EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0054(01)

2014/106/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 20 ta’ Diċembru 2013 dwar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/3 (BĊE/2013/54)

OJ L 57, 27.2.2014, p. 29–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/04/2020; Imħassar b' 32020D0637

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/106(3)/oj

27.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/29


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ Diċembru 2013

dwar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/3

(BĊE/2013/54)

(2014/106/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 16 u l-Artikolu 34.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1), u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’) jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenza biex jieħu miżuri biex jipproteġi l-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ pagament.

(2)

Il-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2008/3 tal-15 ta’ Mejju 2008 dwar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi tal-elementi ta’ sigurtà tal-euro għall-karti tal-flus tal-euro (2), li tistabbilixxi proċedura li tikkonferma jekk manifatturi jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ sigurtà minimi għall-produzzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin u t-trasportazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro u tal-komponenti tagħhom, u materjal u informazzjoni oħra relatati li jeħtieġu protezzjoni tas-sigurtà, u li t-telfa, is-serq jew il-pubblikazzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ dannu għall-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro jew tal-komponenti tagħhom. Barra minn dan, id-Deċiżjoni BĊE/2008/3 stabbilixxiet proċeduri li jiżguraw konformità kontinwa mar-rekwiżiti ta’ sigurtà fuq imsemmija.

(3)

Il-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/22 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-proċedura għall-akkreditazzjoni tal-kwalità għall-manifatturi ta’ karti tal-flus tal-euro (3), sabiex jiżgura li huma biss il-manifatturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità tal-BĊE għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro u materja prima tal-karti tal-flus tal-euro li jiġu akkreditati biex jipproduċu dawn il-karti tal-flus u l-materjal.

(4)

Skont l-Artikoli 9 u 11 tat-Trattat, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2011/8 tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar il-proċeduri għall-akkreditazjoni ambjentali u tas-saħħa u sigurtà għall-produzzjoni ta’ karti tal- flus tal-euro (4), biex jiżgura illi huma biss il-manifatturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ambjentali u ta’ saħħa u sigurtà tal-BĊE li jiġu akkreditati biex iwettqu attività ta’ produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro.

(5)

Wara l-esperjenza miksuba mill-BĊE fl-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet BĊE/2008/3, BĊE/2010/22 u BĊE/2011/8, huwa meħtieġ li tiġi implimentata sistema ta’ akkreditazzjoni unika effiċjenti sabiex tipprevjeni diskrepanzi sostantivi u proċedurali li jinqalgħu mill-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet fuq imsemmija, bħal ma huma d-diversità sproporzjonata fil-validità ta’ akkreditazzjonijiet, il-proċeduri u t-terminoloġija tagħhom.

(6)

Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjoniijet fuq imsemmija u jitħaffef il-piż amministrattiv fuq il-manifatturi, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ akkreditazzjoni unika, illi ser: (a) tippermetti l-evalwazzjoni tal-konformità tal-manifattur ma’ ħtiġijiet relevanti ta’ sigurtà, ta’ kwalità, ambjentali, u ta’ saħħa u sigurtà, kif stabbiliti mill-BĊE; (b) tevalwa l-konformità ma’ dawn il-ħtiġijiet fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ spezzjoni armonizzata; (c) tipprovdi għal tipi ta’ penalitajiet xierqa u proporzjonati, inklużi penalitajiet finanzjarji, f’każ ta’ non-konformità mar-rekwiżiti fuq imsemmija; u (d) tiżgura illi elementi ta’ sigurtà tal-euro jistgħu jiġu kkonsenjati biss lil banek ċentrali taż-żona tal-euro, banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li qed iħejju biex jadottaw l-euro, mingħajr ħsara għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, manifatturi akkreditati oħrajn u/jew il-BĊE.

(7)

Din is-sistema ta’ akkreditazzjoni ġdida għandha ddur madwar proċedura ta’ evalwazzjoni b’bosta fażijiet fejn manifattur li jkun qed ifittex akkreditazzjoni jiġi evalwat dwar jekk huwiex kompletament konformi mal-aspetti kollha tar-rekwiżiti relevanti għall-akkreditazzjoni stipulati f’din id-Deċiżjoni.

(8)

Sabiex tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni, inkluża kull evalwazzjoni sussegwenti tal-konformità kontinwa ta’ manifattur akkreditat, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit reġim ta’ spezzjoni effiċjenti, li jippermetti li l-BĊE iwettaq spezzjonijiet kemm fuq il-post kif ukoll mhux fuq il-post.

(9)

Sabiex tiġi evitata l-multipliċità kurrenti ta’ akkreditazzjonijiet individwali, għandu jiġi stipulat l-għoti ta’ akkreditazzjoni provviżorja unika, bil-possibbiltà ta’ konverżjoni f’akkreditazzjoni unika, fejn il-manifattur relevanti jkun wera l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti kollha tal-akkreditazzjoni, ukoll matul il-produzzjoni, wara ordni uffiċjali minn manifattur akkreditat, il-BĊE jew BĊN skont l-akkreditazzjoni provviżorja tagħhom.

(10)

Biex tinżamm il-flessibbiltà tal-proċess ta’ akkreditazzjoni, il-BĊE għandu jkollu d-diskrezzjoni fuq kif jorganiżża l-fażijiet tal-evalwazzjoni fir-rigward tat-talba ta’ inizjazzjoni għall-akkreditazzjoni provviżorja.

(11)

Sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni aħjar fil-kuntest tal-proċedura ta’ akkreditazzjoni, akkreditazzjoni provviżorja u akkreditazzjoni għandhom ikollhom validità kontinwa sakemm manifattur ma jinstabx li huwa mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relevanti. Għall-istess skop, il-BĊE għandu jkun kompetenti biex jikkonverti akkreditazzjoni provviżorja f’akkreditazzjoni fejn il-manifattur relevanti jkun ipproduċa oġġetti tal-euro siguri u/jew oġġetti tal-euro wara talba uffiċjali mill-BĊE jew minn BĊN fuq perijodu mhux interrott ta’ 36 xahar. Il-BĊE ser ikollu wkoll il-kompetenza biex inaqqas il-grad ta’ akkreditazzjoni għal akkreditazzjoni provviżorja fuq inizjattiva tiegħu stess, fejn manifattur ma jkunx ipproduċa oġġetti tal-euro siguri u/jew oġġetti tal-euro fuq perijodu mhux interrott ta’ 36 xahar.

(12)

Għalhekk, huwa meħtieġ li d-Deċiżjonijiet BĊE/2008/3, BĊE/2010/22 u BĊE/2011/8 jiġu rrevokati u sostitwiti minn din id-Deċiżjoni. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel mir-reġimi ta’ akkreditazzjoni kurrenti għal sistema ta’ akkreditazzjoni unika, għandu jiġi stabbilit perijodu tranżitorju ta’ sena mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Dan għandu jippermetti li manifatturi b’akkreditazzjonijiet individwali ta’ sigurtà, ta’ kwalità, ambjentali, u ta’ saħħa u sigurtà jagħmlu l-arranġamenti kollha neċessarji biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relevanti taħt din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

1.

“oġġetti tal-euro” tfisser karti tal-flus tal-euro, karti tal-flus tal-euro stampati parzjalment u karta, inka, fojl u ħajt użati għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jew karti tal-flus tal-euro stampati parzjalment;

2.

“attività ta’ oġġetti tal-euro” tfisser il-produzzjoni ta’ oġġetti tal-euro;

3.

“oġġetti tal-euro siguri” tfisser l-oġġetti elenkati fir-rekwiżiti ta’ sigurtà sostantivi, inklużi karti tal-flus tal-euro li huma:(a) fiċ-ċirkolazzjoni; (b) qegħdin jiġu żviluppati biex jieħdu post il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, jew (c) irtirati miċ-ċirkolazzjoni, flimkien mal-komponenti tagħhom u informazzjoni relatata, li jeħtieġu l-ħarsien tas-sigurtà minħabba li t-telf, is-serq jew il-pubblikazzjoni mhux awtorizzata tagħhom tista’ tkun ta’ ħsara għall-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas;

4.

