EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AB0044

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (CON/2011/44)

OJ C 203, 9.7.2011, p. 3–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 203/3


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Mejju 2011

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea

(CON/2011/44)

2011/C 203/04

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-3 ta' Frar 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress illi r-regolament propost huwa fl-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Bħala produttur u utent tal-istatistika Ewropea, il-BĊE jilqa’ r-regolament propost bħala pass importanti lejn aktar titjib fil-kwalità tal-istatistika Ewropea, b’mod partikolari tal-kontijiet nazzjonali, billi jġibhom konformi mal-bidliet fl-ambjent ekonomiku u finanzjarju u mal-progress fil-metodoloġija. Is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali tifforma l-qalba tal-istatistika makroekonomika Ewropea u hija għalhekk vitali għall-finijiet tal-politika monetarja.

2.

Il-BĊE jilqa’ wkoll il-konsistenza intiża tal-kunċetti u definizzjonijiet statistiċi deskritti fi ħdan ir-regolament propost, fost oħrajn, mas-Sistema ta’ Kontijiet Nazzjonali (SNA 2998) adottata mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istatistika, is-sitt edizzjoni tal-Manwal tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Pożizzjoni tal-Investiment Internazzjonali (BPM6), ir-raba’ edizzjoni tal-Kriterju ta’ Referenza tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi tad-Definizzjoni tal-Investiment Dirett Barrani u mal-klassifika tal-attività industrijali Ewropea (NACE Rev.2). Ir-regolament propost ibbenefika wkoll mill-istrumenti msemmija hawn fuq għal dak li jikkonċerna l-konsistenza u l-metodoloġiji armonizzati.

Osservazzjonijiet Speċifiċi

3.

Kemm is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u s-Sistema Statistika Ewropea (ESS) ġew assenjati l-kompitu mit-Trattat li jiżviluppaw, jipproduċu u jiddisseminaw l-istatistika Ewropea, iżda taħt oqfsa legali separati sabiex jiġu riflessi l-istrutturi ta' governanza rispettivi tagħhom. Ir-regolament propost għandu impatt fuq l-istatistika prodotta minn dawn iż-żewġ sistemi. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (2) jagħti dritt lill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali, li jiġbor informazzjoni statistika fil-limiti tal-popolazzjoni ta’ rappurtar ta' referenza u ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ. Aktar speċifikament, il-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza tinkludi persuni legali u naturali li jgħixu fi Stat Membru u jaqgħu fis-settur “korporazzjonijiet finanzjarji” kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (3), kif ukoll persuni legali u naturali li jgħixu fi Stat Membru, sal-punt li huma jkunu jokkupaw pożizzjonijiet transkonfinali jew ikunu wettqu tranżazzjonijiet transkonfinali.

4.

Li tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib u l-koordinazzjoni xierqa bejn is-SEBĊ u l-ESS jimminimizza l-piż tar-rappurtar u jiggarantixxi l-koerenza neċessarja sabiex tiġi prodotta l-istatistika Ewropea. Din il-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib hija riflessa wkoll fil-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-Istatistika Ekonomika u Finanzjarja tal-10 ta’ Marzu 2003 bejn id-Direttorat Ġenerali Statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew (DĠ Statistika) u l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) (4).

5.

Minħabba r-relazzjoni mill-qrib fit-tħejjija tal-qafas metodoloġiku tar-regolament propost, il-BĊE qabel fuq talba tal-Eurostat li jabbozza bosta kapitoli tal-Anness A li huwa marbut mill-qrib mal-qafas statistiku tas-SEBĊ. B’mod partikolari, il-BĊE għamel kontribuzzjoni sostanzjali għad-definizzjoni tas-settur “korporazzjonijiet finanzjarji” f’termini ta’ unitajiet istituzzjonali u sottosetturi bħala parti minn Kapitolu 2 u d-deskrizzjoni ta’ attiv u passiv finanzjarju u l-preżentazzjoni tagħhom fis-sekwenza tal-kontijiet (Kapitolu 5 u partijiet minn Kapitoli 6 u 7). Abbozzi kienu pprovduti wkoll għal Kapitolu 17 (assigurazzjoni soċjali inklużi l-pensjonijiet) u dwar partijiet ta’ Kapitolu 21 (kontijiet tal-gvern) u ta’ Kapitolu 19 (kontijiet Ewropej).

