EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AB0014

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 23 ta' Frar 2009 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward ta' standards minimi għat-trattament ta' prodotti staġunali fl-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet tal-Konsumatur (CON/2009/14)

OJ C 58, 12.3.2009, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Frar 2009

dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward ta' standards minimi għat-trattament ta' prodotti staġunali fl-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet tal-Konsumatur

(CON/2009/14)

(2009/C 58/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-5 ta' Jannar 2009 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall- implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward ta' standards minimi għat-trattament ta' prodotti staġunali fl-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet tal-Konsumatur (HICP) (minn issa 'l quddiem “l-abbozz tar-regolament”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

B'mod ġenerali, il-BĊE jilqa' l-abbozz tar-regolament li għandu jkattar il-kumparabbilta tal-HICP. It-trattament ta' partiti staġunali hija waħda mill-itwal kwistjonijiet ta' armonizzazzjoni li ġiet diskussa fil-kuntest ta' l-iżvilupp tal-HICP. Bħalissa, it-trattament ta' partiti staġunali jvarja b'mod sostanzjali tul l-Istati Membri, li jwassal għal HICPs li ma jistgħux jiġu mqabbla b'mod sostanzjali. Dan ikompli jwassal biex ikun hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni ta' l-indiċijiet taż-żona ta' l-euro għal ċerti gruppi ta' prodotti u jista' jirriżulta wkoll fi problemi fl-HICP tal-partiti kollha.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1

Madankollu, l-abbozz tar-regolament xorta jippermetti żewġ metodi differenti għat-trattament ta' prodotti staġunali, bl-użu ta' indiċijiet ta' piżijiet annwali stretti, jew indiċijiet ta' piżijiet staġunali marbuta ma' klassi. Filwaqt li l-abbozz tar-regolament jimponi ċerti restrizzjonijiet fuq l-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ tipi ta' indiċijiet, biex ir-riżultati jkunu jistgħu jitqabblu kemm jista' jkun tul il-pajjiż, simulazzjonijiet urew li f'ċertu kundizzjonijiet iż-żewġ metodi xorta wasslu għal riżultati pjuttost differenti. Għalhekk, il-BĊE jilqa' standard aktar iebes, li jippermetti li jiġi applikat metodu wieħed biss miż-żewġ metodi, sabiex tittejjeb aktar il-kumparabbilta' tat-trattament ta' partiti staġunali. Madankollu, jekk l-għażla bejn iż-żewġ metodi m'hix mistennija li jkollha impatt sinifikanti fuq l-HICP tal-partiti kollha, u jekk it-tneħħija ta' wieħed mill-metodi fl-abbozz tar-regolament twassal għal dewmien sostanzjali fl-adozzjoni ta' l-abbozz tar-regolament, il-BĊE jilqa' li t-trattament ta' prodotti staġunali jkun restritt għal wieħed mill-metodi f'reviżjonijiet futuri tar-Regolament.

2.2

Għal dawk l-Istati Membri li l-prattiċi kurrenti tagħhom ivarjaw sostanzjalment mill-istandards minimi deskritti fl-Artikolu 4 ta' l-abbozz tar-regolament, l-impatt fuq is-sottoindiċijiet koperti bl-abbozz tar-regolament, jista' jkun sinifikanti. Dan iwassal għal pawża statistika fl-indiċijiet li tista' twassal għal xkiel fit-tibdiliet li jsiru sena wara sena tal-HICP tal-partiti kollha. Il-BĊE jirrikonoxxi li jaf ma jkunx fattibbli għall-Istati Membri biex jirrevedu l-HICPs ippubblikati diġa' sa mill-bidu. Madankollu, il-BĊE jagħti importanza partikolari għall-kumparabbilta' u l-konsistenza taċ-ċifri tal-HICP is-sena wara l-implimentazzjoni ta' l-abbozz tar-regolament. Għalhekk il-BĊE jilqa' l-fatt jekk l-Istati Membri jirrevedu l-HICPs nazzjonali tagħhom għal ta' lanqas sena qabel l-implimentazzjoni ta' l-abbozz tar-regolament.

2.3

Billi skond it-Trattat jinħtieġ li l-BĊE jiġi kkonsultat dwar l-abbozz tar-regolament, għandha tiddaħħal ċitazzjoni fl-abbozz tar-regolment konformi ma' l-Artikolu 253 tat-Trattat.

2.4

Billi s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali tuża l-mhux biss għall-għan imsemmi fl-Artikolu 121 tat-Trattat, imma wkoll għall-ħidmiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħha relatati mal-politika monetarja skond l-Artikolu 105(2) tat-Trattat, il-BĊE jirrikkmanda li jiddaħħal recital fl-abbozz tar-regolament.

3.   Proposti t'abbozzar

3.1

Meta l-parir t'hawn fuq iwassal għal tibdiliet fl-abbozz tar-regolament, qed jinhemżu proposti t'abbozzar fl-Anness.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-23 ta' Frar 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


ANNESS

Proposti t'abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

[ċitazzjoni ġdida proposta]

“Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá,

“Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armomizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3),”

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armomizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.3 ta' l-opinjoni

Emenda 2

[recital ġdid propost 5]

 

“(5)

L-HICP huwa indikatur importanti wżat mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għall-analiżijiet tagħha relatati mat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-politika monetarja skond l- Artikolu 105(2) tat-Trattat.”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.4 ta' l-opinjoni


(1)  It-tipa skura fit-test tindika fejn il-BCE jipproponi li jiddaħħal test ġdid.


Top