EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0140

Deċiżjoni (UE) 2020/140 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 li tistabbilixxi l-mizuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2020/6)

OJ L 27I, 1.2.2020, p. 15–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023; Imħassar b' 32023D2818

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/140/oj

1.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 27/15


DEĊIŻJONI (UE) 2020/140 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Jannar 2020

li tistabbilixxi l-mizuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2020/6)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) issottometta n-notifika tiegħu dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data wara d-data msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 tal-Kunsill Ewropew (1). Mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Bank of England (BoE) ma jibqax ikun bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru u membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/3) (2) tipprovdi għall-aġġustament tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“iskema tal-kapital”) skont l-Artikolu 29.3 u l-Artikolu 29.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tistabbilixxi, b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, il-ponderazzjonijiet il-ġodda allokati lill-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema tal-kapital aġġustata (iktar ’il quddiem il-“ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital”).

(2)

L-aġġustamenti tal-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital u l-bidliet li jirriżultaw fl-ishma tal-BĊNi fil-kapital sottoskritt tal-BĊE jeħtieġu l-aġġustamenti tal-pretensjonijiet li l-BĊE kkredita taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi taż-żona tal-euro”) u li huma ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet mill-BĊNi taż-żona tal-euro ta’ assi ta’ riżerva barranija lill-BĊE (iktar ’il quddiem il-“pretensjonijiet”). Dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li l-pretensjonijiet tagħhom jiżdiedu mill-1 ta’ Frar 2020 għandhom għalhekk jagħmlu trasferiment kumpensatorju lill-BĊE, filwaqt li l-BĊE għandu jagħmel trasferiment kumpensatorju lil dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li l-pretensjonijiet tagħhom jonqsu.

(3)

Skont il-prinċipji ġenerali tal-ġustizzja, tat-trattament indaqs u tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi sottostanti għall-Istatut tas-SEBĊ, dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li s-sehem relattiv tagħhom fil-valur akkumulat tal-ekwità tal-BĊE jiżdied minħabba l-aġġustamenti msemmija hawn fuq għandhom ukoll jagħmlu trasferiment kumpensatorju lil dawk il-BĊNi taż-żona tal-euro li l-ishma relattivi tagħhom jonqsu.

(4)

Il-ponderazzjonijiet rispettivi tal-iskema tal-kapital ta’ kull BĊN taż-żona tal-euro sal-31 ta’ Jannar 2020 u b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 għandhom ikunu espressi bħala perċentwal tal-kapital totali tal-BĊE kif sottoskritt mill-BĊNi kollha taż-żona tal-euro għall-fini tal-kalkolu tal-aġġustament tal-valur ta’ kull sehem tal-BĊN taż-żona tal-euro fil-valur akkumulat tal-ekwità tal-BĊE.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ġdida tal-BĊE li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/46 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/30) (3),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“valur akkumulat tal-ekwità” tfisser it-total tar-riżervi, kontijiet ta’ rivalutazzjoni u provvedimenti tal-BĊE ekwivalenti għal riżervi kif ikkalkulat mill-BĊE fil-31 ta’ Jannar 2020 flimkien mal-profitt nett akkumulat tal-BĊE jew nieqes it-telf nett akkumulat tal-BĊE, skont il-każ, mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020. Ir-riżervi tal-BĊE u dawk il-provvedimenti ekwivalenti għal riżervi għandhom jinkludu, mingħajr limitazzjoni għall-ġeneralità tal-valur akkumulat tal-ekwità, il-fond ta’ riżerva ġenerali u l-provvista għar-riskji finanzjarji;

(b)

“data tat-trasferiment” tfisser it-28 ta’ Frar 2020;

(c)

id-“dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f’ċirkolazzjoni” għandu jkollha l-istess tifsira bħall-frażi “dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f’ċirkolazzjoni” kif stabbilita fl-Artikolu 1(ċ) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/57) (4);

(d)

id-“dħul tal-BĊE minn titoli” għandu jkollha l-istess tifsira bħall-frażi “Id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli” kif stabbilita fl-Artikolu 1(d) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/298 (BĊE/2014/57).