“attività sigura tal-euro” tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin: l-oriġinazzjoni, il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distruzzjoni, il-ħżin, iċ-ċaqlieq intern fi ħdan sit tal-manifattura jew it-trasport ta’ oġġetti tal-euro siguri;

5.

“oriġinazżjoni” tfisser it-trasformazzjoni tad-disinn bażiku tal-karti tal-flus tal-euro li qed jiġu żviluppati għal ġo format, separazzjoni ta’ lwien, line work u pjanċi tal-istampar u t-tħejjija ta’ formati u prototipi għall-komponenti proposti f’dawk id-disinni bażiċi;

6.

“manifattur” tfisser kull entità li hija, jew li tixtieq tkun, involuta f’attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro, bl-eċċezzjoni ta’ entitajiet li huma biss, jew li jixtiequ jkunu biss, involuti fit-trasport ta’ oġġetti tal-euro siguri jew fil-forniment ta’ faċilitajiet ta’ qerda speċjalizzati;

7.

“sit ta’ manifattura” tfisser font li manifattur juża jew li jixtieq juża, għall-oriġinazzjoni, il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-qerda, u l-ħżin ta’ oġġetti tal-euro siguri u/jew ta’ oġġetti tal-euro;

8.

“rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni” tfisser ir-rekwiżiti sostantitivi tal-BĊE, il-proċedura ta’ akkreditazzjoni u r-rekwiżiti tal-lok, kif ukoll l-obbligi kontinwi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, illi manifattur għandu jikkonforma magħhom biex jingħata jew iżomm l-akkreditazzjoni provviżorja jew l-akkreditazzjoni tiegħu;

9.

“manifattur akkreditat” tfisser manifattur b’akkreditazzjoni provviżorja jew akkreditazzjoni;

10.

“rekwiżiti sostantivi” tfisser ir-rekwiżiti ta’ sigurtà, ta’ kwalità, ambjentali, u ta’ saħħa u sigurtà relevanti, kif stipulati separatament mill-BĊE, li manifattur irid jikkonforma magħhom sabiex ikun jista’ jwettaq attività tal-euro sigura u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro;

11.

“arranġamenti” tfisser il-miżuri ta’ sigurtà, ta’ kwalità, ambjentali jew ta’ saħħa u sigurtà meħudin minn manifattur sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti sostantivi relevanti;

12.

“akkreditazzjonijiet tar-reġim il-qadim” tfisser akkreditazzjonijiet validi temporanji jew sħaħ, b’mod partikolari ta’ sigurtà, ta’ kwalità, ambjentali jew ta’ saħħa u sigurtà mogħtija mill-BĊE lil manifattur sabiex iwettaq attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro skont id-Deċiżjonijiet BĊE/2008/3, BĊE/2010/22 u BĊE/2011/8;

13.

“deċiżjonijiet imħassra tal-BĊE dwar l-akkreditazzjoni” tfisser b’mod kollettiv id-Deċiżjonijiet BĊE/2008/3, BĊE/2010/22 u BĊE/2011/8;

14.

“BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

15.

“BĊN futur tal-Eurosistema” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru b’deroga li jkun issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-adozzjoni tal-euro u li dwaru tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-abrogazzjoni tad-deroga skont l-Artikolu 140(2) tat-Trattat;

16.

“awtorità għaċ-ċertifikazzjoni” tfisser awtorità għaċ-ċertifikazzjoni indipendenti li tevalwa s-sistemi tal-manifattur għall-ġestjoni tal-kwalità, ambjentali u tas-saħħa u sigurtà u li hija intitolata biex tiċċertifika illi l-manifattur jissodisfa r-rekwiżiti tas-sensiela ta’ standards ISO 9001 jew ISO 14000 jew OHSAS 18000;

17.

“jum tax-xogħol” tfisser jum tax-xogħol tal-BĊE mit-Tnejn sal-Ġimgħa, esklużi l-btajjel pubbliċi tal-BĊE, kif ippubblikati fuq il-websajt tal-BĊE;

18.

“spezzjoni” tfisser proċedura għall-akkreditazzjoni immirata lejn il-valutazzjoni tal-konformità ta’ manifattur mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni, li tieħu l-forma jew ta’ spezzjoni fuq il-post jew ta’ spezzjoni mhux fuq il-post, u li tispiċċa bil-finalizzazzjoni ta’ rapport tal-ispezzjoni relevanti dwar l-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni;

19.

“spezzjoni fuq il-post” tfisser żjara minn tim ta’ spezzjoni tal-BĊE lil sit ta’ manifattura biex jivvaluta jekk l-arranġamenti stabbiliti fis-sit ta’ manifattura jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relevanti;

20.

“spezzjoni mhux fuq il-post” tfisser valutazzjoni mill-BĊE tad-dokumentazzjoni ppreżentata minn manifattur fil-kuntest ta’ spezzjoni, imwettqa barra mis-sit ta’ manifattura tiegħu, biex jiġi identifikat jekk manifattur jikkonformaz mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relevanti;

21.

“verifiki speċifiċi tas-sigurtà ta’ BĊN” tfisser it-twettiq ta’ kontrolli ta’ stokks, kontrolli fuq il-qerda jew kontrolli fuq it-trasport minn BĊN li qed jagħmel ordni f’sit ta’ manifattura akkreditat fir-rigward tal-ordni tal-produzzjoni uffiċjali mogħtija lil manifattur akkreditat b’konformità mal-Artikolu 11;

22.

“kontroll tal-istokk” tfisser żjara minn BĊN li qed jagħmel ordni lil sit ta’ manifattura akkreditat biex jivvaluta l-preċiżjoni tal-inventarji tal-istokk ta’ oġġetti tal-euro siguri miżmumin mill-manifattur relevanti;

23.

“kontroll fuq il-qerda” tfisser żjara minn BĊN li qed jagħmel ordni lil sit ta’ manifattura akkreditat biex jimmonitorja l-qerda ta’ oġġetti siguri tal-euro u biex iwettaq kontrolli tal-istokk matul il-qerda ta’ oġġetti tal-euro siguri b’konformità mal-Artikolu 11;

24.

“kontroll fuq it-trasport” tfisser valutazzjoni tal-konformità fir-rigward tal-arranġamenti għat-trasport ta’ karti tal-flus tal-euro u/jew ta’ karta tal-karti tal-flus tal-euro stabbiliti minn manifattur akkreditat;

25.

“produzzjoni” tfisser il-manifattura ta’ oġġetti tal-euro siguri jew oġġetti tal-euro b’konformità ma’ ordni uffiċjali minn manifattur akkreditat ieħor, BĊN jew il-BĊE, eskluża l-manifattura għal finijiet ta’ R&D u ta’ ittestjar, fejn dak li jrid jiġi kkonsenjat mhux intiż għall-ħruġ, u eskluża l-manifattura għal stokks interni.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali tal-akkreditazzjoni

1.   Manifattur jista’ jwettaq attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro biss fir-rigward ta’ oġġett tal-euro sigur u/jew oġġetti tal-euro fis-sit ta’ manifattura li għalih il-BĊE jkun tah akkreditazzjoni jew akkreditazzjoni provviżorja.

2.   Fejn manifattur ma jkunx wettaq il-produzzjoni, il-BĊE jista’ jagħtih akkreditazzjoni provviżorja għall-attività sigura tal-euro u/jew l-attività tal-oġġetti tal-euro skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 4, 5 u 6.

3.   Akkreditazzjoni provviżorja tista’ tiġi kkonvertita f’akkreditazzjoni fejn manifattur ikun għadda mill-ispezzjonijiet rilevanti kollha matul il-produzzjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7.

4.   Fejn manifattur akkreditat ma jkunx wettaq il-produzzjoni għal perijodu mhux interrot ta’ 36 xahar, il-BĊE jista’ jikkonverti l-akkreditazzjoni tiegħu f’akkreditazzjoni provviżorja, kif stipulat fl-Artikolu 8.

