EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0003(01)

Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta' Jannar 2019 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (BĊE/2019/3)

OJ L 32, 4.2.2019, p. 14–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/01/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/166/oj

4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/14


DEĊIŻJONI (UE) 2019/166 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta' Jannar 2019

dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (BĊE/2019/3)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2012/13 tat-18 ta' Lulju 2012 dwar it-TARGET2-Securities (1),

Billi:

(1)

L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi TARGET2, T2S u TIPS.

(2)

Fis-16 ta' Marzu 2016, il-Kunsill Governattiv approva t-twaqqif tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, il-korp ta' governanza responsabbli għall-kompiti ta' ġestjoni teknika u operattiva fil-qasam tal-infrastrutturi u tal-pjattaformi tas-suq.

(3)

Fil-passat, il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq iltaqa' f'formati dedikati differenti skont l-infrastrutturi, il-pjattaformi u l-proġetti differenti tas-suq li huwa responsabbli għalihom. Minn meta twaqqaf il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, il-Bord T2S, oriġinarjament imwaqqaf bis-saħħa tad-Deċiżjoni BĊE/2012/6, (2) kien qed jopera bħala wieħed minn dawn il-formati dedikati tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, kif rifless fid-Deċiżjoni (UE) 2017/1403 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/20) (3).

(4)

Il-Bord T2S ma twaqqafx biss bid-Deċiżjoni BĊE/2012/6 iżda huwa bbażat ukoll fuq protokoll T2S iffirmat mill-banek ċentrali tal-Eurosistema.

(5)

Rieżami tal-operat tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq wera li mhemmx bżonn ta' formati dedikati biex jiffunzjona b'mod effiċjenti. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 għandha tiġi revokata u l-format tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq għandu jiġi rivedut b'mod li l-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq ikun strutturat u jiffunzjoni skont din id-Deċiżjoni.

(6)

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq fil-format rivedut tiegħu għandu jappoġġa lill-Kunsill Governattiv billi jiżgura li l-infrastrutturi u l-pjattaformi tas-suq tal-Eurosistema, fl-oqsma tas-saldu tal-flus kontanti, is-saldu ta' titoli u l-ġestjoni tal-kollateral, jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment skont l-għanijiet tat-Trattat għas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), il-bżonnijiet tan-negozju tas-SEBĊ, avvanzi teknoloġiċi, kif ukoll rekwiżiti regolatorji u ta' superviżjoni, kif japplika minn żmien għal żmien.

(7)

Huwa mifhum li l-effett legali tal-Anness III għal din id-Deċiżjoni (“Kodiċi ta' Kondotta”) jiddependi mill-iffirmar tad-dikjarazzjonijiet fl-Appendiċijiet 1 u 2 għall-Anness III mill-Membri tal-MIB,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Ir-referenzi kollha għall-Bord T2S fil-Linja Gwida BĊE/2012/13, fid-Deċiżjonijiet BĊE/2011/20 (4) u BĊE/2011/5 (5) għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq. It-termini l-oħrajn kollha użati f'din id-Deċiżjoni għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fil-Linji Gwida BĊE/2012/27 (6), u BĊE/2012/13.

Artikolu 2

Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

1.   Il-mandat tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB), inklużi l-għanijiet, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tiegħu huma stabbiliti fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-Regoli ta' Proċedura tal-MIB, inklużi l-kompożizzjoni u l-proċeduri ta' ħidma tiegħu, huma stabbiliti fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri tal-MIB, stabbiliti fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni huwa approvat mill-Kunsill Governattiv.

4.   Il-proċeduri u r-rekwiżiti għall-għażla, il-ħatra u s-sostituzzjoni tal-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali huma stabbiliti fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni.

5.   Huwa mifhum li din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

Artikolu 3

Revoka

Id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 hija revokata.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel u ordnata għall-MIB, stabbilit skont din id-Deċiżjoni, inklużi l-ħatra tal-membri tiegħu, it-terminu tal-mandat ta' membri eżistenti tal-MIB, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, jitqies li huwa estiż b'erba' xhur.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta' Jannar 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 215, 11.8.2012, p. 19.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2012/6 tad-29 ta' Marzu 2012 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2009/6 (ĠU L 117, 1.5.2012, p. 13).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2017/1403 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2012/6 fuq it-twaqqif tal-Bord tat-TARGET2-Securities (BĊE/2017/20) (ĠU L 199, 29.7.2017, p. 24).