6.

Fir-rigward tad-definizzjoni tas-settur istituzzjonali “korporazzjonijiet finanzjarji” u s-sottosetturi tiegħu (Anness A għar-regolament propost, Kapitolu 2), il-BĊE jilqa’ l-fatt illi d-definizzjoni tas-subsettur istituzzjonijiet finanzjarji monetarji ssegwi d-definizzjoni tal-BĊE f’paragrafu 2.67 ta’ Anness A. Id-definizzjonijiet ta’ sottosetturi ta’ “korporazzjonijiet finanzjarji oħra” huma konsistenti, fil-parti l-kbira tagħhom, mal-approċċ użat f’atti legali tal-BĊE. Sabiex jiġi mminimizzat il-piż tar-rappurtar u tiġi ggarantita l-koerenza neċessarja għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea, il-BĊE jipproponi illi d-definizzjoni proposta ta' korporazzjoni finanzjarja b'għan speċjali involuti fi tranżazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ titoli tiġi allinjata aktar mar-Regolament BĊE/2008/30 tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar statistika li tittratta l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijet finanzjarji involuti fi tranżazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ titoli (5).

7.

Fuq il-bażi ta’ dan t’hawn fuq u minħabba l-interdependenzi tal-qafas statistiku tas-SEBĊ u l-ESS, ir-regolament propost huwa rilevanti ħafna għar-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE, fost oħrajn, fl-oqsma ta’ statistika monetarja, dik tal-istituzzjonijiet finanzjarji u dik tas-swieq, l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u statistika dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali, kontijiet finanzjarji trimestrali u statistika tal-finanzi tal-gvern. Skont il-prattika kurrenti u l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib u l-koordinazzjoni xierqa bejn is-SEBĊ u l-ESS, bl-emenda tar-regolament propost permezz ta' setgħat iddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-involviment dovut tal-BĊE billi tħejji abbozz tal-atti ddelegati skont ir-regolament propost.

8.

Barra minn dan, filwaqt li jikkunsidra l-importanza tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat, il-BĊE jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-eżerċizzju tar-rwol konsultattiv tiegħu stess taħt l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat.

L-ewwel, l-abbozzi ta’ atti delegati tal-Kummissjoni jikkwalifikaw bħala “atti tal-Unjoni proposti” skont it-tifsira tal-ewwel inċiż tal-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat (6). Atti delegati jikkostitwixxu atti legali tal-Unjoni (7). B’mod sinifikanti, il-parti l-kbira ta' verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 282(5) tat-Trattat jirreferu għal “abbozzi” tal-atti legali tal-Unjoni li fuqhom il-BĊE huwa meħtieġ li jiġi kkonsultat (8). Għaldaqstant, l-iskop tad-dmir li jiġi kkonsultat il-BĊE ma jistax jiġi ristrett biss għal dawk l-abbozzi ta’ atti bbażati fuq proposta tal-Kummissjoni.

It-tieni, fis-sentenza OLAF (9), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat illi l-obbligu li jiġi kkonsultat il-BĊE huwa intiż “essenzjalment sabiex jiġi żgurat illi l-leġislatura tadotta l-att biss meta tkun instemgħet l-istituzzjoni, li, permezz tal-funzjonijiet speċifiċi li teżerċita fil-qafas Komunitarju tal-qasam konċernat u permezz tal-livell għoli ta’ esperjenza li tgawdi, hija f’pożizzjoni partikolarment tajba sabiex ikollha rwol utli fil-proċess leġislattiv li hemm maħsub”.

F’dan l-isfond, sabiex jiġu msarrfa l-benefiċċji sħaħ tat-tħaddim mill-BĊE tar-rwol konsultattiv tiegħu, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat fil-ħin xieraq dwar abbozzi ta’ atti tal-Unjoni, inkluż abbozzi ta’ atti delegati, li jaqgħu fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu. Il-BĊE ser jeżerċita r-rwol konsultattiv tiegħu billi jqis bl-akbar mod possibbli t-termini ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

9.