5.   Sabiex jirċievi u jżomm akkreditazzjoni provviżorja jew akkreditazzjoni mill-BĊE, minbarra r-rekwiżiti stipulati f’din id-Deċiżjoni, manifattur għandu jikkonforma ma’:

(a)

ir-rekwiżiti sostantivi relevanti, li huma rekwiżiti minimi. Il-manifatturi jistgħu jadottaw u jimplimentaw arranġamenti dwar is-sigurtà, il-kwalità, ambjentali, tas-saħħa u sigurtà aktar stretti;

(b)

ir-rekwiżiti tal-lok li ġejjin:

i.

fejn mhuwiex stamperija, is-sit tal-manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles; jew

ii.

fejn huwa stamperija, is-sit ta’ manifattura tiegħu jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

6.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ fejn dan huwa ġġustifikat miċ-ċirkostanzi, jagħti eżenzjoni mir-rekwiżit tal-lok stipulat fil-paragrafu 5(b) aktar ‘il fuq. Fejn il-Bord Eżekuttiv jagħti eżenzjoni bħal din, huwa għandu jipprovdi raġunijiet relevanti għal dan.

7.   Il-manifatturi b’akkreditazzjoni provviżorja jew akkreditazzjoni huma eliġibbli bl-istess mod biex jipparteċipaw għall-offerti.

8.   Manifattur akkreditat jista’ jipproduċi u/jew iforni biss oġġetti tal-euro siguri biex jissodisfa ordni uffiċjali li ssir minn wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

manifattur akkreditat ieħor li jeħtieġ l-oġġetti tal-euro siguri għall-attività sigura tal-euro tiegħu;

(b)

BĊN;

(c)

suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, BĊN futur tal-Eurosistema; u

(d)

il-BĊE.

9.   Manifattur għandu jġorr kwalunkwe kosti u telf assoċjat li jġarrab b’rabta mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Deċiżjonijiet meħudin mill-Bord Eżekuttiv

1.   Il-Bord Eżekuttiv huwa kompetenti biex jieħu d-deċiżjonijiet relatati mal-akkreditazzjoni ta’ manifattur taħt l-Artikoli 6, 16 sa 18 u 20.

2.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li jissubdelega s-setgħat biex tingħata akkreditazzjoni provviżorja taħt l-Artikolu 6 lil wieħed jew aktar mill-membri tiegħu.

TAQSIMA II

PROĊEDURA TA’ AKKREDITAZZJONI

Artikolu 4

Talba biex tinbeda l-akkreditazzjoni provviżorja

1.   Manifattur mingħajr xi tip ta’ akkreditazzjoni li jixtieq iwettaq attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro għandu jibgħat talba bil-miktub lill-BĊE sabiex tinbeda l-proċedura tal-akkreditazzjoni provviżorja.

2.   Din it-talba għandha:

(a)

tispeċifika l-attività sigura tal-euro u l-oġġett(i) tal-euro sigur(i) u/jew l-attività tal-oġġetti tal-euro u l-oġġett(i) tal-euro kif ukoll l-indirizz preċiż tas-sit ta’ manifattura li għalih qed tintalab akkreditazzjoni provviżorja;

(b)

tinkludi dikjarazzjoni mill-manifattur rikjedenti illi huwa ser iżomm il-kontenut tar-rekwiżiti sostantivi kunfidenzjali;

(c)

tinkludi impenn bil-miktub illi huwa ser jikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Fejn manifattur qed jitlob li jwettaq attività ta’ oġġetti tal-euro, il-manifattur jipprovdi lill-BĊE b’kopji taċ-ċertifikati tal-ISO 9001, ISO 14001 u OHSAS 18001 maħruġin minn awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni kompetenti, li jiddikjaraw illi huwa jikkonforma mal-istandards relevanti fis-sit ta’ manifattura relevanti għall-attività tal-oġġetti tal-euro ppjanata.

4.   Il-BĊE għandu jivvaluta l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduta mill-manifattur fit-talba tiegħu biex tinbeda l-akkreditazzjoni provviżorja u jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali jew kjarifiki fejn meħtieġ.

5.   Il-BĊE jista’ jiċħad it-talba biex tinbeda l-akkreditazzjoni provviżorja fejn din tibqa’ inkompleta wara talba mill-BĊE għal informazzjoni addizzjonali jew kjarifiki skont il-paragrafu 4 jew fejn il-manifattur ma jikkonformax mal-Artikolu 2(5)(b).

Artikolu 5

Valutazzjoni preliminari tar-rekwiżiti sostantivi

1.   Malli tiġi aċċettata t-talba biex tinbeda l-akkreditazzjoni provviżorja, il-BĊE jipprovdi lill-manifattur b’kopja tar-rekwiżiti sostantivi relevanti. Il-BĊE jipprovdi aktar dokumentazzjoni, li fiha l-manifattur jindika kif l-arranġamenti tiegħu jikkonformaw mar-rekwiżiti sostantivi relevanti. Il-manifattur jimla u jibgħat lura din id-dokumentazzjoni sabiex il-BĊE ikun jista’ jagħmel valutazzjoni preliminari dwar jekk il-manifattur jistax jissodisfa r-rekwiżiti sostantivi relevanti.

2.   Fejn manifattur li qed jitlob akkreditazzjoni provviżorja għal attività sigura tal-euro huwa meħtieġ taħt il-liġi nazzjonali tiegħu biex juża faċilitajiet tal-qerda speċjalizzati, u fejn mhuwiex possibbli illi dawn il-faċilitajiet isiru disponibbli fis-sit ta’ manifattura, huwa għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-faċilità tal-qerda speċjalizzata illi qed jipproponi li juża, inklużi dettalji sħaħ ta’:

(a)

id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali u spjegazzjoni ta’ għaliex mhuwiex possibbli li jkun hemm lok għall-faċilitajiet tal-qerda fis-sit tal-manifattura

(b)

il-faċilità tal-qerda speċjalizzata illi l-manifattur jipproponi li juża;

(c)

l-oġġett(i) tal-euro sigur(i) illi l-manifttur jipproponi li jeqred fil-faċilità tal-qerda speċjalizzata relevanti;

(d)

l-arranġamenti tas-sigurtà proposti għall-protezzjoni tal-oġġett(i) tal-euro sigur(i) matul il-proċess kollu ta’ trasport lil u mill-faċilità u l-qerda fil-faċilità.

3.   Il-BĊE jivvaluta l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduta mill-manifattur imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 u jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali jew kjarifiki. Il-BĊE jista’ jiċħad kwalunkwe talba għal akkreditazzjoni provviżorja li tibqa’ mhux kompleta wara talba tal-BĊE għal informazzjoni addizzjonali jew kjarifiki, jew li tonqos milli tikkonforma ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Għoti ta’ akkreditazzjoni provviżorja

1.   Il-BĊE jista’ jagħti lil manifattur akkreditazzjoni kemm-il darba l-manifattur ikun irnexxielu juri, qabel ma jkun beda attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro, li jkun stabbilixxa l-proċeduri u l-infrastrutturi meħtieġa sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relevanti fis-sit tal-manifattura.

2.   B’mod konformi mal-Artikolu 9, il-BĊE għandu jwettaq spezzjonijiet biex jivvaluta jekk manifattur jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni kollha.

3.   Manifattur li jitlob akkreditazzjoni provviżorja għal attività sigura tal-euro li tkun ippjanata għandu l-ewwel jiġi spezzjonat għal konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà. Ebda spezzjoni oħra ma għandha tibda qabel ma l-manifattur ikun irnexxielu jgħaddi mill-ispezzjoni tas-sigurtà.

Artikolu 7

Konverżjoni ta’ akkreditazzjoni proviżorja f’akkreditazzjoni

Il-BĊE jista’ jikkonverti l-akkreditazzjoni provviżorja ta’ manifattur f’akkreditazzjoni, kemm-il darba l-manifattur ikun irnexxielu jgħaddi mill-ispezzjonijiet relevanti matul il-produzzjoni u waqt li jkun qiegħed jagħmel dan ikun wera li waqt it-twettiq attwali tal-attività sigura tal-euro relevanti u/jew l-attività tal-oġġetti tal-euro jkun stabbilixxa l-proċeduri u infrastruttura meħtieġa u jkun jikkonforma effettivament mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relevanti fis-sit tal-manifattura.

Artikolu 8

Konverżjoni ta’ akkreditazzjoni f’akkreditazzjoni provviżorja

Il-BĊE jista’ jikkonverti l-akkreditazzjoni ta’ manifattur f’akkreditazzjoni provviżorja meta manifattur ma jkunx għamel produzzjoni taħt ordni uffiċjali mill-BĊE jew BĊN għal aktar minn perjodu ta’ 36 xahar mingħajr interruzzjoni.