Artikolu 2

Kontribut għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE

1.   Jekk is-sehem ta’ BĊN taż-żona tal-euro fil-valur akkumulat tal-ekwità jiżdied b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, dak il-BĊN taż-żona tal-euro għandu jittrasferixxi l-ammont iddeterminat skont il-paragrafu 3 lill-BĊE fid-data tat-trasferiment.

2.   Jekk is-sehem ta’ xi BĊN taż-żona tal-euro fil-valur akkumulat tal-ekwità jonqos b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, dak il-BĊN taż-żona tal-euro għandu jirċievi l-ammont iddeterminat skont il-paragrafu 3 mingħand il-BĊE fid-data tat-trasferiment.

3.   Sa mhux aktar tard minn jum ta’ negozju qabel id-data tat-trasferiment, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil kull BĊN taż-żona tal-euro jew l-ammont li għandu jiġi ttrasferit minn dak il-BĊN taż-żona tal-euro lill-BĊE fejn japplika l-paragrafu 1, jew l-ammont li dak il-BĊN taż-żona tal-euro għandu jirċievi mill-BĊE fejn japplika l-paragrafu 2. Soġġett għal tqarrib, kull ammont li jrid jiġi ttrasferit jew riċevut jiġi kkalkolat permezz tal-multiplikazzjoni tal-valur akkumulat tal-ekwità bid-differenza assoluta bejn il-ponderazzjoni fl-iskema tal-kapital ta’ kull BĊN taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2020 u l-ponderazzjoni tiegħu fl-iskema tal-kapital b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 bid-diviżjoni tar-riżultat b’100.

4.   Kull ammont deskritt fil-paragrafu 3 għandu jkun dovut f’euro fl-1 ta’ Frar 2020 iżda għandu jiġi ttrasferit b’mod effettiv fid-data tat-trasferiment.

5.   Fid-data tat-trasferiment, BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE li jkollu jittrasferixxi ammont skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2 għandu jittrasferixxi wkoll b’mod separat kull imgħax li jiddekorri matul il-perjodu mill-1 ta’ Frar 2020 sad-data tat-trasferiment fuq kull wieħed mill-ammonti rispettivi dovuti minn dak il-BĊN taż-żona tal-euro u mill-BĊE. Dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu dan l-imgħax għandhom ikunu l-istess bħal dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu l-ammonti li fuqhom jiddekorri l-imgħax.

6.   Jekk il-valur akkumulat tal-ekwità jkun ta’ anqas minn żero, għandu jsir saldu tal-ammonti li jkollhom jiġu ttrasferiti jew riċevuti skont il-paragrafu 3 u l-paragrafu 5 fid-direzzjonijiet opposti għal dawk speċifikati fil-paragrafu 3 u l-paragrafu 5.

Artikolu 3

Aġġustament tal-pretensjonijiet ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti

1.   Il-pretensjonijiet tal-BĊN taż-żona tal-euro għandhom jiġu aġġustati b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 skont il-ponderazzjonijiet aġġustati tagħhom fl-iskema tal-kapital. Il-valur aġġustat tal-pretensjonijiet tal-BĊNi taż-żona tal-euro qed jintwera fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

2.   Kull BĊN taż-żona tal-euro, bis-saħħa ta’ din id-dispozizzjoni u mingħajr il-ħtieġa ta’ xi formalità jew att ieħor, jitqies li fl-1 ta’ Frar 2020 ikun ittrasferixxa jew irċieva il-valur assolut tal-pretensjoni f’euro imniżżel ħdejn ismu fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I għal din id-Deċizjoni, fejn “-” għandha tirreferi għal pretensjoni li l-BĊN taż-żona tal-euro għandu jittrasferixxi lill-BĊE u “+” għal pretensjoni li l-BĊE għandu jittrasferixxi lill-BĊN taż-żona tal-euro.

