EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AB0010

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (CON/2015/10)

OJ C 175, 29.5.2015, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta’ Marzu 2015

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95

(CON/2015/10)

(2015/C 175/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-17 ta’ Diċembru 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (1) (HICP) (iktar ‘il quddiem ir-“regolament propost”). Dan l-att legali għandu jħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (2). Fis-26 ta’ Jannar 2015, il-BĊE ġie kkonsultat dwar l-istess proposta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-regolament propost jaqa’ taħt l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE peress li l-BĊE huwa l-utent ewlieni tal-istatistika dwar l-HICP. L-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur huma indikaturi importanti fil-kuntest tal-politika monetarja. Dawn huma ta’ importanza kruċjali għall-objettiv ewlieni tal-BĊE li jżomm l-istabilità tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro (3), peress li deċiżjonijiet sodi dwar il-politika monetarja jiddependu fuq statistika affidabbli u ta’ kwalità għolja dwar l-HICP. Dawn jappoġġaw ukoll il-kompiti tal-Eurosistema fil-qasam tal-istabilità tas-suq finanzjarju (4).

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jappoġġa l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) fir-rigward tar-rieżami u l-immodernizzar tal-qafas legali tal-Unjoni għall-kompilazzjoni ta’ statistika HICP.

2.   Konsultazzjoni tal-BĊE u l-involvument tiegħu fil-ħidma ta’ tħejjija u ta’ implimentazzjoni

2.1.

Meta jitqiesu l-kontribuzzjonijiet konsistenti tal-BĊE lejn il-qafas tal-HICP u l-importanza ta’ statistika HICP ta’ kwalità għolja għal politika monetarja soda u, b’mod partikolari, sabiex jiġi segwit l-objettiv primarju tal-BĊE ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, il-BĊE għandu jkompli jiġi kkonsultat dwar modifiki futuri ta’ dan il-qafas (5).

2.2.

B’mod partikolari, skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni u att iddelegat, li l-Kummissjoni tista’ tadotta taħt il-qafas legali rrevedut għall-HICP (6). L-obbligu ta’ konsultazzjoni, u l-benefiċċji li jiġi kkonsultat il-BĊE, ġew enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-BĊE  (7).

2.3.

B’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 (8), u minkejja l-kollaborazzjoni fit-tħejjija ta’ atti leġiżlattivi, il-Premessa 2 tar-regolament propost għandha tirrifletti l-kompetenza tal-BĊE li jiġi kkonsultat dwar atti ta’ implimentazzjoni u atti ddelegati adottati taħt ir-regolament propost.

3.   Użu ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni

3.1.

Rigward is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati bbażati fuq l-Artikolu 290 tat-Trattat, il-BĊE jikkunsidra l-limitu minimu li taħtu ma hemm ebda obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu subindiċijiet ta’ indiċijiet armonizzati, u l-lista ta’ subindiċijiet li ma jeħtiġux li jiġu ppreżentati mill-Istati Membri (9), bħala elementi essenzjali tar-regolament propost. Dawn l-elementi huma fundamentali biex jiżguraw indiċijiet tal-prezzijiet tal-konsumaturi sodi u armonizzati. Bidliet għal dawn il-parametri għandhom effett dirett fuq il-kopertura u fuq is-sodezza tal-indiċijiet. Huma jeżerċitaw influwenza sinifikanti fuq il-kwalità u l-affidabbiltà tal-indiċi. Il-BĊE għalhekk jikkunsidra li atti ddelegati mhumiex l-istrumenti legali xierqa li għandhom jintużaw biex jiġu stabbiliti regoli dwar dawn l-elementi ewlenin tal-qafas HICP. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu deċiżi u stipulati fir-regolament propost. Il-BĊE jissuġġerixxi li għandhom jiġu inkorporati fl-Artikolu 5(6) u (7) il-limiti minimi stabbiliti sew ta’ piż ta’ 1/1 000 tan-nefqa totali koperta mill-HICP, u 1/100 għal djar okkupati mis-sid u indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar, rispettivament.

3.2.

Il-BĊE jappoġġa l-Artikolu 5(1) propost b’rabta mal-Artikolu 2(q) dwar il-ġbir ta’ informazzjoni dwar “prezzijiet amministrati” bħala parti mill-“informazzjoni bażika” li għandha tiġi pprovduta b’referenza għal HICPs (u HICPs b’rata ta’ taxxa kostanti). Il-BĊE jimmonitorja żviluppi fil-prezzijiet li jew jiġu ffissati direttament, jew inkella jkunu influwenzati sa grad konsiderevoli, mill-gvern (f’livell ċentrali, reġjonali jew lokali, inklużi regolaturi nazzjonali), kif ukoll l-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq l-HICP globali. Tabilħaqq, din l-informazjzoni hija ferm utli għall-analiżi ta’ żviluppi fl-inflazzjoni. Madankollu, gwida ulterjuri hija meħtieġa fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-prezzijiet bħala mhux amministrati, prinċipalment amministrati jew totalment amministrati. Din il-klassifikazzjoni spiss tkun ambigwa. Għal indiċijiet li jirreferu għal, jew jeskludu prezzijiet amministrati, il-BĊE ikun sodisfatt jekk il-Kummissjoni tipprovdi gwida li tiżgura d-definizzjoni u l-applikazzjoni armonizzata ta’ dawn il-kunċetti f’att ta’ implimentazzjoni adottat taħt l-Aritkolu 4(4) tar-regolament propost.

