EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0003

2008/402/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 15 ta’ Mejju 2008 dwar il-proċeduri ta’ akkreditament ta’ sigurtà applikabbli għall-manifatturi ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro għall-karti tal-flus ewro (BĊE/2008/3)

OJ L 140, 30.5.2008, p. 26–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 007 P. 52 - 60

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/02/2015; Imħassar b' 32013D0054(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/402/oj

30.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 140/26


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta’ Mejju 2008

dwar il-proċeduri ta’ akkreditament ta’ sigurtà applikabbli għall-manifatturi ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro għall-karti tal-flus ewro

(BĊE/2008/3)

(2008/402/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 106(1),

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa 'l quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”), b’mod partikolari l-Artikolu 16,

Billi:

(1)

L-Artikolu 106(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ jistabbilixxu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus ewro ġewwa l-Komunità. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenzi li jieħu miżuri biex jipproteġi l-integrità ta’ karti tal-flus ewro bħala mezzi ta’ ħlas.

(2)

Biex tinżamm il-kunfidenza tal-pubbliku ġenerali fil-karti tal-flus ewro bħala mezz ta’ ħlas, jinħtieġ li jiġu speċifikati regoli minimi ta’ sigurtà dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar (inkluża l-qerda), il-ħażna u t-trasport ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro u l-komponenti tagħhom, u materjali relatati oħra u informazzjoni li jeħtieġu l-protezzjoni tas-sigurtà, u li t-telf, is-serq jew il-pubblikazzjoni tagħhom jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità tal-karti tal-flus ewro jew jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus ewro ffalsifikati jew il-komponenti tagħhom. L-entitajiet kollha involuti fil-produzzjoni, l-ipproċessar (inkluża l-qerda), il-ħażna u t-trasport ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro għandhom jikkonformaw mar-regoli tas-sigurtà, imma l-kontenut ta’ dawk ir-regoli jista’ jvarja skond it-tip ta’ attività.

(3)

Jinħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ akkreditament ta’ sigurtà biex tiċċekkja li l-manifatturi jikkonformaw mar-regoli tas-sigurtà u biex tiżgura konformità kontinwa ma’ dawk ir-regoli. Jinħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti proċeduri li jipprovdu għal tipi varji ta’ konsegwenzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tas-sigurtà. Dawn il-konsegwenzi jvarjaw milli tingħata twissija sa li titneħħa l-akkreditament ta’ sigurtà u għandhom ikunu proporzjonati man-natura tal-każ ta’ nuqqas ta’ konformità identifikat.

(4)

Il-BĊE huwa responsabbli biex jistabbilixxi u jżomm sistema ta’ akkreditament ta’ sigurtà li tiżgura li oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro jistgħu jiġu kkunsinnati biss lil BĊNi, manifatturi oħra akkreditati u/jew il-BĊE.

(5)

Għaldaqstant jinħtieġ li ssir emenda żgħira konsegwenti tal-Linja Gwida BĊE/2004/18 tas-16 ta’ Settembru 2004 dwar l-akkwist tal-karti tal-flus ewro (1),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

SEZZJONI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li adotta l-ewro;

(b)

“BĊN futur ta’ l-Eurosistema” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li m’adottax l-ewro imma li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-adozzjoni ta’ l-ewro u li fir-rigward tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-abrogazzjoni tad-deroga (skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat);

(ċ)

“oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro” tfisser l-ewwel serje tal-karti tal-flus ewro u l-komponenti tagħhom u materjali relatati oħra jew informazzjoni li jeħtieġu l-protezzjoni tas-sigurtà, u li t-telf, is-serq jew il-pubblikazzjoni tagħhom jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità tal-karti tal-flus ewro jew jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus ewro ffalsifikati jew il-komponenti tagħhom;

(d)

“regoli tas-sigurtà” tfisser ir-regoli sostantivi għall-akkwist ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro u kull attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro, kif stabbilit f’regoli separati tal-BĊE minn żmien għal żmien;

(e)

“xerrej” tfisser kumpanija, organizzazzjoni jew bank ċentrali nazzjonali li b’xi mod huwa involut biex jikkuntratta bħala xerrej għall-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-ħażna ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro;

(f)

“sit ta’ manifattura” tfisser kull bini li juża manifattur, jew li jixtieq juża, għall-produzzjoni, l-ipproċessar (inkluża l-qerda) jew il-ħażna ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro qabel ma jiġu ttrasportati lix-xerrej jew, meta japplika, għal faċilità speċjalizzata tal-qerda;

(ġ)

“attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro” tfisser kull wieħed minn dawn li ġejjin: il-produzzjoni, l-ipproċessar (inkluża l-qerda), il-ħażna u t-trasport ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro;

(h)

“manifattur” tfisser kull entità li hija, jew li tixtieq li tkun, involuta f’attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro, ħlief entitajiet li huma biss, jew jixtiequ li jkunu biss, involuti fit-trasport jew il-qerda ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro, u “manifattur akkreditat” tfisser manifattur li jkun ingħata akkreditament ta’ sigurtà sħiħa;

(i)

“akkreditament ta’ sigurtà sħiħa” tfisser l-istatus, li l-iskop tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 3, mogħti mill-BĊE lil manifattur għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro;

(j)

“nuqqas ta’ konformità” tfisser każ li fih xi wieħed minn dawn li ġejjin ma jaderixxux mal-parti relevanti tar-regoli tas-sigurtà: (i) l-arranġamenti ta’ sigurtà stabbiliti minn manifattur skond din id-Deċiżjoni; (ii) l-azzjonijiet li jkun ħa manifattur akkreditat li jkun qed iwettaq attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro; jew (iii) l-azzjonijiet li jkun ħa manifattur b’akkreditament ta’ sigurtà temporanja u li jkun qed jipprepara biex iwettaq attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro;

(k)

“spezzjoni ta’ sigurtà” tfisser spezzjoni ta’ attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro għall-finijiet li tivvaluta jekk l-arranġamenti ta’ sigurtà f’sit ta’ manifattura jaderixxux mar-regoli tas-sigurtà; u

(l)

“akkreditament ta’ sigurtà temporanja” tfisser l-istatus, li l-iskop tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 4, mogħti mill-BĊE lil dak il-manifattur li jikkonferma li jista’ jipprepara biex iwettaq attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro.