Minħabba l-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja, il-fokus statistiku tal-BĊE huwa fuq l-aggregati Ewropej. Il-BĊE jagħti importanza lill-kontijiet integrati trimestrili taż-żona tal-euro skont is-settur istituzzjonali. Għal dak il-għan, firxa suffiċjenti ta’ dejta f’termini tal-provvediment ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali hija meħtieġa fil-ħin għal deċiżjonijiet ta' politika monetarja.

10.

Il-ġbir ta’ dejta għal Stati Membri individwali kisbet aktar importanza minħabba l-ħtiġijiet statistiċi ġodda għal raġunijiet ta' stabbiltà finanzjarja u dawk makroprudenzjali, partikolarment b’rabta mat-twaqqif riċenti tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku u r-responsabbiltà tiegħu għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni. Statistika tal-kontijiet nazzjonali f’waqtha u li wieħed jista' jorbot fuqha għal Stati Membri individwali hija meħtieġa wkoll biex tappoġġja l-miri tal-Patt Euro Plus u għall-għanijiet tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

11.

Mill-perspettiva tal-politika monetarja u tal-istabbiltà finanzjarja, il-BĊE jagħti prijorità għolja lil dejta trimestrili f’waqtha ta’ affidabbiltà suffiċjenti li tieħu preċedenza fuq dejta dettaljata annwali jew anqas frekwenti. Barra minn hekk, il-kumpilazzjoni ta’ sett sħiħ ta’ tabelli għal snin riċenti għandha jkollha prijorità fuq sensiliet twal ta’ dejta retrospettiva dettaljata.

12.

Il-BĊE jaqbel b’mod ġenerali mal-programm ta’ trasmissjoni (Anness B tar-regolament propost). Madankollu, il-programm ta’ trasmissjoni għandu jqis il-ġbir ta' statistika mill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali, u għandu jirrifletti prijoritiajiet żviluppati bejn l-utenti u l-kumpilaturi tad-dejta.

13.

Il-BĊE jilqa’ t-titjib fit-tempestività tal-elementi trimestrali 1-12, 27 u 28 f’Tabella 1 dwar l-aggregati ewlenin — eżerċizzju trimestrali u annwali sa t + 2 xhur. Madankollu, il-BĊE joġġezzjona għad-differenza proposta fir-rappurtar bejn Stati Membri ikbar u iżgħar imsemmijin fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 7 tad-“Deskrizzjoni qasira tat-tabelli” u n-nota ta' qiegħ il-paġna 10 f' “Tabella 1”, u d-deterjorament relatat fit-tempestività għall-Istati Membri li huma iżgħar għal t + 80 jum għall-aggregati ewlenin. Fil-preżent, 17-il Stat Membru jkunu koperti mir-rappurtar differenzjat, u bħala rizultat tat-tkabbir tal-Unjoni numru li qed jiżdied ta’ Stati Membri ser jaqgħu taħt il-limitu propost għar-rappurtar iddifferenzjat. Bħala konsegwenza, il-kwalità kemm tal-aggregati Ewropej kif ukoll tal-informazzjoni statistika għal Stati Membri iżgħar ser tiddeterjora..

14.

F’Settembru tal-2000 il-Kunsill tal-ECOFIN approva l-Pjan t’Azzjoni tal-UME dwar ir-Rekwiżiti Statistiċi u stabbilixxa d-data tal-iskadenza biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kontijiet integrati trimestrali taż-żona tal-euro mis-settur istituzzjonali bħala t + 90 jum wara t-trimestru ta’ referenza. Dan implika illi l-Eurostat u l-BĊE kien ser ikollhom jiġbru d-dejta nazzjonali rispettiva fi t + 82 jum. Minħabba l-iskeda prevista tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-2015 u l-2016, tnaqqis fid-dewmien għal t + 85 ikun biżżejjed għall-2015 sal-2016. Bl-istess mod, il-BĊE jappoġġja l-avvanz tal-iskadenzi tar-rappurtar għall-kontijiet settorjali trimestrali taħt il-programm ta’ trasmissjoni tal-ESA għal t + 85 sal-2014, u jimmira għal t + 82 jum sal-2017 sabiex jappoġġja l-kumpilazzjoni ta’ kontijiet integrati trimestrali sħaħ f't + 90 jum. Dan huwa ukoll fl-istess linja tal-inizjattiva tal-G-20 dwar in-nuqqasijiet fid-dejta li tidentifika l-kontijiet settorjali bħala waħda mill-prijoritajiet biex jingħalqu n-nuqqasijiet fid-dejta bħala segwitu tal-kriżi finanzjarja. Fil-programm ta’ trasmissjoni tal-ESA għall-2010, dan jaffettwa t-Tabella 801.