3.   Fl-ewwel jum tal-operat tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) wara l-1 ta’ Frar 2020, kull BĊN taż-żona tal-euro għandu jew jittrasferixxi jew jirċievi l-valur assolut tal-ammont f’euro mniżżel ħdejn ismu fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, fejn “+” jirreferi għal ammont li l-BĊN taż-żona tal-euro għandu jittrasferixxi lill-BĊE u “-” għal ammont li l-BĊE għandu jittrasferixxi lill-BĊN taż-żona tal-euro.

4.   Fl-ewwel jum tal-operat tat-TARGET2 wara l-1 ta’ Frar 2020, BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE li huma meħtieġa jittrasferixxu ammont taħt il-paragrafu 3 għandu jittrasferixxi wkoll, b’mod separat, kull imgħax li jiddekorri fuq l-ammont rispettiv dovut minn dak il-BĊN taż-żona tal-euro jew mill-BĊE matul il-perjodu mill-1 ta’ Frar 2020 sad-data ta’ dak it-trasferiment. Dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu dan l-imgħax għandhom ikunu l-istess bħal dawk li jittrasferixxu u dawk li jirċievu l-ammonti li fuqhom jiddekorri l-imgħax.

Artikolu 4

Kwistjonijiet finanzjarji relatati

1.   B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/36) (5), il-bilanċi intra-Eurosistema ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom, għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Frar 2020 u s-27 ta’ Frar 2020, jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-iskema tal-kapital applikabbli mill-1 ta’ Frar 2020 applikata għall-bilanċi fuq it-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni fil-31 ta’ Jannar 2020. Għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammonti kumpensatorji u l-elementi tal-kontabilità biex jibbilanċaw dawk l-ammonti, kif deskritt fl-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 (BĊE/2016/36), għandhom jiġu rreġistrati fil-kotba ta’ kull bank ċentrali nazzjonali b’data tal-valur tal-1 ta’ Frar 2020.

2.   B’rabta mal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020, id-dħul monetarju tal-BĊNi taż-żona tal-euro għandu jiġi allokat u distribwit skont il-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital applikabbli fil-31 ta’ Jannar 2020.

3.   Il-profitt jew it-telf nett tal-BĊE, skont il-każ, għas-sena finanzjarja 2020 għandu jiġi allokat fuq il-bażi tal-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital applikabbli fl-1 ta’ Frar 2020.

4.   Kwalunkwe distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus tal-euro u/jew id-dħul tal-BĊE minn titoli għas-sena 2020 għandha tiġi allokata fuq il-bażi tal-ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital applikabbli fl-1 ta’ Frar 2020.

5.   F’każ li l-BĊE jagħmel telf fis-sena finanzjarja 2020, il-BĊE għandu jpaċi t-telf kontra dan li ġej:

(a)

fondi rilaxxati mill-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE;

(b)

soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv taħt l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, id-dħul monetarju tal-BĊNi mill-1 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020;

(c)

soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv taħt l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, id-dħul monetarju tal-BĊNi mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020.

6.   Jekk id-dħul monetarju tal-BĊNi mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020 jeħtieġ li jiġi ttrasferit lill-BĊE biex ikopri t-telf għas-sena finanzjarja 2020 għandhom isiru pagamenti kumpensatorji minbarra l-pagamenti deskritti fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3. Kull BĊN taż-żona tal-euro li l-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tiegħu tiżdied fl-1 ta’ Frar 2020 għandu jagħmel tali pagament lill-BĊE, u l-BĊE għandu jagħmel tali pagament lil kull BĊN taż-żona tal-euro li l-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tiegħu tonqos fl-1 ta’ Frar 2020. L-ammont tal-pagamenti kumpensatorji għandu jiġi kkalkulat kif ġej: id-dħul monetarju totali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2020 ittrasferit lill-BĊE biex ikopri t-telf tiegħu għandu jiġi mmultiplikat bid-differenza assoluta bejn il-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tal-BĊN taż-żona tal-euro rilevanti fil-31 ta’ Jannar 2020 u l-ponderazzjoni tal-iskema tal-kapital tiegħu fl-1 ta’ Frar 2020 u r-riżultat għandu jiġi diviż b’100. L-imgħax fuq il-pagamenti kumpensatorji relatati mad-dħul monetarju tal-BĊN għandu jakkumula mill-1 ta’ Jannar 2021 sad-data li fiha jsiru dawn il-pagamenti.