Artikolu 2

Prinċipji Ġenerali

1.   Ir-regoli tas-sigurtà adottati mill-BĊE huma regoli minimi. Il-manifatturi jistgħu jadottaw u jimplimentaw standards aktar stretti, imma l-BĊE għandu jiddetermina biss il-konformità mar-regoli tas-sigurtà tiegħu.

2.   Minkejja xi dispożizzjoni stabbilita mill-BĊE x’imkien ieħor li tapplika din id-Deċiżjoni għal proċeduri speċifiċi relatati mal-karti tal-flus ewro, din id-Deċiżjoni m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar u l-ħażna tal-karti tal-flus ewro li huma rreġistrati ma’ BĊN bħala manifatturati imma mhux maħruġa.

3.   Manifattur akkreditat jista’ jagħti biss oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro lil dawn li ġejjin:

(a)

manifattur ieħor akkreditat;

(b)

BĊN;

(ċ)

suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, BĊN futur ta’ l-Eurosistema; jew

(d)

il-BĊE.

4.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-akkreditament tas-sigurtà tal-manifattur filwaqt li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus. Barra minn dan għandu jkun kompetenti biex jagħti kull kunsens skond l-Artikolu 3(6).

5.   L-ispejjeż kollha u t-telf assoċjat magħhom li manifattur jeħel b’konnessjoni ma’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mill-manifattur.

Artikolu 3

Akkreditament ta’ sigurtà sħiħa

1.   Manifattur akkreditat jista’ jwettaq biss attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro jekk il-BĊE ikun tah akkreditament ta’ sigurtà sħiħa għal dik l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro.

2.   Manifattur jista’ jingħata akkreditament ta’ sigurtà sħiħa għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro bil-kundizzjoni li:

(a)

l-arranġamenti ta’ sigurtà li għandu fis-seħħ f’sit ta’ manifattura partikolari għall-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata jaderixxu mal-partijiet relevanti tar-regoli tas-sigurtà;

(b)

kull stamperija involuta fl-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata tinsab fiżikament fi Stat Membru; u

(ċ)

kull sit ta’ manifattura minbarra stamperija involuta fl-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata tinsab fi Stat Membru jew fi stat membru ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles.

3.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jemenda l-iskop tar-rekwiżit tal-lok iddeterminat skond il-paragrafu 2(ċ), filwaqt li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus. Kull deċiżjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv, u l-Bord Eżekuttiv għandu jaderixxi ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar dan il-każ.

4.   Akkreditament ta’ sigurtà sħiħa għandha tingħata lil manifattur għal perijodu indefinit, imma l-istatus tagħha jista’ jkun affettwat jew jiġi rrevokat b’deċiżjoni meħuda skond l-Artikoli 13 sa 15.

5.   Manifattur akkreditat jista’ jwettaq biss attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fis-sit tal-manifattura li għalih ikun ingħata akkreditament ta’ sigurtà u fir-rigward ta’ l-oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro partikolari speċifikati għal dak is-sit ta’ manifattura. Manifattur akkreditat jista’ jirranġa t-trasport ta’ l-oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro lix-xerrej u, jekk jinħtieġ, jirranġa biex dawn jinqerdu f’ismu (inkluż it-trasport relatat ma’ dan) f’faċilità speċjalizzata tal-qerda skond il-partijiet relevanti tar-regoli tas-sigurtà. Kull nuqqas ta’ konformità mal-partijiet hawn fuq imsemmija tar-regoli tas-sigurtà li sseħħ matul din il-qerda jew it-trasport, għandu jiġi ttrattat bħala każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-manifattur akkreditat.

6.   Manifattur akkreditat ma jistax, mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-BĊE, jagħti b’kuntratt (outsource) jew jittrasferixxi lil sit ieħor ta’ manifattura jew lil terza parti (inklużi s-sussidjarji tal-manifattur u kumpaniji assoċjati) l-produzzjoni, l-ipproċessar (inkluża l-qerda) jew il-ħażna ta’ kull oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro.

Artikolu 4

Akkreditament ta’ sigurtà temporanja

1.   Manifattur li ma jkunx ingħata akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jista’ jingħata akkreditament ta’ sigurtà temporanja għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro għal perijodu li ma jaqbisx sena. Jekk il-manifattur jittenderja jew jirbaħ l-inkarigu ta’ attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro matul dan il-perijodu, l-akkreditament ta’ sigurtà temporanja tiegħu tista’ tiġi estiża sakemm il-BĊE ikun ħa deċiżjoni dwar jekk jagħtihx akkreditament ta’ sigurtà sħiħa.

2.   Manifattur jista’ jingħata akkreditament ta’ sigurtà temporanja għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro bil-kundizzjoni li:

(a)

l-arranġamenti ta’ sigurtà li għandu fis-seħħ f’sit ta’ manifattura partikolari għall-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata, bl-eċċezzjoni tal-proċess ta’ kuntroll u l-proċeduri tas-sekwenza tal-verifika (audit trail) għall-produzzjoni, l-ipproċessar, u l-ħażna ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għall-akkreditament, jaderixxu mal-partijiet relevanti tar-regoli tas-sigurtà;

(b)

il-manifattur jista’ juri li huwa kapaċi li jiżviluppa u li jistabbilixxi dawn il-proċess ta’ kuntroll u l-proċeduri tas-sekwenza tal-verifika kif deskritt fis-subparagrafu (a) li jaderixxu mar-regoli tas-sigurtà;

(ċ)

kull stamperija involuta fl-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata tinsab fiżikament fi Stat Membru; u

(d)

kull sit ta’ manifattura minbarra stamperija involuta fl-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata tinsab fi Stat Membru jew fi stat membru ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles.