TAQSIMA III

SPEZZJONIJIET U KONTROLLI TA’ SIGURTÀ SPEĊIFIĊI TAL-BĊN

Artikolu 9

Spezzjonijiet

1.   Il-BĊE għandha jivvaluta jekk manifattur jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni relevanti permezz ta’ spezzjonijiet. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ spezzjonijiet fuq il-post u/jew spezzjonijiet mhux fuq il-post.

2.   Spezzjoni(jiet) mhux fuq il-post għandha titwettaq (għandhom jitwettqu) fir-rigward ta’ kull dokumentazzjoni pprovduta minn manifattur li tkun relevanti għall-valutazzjoni tal-konformità tagħha mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni.

3.   Spezzjoni(jiet) fuq il-post għandha tivvaluta (għandhom jivvalutaw) il-konformità ta’ manifattur mar-rekwiżiti sostantivi relevanti fuq is-sit tal-manifattura, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ sigurtà u kwalità. Il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jmexxi dawk l-ispezzjonijiet fuq il-post kull meta jidhirlu li dan huwa meħtieġ, iżda mill-inqas kull 36 xahar fir-rigward tar-rekwiżiti sostantivi tas-sigurtà u l-kwalità għal attività ta’ oġġetti tal-euro u/jew attività sigura tal-euro.

4.   Spezzjonijiet fuq il-post fir-rigward tar-rekwiżiti sostantivi tas-sigurtà u l-kwalità għandhom jitħabbru bil-quddiem. Spezzjonijiet fuq il-post għas-sigurtà u l-kwalità li jkunu tħabbru għandhom jibdew fid-data li tkun ġiet miftiehma bejn il-manifattur u l-BĊE. Malli l-manifattur ikun beda jwettaq attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro, l-ispezzjonijiet ta’ sigurtà u kwalità fuq il-post jistgħu jkunu wkoll għall-għarrieda.

5.   Sa mhux aktar tard minn 10 jiem tax-xogħol qabel id-data meta tkun ser tibda spezzjoni fuq il-post mħabbra, il-BĊE jista’ jipprovdi lill-manifattur b’dokumentazzjoni ta’ qabel l-ispezzjoni fuq ix-xogħol li għandha timtela mill-manifattur. Il-manifattur għandu jibgħat lura dik id-dokumentazzjoni lill-BĊE ta’ mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data meta tkun ser tibda l-ispezzjoni fuq il-post.

6.   Jekk manifattur ikun meħtieġ li juża faċilità ta’ qerda speċjalizzata skont il-liġi nazzjonali tiegħu, it-tim ta’ spezzjoni fuq il-post jista’ jżur ukoll din il-faċilità sabiex jivvaluta jekk l-arranġamenti proposti mill-manifattur humiex suffiċjenti biex tiġi protetta l-integrità tal-oġġetti tal-euro siguri kkonċernati.

Artikolu 10

Ittra dwar is-sejbiet u rapport ta’ spezzjoni

1.   Jekk matul spezzjoni jiġi identifikat nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti relevanti tal-akkreditazzjoni, il-BĊE għandu jibgħat ittra dwar is-sejbiet lill-manifattur, li tispeċifika l-każ(ijiet) ta’ nuqqas ta’ konformità inkwistjoni, fil-perjodi ta’ żmien li ġejjin:

(a)

15-il jum tax-xogħol mid-data meta tkun tlestiet l-ispezzjoni fuq il-post relevanti;

(b)

40 jum tax-xogħol wara li l-BĊE jkun irċieva xi dokumentazzjoni relevanti wara spezzjoni mhux fuq il-post, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi kontinwati stabbiliti fl-Artikolu 12;

(c)

15-il jum tax-xogħol wara li jirċievi r-rapport tal-BĊN lill-BĊE meta jkunu twettqu kontrolli ta’ sigurtà speċifiċi mill-BĊN skont l-Artikolu 11.

2.   Il-manifattur għandu jkollu 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievi l-ittra dwar is-sejbiet biex jikkomunika mal-BĊE bil-miktub, filwaqt li jipprovdi l-kummenti tiegħu u dettalji dwar kwalunkwe arranġament jew titjib li jkun beħsiebu jagħmel fir-rigward tal-kontenut tal-ittra dwar is-sejbiet.

3.   Il-BĊE għandu jħejji abbozz ta’ rapport ta’ spezzjoni fi żmien 25 jum tax-xogħol wara: (a) l-iffinalizzar ta’ spezzjoni, meta ebda każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma jkun ġie identifikat; (b) li l-BĊE jkun irċieva l-kummenti bil-miktub tal-manifattur għall-ittra dwar is-sejbiet; jew (c) l-iskadenza tad-data sa meta jridu jintbagħtu dawk il-kummenti, meta ma jkunx irċieva kummenti. Dan l-abbozz ta’ rapport ta’ spezzjoni għandu jinkludi s-sejbiet tal-ispezzjoni u l-kummenti relevanti li l-BĊE jirċievi mingħand il-manifattur. L-abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni għandu wkoll jasal għal konklużjonijiet dwar jekk il-manifattur huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni.

4.   Il-manifattur għandu jkollu 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievi l-abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni biex jikkomunika mal-BĊE bil-miktub, filwaqt li jipprovdi l-kummenti tiegħu u dettalji dwar kwalunkwe arranġament jew titjib li jkun beħsiebu jagħmel fir-rigward tal-kontenut tal-abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni. Wara li jirċievi l-kummenti tal-manifattur jew wara l-iskadenza tad-data sa meta jridu jintbagħtu dawk il-kummenti, il-BĊE għandu, fi żmien 30 jum tax-xogħol, jiffinalizza l-abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni u jissottomettih lill-manifattur relevanti.

5.   Jistgħu jsiru spezzjonijiet addizzjonali fuq il-post sabiex jiġi vverifikat jekk, wara l-implimentazzjoni ta’ dawk l-arranġamenti jew titjib, il-manifattur jikkonformax mar-rekwiżiti relevanti tal-akkreditazzjoni. Spezzjonijiet addizzjonali fuq il-post jistgħu jdewmu l-iffinalizzar tal-abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni.

6.   F’każ ta’ nuqqasijiet kbar ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni li jkunu jeħtieġu deċiżjoni urġenti tal-BĊE li tista’ raġonevolment titqies li tiġġustifika deċiżjoni ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 17 jew deċiżjoni ta’ revoka skont l-Artikolu 18, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jqassar il-proċess deskritt fil-paragrafi 1, 2 u 3, sabiex b’hekk il-manifattur ikollu massimu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol biex jikkummenta dwar in-nuqqas ta’ konformità relevanti. Il-BĊE għandu jipprovdi raġunijiet għal dik l-urġenza.

7.   Il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jestendi d-dati ta’ skadenza msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 11

Kontrolli ta’ sigurtà speċifiċi mill-BĊN

1.   Kull BĊN li jkun għamel ordni uffiċjali għall-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro jista’, fir-rigward ta’ dawn l-ordnijiet, jagħmel kontrolli tal-istokks, kontrolli tal-qerda ta’ oġġetti tal-euro siguri fis-sit tal-manifattura fejn ikunu qegħdin jinħadmu l-karti tal-flus tal-euro jew fi kwalunkwe sit ieħor ta’ manifattura fejn il-komponenti għal dawk il-karti tal-flus tal-euro jkunu qegħdin jinħadmu, jiġu pproċessati, maħżuna jew meqruda.

2.   Il-BĊN imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jagħmel ukoll kontrolli dwar it-trasport ta’ karti tal-flus tal-euro u karta tal-karti tal-flus tal-euro.

3.   Il-BĊN għandu jibgħat rapport bil-miktub lill-BĊE fi żmien tliet ijiem tax-xogħol minn meta jitlestew il-kontrolli jekk jinsab li l-manifattur kiser ir-rekwiżiti sostantivi tar-regoli tal-BĊE dwar it-trasport jew jekk tinstab xi diskrepanza oħra waqt il-kontrolli tal-istokks jew il-kontrolli tal-qerda.