(4)  Deċiżjoni BĊE/2011/20 tas-16 ta' Novembru 2011 li tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà biex id-depożitorji ċentrali tat-titoli jaċċessaw servizzi tat-TARGET2 (ĠU L 319, 2.12.2011, p. 117).

(5)  Deċiżjoni BĊE/2011/5 tal-20 ta' April 2011 dwar l-għażla ta' fornituri ta' servizz ta' netwerk ta' TARGET2-Securities (ĠU L 134, 21.5.2011, p. 22).

(6)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).


ANNESS I

BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ

MANDAT

INTRODUZZJONI

L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi TARGET2, T2S u TIPS kif ukoll, fil-futur, ECMS (“is-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema”).

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa l-korp ta' governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, kif ukoll li l-proġetti li jirrigwardaw is-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema (il-“proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f'konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, b'rispett sħiħ għall-mandati tal-Kumitat SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. L-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

1.   Ir-rwol tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

Il-Kunsill Governattiv b'dan jinkariga lill-MIB bit-twettiq tal-kompiti definiti f'dan il-mandat. Mingħajr preġudizzju għas-setgħa aħħarija tiegħu li jieħu d-deċiżjonijiet, il-Kunsill Governattiv inkariga lill-MIB bit-twettiq ta' kompiti definiti b'mod ċar, relatati kemm mat-tħaddim tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ma' proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-BĊNi taħt l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jassenja kompiti oħrajn definiti b'mod ċar lill-MIB, minbarra dawk stipulati fil-paragrafu 2, li normalment ikunu fil-kompetenza tal-Kunsill Governattiv. Fid-dawl tal-kompetenza aħħarija tal-Kunsill Governattiv fi kwistjonijiet ta' infrastrutturi tal-Eurosistema, kull wieħed mill-kompiti fdati lill-MIB jista' xorta jittieħed u jitwettaq mill-Kunsill Governattiv.

Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

2.   Responsabbiltajiet u kompiti tal- Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

2.1.   Tħejjija ta' proposti għal deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv dwar servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Bord Eżekuttiv li jħejji l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u li jkun responsabbli għan-negozju kurrenti tal-BĊE, l-MIB iħejji proposti li l-Kunsill Governattiv jiddeċiedi fuqhom fil-kwistjonijiet li ġejjin, sa fejn il-Kunsill Governattiv ikun inkariga lill-MIB bi proġett speċifiku/infrastruttura speċifika, u b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitati SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE:

(a)

l-istrateġija ġenerali, inkluża d-definizzjoni tal-kamp ta' applilkazzjoni ta' servizzi u deskrizzjonijiet ta' servizzi;

(b)

kwistjonijiet ta' governanza tal-proġetti;

(c)

kwistjonijiet finanzjarji, inklużi:

(i)

it-tfassil tal-karatteristiċi ewlenin tas-sistema finanzjarja (b'mod partikolari, il-baġit, l-ammont, il-kopertura tal-perjodu ta' żmien, il-finanzjament);

(ii)

analiżi regolari tar-riskji finanzjarji li għalihom hija esposta l-Eurosistema;

(iii)

ir-regoli ta' ġestjoni għall-kontijiet miżmuma fil-kotba tal-BĊE u ġestiti mill-MIB f'isem l-Eurosistema;

(iv)

il-metodoloġija tal-kostijiet;

(v)

il-politika tal-ipprezzar; u

(vi)

analiżi tas-sistema tal-obbligi;

(d)

l-ippjanar globali;

(e)

il-qafas legali mal-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊNi) li jipprovdu servizzi ta' infrastruttura tas-suq lill-Eurosistema jew li jeżegwixxu proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema magħha (“il-BĊNi fornituri”), u mal-klijenti, kif ukoll kwalunkwe arranġament jew kundizzjonijiet kuntrattwali li jridu jiġu ffirmati bejn l-Eurosistema u partijiet ikkonċernati esterni;

(f)

il-qafas ta' ġestjoni tar-risku;

(g)

ftehimiet fil-livell tas-servizzi ma' partijiet rilevanti;

(h)

l-awtorizzazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' Talbiet għal Tibdil u strateġiji ta' ttestjar/migrazzjoni;

(i)

l-istrateġiji għall-konnettività tan-netwerks;

(j)

l-istrateġiji għall-ġestjoni ta' kriżi;

(k)

ir-reżiljenza ċibernetika u strateġija u oqfsa tas-sigurtà tal-informazzjoni;

(l)

obbligazzjonijiet u pretensjonijiet oħrajn; u

(m)

il-konformità tal-parteċipanti tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema mal-kriterji ta' eliġibbiltà applikabbli.