3.   Manifattur b’akkreditament ta’ sigurtà temporanja għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro jista’ jirċievi speċifikazzjonijiet kunfidenzjali tal-produzzjoni tal-karti tal-flus ewro u biex jipprepara li jwettaq dik l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro.

4.   Manifattur b’akkreditament ta’ sigurtà temporanja għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro ma jistax iwettaq dik l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro jew kull attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro oħra li għaliha ma jkunx ingħata akkreditament ta’ sigurtà, u ma jistax jittrasferixxi jew jassenja l-akkreditament ta’ sigurtà temporanja tiegħu lil terza parti (inklużi xi waħda mis-sussidjarji tiegħu u kumpaniji assoċjati).

5.   Mingħajr preġudizzju għal limitu massimu ta’ żmien għall-iskadenza ta’ l-akkreditament temporanja u kull estensjoni tagħha kif stipulat fl-Artikolu 4(1), l-akkreditament ta’ sigurtà temporanja għandha tiskadi awtomatikament fid-data speċifikata mill-BĊE skond l-Artikolu 7(1)(d), sakemm: (a) il-manifattur jingħata akkreditament ta’ sigurtà sħiħa għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ l-oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro relevanti qabel dik id-data, f’liema każ l-akkreditament ta’ sigurtà temporanja titqies li tiskadi fid-data li fiha tingħata dik l-akkreditament ta’ sigurtà sħiħa; jew (b) tiġi rrevokata b’deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 14.

6.   Akkreditament ta’ sigurtà temporanja tista’ tiġi affettwata wkoll b’deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 12 jew l-Artikolu 15.

SEZZJONI II

PROĊEDURA TA’ AKKREDITAMENT TA’ SIGURTÀ

Artikolu 5

Talba tal-bidu u l-ħatra ta’ tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà

1.   Manifattur li jixtieq iwettaq attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà wieħed jew aktar ta’ l-ewro għandu jagħmel talba bil-miktub lill-BĊE biex jibda proċedura ta’ akkreditament ta’ sigurtà. Din it-talba għandha:

(a)

tispeċifika l-oġġett(i) ta’ sigurtà ta’ l-ewro, is-sit ta’ manifattura u l-lok tiegħu u l-attività ewro ta’ sigurtà li għaliha l-manifattur jara li jakkwista akkreditament ta’ sigurtà;

(b)

tipprovdi informazzjoni li turi li t-tagħmir tal-produzzjoni tiegħu huwa kapaċi li jipproduċi oġġetti ta’ sigurbà ta’ l-ewro li għaliha tkun qed tiġi akkwistata akkreditament ta’ sigurtà;

(ċ)

tipprovdi informazzjoni dwar l-arranġamenti tas-sigurtà fiżika fis-sit tal-manifattura;

(d)

tinkludi mpenn bil-miktub mill-manifattur li huwa se jaderixxi mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli ta’ din id-Deċiżjoni hekk kif jistgħu jiġu emendati minn żmien għal żmien u dikjarazzjoni li huwa jżomm il-kontenut tar-regoli tas-sigurtà kunfidenzjali;

(e)

jekk il-manifattur jippjana li juża faċilità speċjalizzata tal-qerda, tinkludi informazzjoni dwar ir-raġunijiet tal-manifattur dwar l-għala xtaq jagħmel hekk u informazzjonji dwar l-arranġamenti dwar dik il-faċilità. B’mod partikolari l-manifattur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-arranġamenti ppjanati biex jittrasportaw oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro lil u mill-faċilità ta’ qerda speċjalizzata u dwar il-mezzi ppjanati tas-sorveljanza tal-qerda ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro f’dik il-faċilità; u

(f)

tgħid b’mod ċar jekk il-manifattur huwiex qed japplika għal akkreditament tas-sigurtà sħiħa jew temporanja għal attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fir-rigward ta’ oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro.

2.   Il-BĊE għandu jiċċekkja t-talba tal-bidu kontra l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 u jinforma lill-manifattur bir-riżultat ta’ dan iċ-ċekk f’20 jum ta’ xogħol tal-BĊE mid-data ta’ l-irċevuta tat-talba tal-bidu skond il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż darba mill-BĊE, imma l-BĊE għandu jagħti notifika bil-miktub ta’ dan lill-manifattur. Filwaqt li l-BĊE ikun qed iwettaq din iċ-ċekk, huwa jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mill-manifattur fir-rigward ta’ l-oġġetti mniżżla fil-paragrafu 1. Jekk il-BĊE jitlob informazzjoni addizzjonali, huwa għandu jinforma lill-manifattur bir-riżultat taċ-ċekk f’20 jiem ta’ xogħol tal-BĊE mid-data ta’ l-irċevuta ta’ l-informazzjoni addizzjonali.