4.   Il-BĊE jista’ jaħtar tim speċifiku ta’ spezzjoni tas-sigurtà fuq il-post biex jagħmel spezzjonijiet fuq il-post fis-sit tal-manifattura sabiex jivverifika l-ksur jew diskrepanzi identifikati mill-BĊN. Kwalunkwe sejba mill-BĊE li tkun ibbażata fuq l-eżitu tal-ispezzjoni mwettqa mit-tim speċifiku ta’ spezzjoni tas-sigurtà għandha tiġi rrapportata skont l-Artikolu 10.

TAQSIMA IV

OBBLIGI KONTINWATI

Artikolu 12

Obbligi kontinwati ta’ manifatturi akkreditati

1.   Manifattur akkreditat għandu, għas-sit ta’ manifattura relevanti, jipprovdi lill-BĊE b’kopja taċ-ċertifikat relevanti msemmi fl-Artikolu 4(3) kull darba li xi ċertifikat ta’ dak it-tip jiġi mġedded jew mibdul fi żmien tliet xhur mid-data relevanti tal-kontinwazzjoni jew bidla.

2.   Manifattur akkreditat għandu jinforma lill-BĊE minnufih jekk jiġi rrevokat xi wieħed miċ-ċertifikati meħtieġa.

3.   Manifattur akkreditat għandu jinforma lill-BĊE minnufih u bil-miktub b’kull waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-bidu ta’ xi proċedura għall-istralċ jew riorganizzazzjoni tal-manifattur jew kull proċedura analoga;

(b)

il-ħatra ta’ likwidatur, riċevitur, amministratur jew uffiċjal simili b’rabta mal-manifattur;

(c)

kull intenzjoni li jingħata sottokuntratt jew li jiġu involuti partijiet terzi f’attività ta’ oġġetti tal-euro jew attività tal-euro li għaliha l-manifattur ikollu akkreditazzjoni;

(d)

kull bidla fl-arranġamenti fis-sit tal-manifattura li sseħħ wara li tkun ingħatat l-akkreditazzjoni u li taffettwa, jew tista’ taffettwa, il-konformità mar-rekwiżiti relevanti ta’ akkreditazzjoni, inklużi bidliet għad-dettalji taħt l-Artikolu 5(2)(a) sa (d);

(e)

kull intenzjoni li jinbidel il-kontroll tal-manifattur akkreditat jew li tinbidel l-istruttura ta’ sjieda tiegħu;

(f)

l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 34 xahar mingħajr interruzzjoni sa mill-aħħar produzzjoni.

4.   Manifattur akkreditat ma għandhux jittrasferixxi jew jassenja l-akkreditazzjonijiet tiegħu lil terza persuna, inklużi kwalunkwe mis-sussidjarji u l-kumpaniji assoċjati tiegħu.

5.   Manifattur akkreditat ma għandu jittrasferixxi ebda parti tal-attività sigura tal-euro jew l-attività ta’ oġġetti tal-euro, u ebda oġġett tal-euro sigur jew oġġett tal-euro, lil xi sit ieħor li jkun il-proprjetà tal-manifattur, jew inkella mikri lilu jew taħt il-kontroll tiegħu, ħlief jekk is-sit ikun ingħata l-akkreditazzjoni xierqa skont l-Artikolu 2 u l-BĊE jkun ta l-kunsens tiegħu bil-miktub minn qabel għat-trasferiment.

6.   Manifattur akkreditat ma għandu jesternalizza jew jittrasferixxi ebda parti tal-attività sigura tal-euro jew l-attività ta’ oġġetti tal-euro, u ebda oġġett tal-euro sigur jew oġġett tal-euro lil xi terza persuna, inklużi s-sussidjarji u l-kumpaniji assoċjati tal-manifattur, ħlief jekk dik it-terza persuna tkun ingħatat l-akkreditazzjoni xierqa skont l-Artikolu 2 u l-BĊE jkun ta l-kunsens tiegħu bil-miktub minn qabel għall-esternalizzazzjoni jew trasferiment.

7.   Il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-BĊE għandu jkun meħtieġ għal manifattur akkreditat biex jesternalizza xi parti ta’ attività sigura tal-euro lil sit ta’ manifattura ieħor.

8.   Manifattur b’akkreditazzjoni provviżorja għandu jinforma lill-BĊE minnufih meta jirċievi ordni uffiċjali biex jipproduċi mingħand manifattur akkreditat ieħor, minn BĊN jew mill-BĊE, sabiex l-ispezzjonijiet relevanti jkunu jistgħu jsiru kemm jista’ jkun malajr. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar l-ordni uffiċjali għall-produzzjoni u d-data ippjanata għall-bidu u għat-tmiem tal-produzzjoni.

9.   Manifattur b’akkreditazzjoni provviżorja għandu jipprovdi lill-BĊE b’informazzjoni dwar aspetti ambjentali, tas-saħħa u tas-sigurtà kif meħtieġ fir-rekwiżiti sostantivi relevanti.

10.   Jekk manifattur akkreditat ikun stamperija, huwa għandu jieħu ħsieb li ssir analiżi tas-sustanzi kimiċi ta’ karti tal-flus tal-euro lesti u għandu jirrapporta lill-BĊE skont ir-rekwiżiti ambjentali, tas-saħħa u tas-sigurtà relevanti.

11.   Manifattur akkreditat għandu jżomm ir-rekwiżiti sostantivi kunfidenzjali.

Artikolu 13

Obbligi kontinwati tal-BĊE

Il-BĊE għandu jinforma lil manifatturi akkreditati b’kull aġġornament tar-rekwiżiti tas-sigurtà li jikkonċerna l-attività sigura tal-euro u/jew l-attività ta’ oġġetti tal-euro li għalihom ikunu ingħataw akkreditazzjoni jew akkreditazzjoni provviżorja.

TAQSIMA V

KONSEGWENZI TA’ NUQQAS TA’ KONFORMITÀ

Artikolu 14

Każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità

1.   Kull wieħed mill-atti li ġejjin ta’ manifattur jikkostitwixxi każ ta’ nuqqas ta’ konformità:

(a)

in-nuqqas milli jissodisfa r-rekwiżiti relevanti tal-akkreditazzjoni;

(b)

in-nuqqas milli jimplimenta titjib kif miftiehem mal-BĊE;

(c)

iċ-ċaħda tal-aċċess immedjat lis-sit ta’ manifattura lil tim ta’ spezzjoni fuq il-post jew lil persunal maħtur minn BĊN biex imexxi kontrolli ta’ stokks, kontrolli tal-qerda jew kontrolli fuq it-trasport;

(d)

il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni falza jew qarrieqa jew ta’ dokument iffalsifikat lill-BĊE u, fejn japplika, lil BĊN, bis-saħħa ta’ kwalunkwe mill-proċeduri f’din id-Deċiżjoni;

(e)

il-ksur tal-obbligu tiegħu li jżomm kunfidenzjali l-kontenut tar-rekwiżiti sostantivi.

2.   Kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti relevanti tal-akkreditazzjoni jiġi nnotifikat lill-manifattur li ma jkunx konformi skont l-Artikolu 10(4) jew innotifikat mod ieħor lill-manifattur li ma jkunx konformi. Kull każ ta’ nuqqas ta’ konformità għandu jiġi korrett fi żmien perijodu miftiehem. Dan il-perijodu huwa proporzjonat mal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità.

3.   Nuqqas ta’ konformità maġġuri huwa każ li għandu jew kellu impatt negattiv immedjat u serju fuq is-sigurtà tal-attività sigura tal-euro u/jew impatt negattiv immedjat u serju fuq l-aspetti tal-kwalità, ambjentali jew ta’ saħħa u sigurtà ta’ attività ta’ oġġetti tal-euro.

4.   Il-BĊE jista’ joħroġ rakkomandazzjoni lil manifattur, li hija suġġeriment għat-titjib ta’ arranġament li madankollu huwa konformi mar-rekwiżiti tal-akkreditazzjoni.