15.

Barra minn dan, il-BĊE jiffavorixxi skadenza konsistenti għat-trasmissjoni tad-dejta nazzjonali trimestrali u annwali kollha li tirrigwarda l-amministrazzjoni pubblika, u b’hekk jimplika sinkronizzazzjoni tad-dejta trimestrali dwar l-amministrazzjoni pubblika għall-miri tat-tempestività stabbiliti għal Tabella 801, li taffettwa wkoll it-Tabelli 27 u 28, u, bl-istess mod, l-iskadenzi għar-rappurtar għal Tabella 2 u dejta tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (EDP). Għaldaqstant, il-BĊE jappoġġja li jitressqu ’l quddiem l-iskadenzi għar-rappurtar għall-kontijiet trimestrali tal-gvern taħt il-programm ta’ trasmissjoni tal-ESA u għad-dejta tal-EDP għal t + 85 sal-2014 u li jiġi mmirat t + 82 sal-2017 sabiex tiġi appoġġjata l-kumpilazzjoni tal-kontijiet integrati trimestrali sħaħ taż-żona tal-euro sa t + 90.

16.

Fl-Opinjoni CON/2010/28 tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 479/2009 dwar il-kwalità tad-dejta statistika fil-kuntest tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (10), il-BĊE appoġġja wkoll it-titjib fit-trasparenza tal-proċess ta’ rappurtar bl-użu tad-defiċit tal-kontijiet nazzjonali (B.9) għall-EDP. Bl-esklużjoni tal-ħlasijiet taħt arranġamenti dwar swaps u ta’ ftehim dwar ir-rata bil-quddiem mid-defiċit użat għall-EDP, il-figuri tad-defiċit isiru anqas suxxettibbli għall-manipulazzjonijiet minn tranżazzjonijiet finanzjarji kumplessi. F’dan il-kuntest, il-BĊE jilqa’ l-fatt li Anness A għar-regolament propost ma jibqax aktar jiddefinixxi EDP_B.9 u EDP_D.41. Madankollu dan jimplika wkoll illi r-referenzi kollha għal dawn iż-żewġ varjabbli għandhom jiġu eliminati minn Tabella 2 fl-Anness B. Bħala konsegwenza, Regolament (KE) Nru 479/2009 ikollu jiġi emendat sabiex jirrifletti l-fatt illi d-defiċit fil-kontijiet nazzjonali (B.9) ser ikollu jintuża għall-EDP u biex jirrifletti d-definizzjoni ta’ valur nominali fir-regolament propost.

17.

Sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet pubbliċi u ta' politika għall-kejl tal-kumpens għal kull impjegat u għal kull siegħa fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika, b’fokus fuq interpretazzjoni aħjar tad-dinamiċi tal-pagi u effetti indiretti potenzjali bejn is-setturi pubbliċi u privati, il-BĊE jissuġġerixxi li f’ Tabella 801 tiġi inkluża għas-settur tal-amministrazzjoni pubblika dejta trimestrali dwar in-numru ta’ impjegati u s-sigħat li nħadmu, bil-kumpens tal-impjegati fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika diġa' inkluż fil-programm ta’ trasmissjoni.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi jiġi emendat ir-regolament propost, qed tiġi stabbilita għal dan il-għan proposta għall-abbozzar fl-Anness flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmula fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2010) 774 finali.

(2)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(3)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

(4)  Jinsab fis-sit elettroniku tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(5)  ĠU L 15, 20.1.2009, p. 1.

(6)  L-ewwel inċiż ta' Artikolu 127(4) tat-Trattat jipprovdi illi l-BĊE għandu jkun ikkonsultat “dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu”. L-Artikolu 282(5) tat-Trattat jipprovdi illi: “Fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat fuq l-atti kollha proposti tal-Unjoni”.