3.   Il-BĊE għandu jiċħad it-talba tal-bidu u jinforma lill-manifattur bil-miktub tad-deċiżjoni tiegħu dwar dan u r-raġunijiet wara dik id-deċiżjoni mhux aktar tard mil-limiti taż-żmien speċifikati fil-paragrafu 2 jekk:

(a)

Il-manifattur jonqos li jipprovdi l-informazzjoni jew l-undertaking bil-miktub mitluba skond il-paragrafu 1;

(b)

Il-manifattur jonqos jissupplixxi kull informazzjoni addizzjonali mitluba mill-BĊE skond il-paragrafu 2;

(ċ)

Il-manifattur kellu l-akkreditament tas-sigurtà rrevokata u l-perijodu ta’ projbizzjoni dwar ir-riapplikazzjoni speċifikata fid-deċiżjoni tar-revoka ma jkunx skada; jew

(d)

Il-lok ta’ xi stamperija involuta u s-sit ta’ manifattura ma jilħqux l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3(2)(b) u 3(2)(ċ), fejn issir applikazzjoni għal akkreditament ta’ sigurtà sħiħa, jew fl-Artikoli 4(2)(ċ) u 4(2)(d) fejn issir applikazzjoni għall-akkreditament tas-sigurtà temporanja.

4.   Jekk il-manifattur jaderixxi ma’ l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 u jippreżenta kull informazzjoni addizzjonali skond il-paragrafu 2, il-BĊE għandu jinnotifika lill-manifattur bid-data ta’ l-ispezzjoni ta’ sigurtà inizjali sa mhux aktar tard mil-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 2. Fl-istess żmien, il-BĊE għandu jipprovdi lill-manifattur bi:

(a)

lista kunfidenzjali ta’ l-oġġetti kollha ta’ sigurtà ta’ l-ewro, din il-lista tagħmel parti mir-regoli ta’ sigurtà; u

(b)

kopja ta’ dawk il-partijiet tar-regoli tas-sigurtà li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni, l-ipproċessar (inkluża l-qerda) u l-ħażna ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro li fir-rigward tagħhom il-manifattur ifittex l-akkreditament tas-sigurtà. Il-BĊE għandu jipprovdi lill-manifattur b’kull aġġornamenti ta’ dawn ir-regoli li jinħarġu matul il-proċedura ta’ l-akkreditament tas-sigurtà.

5.   Il-BĊE għandu jaħtar tim ta’ spezzjoni tas-sigurtà magħmul minn esperti mill-BĊE u l-BĊNi. Dawn il-ħatriet għandhom jirrispettaw il-prinċipju li jiġu evitati kunflitti ta’ interess. Jekk ikun hemm kunflitt ta’ interess wara ħatra, il-BĊE għandu jissostitwixxi immedjatament il-membru rispettiv b’espert li ma jkollux kunflitt ta’ interess.

Artikolu 6

Spezzjoni inizjali tas-sigurtà

1.   L-ispezzjoni tas-sigurtà inizjali għandha tibda mhux aktar tard minn 20 jum ta’ xogħol tal-BĊE mid-data li fiha l-manifattur jirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 5(4) mill-BĊE. Meta manifattur japplika għal akkreditament tas-sigurtà sħiħa, it-tim ta’ spezzjoni tas-sigurtà għandu matul l-ispezzjoni tas-sigurtà inizjali, jispezzjona l-arranġamenti għall-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro ppjanata u jżur is-sit tal-manifattura li fir-rigward tiegħu l-manifattur ikun talab akkreditament tas-sigurtà sħiħa, kif ukoll jivvaluta kull arranġamenti fir-rigward ta’ faċilità ta’ qerda speċjalizzata.

2.   It-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà għandu jivvaluta jekk l-arranġamenti tas-sigurtà li l-manifattur għandu, jew jipproponi li jistabbilixxi għall-aspetti kollha ta’ l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro, jaderixxux mal-partijiet relevanti tar-regoli tas-sigurtà. Fil-każ li l-manifattur jipproponi li jistabbilixxi ċerti arranġamenti tas-sigurtà jew titjib sabiex jaderixxu mal-partijiet relevanti tar-regoli tas-sigurtà, m’għandhiex tingħata akkreditament tas-sigurtà sħiħa sakemm dawk l-arranġamenti jew titjib huma stabbiliti. It- tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà jista’ jwettaq spezzjoni addizzjonali biex jivverifika jekk dawk l-arranġamenti jew titjib proposti jaderixxux mar-regoli tas-sigurtà qabel ma r-rapport imsemmi fil-paragrafu 5 huwa ppreżentat lill-manifattur.

3.   Meta manifattur japplika għal akkreditament tas-sigurtà temporanja biss, it-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà għandu jżur is-sit tal-manifattura li għalih il-manifattur ikun talab akkreditament tas-sigurtà temporanja u jivvaluta jekk l-arranġamenti tas-sigurtà li l-manifattur għandu, bl-eċċezzjoni tal-proċess ta’ kuntroll u l-proċeduri tas-sekwenza tal-verifika għall-produzzjoni, l-ipproċessar, u l-ħażna ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal akkreditament tas-sigurtà temporanja, jaderixxux mal-partijiet relevanti tar-regoli tas-sigurtà. It-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà għandu jivvaluta wkoll jekk il-manifattur jurix li huwa kapaċi jiżviluppa u jistabbilixxi dawn il-proċess ta’ kuntroll u l-proċeduri tas-sekwenza tal-verifika sabiex jaderixxi mar-regoli tas-sigurtà.

4.   Mat-tkomplija ta’ l-ispezzjoni inizjali tas-sigurtà (jew, meta tapplika, l-ispezzjoni tas-sigurtà addizzjonali) u qabel ma jħalli s-sit ta’ manifattura, it-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà għandu jagħti lill-manifattur b’sommarju preliminari informali u verbali tas-sejbiet fattwali tiegħu. Jekk it-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà jsib li hemm xi diverġenzi mir-regoli tas-sigurtà, il-BĊE għandu, f’10 jiem ta’ xogħol tal-BĊE mid-data li fiha tkun tlestiet l-ispezzjoni inizjali tas-sigurtà (jew, meta tapplika, l-ispezzjoni tas-sigurtà addizzjonali), jikteb lill-manifattur u jispeċifika dawn id-diverġenzi. Il-manifattur għandu jkollu 10 jiem ta’ xogħol tal-BĊE mid-data li jirċievi l-ittra biex jikkomunika mal-BĊE u jgħaddilu kummenti bil-miktub dwar il-kontenut ta’ l-ittra u dwar kull arranġamenti jew titjib proposti mill-manifattur.

