EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0029(01)

2009/5/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 18 ta’ Diċembru 2008 biex tipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/29)

OJ L 3, 7.1.2009, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 014 P. 72 - 73

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/5(2)/oj

7.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 3/4


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Diċembru 2008

biex tipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2008/29)

(2009/5/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ‘l quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 10.2,

Billi:

(1)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/608/KE tat-8 ta’ Lulju 2008 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tas-Slovakja tal-valuta waħda fl-1 ta’ Jannar 2009 (1), is-Slovakja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-ewro, u d-deroga tagħha skond l-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni (2) se tkun abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.

(2)

Mal-adozzjoni tal-ewro mis-Slovakja, in-numru ta’ membri tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) se jeċċedi 21. L-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li mid-data li fiha n-numru ta’ membri tal-Kunsill Governattiv jeċċedi 21, kull membru tal-Bord Eżekuttiv ikollu vot wieħed u n-numru ta’ gvernaturi bid-dritt tal-vot ikun 15. Jispeċifika wkoll ir-regoli dwar ir-rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot. Skond is-sitt inċiż tal-Artikolu 10.2, il-Kunsill Governattiv, meta jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu, bi u mingħajr id-dritt tal-vot, jista’ jiddeċiedi li jipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni sad-data li fiha n-numru ta’ gvernaturi jeċċedi 18.

(3)

Ir-Recital 6 tar-Rakkomandazzjoni BĊE/2003/1 tat-3 ta’ Frar 2003 għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar emenda tal-Artikolu 10.2 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (3), u r-recital 6 tad-Deċiżjoni 2003/223/KE tal-Kunsill, f’laqgħa fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, tal-21 ta’ Marzu 2003 dwar emenda tal-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas- Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (4), jirreferu għall-possibbilta' ta’ deċiżjoni li tipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni li l-gvernaturi ġewwa grupp ikollhom frekwenza ta’ votazzjoni ta’ 100 %. Li wieħed jibda s-sistema ta’ rotazzjoni meta n-numru ta’ gvernaturi jeċċedi 15 ikun jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ arranġamenti eċċezzjonali biex jiżguraw li l-ewwel grupp ta’ gvernaturi ma jkollhomx frekwenza ta’ votazzjoni anqas mit-tieni grupp. Għażla waħda li tiżgura li din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta hija li jiġu allokati ħames drittijiet ta’ vot għall-ewwel grupp. Madankollu, dan jirriżulta fi frekwenza ta’ votazzjoni ta’ 100 % tal-membri tal-ewwel grupp, u jmur bil-kontra tal-intenzjoni li l-gvernaturi kollha għandhom ikunu suġġetti għas-sistema ta’ rotazzjoni. Arranġamenti alternattivi mmirati biex jevitaw frekwenza ta’ votazzjoni ta’ 100 % tal-ewwel grupp iżidu kumplessita' sinifikanti għas-sistema ta’ rotazzjoni.

(4)

Wara deliberazzjoni fil-fond, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li l-benefiċċji tal-posponiment sakemm in-numru ta’ gvernaturi jeċċedi 18 huwa akbar mill-benefiċċji li joħorġu mill-implimentazzjoni tas-sistema ta’ rotazzjoni meta n-numru ta’ gvernaturi jeċċedi 15, b’hekk tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ elementi addizzjonali ta’ kumplessita' fis-sistema transitorja ta’ rotazzjoni magħmula minn żewġ gruppi. Jixraq għalhekk li jiġi pospost il-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni sakemm in-numru ta’ gvernaturi jeċċedi 18,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-SEBĊ għandu jiġi pospost sad-data li fiha n-numru ta’ gvernaturi fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE jeċċedi 18.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 18 ta’ Diċembru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24.

(2)  Att dwar il-kundizzjonijiet tas-sħubija tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakja, u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33).

(3)  ĠU C 29, 7.2.2003, p. 6.

(4)  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 66.


Top