2.2.   Attivitajiet ta' ġestjoni fir-rigward ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema

2.2.1.   Ġestjoni u Tmexxija

L-MIB iwettaq il-ġestjoni ġenerali tas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema, sa fejn il-Kunsill Governattiv ikun inkariga lill-MIB bi proġett speċifiku/infrastruttura speċifika, u b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitati SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. F'dan il-kuntest, l-MIB għandu:

(a)

jiżgura li s-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq;

(b)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji globali, inkluża d-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' servizz(i) u/jew id-deskrizzjonijiet ta' servizzi;

(c)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-arranġamenti ta' governanza;

(d)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-arranġamenti u l-istrateġiji finanzjarji;

(e)

jiġġestixxi l-attivitajiet ta' ġestjoni ta' tibdil u ta' rilaxx rilevanti;

(f)

jiġġestixxi, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, l-iżvilupp, it-tħaddim u ż-żamma ta' għodod ta' simulazzjoni, u jiġġestixxi, f'konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Infrastruttura tas-Suq u tal-Ħlasijiet tal-Eurosistema (MIPC) u kumitati SEBĊ rilevanti oħrajn fejn applikabbli, u soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, studji dwar il-fattibbiltà;

(g)

jikkoordina proċessi ta' ġestjoni ta' tibdil u jipprijoritizza tibdil awtorizzat relatat ma' rilaxx ġdid, jistabbilixxi xenarji ta' testijiet għat-testijiet ta' aċċettazzjoni tal-Eurosistema, jikkoordina t-testijiet li jinvolvu diversi tipi ta' partijiet ikkonċernati, u jikkoordina l-proċessi ta' ttestjar tal-utent;

(h)

jiġġestixxi l-ippjanar dettaljat ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema fuq il-bażi tal-pjanijiet tal-programmi ġenerali, kif approvati mill-Kunsill Governattiv;

(i)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-oqfsa ta' ġestjoni tar-riskju rilevanti, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(j)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji ta' migrazzjoni rilevanti, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(k)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-oqfsa operattivi rilevanti, inkluża l-istrateġija ta' ġestjoni tal-inċidenti u tal-kriżijiet, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(l)

jiżgura l-funzjonament xieraq u l-kwalità tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(m)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji ta' konnettività tan-netwerk;

(n)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji ta' ġestjoni tal-kriżi;

(o)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi r-reżiljenza ċibernetika u l-istrateġija u l-oqfsa ta' sigurtà tal-informazzjoni; u

(p)

jiżgura konformità mar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji.

2.2.2   Sistema finanzjarja

L-MIB japprova u/jew iniedi:

(a)

il-pagament ta' ħlasijiet parzjali lill-BĊNi fornituri, skont skeda ta' ħlas miftiehma approvata mill-Kunsill Governattiv, ladarba r-riżultati rilevanti jkunu ġew aċċettati mill-MIB;

(b)

ir-rimborż ta' kostijiet relatati ma' appoġġ addizzjonali mill-BĊNi fornituri lill-banek ċentrali tal-Eurosistema, skont il-ftehim rilevanti ta' Livell 2-Livell 3 u kwalunkwe ftehim relatat ieħor;

(c)

il-pagament ta' ħlasijiet parzjali lill-BĊE, fuq il-bażi tal-kostijiet imġarrba minn dan tal-aħħar b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema; u

(d)

il-ġbir ta' ħlasijiet mingħand il-klijenti, fejn applikabbli, u r-rimborż ta' dawn il-ħlasijiet lill-banek ċentrali tal-Eurosistema. Sa fejn ikun meħtieġ, il-BĊE għandu jipprovdi l-appoġġ xieraq lill-MIB.

2.2.3.   Relazzjonijiet mal-BĊNi fornituri

L-MIB:

(a)

jiżgura l-involviment tal-BĊNi fornituri f'kull kwistjoni rilevanti;

(b)

imexxi n-negozjati ta' kwalunkwe emenda għall-ftehim ta' Livell 2-Livell 3 rilevanti u kwalunkwe ftehim ieħor relatat bejn il-BĊNi fornituri u l-banek ċentrali tal-Eurosistema u jissottometti dawn l-emendi għall-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv;

(c)

jistabbilixxi u jżomm kuntatti regolari mal-BĊNi fornituri sabiex jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu f'konformità ma' tali ftehimiet;

(d)

jivvalida l-proposti mill-BĊNi fornituri u japprova r-riżultati tad-disinn tekniku u funzjonali (żviluppat mill-BĊNi fornituri); u

(e)

jassisti lill-Kunsill Governattiv fil-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-fornituri ta' servizzi ta' konnettività tan-netwerk, fejn dawn tal-aħħar jifformaw parti mis-servizz ta' infrastruttura tal-Eurosistema.