5.   It-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà għandu jistabbilixxi s-sejbiet tiegħu f’abbozz ta’ rapport, filwaqt li jikkunsidra kull kumment li huwa jirċievi mill-manifattur skond il-paragrafu 4. Dan ir-rapport abbozz għandu b’mod partikolari jinkludi dettalji ta’:

(a)

l-arranġamenti tas-sigurtà fi-seħħ fis-sit ta’ manifattura li jaderixxu mar-regoli tas-sigurtà;

(b)

kull każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tas-sigurtà li t-tim ikun identifika;

(ċ)

kull azzjoni li l-manifattur ikun ħa matul l-ispezzjoni;

(d)

kull arranġament tas-sigurtà jew titjib propost mill-manifattur u, f’każijiet fejn titwettaq spezzjoni tas-sigurtà addizzjonali, il-valutazzjoni tat-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà dwar jekk ikunux twettqu dawn l-arranġamenti jew titjib; u

(e)

il-valutazzjoni tat-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà dwar jekk għandhiex tingħata akkreditament tas-sigurtà sħiħa jew temporanja skond l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.

6.   Dan l-abbozz tar-rapport għandu jintbagħat lill-manifattur fi 30 jiem ta’ xogħol tal-BĊE mid-data tat-tkomplija ta’ l-ispezzjoni inizjali tas-sigurtà (jew, fejn tapplika, l-ispezzjoni addizjonali tas-sigurtà). Il-manifattur għandu jagħti 30 jiem ta’ xogħol tal-BĊE minn meta jiġi rċevut l-abbozz tar-rapport biex jagħti l-kummenti tiegħu fuq dak ir-rapport. Il-BĊE għandu jiffinalizza l-abbozz tar-rapport filwaqt li jikkunsidra l-kummenti tal-manifattur, qabel ma jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 7.

Artikolu 7

Deċiżjoni dwar l-akkreditament tas-sigurtà

1.   Il-BĊE għandu jinnotifika bil-miktub lill-manifattur dwar id-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba tal-manifattur għall-akkreditament tas-sigurtà fi 30 jiem ta’ xogħol tal-BĊE from receipt tal-kummenti tal-manifattur dwar l-abbozz tar-rapport, jew l-iskadenza tal-limitu taż-żmien biex jingħataw dawk il-kummenti skond l-Artikolu 6(6). Din id-deċiżjoni għandha tidentifika b’mod ċar:

(a)

ir-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(b)

il-manifattur;

(ċ)

l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro fis-sit tal-manifattura li għaliha tkun ingħatat akkreditament tas-sigurtà;

(d)

jekk tingħatax akkreditament tas-sigurtà sħiħa jew temporanja u, fil-każ ta’ akkreditament tas-sigurtà temporanja, id-data ta’ l-iskadenza tagħha;

(e)

l-arranġamenti għall-qerda f’faċilità speċjalizzata, jekk ikun previst li dik il-qerda tista’ ssir;

(f)

l-oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro li għalihom tingħata akkreditament tas-sigurtà; u

(ġ)

kull kundizzjoni speċifika fir-rigward tal-punti stabbiliti f’ (a) sa (f) hawn fuq.

Id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata dwar l-informazzjoni stabbilita fir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 6(6), li għandu jinhemeż mad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni dwar li tingħata akkreditament tas-sigurtà għandha tinkludi wkoll kopja tal-parti tar-regoli tas-sigurtà li għandhom x’jaqsmu mat-trasport ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro li lilhom tingħata akkreditament tas-sigurtà.

2.   Jekk tinċaħad it-talba għall-akkreditament tas-sigurtà jew jekk il-manifattur jitlob akkreditament sħiħa tas-sigurtà u jingħata biss akkreditament tas-sigurtà temporanja, il-manifattur jista’ jibda l-proċedura ta’ reviżjoni stabbilita fl-Artikolu 17.

SEZZJONI III

OBBLIGI KONTINWI

Artikolu 8

Obbligi kontinwi ta’ manifatturi akkreditati u l-BĊE

1.   Manifattur akkreditat għandu jinforma lill-BĊE bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed dwar:

(a)

il-bidu ta’ kull proċedura għax-xoljiment jew ir-rijorganizzazzjoni tal-manifattur jew kull proċedura analoga;

(b)

il-ħatra ta’ likwidatur, riċevitur, amministratur jew uffiċjal simili fir-rigward tal-manifattur;

(ċ)

kull intenzjoni biex jagħti b’sotto-kuntratt jew jinvolvi terzi partijiet fl-attivitajiet ta’ sigurtà ta’ l-ewro li fir-rigward tagħhom il-manifattur ikollu akkreditament tas-sigurtà;

(d)

kull bidla li ssir wara li tkun ngħatat l-akkreditament tas-sigurtà li taffettwa, jew li tista’ taffettwa, l-arranġamenti tas-sigurtà koperti mill-akkreditament tas-sigurtà; jew

(e)

kull bidla fil-kuntroll tal-manifattur akkreditat skond bidla fl-istruttura tal-proprjetà jew b’kull mezz ieħor.

2.   Il-BĊE għandu jinforma lil manifatturi akkreditati b’kull aġġornament tar-regoli tas-sigurtà li jittrattaw l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro li għaliha jkunu ngħataw akkreditament tas-sigurtà.

SEZZJONI IV

SPEZZJONIJIET SEGWAĊI TA’ SIGURTÀ

Artikolu 9

Proċedura għal spezzjonijiet segwaċi ta’ sigurtà

1.   Il-BĊE għandu jwettaq spezzjonijiet segwaċi ta’ sigurtà ta’ siti ta’ manifattura akkreditati wara l-għoti ta’ akkreditament tas-sigurtà sħiħa jew temporanja lill-manifattur.