Artikolu 15

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar in-nuqqas ta’ konformità

1.   Il-BĊE jieħu kwalunkwe mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 16 sa 18 u 20 bil-miktub. Dawn id-deċiżjonijiet jinkludu:

(a)

il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità u l-kummenti forniti mill-manifattur, fejn applikabbli;

(b)

is-sit ta’ manifattura, l-oġġett tal-euro sigur u/jew l-oġġett tal-euro u l-attività sigura tal-euro u/jew l-attività sigura tal-euro li għalihom tirreferi d-deċiżjoni;

(c)

id-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva;

(d)

it-terminu ta’ żmien biex tiġi rrimedjata n-nuqqas ta’ konformità, fejn applikabbli;

(e)

ir-raġunijiet għad-deċiżjoni.

2.   Fil-każijiet kollha fejn il-BĊE jieħu deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikoli 16 sa 18 u 20, hija għandha tkun proporzjonata mas-serjetà tan-nuqqas ta’ konformità u mar-rekord tal-prestazzjoni tal-manifattur fir-rigward tal-okkorrenzi u l-korrezzjonijiet ta’ kwalunkwe każ ieħor ta’ nuqqas ta’ konformità.

3.   Il-BĊE jista’ jinforma lill-BĊNi u lill-manifatturi akkreditati kollha bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu, l-iskop u t-tul ta’ żmien tagħha u, f’dak il-każ, għandu jispeċifika li l-BĊNi ser ikunu nnotifikati jekk ikun hemm aktar tibdil fl-istatus tal-manifattur.

Artikolu 16

Deċiżjoni ta’ twissija

1.   Il-BĊE jista’ jieħu deċiżjoni ta’ twissija fir-rigward ta’ manifattur akkreditat f’każ ta’:

(a)

nuqqaS TA’ konformità maġġuri fir-rigward ta’ aspetti tas-sigurtà ta’ attività sigura tal-euro, jew l-aspetti tal-kwalità, ambjentali jew tas-saħħa u sigurtà ta’ attività sigura tal-euro;

(b)

xejra rikorrenti ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

(c)

nuqqas ta’ korrezzjoni tempestiva u effettiva ta’ kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Il-BĊE jikkunsidra l-ispjegazzjonijiet kollha relevanti mogħtija minn dak il-manifattur.

3.   Deċiżjoni ta’ twissija tista’ tiddikjara wkoll illi jekk in-nuqqas ta’konformità ma tkunx ġiet irrimedjata fil-limitu ta’ żmien speċifikat, l-Artikoli 17 jew 18 japplikaw.

4.   Jekk il-BĊE jidhirlu illi deċiżjoni ta’ twissija waħedha ma tkunx iġġustifikata minħabba s-serjetà tal-każ ta’ nuqqas ta’ konformità identifikat, huwa jista’ jieħu deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 17 jew 18.

Artikolu 17

Sospensjoni fir-rigward ta’ ordnijiet ġodda

1.   Il-BĊE jista’ jieħu deċiżjoni ta’ sospensjoni fir-rigward ta’ manifattur akkreditat bl-effett illi l-manifattur jista’ jtemm kwalunkwe ordni ta’ produzzjoni li tkun għaddejja iżda ma jistax jaċċetta ordnijiet ġodda sakemm ma tkunx tneħħiet id-deċiżjoni ta’ sospensjoni. Deċiżjoni ta’ sospensjoni tista’ tittieħed f’każ ta’:

(a)

nuqqas ta’ konformità maġġuri b’impatt negattiv serju u immedjat fuq is-sigurtà tal-attività sigura tal-euro iżda fejn il-manifattur seta’ juri illi ma seħħ l-ebda telf jew serq ta’ oġġetti tal-euro siguri jew pubblikazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni, li tista’ tkun ta’ ħsara għall-integrità ta’ oġġetti tal-euro siguri;

(b)

manifattur li jonqos milli jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità speċifikata f’deċiżjoni ta’ twissija.

2.   Il-BĊE jikkunsidra l-ispjegazzjonijiet kollha relevanti mogħtija minn dak il-manifattur.

3.   Deċiżjoni ta’ sospensjoni tista’ tiddikjara wkoll illi jekk in-nuqqas ta’ konformità ma tkunx ġiet irrimedjata fil-limitu ta’ żmien speċifikat, japplika l-Artikolu 18.

4.   Jekk il-BĊE jidhirlu illi deċiżjoni ta’ twissija waħedha ma tkunx iġġustifikata minħabba s-serjetà tal-każ ta’ nuqqas ta’ konformità identifikat, huwa jista’ jieħu deċiżjoni ta’ revoka bis-saħħa tal-Artikolu 18.

5.   Deċiżjoni ta’ sospensjoni tista’ titneħħa biss jekk il-każijiet kollha relevanti ta’ nuqqas ta’ konformità jkunu ġew korretti u evalwati permezz ta’ spezzjoni wara l-korrezzjoni.

Artikolu 18

Revoka tal-akkreditazzjoni

1.   Il-BĊE jista’ jieħu deċiżjoni ta’ revoka f’każ ta’:

(a)

nuqqas ta’ manifattur li jaġixxi fuq deċiżjoni ta’ sospensjoni;

(b)

nuqqas ta’ manifattur li jikkonforma mal-Artikolu 19;

(c)

nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit illi l-BĊE jiġi informat immedjatament bi kwalunke miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 12(3)(c) sa (f);

(d)

talba mingħand manifattur akkreditat biex jittrasferixxi l-attività sigura tal-euro kollha tiegħu jew parti minnha u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro lil sit ta’ manifattura ġdid. L-iskop ta’ din ir-revoka jinkludi s-sit ta’ manifattura l-qadim li minnu qed tiġi ttrasferita l-attività relevanti;

(e)

talba minn manifattur akkreditat biex tiġi rtirata l–akkreditazzjoni provviżorja jew l-akkreditazzjoni tiegħu.

2.   Il-BĊE jista’ jieħu deċiżjoni ta’ revoka fejn jevalwa illi din ir-revoka hija proporzjonata ma’:

(a)

il-gravità tal-każ(ijiet) ta’ nuqqas ta’ konformità;

(b)

id-daqs attwali jew potenzjali tat-telf, serq jew ta’ kwalunkwe dannu konsegwenzjali finanzjarju u tar-reputazzjoni mill-pubblikazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni relatata ma’ oġġetti tal-euro siguri;

(c)

l-adegwatezza tar-reazzjoni, il-kapaċità u l-ħila tal-manifattur biex itaffi n-non-konformità.

3.   Il-BĊE jikkunsidra l-ispjegazzjonijiet kollha relevanti mogħtija mill-manifattur rispettiv.

4.   Meta l-pussess ta’ oġġetti tal-euro siguri mill-manifattur wara r-revoka jista’ jqiegħed f’riskju l-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas, il-BĊE jista’ jitlob lill-manifattur biex jieħu miżuri, bħall-kunsinna lill-BĊE jew lil BĊN ta’ oġġetti tal-euro siguri speċifikati jew il-qerda tagħhom, biex jiġi żgurat illi l-manifattur ma jippossjedi l-ebda oġġett tal-euro sigur wara li r-revoka ssir effettiva.

5.   Deċiżjoni ta’ revoka għandha tispeċifika d-data li warajha manifattur jista’ jerġa’ japplika għal akkreditazzjoni provviżorja. Din id-data ser tiġi ddeterminata fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi li jwasslu għar-revoka u għandha tkun tal-anqas sena wara d-data tad-deċiżjoni ta’ revoka.

Artikolu 19

Waqfa immedjata ta’ attività sigura tal-euro

1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn jiġi identifikatnuqqas ta’ konformità maġġuri li tista’ twassal għat-telf jew is-serq ta’ oġġetti tal-euro siguri jew għall-pubblikazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni li jistgħu jkunu ta’ dannu għall-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas sakemm ma titteħidx azzjoni ta’ rimedju immedjata, it-tim ta’ spezzjoni fuq il-post jista’ jitlob lill-manifattur biex iwaqqaf l-attività sigura tal-euro b’effett immedjat sakemm ma jkunx ġie rrimedjat in-nuqqas ta’ konformità. F’każ bħal dan, il-manifattur ma jistax jerġa jaqbad din l-attività mingħajr ma jkollu l-approvazzjoni bil-miktub tal-BĊE minn qabel.