(7)  L-Artikolu 290 tat-Trattat jappartjeni għal Parti Sitta, Kapitolu 2, Taqsima 1 intitolata “L-atti legali tal-Unjoni”.

(8)  L-Artikolu 282(5) tat-Trattat jirreferi għal abbozzi ta’ atti tal-Unjoni fil-verzjonijiet lingwistiċi li ġejjin: Bulgaru (“проект на акт на Съюза”); Spanjol (“proyecto de acto de la Unión”); Daniż (“udkast”); Ġermaniż (“Entwürfen für Rechtsakte der Union”); Estonjan (“ettepanekute”); Grieg (“προτεινόμενη πράξη της Ένωσης”); Franċiż (“projet d'acte de l'Union”); Taljan (“progetto di atto dell'Unione”); Latvjan (“projektiem”); Litwan (“Sąjungos aktų projektų”); Olandiż (“ontwerp van een handeling van de Unie”); Portugiż (“projectos de acto da União”); Rumen (”proiect de act al Uniunii”); Slovakk (”navrhovaných aktoch Únie”); Sloven (“osnutki aktov Unije”); Finlandiż (“esityksistä”); Żvediż (“utkast”). Il-verżjoni Irlandiża taqra “gniomh Aontais arna bheartu”, li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ atti tal-Unjoni “ppjanati”.

(9)  Każ Ċ-11/00 Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew v Il-Bank Ċentrali Ewropew, [2003] ECR I-7147, partikolarment il-paragrafi 110 u 111.

(10)  ĠU C 103, 22.4.2010, p. 1.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Artikolu 2(2)

“2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 7, 8 u 9, emendi għall-metodoloġija tal-ESA 2010 li huma intiżi biex jispeċifikaw u jtejbu l-kontenut tagħha sakemm ma jbiddlux il-kunċetti sottostanti, ma jirrikjedux riżorsi addizzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom u ma jwasslux għal żieda fir-riżorsi tagħha stess.”

“2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 7, 8 u 9, emendi għall-metodoloġija tal-ESA 2010 li huma intiżi biex jispeċifikaw u jtejbu l-kontenut tagħha sakemm ma jbiddlux il-kunċetti sottostanti, ma jirrikjedux riżorsi addizzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom u ma jwasslux għal żieda fir-riżorsi tagħha stess. Il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta’ atti delegati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Spjegazzjoni

Il-bażi legali għall-adozzjoni tar-regolament propost huwa Artikolu 338(1) tat-Trattat, li jikkjarifika espressament illi l-adozzjoni ta’ miżuri taħt Artikolu 338(1) huwa “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew” (minn hawn “il quddiem l-'Istatut tas-SEBĊ”). Bl-istess mod, Artikolu 5.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊE “għandu jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni, fejn ikun jinħtieġ, tar-regoli u tal-prattika tal-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim tal-istatistika fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu”. Fl-isfond ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, il-Kummissjoni, meta tkun qed teżerċita s-setgħat iddelegati tagħha taħt ir-regolament propost, għandha tħejji l-abbozz tal-atti delegati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE sabiex tiżgura, inter alia, il-konsistenza u l-kwalità tad-dejta u li jiġi minimizzat il-piż tar-rappurtar.

Emenda 2

Paragrafu 2.21. ta’ Anness A

“2.21.

Kumpanija holding li sempliċement ikollha fil-pussess tagħha l-assi tas-sussidjarji hija eżempju wieħed ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva. Unitajiet oħra li huma wkoll ittrattati bħala istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi huma unitajiet li għandhom il-karatteristiċi ta’ SPE kif imfisser hawn fuq, inklużi l-fondi tal-investiment u l-pensjoni u l-unitajiet li jintużaw għaż-żamma u l-immaniġġjar tal-ġid bħala servizz għal individwi jew familji, għaż-żamma ta’ assi għat-titolizzazzjoni, għall-ħruġ ta’titoli f’isem kumpaniji relatati (kumpanija bħal din tissejjaħ ‘conduit’), u l-unitajiet li jservu ta’ mezzi għat-titolizzazzjoni u li jwettqu funzjonijiet finanzjarji oħra.”