7.   Il-pagamenti kumpensatorji addizzjonali relatati mad-dħul monetarju tal-BĊNi, kif deskritt fil-paragrafu 6, kif ukoll l-imgħax akkumulat fuqu, għandhom jitħallsu fit-tieni jum ta’ negozju wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2020.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-imgħax li jakkumula skont l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(6) għandu jiġi kkalkulat ta’ kuljum, billi jintuża l-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum, b’rata ekwivalenti għall-aħħar rata ta’ imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fis-sejħiet għall-offerti tagħha għal operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin.

2.   Kull trasferiment skont l-Artikolu 2(1), (2) u (5), l-Artikolu 3(3) u (4), u l-Artikolu 4(6) u (7) għandu jseħħ separatament permezz ta’ TARGET2.

3.   Il-BĊE u l-BĊN taż-żona tal-euro li huma obbligati jwettqu xi wieħed mit-trasferimenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom, fiż-żmien dovut, jagħtu l-istruzzjonijiet meħtieġa sabiex dawn it-trasferimenti jitwettqu debitament fil-ħin.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u revoka

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

2.   Id-Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2018/30) hija rrevokata b’effett mill-1 ta’ Frar 2020.

3.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2018/30) għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Jannar 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278 l, 30.10.2019, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/43 (BĊE/2020/3) (ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2019/46 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2018 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ittrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/26 (BĊE/2018/30) (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 190).

(4)  Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2014 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/57) (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 24).

(5)  Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2016/36) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26).


ANNESS I

PRETENSJONIJIET EKWIVALENTI GĦALL-ASSI TA’ RIZERVA BARRANIJA TTRASFERITI LILL-BĊE

EUR

BĊN taż-żona tal-euro

Pretensjoni ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE, fil-31 ta’ Jannar 2020

Pretensjoni ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE, b’effett mill-1 ta’ Frar 2020

Ammont tat-trasferiment

Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

1 465 002 366,44

1 469 828 529,30

+4 826 162,86

Deutsche Bundesbank

10 643 868 063,45

10 635 248 657,12

–8 619 406,33

Eesti Pank

114 047 652,58

113 647 558,58

–400 094,00

Central Bank of Ireland

681 156 559,14

683 175 109,87

+2 018 550,73

Bank of Greece

1 002 089 435,15

997 925 768,61

–4 163 666,54

Banco de España

4 832 595 424,83

4 810 848 484,64

–21 746 940,19

Banque de France

8 232 583 116,25

8 239 968 860,78

+7 385 744,53

Banca d’Italia

6 839 555 945,19

6 853 825 810,01

+14 269 864,82

Central Bank of Cyprus

87 100 417,59

86 810 662,38

–289 755,21

Latvijas Banka

158 264 298,37

157 201 708,04

–1 062 590,33

Lietuvos bankas

235 223 283,44

233 495 878,75

–1 727 404,69

Banque centrale du Lussemburgu

131 548 867,56

132 894 722,58

+1 345 855,02

Bank Ċentrali ta’ Malta

42 420 163,46

42 313 997,15

–106 166,31

De Nederlandsche Bank

2 357 274 575,15

2 364 325 594,45

+7 051 019,30

Oesterreichische Nationalbank

1 177 854 948,49

1 180 823 432,72

+2 968 484,23

Banco de Portugal

948 484 720,39

944 251 976,21

–4 232 744,18

Banka Slovenije

194 773 455,44

194 257 459,36

–515 996,08

Národná banka Slovenska

463 840 147,98

462 031 148,22

–1 808 999,76

Suomen Pankki

736 441 854,14

741 065 420,16

+4 623 566,02

Total (1)

40 344 125 295,04

40 343 940 778,93

–184 516,11


(1)  Minħabba xi tqarrib, it-totali jistgħu ma jaqblux mas-somma tal-figuri kollha murija.


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Deċiżjoni (UE) 2019/46 (BĊE/2018/30)

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6


Top