2.   Dan il-manifattur għandu jipprovdi lill-BĊE informazzjoni li tikkonċerna lil kull manifattur ieħor li jista’, bħala klijent jew fornitur, ikun effettwat indirettament mill-attività sigura tal-euro jew l-attività tal-oġġetti tal-euro li tkun twaqqfet. It-tim ta’ spezzjoni fuq il-post jista’ jeħtieġ ukoll li l-manifattur akkreditat jieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 18(4) biex jiżgura li huwa ma għandux oġġetti tal-euro ta’ siguri speċifikati matul il-perijodu li għalih twaqqfet l-attività sigura tal-euro.

3.   Jekk attività sigura tal-euro ta’ manifattur akkreditat titwaqqaf skont il-paragrafu 1, il-BĊE jinforma lil kwalunkwe manifattur terza persuna effettwat potenzjalment imsemmi fil-paragrafu 2 u f’dak il-każ jispeċifika illi manifatturi terzi effettwati potenzjalment ser jiġu notifikati jekk ikun hemm bidla fl-istat tal-manifattur.

4.   Wara li t-tim ta’ spezzjoni fuq il-post tal-BĊE ikun talab li titwaqqaf attività sigura tal-euro, malli jkun possibbli u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjonijiet oħrajn meħuda bis-saħħa tal-Artikoli 16 sa 18, il-BĊE minnufih itemm dan il-waqfien jekk spezzjoni sussegwenti tikkonkludi illi n-nuqqas ta’ konformità relevanti jkun ġie rrimedjata.

Artikolu 20

Penali finanzjarji f’każ ta’ diskrepanzi fil-kwantitajiet ta’ karti tal-flus tal-euro jew karta tal-karti tal-flus

1.   B’konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà sostantivi, manifattur li jwettaq produzzjoni ta’ karta tal-karti tal-flus tal-euro jew karti tal-flus tal-euro jirrapporta lill-BĊE kull diskrepanza identifikata fil-kwantitajiet ta’ karta ta’ karti tal-flus tal-euro jew fil-kwantitajiet ta’ karti tal-flus tal-euro stampati kollha jew parzjalment matul kwalunkwe attività sigura tal-euro fis-sit ta’ manifattura akkreditat tiegħu.

2.   Jekk dan il-manifattur jidentifika diskrepanza fi kwantità ta’ karta tal-karti tal-flus tal-euro jew fi kwantitajiet ta’ karti tal-flus tal-euro stampati kollha jew parzjalment matul attività sigura tal-euro fis-sit ta’ manifattura akkreditat u jonqos milli jirrapportaha b’konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà sostantivi u d-diskrepanza tinġieb għall-attenzjoni tal-BĊE b’mezzi oħrajn, il-BĊE jimponi fuq il-manifattur penali finanzjarja ta’ mhux anqas minn EUR 50 000. Jekk il-valur nominali ekwivalenti tad-diskrepanza jaqbeż il-EUR 50 000, il-BĊE jimponi penali finanzjarja fuq il-manifattur ta’ dak il-valur nominali ekwivalenti, sa penali massima ta’ EUR 500 000.

3.   Jekk dan il-manifattur jidentifika diskrepanza fi kwantità ta’ karta tal-karti tal-flus tal-euro jew fi kwantitajiet ta’ karti tal-flus tal-euro stampati kollha jew parzjalment matul attività sigura tal-euro fis-sit ta’ manifattura akkreditat u jonqos milli jirrapportaha b’konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà sostantivi u d-diskrepanza tinġieb għall-attenzjoni tal-BĊE b’mezzi oħrajn, il-BĊE jimponi fuq il-manifattur penali finanzjarja ta’ mhux anqas minn EUR 50 000. Jekk il-valur nominali ekwivalenti tad-diskrepanza jaqbeż il-EUR 50 000, il-BĊE jimponi penali finanzjarja fuq il-manifattur ta’ dak il-valur nominali ekwivalenti, sa penali massima ta’ EUR 500 000.

4.   Jekk dan il-manifattur jidentifika diskrepanza fi kwantità ta’ karta tal-karti tal-flus tal-euro jew fi kwantitajiet ta’ karti tal-flus tal-euro stampati kollha jew parzjalment matul attività sigura tal-euro fis-sit ta’ manifattura akkreditat u jonqos milli jirrapportaha b’konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà sostantivi u d-diskrepanza tinġieb għall-attenzjoni tal-BĊE b’mezzi oħrajn, il-BĊE jimponi fuq il-manifattur penali finanzjarja ta’ mhux anqas minn EUR 50 000. Jekk il-valur nominali ekwivalenti tad-diskrepanza jaqbeż il-EUR 50 000, il-BĊE jimponi penali finanzjarja fuq il-manifattur ta’ dak il-valur nominali ekwivalenti, sa penali massima ta’ EUR 500 000.

5.   Is-serjetà tad-diskrepanza titqies f’kull każ speċifiku meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar l-ammont tal-penali finanzjarja u tiġġustifika penali finanzjarja ta’ aktar jew anqas mill-ammont ta’ EUR 50 000. Is-serjetà tad-diskrepanza għandha tintwera mill-valur nominali ekwivalenti tad-diskrepanza relevanti. Il-penali finanzjarji m’għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jissuperaw il-EUR 500 000.

6.   Id-deċiżjonijiet dwar il-penali finanzjarji jsegwu l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2531/98 u r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tat-23 Settembru 1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (5). Minbarra l-penali finanzjarji, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li joħroġ deċiżjoni ta’ twissija, jew li jirrevoka jew jissospendi l-akkreditazzjoni provviżorja jew l-akkreditazzjoni.

Artikolu 21

Proċedura ta’ reviżjoni

1.   Il-BĊE jevalwa kull talba u informazzjoni pprovduta mill-manifattur fir-rigward ta’ din id-Deċiżjoni u jinforma lill-manifattur bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu li jaċċetta jew jiċħad it-talba jew il-validità tal-informazzjoni riċevuta fi żmien 50 jum tax-xogħol minn meta tkun riċevuta:

(a)

it-talba għall-bidu; jew

(b)

kull informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali mitlubin mill-BĊE.

2.   Meta l-BĊE ikun ħa deċiżjoni:

(a)

li jiċħad talba għall-bidu ta’ kwalunkwe proċedura ta’ akkreditazzjoni;

(b)

li jiċħad li: (i) jagħti akkreditazzjoni provviżorja; (ii) jaqleb akkreditazzjoni provviżorja f’akkreditazzjoni; jew (iii) jaqleb akkreditazzjoni f’akkreditazzjoni provviżorja;

(c)

jaqleb akkreditazzjoni tar-reġim il-qadim f’akkreditazzjoni provviżorja jew akkreditazzjoni;

(d)

bis-saħħa tal-Artikoli 16 sa 19

il-manifattur jista’, fi żmien 30 jum tax-xogħol min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, jissottometti talba bil-miktub lill-Kunsill Governattiv sabiex jirrevedi d-deċiżjoni. Il-manifattur jinkludi r-raġunijiet tiegħu għal din it-talba u l-informazzjoni kollha li tappoġġjaha.

3.   Ir-reviżjoni m’għandhiex effett li jwassal għal sospensjoni. Jekk il-manifattur jitlob hekk b’mod ċar fit-talba ta’ reviżjoni tiegħu, u jagħti r-raġunijiet għal dan, il-Kunsill Governattiv jista’ jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li tkun qed tiġi rriveduta.

4.   Il-Kunsill Governattiv jirrevedi d-deċiżjoni fid-dawl tat-talba ta’ reviżjoni tal-manifattur. Jekk il-Kunsill Governattiv iqis illi d-deċiżjoni tikser din id-Deċiżjoni huwa għandu jew jordna li l-proċedura in kwistjoni tiġi ripetuta jew jieħu deċiżjoni finali. Inkella t-talba ta’ reviżjoni tal-manifattur tiġi miċħuda. Il-manifattur jiġi notifikat bil-miktub bl-eżitu tar-reviżjoni fi żmien 60 jum ta’ xogħol mill-irċevuta tat-talba ta’ reviżjoni. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni esklussiva f’kull tilwima bejn il-BĊE u manifattur fir-rigward ta’ din id-Deċiżjoni. Jekk proċedura ta’ reviżjoni hija disponibbli taħt il-paragrafu 2, il-manifattur jistenna d-deċiżjoni tal-BĊE dwar ir-reviżjoni qabel ma jġib il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-limiti ta’ żmien stipulati fit-Trattat jibdew jiddekorru mill-irċevuta tad-deċiżjoni ta’ reviżjoni.