“2.21.

Kumpanija holding li sempliċement ikollha fil-pussess tagħha l-assi tas-sussidjarji hija eżempju wieħed ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva. Unitajiet oħra li huma wkoll ittrattati bħala istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi huma unitajiet li għandhom il-karatteristiċi ta’ SPE kif imfisser hawn fuq, inklużi l-fondi tal-investiment u l-pensjoni u l-unitajiet li jintużaw għaż-żamma u l-immaniġġjar tal-ġid bħala servizz għal individwi jew familji, , għall-ħruġ ta’titoli f’isem kumpaniji relatati (kumpanija bħal din tissejjaħ ‘conduit’), u li jwettqu funzjonijiet finanzjarji oħra.”

Spjegazzjoni

Korporazzjoni finanzjarja b’għan speċjali involuta fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni f’kull forma ma jistgħux jiġu ttrattati bħala simili għal istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi – b’mod partikolari, mhumiex ikkonsolidati mal-oriġinatur, irrispettivament mill-kriterji tal-“indipendenza”. Huma kklassifikati bħala intermedjarji finanzjarji oħrajn (S.125). Ara Artikolu 1 tar-Regolament BĊE/2008/30 tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar statistika li tittratta l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijiet vetturi finanzjarji involuti f’tranżazzjonijiet ta’ securitisation  (2).

Emenda 3

Paragrafu 2.75 ta’ Anness A

“2.75.

Definizzjoni: Is-subsettur ‘korporazzjonijiet li jaċċettaw id-depożiti għajr għall-bank ċentrali’ (S.122) jinkludi l-korporazzjonijiet u l-unitajiet ta’ status kważi korporattiv finanzjarji kollha, għajr għal dawk ikklassifikati fil-bank ċentrali u fis-subsetturi tal-MMF, li huma prinċipalment involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja u li n-negozju tagħhom hu li jirċievu d-depożiti minn unitajiet istituzzjonali, u, fuq il-kont proprju tagħhom, japprovaw għoti b’self u/jew jinvestu f’titoli.”

“2.75.

Definizzjoni: Is-subsettur ‘korporazzjonijiet li jaċċettaw id-depożiti għajr għall-bank ċentrali’ (S.122) jinkludi l-korporazzjonijiet u l-unitajiet ta’ status kważi korporattiv finanzjarji kollha, għajr għal dawk ikklassifikati fil-bank ċentrali u fis-sottosetturi tal-MMF, li huma prinċipalment involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja u li n-negozju tagħhom hu li jirċievu d-depożiti u/jew sostituti mill-qrib għal depożiti minn unitajiet istituzzjonali li mhumiex MFIs, u, fuq il-kont proprju tagħhom, japprovaw għoti b’self u/jew jinvestu f’titoli.”

Spjegazzjoni

It-test jinħtieġ jiġi allinjat mad-definizzjoni ta’ “MFIs oħrajn” f’Artikolu 1 ta’ Regolament BĊE/2008/32 tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (ifformulata mill-ġdid)  (3). Kliem simili huwa inkluż ukoll fl-SNA 2008.

Emenda 4

Paragrafu 2.90. ta’ Anness A

“2.90.

Definizzjoni: Korporazzjonijiet finanzjarji vettura involuti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (FVC) huma kumpaniji li jwettqu tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni. FCV li jissodisfaw il-kriterji ta’ unità istituzzjonali huma kklassifikati f’S.125, jew inkella jiġu ttrattati bħala parti integrali mill-kumpanija prinċipali.”

“2.90.

Definizzjoni: Korporazzjonijiet finanzjarji vettura involuti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (FVC) huma kumpaniji li jwettqu tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni. ”

Spjegazzjoni

FVCs għandhom jiġu ttrattati bħala unitajiet istituzzjonali separati indipendentement minn kriterji bħall-“grad ta’ indipendenza mill-kumpanija prinċipali” (ara 2.22). Ara Artiklu 1 ta’ Regolament BĊE/2008/30.

Emenda 5

Paragrafu 5.108. ta’ Anness A

“5.108.