2.   Dawn l-ispezzjonijiet segwaċi ta’ sigurtà jistgħu jitwettqu b’notifika jew mingħajrha. Għandhom jitwettqu f’jiem ta’ xogħol bejn it-08.00 u s-18.00 ħin lokali, sakemm ikun inftiehem ħin differenti mal-manifattur. Fil-każ ta’ spezzjonijiet mingħajr notifika, il-BĊE għandu jinnotifika lill-manifattur bil-ħin ta’ l-ispezzjoni u jippreżenta kwestjonarju ta’ qabel l-ispezzjoni (pre-inspection questionnaire) lill-manifattur ta’ lanqas 30 jum ta’ xogħol tal-BĊE qabel l-ispezzjoni. Il-manifattur għandu jimla u jirritorna dan il-kwestjonarju lill-BĊE ta’ lanqas 10 jiem ta’ xogħol tal-BĊE qabel l-ispezzjoni.

3.   Għal dawn l-ispezzjonijiet segwaċi ta’ sigurtà, għandhom japplikaw mutatis mutandis l-Artikolu 6(2) sa (4) u l-Artikolu 6(5) kollu ħlief is-subparagrafu (e). Barra minn dan, ir-rapport tat-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà għandu jinkludi dettalji tal-valutazzjoni tat-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà dwar jekk għandhiex tkompli tapplika akkreditament tas-sigurtà sħiħa jew temporanja, jew jekk il-BĊE għandux jieħu xi waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12 sa 14. Jekk it-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà jikkunsidra li l-Artikolu 15 għandu japplika, ir-rapport tiegħu għandu jniżżel ir-raġunijiet għal dan hekk kif għandha tagħmel l-ittra mill-BĊE imsemmija fl-Artikolu 6(4). Il-proposti tat-tim ta’ l-ispezzjoni tas-sigurtà fir-rigward ta’ dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati mal-gravità tal-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

4.   Għandu jintbagħat abbozz ta’ rapport lill-manifattur fi 30 jum ta’ xogħol tal-BĊE mid-data tat-tlestija ta’ l-ispezzjoni segwaċi ta’ sigurtà. Il-manifattur għandu jkollu 15-il jum ta’ xogħol tal-BĊE mid-data li fiha jirċievi l-abbozz tar-rapport biex jagħti l-kummenti tiegħu fuq dak ir-rapport. Il-BĊE għandu jiffinalizza r-rapport qabel ma jinforma lill-manifattur bir-riżultat ta’ l-ispezzjoni segwaċi ta’ sigurtà skond l-Artikolu 10, filwaqt li jqis il-kummenti tal-manifattur.

Artikolu 10

Ir-riżultat ta’ l-ispezzjonijiet segwaċi ta’ sigurtà

1.   Jekk ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 9 jikkonkludi li m’hemm l-ebda każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, it-tim ta’ l-ispezzjoni ta’ sigurtà għandu jinforma lill-manifattur bil-konklużjoni pożittiva ta’ l-ispezzjoni segwaċi ta’ sigurtà.

2.   Jekk ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 9 jidentifika każ ta’ nuqqas ta’ konformità li t-tim ta’ l-ispezzjoni ta’ sigurtà ma jidhirlux li dan jippreżenta theddida immedjata u serja għall-integrità tal-karti tal-flus ewro jew il-komponenti tagħhom, allura l-akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jew temporanja tal-manifattur m’għandhiex tiġi affettwata.

3.   F’każ skond il-paragrafu 2, it-tim ta’ l-ispezzjoni ta’ sigurtà għandu jinforma lill-manifattur:

(a)

bil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità;

(b)

bil-fatt li, għall-mument, il-BĊE m’għandux pjanijiet li jieħu xi waħda mid-deċiżjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 15; u

(ċ)

li huwa għandu jirrimedja l-każ ta’ nuqqas ta’ konformità f’limitu ta’ żmien li huwa proporzjonat mal-gravità tal-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

4.   Jekk ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 9 jidentifika każ ta’ nuqqas ta’ konformità li jeħtieġ biex il-BĊE jieħu waħda mid-deċiżjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 15, il-BĊE għandu jieħu din id-deċiżjoni skond il-proċedura u l-limitu ta’ żmien stabbiliti fl-Artikoli 11.

5.   Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3, il-limitu ta’ żmien għat-tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà biex jinforma bil-miktub lill-manifattur dwar ir-riżultat ta’ l-ispezzjoni segwaċi ta’ sigurtà għandu jkun ta’ 20 jum ta’ xogħol tal-BĊE mid-data li huwa jirċievi l-kummenti tal-manifattur dwar l-abbozz tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 9(4), jew l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien biex jagħti dawk il-kummenti skond dak il-paragrafu. It-tim ta’ l-ispezzjoni ta’ sigurtà għandu jehmeż ir-rapport iffinalizzat mal-komunikazzjoni tiegħu lill-manifattur.

SEZZJONI V

KONSEGWENZI TA’ NUQQAS TA’ KONFORMITÀ

Artikolu 11

Proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni

1.   Fit-teħid ta’ xi waħda minn dawn id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12 sa 15, il-BĊE għandu:

(a)

jivvaluta l-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, filwaqt li jitqies ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 9(4); u

(b)

jinforma bil-miktub lill-manifattur bid-deċiżjoni meħuda f’30 jum ta’ xogħol tal-BĊE mill-irċevuta tal-kummenti tal-manifattur dwar l-abbozz tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 9(4), fejn jispeċifika:

(i)

il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità;

(ii)

is-sit tal-manifattura, l-oġġett u l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro li magħhom id-deċiżjoni tirrelata;

(iii)

id-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva; u

(iv)

ir-raġunijiet għad-deċiżjoni.

