' l-Ewrosistema li huma FSE jew FSI.

2.   Minbarra s-servizzi indikati fl-Artikolu 2, kull FSE jista' joffri wkoll servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi lill-klijenti. L-FSE għandu jiddetermina dawn is-servizzi fuq bażi individwali u dawn is-servizzi m'għandhomx ikunu soġġetti għal din il-Linja ta' Gwida.

3.   L-FSI huwa soġġett għal din il-Linja ta' Gwida u l-ħtiġijiet tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema fir-rigward ta' servizz jew servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema, jew parti minn dawn is-servizzi, li l-istess FSI jipprovdi u li jifforma(w) parti mis-sett komplut tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema. Barraminnhekk, kull FSI jista' joffri wkoll servizzi oħrajn ta' ġestjoni ta' riżervi lill-klijenti u għandu jiddetermina dawn is-servizzi fuq bażi individwali. Dawn is-servizzi m'għandhomx ikunu soġġetti għal din il-Linja ta' Gwida.

Artikolu 4

Informazzjoni dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema

1.   Il-Membri ta' l-Ewrosistema għandhom jipprovdu lill-personal awtorizzat tal-BĊE b'kull informazzjoni relevanti dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema lil klijenti ġodda u eżistenti u għandhom jgħarrfu lill personal awtorizzat tal-BĊE meta javviċinhom xi klijent potenzjali.

2.   Qabel ma' l-Membri ta' l-Ewrosistema jikxfu l-identità ta' klijent eżistenti, ġdid jew potenzali, huma għandhom jiksbu l-kunsens tal-klijent għal dan l-iskop.

3.   Jekk dan il-kunsens ma jingħatax, il-Membru ta' l-Ewrosistema in kwestjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-personal awtorizzat tal-BĊE mingħajr ma jikxef l-identità tal-klijent.

Artikolu 5

Projbizzjoni u sospensjoni ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema

1.   Il-BĊE se jżomm għall-konsultazzjoni mill-membri ta' l-Ewrosistema, lista ta' klijenti eżistenti, ġodda jew potenzjali li r-riżervi tagħhom huma milquta minn ordni ta' sekwestru jew xi miżura simili imposta jew minn wieħed mill-iStati Membri ta' l-UE fuq il-bażi ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Unjoni Ewropea.

2.   Jekk fuq il-bażi ta' xi miżura jew deċiżjoni, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, adottati għal politika nazzjonali jew għal raġunijiet ta' interess nazzjonali minn membru ta' l-Ewrosistema jew mill-iStat Membru fejn ikun jinsab il-membru ta' l-Ewrosistema, il-membru ta' l-Ewrosistema jissospendi l-forniment tas-servizzi ta' ġestjoni tar-riżervi ta' l-Ewrosistema lil xi klijent eżistenti jew jirrifjuta li jipprovdi dawn is-servizzi lil xi klijent ġdid jew potenzjali, dan il-membru għandu jinnotifika minnufih lill-personal awtorizzat tal-BĊE dwar dan. Il-personal tal-BĊE awtorizzat għandu jinforma minnufih lill-membri l-oħra ta' l-Ewrosistema. Kull miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m'għandhiex iżżomm lill-membri l-oħra ta' l-Ewrosistema milli jipprovdu servizzi ta' ġestjoni tar-riżervi ta' l-Ewrosistema lil dawn il-klijenti.

3.   L-Artikolu 4(2) u (3) għandhom japplikaw għal kwalunkwe kxif ta' l-identità ta' xi klijent eżistenti, ġdid jew potenzjali magħmula skond il-paragrafu 2.

Artikolu 6

Responsabbilta ' għall-forniment ta ' servizzi ta ' ġestjoni ta ' riżervi ta ' l-Ewrosistema

1.   Kull membru ta' l-Ewrosistema għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta' kwalunkwe arranġament kuntrattwali mal-klijenti tiegħu li huwa jidhirlu li huwa xieraq għall-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika u applikabbli, jew miftiehma minn membru ta' l-Ewrosistema, kull membru ta' l-Ewrosistema li jipprovdi servizzi ta' ġestjoni tar-riżervi ta' l-Ewrosistema jew xi parti minn dawn is-servizzi lill-klijenti tiegħu, għandu jkun responsabbli għal kull servizz ta' din ix-xorta li huwa jipprovdi.

Artikolu 7

Karatteristiċi minimi u komuni addizzjonali f'arranġamenti kuntrattwali mal-klijenti

Il-membri ta' l-Ewrosistema għandhom jiżguraw illi l-arranġamenti kuntrattwali tagħhom mal-klijenti jkunu konsistenti ma' din il-linja ta' gwida u mal-karatteristiċi minimi u komuni addizzjonali msemmija hawn isfel. L-arranġamenti kuntrattwali għandhom:

(a)

jiddikjaraw illi l-kontroparti tal-klijent hija l-membru ta' l-Ewrosistema li miegħu dak il-klijent ikun ikkonkluda ftehim għall-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema jew xi parti minnhom, u li dak l-arranġament fih innifsu ma joħloqx drittijiet tal-konsumatur jew jeddijiet fil-konfront ta' xi membri oħrajn ta' l-Ewrosistema. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil klient milli jkollu arranġament ma' bosta membri ta' l-Ewrosistema;

(b)

jirreferu għall-konnessjonijiet li jistgħu jintużaw għall-finalità ta' ħlas ta' titoli miżmuma minn kontropartijiet tal-klijenti u r-riskji relevanti ta' l-użu ta' konnessjonijiet mhux eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja;

(ċ)

jirreferu għall-fatt illi ċerti tranżazzjonijiet fi ħdan il-qafas ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta' l-aħjar sforz;

(d)

jirreferu għall-fatt illi l-membru ta' l-Ewrosistema jista' jagħmel suġġerimenti lill-klijenti dwar l-għażla taż-żmien u l-eżekuzzjoni ta' tranżazzjoni sabiex jiġi evitati kunflitti mal-politika monetarja u tar-rata tal-kambju ta' l-Ewrosistema, u li dak il-membru ma jkunx responabbli għall-konsegwenzi illi dawk is-suġġerimenti jista' jkollhom għall-klijent;

(e)

jirreferu għall-fatt illi r-rati ta' ħlas li l-membri ta' l-Ewrosistema jieħdu lill-klijenti tagħhom għall-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema huma soġġetti għal reviżjonijiet mill-Ewrosistema u li l-klijenti għandhom, skond il-liġi applikabbli, jkunu marbuta bir-reviżjonijiet fir-rati ta' ħlasijiet li jistgħu jirriżultaw minn dawn ir-reviżjonijiet.

Artikolu 8

Rwol tal-BĊE

Il-BĊE għandu jikkoordina l-forniment ġenerali ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi ta' l-Ewrosistema u l-qafas ta' informazzjoni relatat. Kull Membru ta' l-Ewrosistema li jsir FSE jew li jtemm l-istatus tiegħu bħala FSE għandu jgħarraf lill-BĊE dwar dan.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din il-linja ta' gwida hija indirizzata lill-BĊNi parteċipanti.

2.   Il-linja ta' gwida BĊE/2004/13 hija mħassra. Kull referenza għal-linja ta' gwida mħassra għandha tiġi interpretata bħala referenza għal din il-linja ta' gwida.

3.   Din il-linja ta' gwida għandha tidħol fis-seħħ fit-12 ta’ April 2006. Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2006.

Magħmul fi Frankfurt am Main, nhar is-7 ta' April 2006.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 241, 13.7.2004, p. 68. Linja ta' Gwida kif emendata bil-Linja ta' Gwida BĊE/2004/20 (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 85).


Top