Huwa essenzjali li jiġi stabbilit … ikklassifikati bħala istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi.”

Spjegazzjoni

Dan il-paragrafu għandu jitħassar peress illi mhuwiex konsistenti mad-definizzjonijiet u l-kriterji applikabbli għal mezzi għat-titolizzazzjoni. L-applikazzjoni tiegħu tista’ tirriżulta f’konsolidazzjoni tal-mezzi residenti mal-unitajiet “prinċipali” residenti, peress illi l-mezzi għat-titolizzazzjoni tipikament ma jissodisfawx il-kriterji proposti li jġorru r-riskju tas-suq u r-riskju tal-kreditu (ara ukoll emenda 4).

Emenda 6

Paragrafu 5.111. ta’ Anness A

“5.111.

Il-bonds koperti huma titoli tad-dejn maħruġa minn korporazzjoni finanzjarja, jew garantiti bis-sħiħ minn korporazzjoni finanzjarja. Fil-każ ta’ inadempjenza min-naħa tal-korporazzjoni emittenti jew dik ta’ garanzija finanzjarja, it-titolari tal-bonds ikollhom pretensjoni prijoritarja fuq il-ġabra ta’ kopertura, flimkien mal-pretensjoni ordinarja tagħhom fuq il-korporazzjoni finanzjarja.”

“5.111.

Il-bonds koperti huma titoli tad-dejn maħruġa minn korporazzjoni finanzjarja, jew garantiti bis-sħiħ minn korporazzjoni finanzjarja. Fil-każ ta’ inadempjenza min-naħa tal-korporazzjoni emittenti jew dik ta’ garanzija finanzjarja, it-titolari tal-bonds ikollhom pretensjoni prijoritarja fuq il-ġabra ta’ kopertura, flimkien mal-pretensjoni ordinarja tagħhom fuq il-korporazzjoni finanzjarja. Bonds koperti huma differenti minn titoli sostnuti minn assi maħruġin f’titolizzazzjoni peress illi l-emittent/is-sid tal-assi jassumi obbligazzjoni inkondizzjonata li jħallas lura l-kapital u l-imgħax irrispettivament mill-prestazzjoni tal-assi. L-assi jiffunzjonaw sempliċement bħala kollateral mogħtija b’rahan għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ bond f’każ li dawk l-obbligazzjonijiet ma jitwettqux.

Spjegazzjoni

Mingħajr ma tiġi spjegata d-differenza bejn bonds koperti u titoli sostnuti minn assi, mhuwiex ċar għaliex it-taqsima dwar it-titolizzazzjoni tirreferi għal bonds koperti. Alternattivament, kull referenza għal bonds koperti tista’ titħassar, peress illi bonds koperti mhumiex marbutin mat-titolizzazzjoni.

Emenda 7

Programm ta’ Trażmissjoni ta’ Dejta dwar il-Kontijiet Nazzjonali

Stampa ġenerali tat-tabelli (Anness B)

It-tielet kolonna “Meta jagħlqu t + xhur (ġranet fejn huwa speċifikat)” ta’ Skedi 2, 801, 27, 28 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna l-ġdida

2/L-ammonti prinċipali meħuda f’daqqa tal-gvern ġenerali – annwali/3/9

2/L-ammonti prinċipali meħuda f’daqqa tal-gvern ġenerali – annwali/85 jum  (4) /85 jum fit-tielet trimestru

801/Il-kontijiet mhux finanzjarji skont is-settur – kull tliet xhur/85 jum

801/Il-kontijiet mhux finanzjarji skont is-settur – kull tliet xhur/85 jum (4)

27/Il-kontijiet finanzjarji għall-gvern ġenerali – kull tliet xhur/85 jum

27/Il-kontijiet finanzjarji għall-gvern ġenerali – kull tliet xhur/85 jum (4)

28/Id-dejn tal-gvern – kull tliet xhur/3

28/Id-dejn tal-gvern – kull tliet xhur/85 jum  (4)