2.2.4   Relazzjonijiet mal-korpi ta' governanza tal-Eurosistema u mal-partijiet ikkonċernati esterni

L-MIB:

(a)

jiġġestixxi, kif xieraq, ir-relazzjonijiet mal-Kumitati SEBĊ, mal-awtoritajiet regolatorji u superviżorji, kif ukoll ma' awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħrajn b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(b)

jinteraġixxi mal-klijenti u mal-banek ċentrali SEBĊ sabiex jiffaċilita l-migrazzjoni tagħhom, u jiddiskuti, jikkoordina u jipprova jsib soluzzjonijiet possibbli sabiex isolvi tilwim fil-qafas legali applikabbli u fil-mandat tiegħu li jridu jiġu approvati mill-korpi responsabbli;

(c)

jinnegozja abbozzi ta' ftehimiet ta' parteċipazzjoni (flimkien mal-banek ċentrali tal-Eurosistema, fejn applikabbli) ma' parteċipanti ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema, u ma' banek ċentrali mhux fiż-żona tal-euro li ffirmaw ftehimiet ta' parteċipazzjoni, inkluża kwalunkwe emenda għal dawk il-ftehimiet;

(d)

jikkoordina mal-korpi l-oħrajn ta' governanza ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(e)

fejn rilevanti, jaħtar lill-presidenti tal-gruppi tekniċi wara konsultazzjoni mal-korpi ta' governanza rilevanti, u finalment jirċievi rapporti mill-gruppi tekniċi;

(f)

jinteraġixxi ma' fornituri ta' servizzi ta' konnettività tan-netwerk fejn ikunu jifformaw parti mis-servizz ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(g)

jiddefinixxi l-politika ta' komunikazzjoni teknika b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema; u

(h)

jiżgura trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni f'waqtha u konsistenti ta' dokumentazzjoni teknika rilevanti b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema soġġett għall-obbligi ta' kunfidenzjalità stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta.


ANNESS II

BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ

REGOLI TA' PROĊEDURA

KAPITOLU 1

Ħatra u Sħubija

INTRODUZZJONI

L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi TARGET2, T2S u TIPS kif ukoll, fil-futur, ECMS (“servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema”).

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa l-korp ta' governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-iżgurar li s-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, kif ukoll li l-proġetti li jirrigwardaw is-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema (il-“proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f'konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitat SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. L-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

1.   Għażla u ħatra

Il-membri tal-MIB jinħatru mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi ta' proposta mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (il-“Bord Eżekuttiv”).

L-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati lill-Bord Eżekuttiv mill-Gvernatur jew il-President, skont kif japplika, tal-Bank Ċentrali Nazzjonali (BĊN). Fil-proposta tiegħu lill-Kunsill Governattiv, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti preferenza lil kandidati li jirrapportaw direttament lill-ogħla korp ta' governanza fil-bank ċentrali tiegħu. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura fil-proposta tiegħu li l-prinċipji stipulati fit-Taqsima 3 ta' dan l-Anness II jiġu osservati.

L-applikazzjonijiet għall-membri ta' banek mhux ċentrali tal-MIB għandhom jinġabru mill-Bord Eżekuttiv skont il-proċedura għall-għażla ta' tali membri skont l-Anness IV għal din id-Deċiżjoni.

2.   Sħubija u mandat – Parteċipazzjoni ta' osservaturi

Ladarba jinħatru, il-membri tal-MIB għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u fl-aħjar interess tal-Eurosistema. Huma m'għandhomx ikunu soġġetti għal struzzjonijiet minn xi korp pubbliku jew privat. Il-membri tal-MIB għandhom jirrapportaw flimkien u esklussivament lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' membri tal-MIB. Il-membri tal-banek ċentrali tal-MIB jistgħu jitolbu, fejn xieraq, fuq inizjattiva proprja u fid-diskrezzjoni tagħhom stess, l-opinjoni ta' membri oħrajn tal-persunal tal-bank ċentrali tagħhom, iżda la għandhom jitolbu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-bank ċentrali tagħhom, jew jintrabtu li jieħdu pożizzjoni speċifika waqt id-deliberazzjonijiet u l-votazzjoni tal-MIB.