6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 4, il-proċedura ta’ reviżjoni għal deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji skont l-Artikolu 20 titwettaq b’konformità mal-proċedura stabbilita fir-regolament (KE) Nru 2532/98 u r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4).

Artikolu 22

Reġistru ta’ akkreditazzjoni tal-BĊE

1.   Il-BĊE għandu jżomm reġistru ta’ akkreditazzjonijiet:

(a)

li jelenka l-manifatturi kollha li jkunu ngħataw akkreditazzjoni provviżorja jew akkreditazzjoni;

(b)

li jindika, fir-rigward ta’ kull sit ta’ manifattura, l-attività sigura tal-euro u/jew l-attività tal-oġġetti tal-euro, l-oġġetti tal-euro siguri u l-oġġetti tal-euro li għalihom ingħatat akkreditazzjoni provviżorja jew akkreditazzjoni.

2.   Il-BĊE għandu jagħmel l-informazzjoni mir-reġistru ta’ akkreditazzjoni disponibbli lill-BĊNi kollha, lil BĊNi futuri tal-Eurosistema u lil manifatturi akkreditati. Il-BĊE għandu jaġġorna regolarment ir-reġistru ta’ akkreditazzjoni b’konformità mal-informazzjoni mogħtija mill-manifatturi akkreditati u l-BĊNi skont din id-Deċiżjoni. Sabiex isiru aġġornamenti regolari tar-reġistru ta’ akkreditazzjoni, il-BĊE jista’ jiġbor mingħand manifatturi akkreditati, il-BĊNi u BĊNi futuri tal-Eurosistema aktar informazzjoni relevanti, li l-BĊE iqis neċessarja sabiex tinżamm il-preċiżjoni u l-korrettezza tal-informazzjoni fir-reġistru ta’ akkreditazzjoni.

3.   Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 17, huwa għandu jirreġistra l-iskop u d-dewmien tal-miżura u l-bidliet kollha fl-istat tal-manifattur fir-rigward ta’ ismu, is-sit ta’ manifattura kkonċernat u l-oġġetti tal-euro siguri, l-oġġetti tal-euro, l-attività sigura tal-euro u l-attività ta’ oġġetti tal-euro kkonċernata b’konformità mal-patti ta’ din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

4.   Jekk il-BĊE jieħu deċiżjoni ta’ revoka bis-saħħa tal-Artikolu 18, huwa għandu jneħħi l-isem tal-manifattur, tas-sit tal-manifattura, tal-oġġett tal-euro sigur u tal-attività sigura tal-euro u/jew l-oġġett tal-euro u l-attività sigura tal-euro mir-reġistru ta’ akkreditazzjoni b’konformità mal-patti ta’ dik id-deċiżjoni ta’ revoka.

TAQSIMA VI

DISPOŻIZZJONIJIET EMENDATORJI, TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 23

Emenda

L-Artikolu 1(c) tad-Decizjoni BCE/2008/3 huwa mibdul b’dan li gej:

“(c)

‘oġġetti tal-euro siguri’ tfisser l-oġġetti elenkati fir-regoli tas-sigurtà, inkluż karti tal-flus tal-euro illi huma: (a) fiċ-ċirkolazzjoni; (b) qegħdin jiġu żviluppati biex jieħdu post il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, jew (c) irtirati miċ-ċirkolazzjoni, flimkien mal-komponenti tagħhom u informazzjoni relatata, li jeħtieġu l-ħarsien tas-sigurtà minħabba li t-telf, is-serq jew il-pubblikazzjoni mhux awtorizzata tagħhom tista’ tkun ta’ ħsara għall-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas;”.

Artikolu 24

Revoka

Id-Deċiżjonijiet BĊE/2008/3, BĊE/2010/22 u BĊE/2011/8 jiġu revokati fid-data speċifikata fl-Artikolu 26(3). Ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet BĊE/2008/3, BĊE/2010/22 u BĊE/2011/8 jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 25

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Manifatturi b’akkreditazzjonijiet tar-reġim il-qadim huma intitolati li jwettqu attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro sad-data indikata fl-Artikolu 26(3).

2.   Xahrejn qabel id-data indikata fl-Artikolu 26(3), manifatturi b’akkreditazzjonijiet tar-reġim il-qadim jinformaw lill-BĊE jekk ikunux wettqu attività sigura tal-euro u/jew attività ta’ oġġetti tal-euro fis-36 xahar preċedenti.

3.   Akkreditazzjonijiet tar-reġim il-qadim skont id-deċiżjonijiet ta’ akkreditazzjoni tal-BĊE revokati jew jinqalbu b’konformità mal-paragrafi 4 u 5 jew jiskadu wara d-data indikata fl-Artikolu 26(3) irrispettivament mill-perijodi ta’ validità li jibqagħlhom jew l-istat permanenti.

4.   Manifattur b’akreditazzjonijiet validi tas-sigurtà, tal-kwalità, ambjentali, i tas-saħħa u sigurtà li pproduċa oġġetti tal-euro siguri u/jew materja prima tal-karti tal-flus tal-euro b’konformità mad-deċiżjonjiet tal-akkreditazzjoni revokati tal-BĊE matul is-36 xahar qabel id-data indikata fl-Artikolu 26(3) ikollu l-akkreditazzjonijiet tiegħu maqlubin f’akkreditazzjoni skont l-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni u r-rekwiżiti tal-akkreditazzjoni relevanti tagħha.

5.   Manifattur b’akkreditazzjonijiet validi tas-sigurtà, tal-kwalità, ambjentali, i tas-saħħa u sigurtà li pproduċa oġġetti tal-euro siguri u/jew materja prima tal-karti tal-flus tal-euro b’konformità mad-deċiżjonjiet ta’ akkreditazzjoni revokati tal-BĊE matul is-36 xahar qabel id-data indikata fl-Artikolu 26(3) ikollu l-akkreditazzjonijiet tiegħu maqlubin f’akkreditazzjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Deċiżjoni u r-rekwiżiti tal-akkreditazzjoni relevanti tagħha.

6.   Il-proċeduri kollha mibdijin jew għaddejjin skont id-deċiżjonijiet ta’ akkreditazzjoni revokati tal-BĊE fir-rigward ta’ akkreditazzjonijiet tar-reġim il-qadim, b’mod partikolari:

(a)

spezzjonijiet tas-sigurtà tal-bidu jew ta’ segwitu, inklużi verifiki tal-kwalità jew verifiki minn qabel tal-kwalità;

(b)

l-għoti ta’ akkreditazzjoni(jiet);

(c)

il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ twissija, sospensjoni jew revoka ta’ akkreditazzjoni(jiet); jew

(d)

ir-reviżjoni ta’ azzjoniiet jew deċiżjonijiet skont is-subparagrafi (a) sa (c),

jiġu ffinalizzati b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjonijiet ta’ akkreditazzjoni revokati tal-BĊE għall-perijodu sad-data indikata fl-Artikolu 26(3).

7.   Mill-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tal-2016, il-BĊNi ma jivvalidaw karti tal-flus tal-euro stampati b’sustanzi kimiċi li jaqbżu l-limiti ta’ aċċettazzjoni msemmijin fir-rekwiżiti ambjentali u tas-saħħa u sigurtà.

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikoli 23 u 25 japplikaw mill-jum wara l-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Id-dispożizzjonijiet rimanenti ta’ din id-Deċiżjoni japplikaw sa minn 12-il xahar wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u lill-BĊNi, kull meta dawn tal-aħħar iwettqu kontrolli tal-istokks, kontrolli fuq il-qerda jew kontrolli fuq it-trasport.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Diċembru 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(2)  ĠU L 140, 30.5.2008, p. 26.

(3)  ĠU L 330, 15.12.2010, p. 14.

(4)  ĠU L 176, 5.7.2011, p. 52.

(5)  ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21.


Top