4.   Kwisjonijiet metodoloġiċi

4.1.

Il-BĊE jaqbel mal-Kummissjoni li l-qafas legali ġdid m’għandux jaqa’ lura mir-rekwiżiti attwali għall-kompilazzjoni ta’ indiċijiet armonizzati f’termini ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u l-konsistenza. Il-kisbiet li ntlaħqu f’dawn l-aħħar għoxrin sena sa minn meta ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 għandhom jinżammu u, fejn ikun possibbli, għandhom jiġu mtejba.

4.2.

L-Artikolu 4(2)(b) tar-regolament propost jintroduċi marġni aktar wiesgħa għal differenzi sistematiċi f’rati ta’ tkabbir annwali tal-indizi tal-prezzijiet tad-djar okkupati mis-sidien (indiċi tal-prezz OOH) u tal-indiċi tal-prezzijiet tad-djar (HPI) li jistgħu jirriżultaw minn devjazzjonijiet mill-kunċetti jew metodi stipulati fir-Regolament propost. Waqt li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2013 (10) ma jgħid xejn dwar din il-kwistjoni, il-BĊE jissuġġerixxi bis-saħħa li jiġi applikat l-istandard ta’ 0,1 punt perċentwali li jintuża għall-valutazzjoni tal-kumparabbiltà tas-subindiċijiet tal-HICP. Dan jista’ jinkiseb billi jitneħħa l-Artikolu 4(2)(B) tar-Regolament propost u titneħħa r-restrizzjoni fil-kopertura tal-Artikolu 4(2)(a). Jekk jiġu rrilassati r-rekwiżiti ta’ kumparabbiltà, dan jiddeterjora l-kwalità tas-subindiċijiet OOH u HPI.

4.3.

Il-produzzjoni ta’ subindiċijiet f’intervalli inqas frekwenti milli meħtieġ mir-regolament propost għandha tibqa’ soġġetta għal approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni (Eurostat). Bħalissa dan huwa żgurat mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 (11). L-istess rekwiżit għandu jkun rifless fl-Artikolu 6(3) tar-regolament propost, kif ukoll fir-regolament ta’ implimentazzjoni.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu stipulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2014) 724 finali.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1).

(3)  Ara l-Artikolu 127(1) tat-Trattat u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”).

(4)  Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) u l-Artikolu 127(5) flimkien mal-Artikolu 139(2)(c) tat-Trattat u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 3.3, flimkien mal-Artikolu 42.1 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(5)  Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 li jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha titlob lill-BĊE biex jagħti opinjoni dwar il-miżuri li huwa jipproponi li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

(6)  Ara, pereżempju, il-para. 1.3 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Frar 2007 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar tmien proposti li jemendaw id-Direttivi 2006/49/KE, 2006/48/KE, 2005/60/KE, 2004/109/KE, 2004/39/KE, 2003/71/KE, 2003/6/KE u 2002/87/KE, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (CON/2007/4), (2007/C 39/01), ĠU C 39, 23.2.2007, p. 1); il-para. 2 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2012 dwar proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna l-indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): trasmissjoni u tixrid ta’ sottoindiċi tal-HICP, rigward l-istabbiliment tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti u fuq proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (CON/2012/77) (2013/C 73/03), ĠU C 73, 13.3.2013, p. 5.

(7)  Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-11/00, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej v Il-Bank Ċentrali Ewropew [2003] Ġabra 2003, p. I-7147, b’mod partikolari l-punti 110 u 111. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat illi l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE “essenzjalment huwa intiż […] sabiex jiżgura li l-awtur ta’ tali att jadottah biss wara li l-korp ikun ġie kkonsultat, li, permezz tal-funzjonijiet speċifiċi li huwa jeżerċita fil-kuntest Komunitarju fil-qasam ikkonċernat u permezz tal-grad għoli ta’ espertezza li huwa jgawdi minnha, partikolarment jista’ utilment jikkontribwixxi għall-proċess ta’ adozzjoni previst”.

(8)  Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

(9)  Ara l-Artikolu 5(6) u (7) tar-regolament propost.

(10)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2013 tal-1 ta’ Frar 2013 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (ĠU L 33, 2.2.2013, p. 14).

(11)  Il-frekwenza meħtieġa ta’ ġbir ta’ prezzijiet għandha tkun darba fix-xahar. Meta ġbir inqas frekwenti ma jipprekludix il-produzzjoni ta’ HICP li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kumparabbiltà msemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tippermetti eċċezzjonijiet għal ġbir ta’ darba fix-xahar. Dan il-paragrafu ma jipprekludix ġbir ta’ prezzijiet aktar frekwenti.


Top