2.   Fil-każijiet kollha fejn il-BĊE jieħu deċiżjoni skond l-Artikoli 13 sa 15, id-deċiżjoni għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-BĊE jista’ jinforma lill-BĊNi u l-manifatturi akkreditati kollha dwar id-deċiżjoni meħuda, l-iskop u t-tul ta’ żmien tagħha u f’dak il-każ għandu jispeċifika li l-BĊNi jkunu nnotifikati jekk ikun hemm aktar tibdil fl-istatus tal-manifattur.

Artikolu 12

Deċiżjoni ta’ twissija

1.   Jekk: (a) ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 9(4) jidentifika ta’ lanqas każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità tat-tip deskritt fl-Artikolu 10(2); u (b) dan it-tip ta’ nuqqas ta’ konformità jkun ġie diġà identifikat f’żewġ okkażjonijiet waqt li jkunu saru l-aħħar tliet spezzjonijiet ta’ sigurtà f’dak is-sit tal-manifattura (irrispettivament jekk dawn il-każijiet għandhomx x’jaqsmu ma’ l-istess dispożizzjoni fir-regoli tas-sigurtà), allura l-BĊE għandu joħroġ deċiżjoni ta’ twissija lill-manifattur.

2.   Twissija bil-miktub maħruġa skond il-paragrafu 1 għandha tgħid li jekk ikun hemm aktar każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità tat-tip imsemmija fl-Artikolu 10(2) (irrispettivament jekk dan il-każ għandux x’jaqsam ma’ l-istess dispożizzjoni fir-regoli tas-sigurtà bħal kull każ ta’ qabel ta’ nuqqas ta’ konformità), il-BĊE jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 14.

Artikolu 13

Sospensjoni ta’ akkreditament ta’ sigurtà sħiħa fir-rigward ta’ ordnijiet ġodda

Jekk ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 9(4) jidentifika każ ta’ nuqqas ta’ konformità li t-tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà jkun qies li joħloq theddida immedjata u serja lis-sigurtà tal-karti tal-flus ewro jew il-komponenti tagħhom imma l-manifattur kien kapaċi juri matul l-ispezzjoni ta’ sigurtà li ma kien sar l-ebda telf, serq jew pubblikazzjoni ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni li fiha:

(a)

jistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli biex il-manifattur jirrimedja l-każ ta’ nuqqas ta’ konformità;

(b)

jissospendi l-akkreditament tas-sigurtà sħiħa tal-manifattur fir-rigward ta’ l-abbilta tiegħu li jaċċetta ordnijiet ġodda għall-oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro rispettiv (inkluża l-parteċipazzjoni f’proċeduri ta’ tender li għandhom x’jaqsmu ma’ dak l-oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro) sa meta l-limitu taż-żmien fil-paragrafu (a) jiskadi; u

(ċ)

jispeċifika li l-akkreditament tas-sigurtà sħiħa tal-manifattur tiġġedded awtomatikament meta l-limitu taż-żmien fil-paragrafu (a) jiskadi sakemm il-manifattur juri lill-BĊE qabel l-iskadenza tal-limitu taż-żmien li l-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jkun ġie rrimedjat.

Artikolu 14

Revoka ta’ akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jew temporanja

1.   Il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni biex jirrevoka akkreditament tas-sigurtà sħiħa ta’ manifattur fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

meta r-rapport finali msemmi fl-Artikolu 9(4) jidentifika każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tas-sigurtà li:

(i)

jitqież li jqiegħed theddida immedjata u serja lis-sigurtà tal-karti tal-flus ewro jew il-komponenti tagħhom, u l-manifattur ikun naqas li juri li matul l-ispezzjoni ta’ sigurtà ma jkun sar l-ebda telf, serq jew pubblikazzjoni ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro;

(ii)

jindika lit-tim ta’ l-ispezzjoni ta’ sigurtà li każ ta’ nuqqas ta’ konformità li jkun wassal lill-BĊE biex jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 13 fil-limitu taż-żmien stabbilit f’dik id-deċiżjoni tal-BĊE; jew

(iii)

huwa ta’ l-istess tip bħal ma huwa każ ta’ nuqqas ta’ konformità li fir-rigward tiegħu tkun diġà ħarġet twissija skond l-Artikolu 12; jew

(b)

fejn:

(i)

manifattur jirrifjuta li jagħti lil tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà aċċess immedjat lil sit ta’ manifattura;

(ii)

ikun hemm ksur ta’ l-Artikolu 3(1), 3(5), jew 3(6); jew

(iii)

għal kull raġuni oħra jkun raġonevoli biex il-BĊE iqis li l-imġieba tal-manifattur tista’ tqiegħed l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta’ ħlas f’riskju.

2.   Il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni biex jirrevoka akkreditament ta’ sigurtà temporanja ta’ manifattur fejn:

(i)

ikun hemm ksur ta’ l-Artikolu 4(4); jew

(ii)

għal kull raġuni oħra jkun raġonevoli għall-BĊE biex iqis li l-imġieba tal-manifattur tista’ tqiegħed l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta’ ħlas f’riskju.

3.   Fid-deċiżjoni ta’ revoka tiegħu, il-BĊE għandu jispeċifika d-data li warajha l-manifattur jista’ jerġa’ japplika għal akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jew temporanja skond l-Artikolu 5.

4.   Meta l-pussess ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro mill-manifattur wara r-revoka jista’ jqiegħed l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta’ ħlas f’riskju, il-BĊE jista’ jitlob lill-manifattur biex jieħu miżuri, bħall-kunsinna lill-BĊE jew BĊN ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro speċifikati jew il-qerda tagħhom, biex jiġi żgurat li l-manifattur m’ għandu l-ebda oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro minn dawn wara li r-revoka ssir effettiva.