Spjegazzjoni

F’Settembru tal-2000 il-Kunsill tal-ECOFIN approva l-Pjan t’Azzjoni tal-EMU dwar ir-Rekwiżiti Statistiċi u stabbilixxa d-data tal-iskadenza biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kontijiet integrati trimestrali taż-żona tal-euro mis-settur istituzzjonali bħala t+90 jum wara t-trimestru ta’ referenza. Dan implika illi l-Eurostat u l-BĊE kien ser ikollhom jiġbru d-dejta nazzjonali rispettiva fi t+82 jum. Minħabba l-iskeda prevista tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-2015 u l-2016, tnaqqis fid-dewmien għal t+85 ikun biżżejjed għall-2015 sal-2016. Bl-istess mod, il-BĊE jappoġġja l-avvanz tal-iskadenzi tar-rappurtar għall-kontijiet settorjali trimestrali taħt il-programm ta’ trażmissjoni tal-ESA għal t+85 sal-2014, u jimmira għal t+82 jum sal-2017 sabiex jappoġġja l-kumpilazzjoni ta’ kontijiet integrati trimestrali sħaħ fil-t+90 jum.

Barra minn dan, il-BĊE jiffavorixxi skadenza konsistenti għat-trasmissjoni tad-dejta nazzjonali trimestrali u annwali kollha li tirrigwarda l-gvern ġenerali, u b’hekk jimplika sinkronizzazzjoni tad-dejta trimestrali fuq il-gvern ġenerali mal-miri tat-tempestività stabbiliti għal Tabella 801, li taffettwa wkoll Tabelli 27 u 28, u, bl-istess mod, l-iskadenzi għar-rappurtar għal Tabella 2 u dejta tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (EDP). Għaldaqstant, il-BĊE jappoġġja li jitressqu ’l quddiem l-iskadenzi għar-rappurtar għall-kontijiet trimestrali tal-gvern taħt il-programm ta’ trasmissjoni tal-ESA u għad-dejta tal-EDP għal t+85 sal-2014 u li jiġi mmirat t+82 sal-2017 sabiex tiġi appoġġjata l-kumpilazzjoni tal-kontijiet integrati trimestrali sħaħ taż-żona tal-euro sa t+90.

Emenda 8

L-aħħar ta’ Tabella 2 ta’ Anness B – L-aggregati prinċipali tal-gvern ġenerali

EDP_D.41

Imgħax inklużi l-flussi fuq swaps u FRAs (1) (4)

S.13, S.1311, S.1312, S.1313, S.1314

EDP_B.9

Għoti b’self nett (+)/Teħid b’self nett (-) taħt il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv (EDP) (4)

S.13, S.1311, S.1312, S.1313, S.1314

D.41

Imgħax (1)

S.13, S.1311, S.1312, S.1313, S.1314

B.9

Għoti b’self nett (+)/Teħid b’self nett (-)

S.13, S.1311, S.1312, S.1313, S.1314

Spjegazzjoni

Anness A tar-regolament propost m’għadux jiddefinixxi EDP_D.41 u EDP_B.9. Dan jimplika illi r-referenzi kollha għal dawn iż-żewġ varjabbli għandhom jiġu eliminati minn Tabella 2 f’Anness B. Dan jirreferi wkoll għan-nota f’qiegħ il-paġna numru 4 ta’ Tabella 2.

Emenda 9

L-aħħar ta’ Kolonna S.13 f’Tabella 801 – Kontijiet mhux finanzjarji skont is-settur – trimestrali

Spiża totali tal-gvern ġenerali OTE/x

Spiża totali tal-gvern ġenerali OTE/x

Spiża totali tal-gvern ġenerali OTE/x

Dħul totali tal-gvern ġenerali OTR/x

 

Sigħat EMH maħdumin/x

 

Persuni impjegati EMP/x

Spjegazzjoni

Sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet pubbliċi u politiki għall-kejl tal-kumpens għal kull impjegat u għal kull siegħa fis-settur tal-gvern ġenerali, il-programm ta’ trażmissjoni (Tabella 801) għandu jkun issupplimentat b’dejta dwar in-numru ta’ impjegati u s-sigħat maħduma għas-settur tal-gvern ġenerali għal kull trimestru.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  ĠU L 15, 20.1.2009, pġ. 1.

(3)  ĠU L 15, 20.1.2009, pġ. 14.

(4)  82 jum mill-2017.


Top