L-MIB għandu Chairperson li huwa maniġer anzjan fil-BĊE.

L-MIB huwa magħmul minn tlettax-il (13) membru, kif ġej:

(a)

Disa' membri minn BĊNi tal-Eurosistema, inkluż membru għal kull BĊN li jipprovdi servizzi ta' infrastruttura tas-suq lill-Eurosistema jew li jeżegwixxi proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema mal-Eurosistema (il-“BĊN fornitur”);

(b)

Żewġ membri minn BĊNi mhux tal-Eurosistema li qed jipparteċipaw f'servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema (eż. li ffirmaw il-Ftehim ta' Parteċipazzjoni tal-Valuta T2S jew qed jipparteċipaw f'TARGET2);

(c)

Żewġ membri ta' bank mhux ċentrali (mingħajr drittijiet ta' votazzjoni), wieħed b'esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tal-pagamenti u wieħed b'esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tat-titoli.

Iċ-Chairperson huwa appoġġat minn Deputat Chairperson mill-membri tal-MIB li jinħatar mill-Kunsill Governattiv. Il-kompitu esklussiv tad-Deputat Chairperson għandu jkun li jippresjedi laqgħat tal-MIB, fl-assenza temporanja taċ-Chairperson waqt laqgħa, skont l-aġenda determinata minn qabel għal-laqgħa tal-MIB inkwistjoni.

Il-mandat tal-membri tal-MIB idum għal 36 xahar u jista' jiġġedded. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi fuq mandat iqsar, inkluż meta membri jirriżenjaw jew jirtiraw qabel ma jintemm il-mandat tagħhom.

Biex ikun żgurat li l-BĊNi kollha (l-Eurosistema u l-BĊNi parteċipanti fis-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura rilevanti tal-Eurosistema) ikollhom l-opportunità li jibagħtu rappreżentant lill-MIB, għandu jkun hemm rotazzjoni ta' membri minn BĊNi mhux fornituri, normalment fiż-żmien meta jintemm il-mandat inizjali ta' 36 xahar tal-membri tal-MIB. Huwa mifhum li l-iskema ta' rotazzjoni ta' hawn fuq m'għandhiex tirriżulta fl-esklużjoni tal-istess BĊN mhux fornitur għal aktar minn żewġ perijodi ta' rotazzjoni.

Għandu jinżamm bilanċ xieraq bejn il-membri b'esperjenza fil-ġestjoni ta' proġetti, esperjenza fin-negozju tal-infrastruttura tas-suq tal-Eurosistema u b'esperjenza fl-IT.

Iċ-Chairperson għandu jistieden lil osservaturi mingħajr vot minn Kumitati rilevanti tas-SEBĊ sabiex jiddiskutu servizzi jew proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema fil-qasam ta' kompetenza tagħhom. Il-membri tal-MIB huma mistennija li jiddedikaw mill-inqas 30 % tal-kapaċità ta' ħidma tagħhom għall-kwistjonijiet tal-MIB.

Il-membri tal-MIB m'għandhomx ikunu involuti direttament fis-sorveljanza tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema jew ta' entitajiet parteċipanti f'dawn ta' hawn fuq (eż. depożitarji ċentrali tat-titoli li jesternalizzaw l-operazzjonijiet ta' saldu lit-T2S), sa fejn tali involviment jista' joħloq kunflitti reali jew potenzjali mal-funzjonijiet tagħhom bħala membri tal-MIB. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa sabiex jiġu identifikati u evitati tali kunflitti. Il-membri m'għandhomx ikunu parti mill-Kumitat tal-Awdituri Interni (IAC) tal-Eurosistema, u lanqas m'għandhom ikunu involuti f'attivitajiet ta' Livell 3 fuq bażi ta' kuljum.

KAPITOLU 2

Proċeduri ta' ħidma

1.   Teħid ta' deċiżjonijiet

Skont il-prinċipji ta' governanza tajba, il-membri għandhom jipparteċipaw regolarment fil-laqgħat tal-MIB. Il-parteċipazzjoni hija strettament fuq bażi personali; il-membri ma jistgħux jinbidlu.

Biex l-MIB ikun jista' jiddelibera b'mod validu, għandu jkun hemm kworum ta' seba' membri bi dritt tal-vot. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, iċ-Chairperson jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr l-osservanza tal-kworum.