Artikolu 15

Proċedura biex tiġi sospiża attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta t-tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà jidentifika każ ta’ nuqqas ta’ konformità li jidhirlu li huwa serju tali li l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta’ ħlas tkun tista’ titqiegħed f’riskju sakemm tittieħed azzjoni immedjata, it-tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà jista’ jissospendi l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro relevanti b’effett immedjat. Kull sospensjoni bħal din għandha tkun ipproporzjonata mal-gravità tal-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. It-tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà jista’ jeħtieġ ukoll lill-manifattur akkreditat biex jieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 14(4) biex jiżgura li hija ma għandhiex oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro speċifikati matul il-perijodu tas-sospensjoni. Il-manifattur akkreditat għandu jipprovdi lit-tim ta’ spezzjoni ta’ sigurtà b’informazzjoni dwar kull manifattur ieħor li jista’, bħala klijent jew fornitur, ikun indirettament affettwat bis-sospensjoni.

2.   Hekk kif isseħħ sospensjoni skond il-paragrafu 1, il-BĊE għandu jivvaluta l-miżura u jieħu deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 12 sa 14, jew jiddeċiedi li s-sospensjoni titneħħa. Fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni, il-BĊE għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11.

Artikolu 16

Reġistru tal-BĊE bl-akkreditamentjiet tas-sigurtà

1.   Il-BĊE għandu jżomm reġistru ta’ akkreditamentjiet tas-sigurtà. Ir-reġistru għandu:

(a)

jniżżel il-manifatturi li jkunu ngħataw akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jew temporanja u s-siti relevanti tal-manifattura;

(b)

jindika fir-rigward ta’ kull sit tal-manifattura l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro u l-oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro li għalihom tkun ingħatat akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jew temporanja;

(ċ)

jindika kull kundizzjoni speċifika skond l-Artikolu 7(1)(ġ); u

(d)

jirreġistra l-iskadenza ta’ kull akkreditament ta’ sigurtà temporanja.

2.   Il-BĊE għandu jagħmel l-informazzjoni mir-reġistru disponibbli lill-BĊNi kollha u lil manifatturi akkreditati oħra.

3.   Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 13, huwa għandu jirreġistra t-tul tal-miżura u t-tibdiliet kollha fl-istatus li għandhom x’jaqsmu ma’ l-isem tal-manifattur, is-sit affettwat tal-manifattur u l-oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro u/jew l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro rispettiva.

4.   Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 14, huwa għandu jneħħi l-isem tal-manifattur, is-sit tal-manifattura, l-oġġett ta’ sigurtà ta’ l-ewro u l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro mir-reġistru.

5.   Jekk l-attività ta’ sigurtà ta’ l-ewro tiġi sospiża f’ċirkustanzi eċċezzjonali skond l-Artikolu 15, il-BĊE għandu jinforma lil kull manifattur terz potenzjalment affettwat w imsemmi fl-Artikolu 15(1) tas-sospensjoni u dik l-informazzjoni l-oħra dwar l-istatus tal-manifattur akkreditat sospiż tingħata wara li l-BĊE ikun ivvaluta s-sospensjoni u ħa deċiżjoni skond l-Artikolu 15(2).

SEZZJONI VI

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 17

Proċedura ta’ reviżjoni

1.   Meta l-BĊE ikun ħa deċiżjoni:

(i)

biex jiċħad talba biex tinbeda l-proċedura ta’ l-akkreditament tas-sigurtà;

(ii)

biex ma jagħtix akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jew temporanja;

(iii)

biex jagħti akkreditament ta’ sigurtà temporanja wara talba għal akkreditament ta’ sigurtà sħiħa; jew

(iv)

skond l-Artikoli 12 sa 15,

il-manifattur jista’ fi 30 jiem ta’ xogħol ta’ notifika tal-BĊE ta’ dik id-deċiżjoni jippreżenta talba bil-miktub lill-Kunsill Governattiv biex jirrevedi d-deċiżjoni. Il-manifattur għandu jinkludi r-raġunijiet tiegħu għal dik it-talba u jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa.

2.   Jekk il-manifattur jitlob hekk b’mod ċar fit-talba tiegħu ta’ reviżjoni, u b’hekk jagħti raġunijiet, il-Kunsill Governattiv jista’ jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li tkun qed tiġi rriveduta.

3.   Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi d-deċiżjoni fid-dawl tat-talba tal-manifattur u jikkomunika bil-miktub id-deċiżjoni lill-manifattur, fejn jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni, fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba.

4.   L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull drittijiet skond l-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat.

Artikolu 18

Emenda konsegwenzjali

L-Artikolu 7(1)(ċ) tal-Linja Gwida BĊE/2004/18 huwa sostitwit kif ġej:

“(ċ)

l-istamperiji misshom ingħataw akkreditament ta’ sigurtà sħiħa jew temporanja mill-BĊE skond id-Deċiżjoni BĊE/2008/3 tal-15 ta’ Mejju 2008 dwar il-proċeduri ta’ akkreditament ta’ sigurtà applikabbli għall-manifatturi ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-ewro għall-karti tal-flus ewro u jkunu ġew ikkonfermati eliġibbli mill-Kunsill Governattiv, li jaġixxi fuq il-valutazzjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-konformità tagħhom ma’ li ġej:

(i)

l-EBQR deċiża separatament mill-Bord Eżekuttiv filwaqt li tqiesu l-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus;

(ii)

l-obbligi tas-saħħa u s-sigurtà deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv filwaqt li tqiesu l-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus; u

(iii)

l-obbligi għall-produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ karti tal-flus ewro deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv filwaqt li tqiesu l-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus;”.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-2 ta’ Ġunju 2008.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 15 ta’ Mejju 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 320, 21.10.2004, p. 21.


Top