Sa fejn huwa possibbli, id-deċiżjonijiet tal-MIB għandhom jittieħdu permezz ta' konsensus. Fin-nuqqas ta' dan, u fuq talba taċ-Chairperson, l-MIB jista' jiddeċiedi permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi. F'każ ta' numru ugwali ta' voti, iċ-Chairperson għandu vot deċisiv.

L-MIB jipproċedi għall-vot fuq talba taċ-Chairperson. Iċ-Chairperson għandu jniedi wkoll proċedura ta' votazzjoni fuq talba ta' mill-inqas tliet membri tal-MIB bid-dritt tal-vot. Membru għandu jastjeni milli jivvota jekk ikollu kunflitt ta' interess, fit-tifsira tal-Kodiċi ta' Kondotta. Membri li jistgħu jivvotaw u li jkunu assenti jistgħu jiddelegaw il-vot tagħhom fir-rigward ta' proċedura ta' votazzjoni speċifika lil membru ieħor li jista' jivvota diment li ebda membru li jista' jivvota ma jeżerċita aktar minn żewġ voti dwar kwalunkwe kwistjoni.

Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta' proċedura bil-miktub, sakemm ma joġġezzjonawx tliet membri jew aktar bid-dritt tal-vot. Proċedura bil-miktub għandha teħtieġ: (a) mhux anqas minn notifika ta' jumejn tax-xogħol, (ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, identifikati bħala tali miċ-Chairperson tal-MIB); u (b) nota ta' kwalunkwe deċiżjoni bħal din fil-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' wara tal-MIB.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali jinħatru f'kapaċità personali. M'għandhomx dritt tal-vot u ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor tal-MIB jew parti terza.

2.   Il-laqgħat tal-MIB

L-MIB jiddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta taċ-Chairperson. L-MIB għandu jiltaqa' regolarment abbażi ta' skeda li huwa jħejji fi żmien biżżejjed qabel il-bidu ta' kull sena.

Iċ-Chairperson jista' jsejjaħ laqgħat straordinarji tal-MIB kull meta jidhirlu li jkun meħtieġ. Iċ-Chairperson għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja jekk talba għal laqgħa bħal din tiġi ppreżentata minn tal-anqas tliet membri.

Il-laqgħat tal-MIB ġeneralment jinżammu fil-bini tal-BĊE.

Il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll permezz ta' telekonferenza, sakemm ma joġġezzjonawx tliet membri jew aktar.

L-MIB jadotta aġenda għal kull laqgħa.

L-attendenza fil-laqgħat tal-MIB hija limitata għall-membri tal-MIB u għal persuni oħrajn mistednin miċ-Chairperson.

3.   Ir-rapportar lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet

L-MIB jirrapporta fuq bażi regolari lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. F'dan ir-rigward, huwa jħejji r-rapporti għall-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet kif meħtieġ.

4.   Fluss intern ta' informazzjoni u trasparenza

Membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jirċievu, taħt kundizzjonijiet ta' kunfidenzjalità, id-dokumentazzjoni kollha dwar servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema ppreżentata lill-Kunsill Governattiv.

BĊNi tal-Eurosistema li mhumiex irrappreżentati fl-MIB għandu jkollhom aċċess awtomatiku għad-dokumentazzjoni kollha tal-MIB, inklużi l-aġendi u l-minuti tal-MIB, fl-istess ħin tal-membri tal-MIB u jistgħu jipprovdu kummenti bil-miktub qabel il-laqgħat tal-MIB biex l-opinjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu debitament ikkunsidrati mill-MIB. Huma jistgħu wkoll jagħmlu talba liċ-Chairperson biex jipparteċipaw fl-MIB jekk ikollhom interess partikolari f'suġġett. Iċ-Chairperson ikun responsabbli biex jinforma lil tali BĊNi tal-Eurosistema jekk jitqies li jista' jkollhom xi interess partikolari u jista' jressaq kwalunkwe punt imqajjem minn tali BĊN tal-Eurosistema quddiem l-MIB.

Sabiex jiġi żgurat li l-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti (Market Infrastructure and Payments Committee - MIPC) tal-Eurosistema jinżamm aġġornat dwar ix-xogħol tal-MIB, se jkun hemm punt ta' rapportar regolari dwar suġġetti tal-MIB fuq kull aġenda tal-MIPC. Jekk jitqies xieraq, jistgħu jsiru laqgħat konġunti tal-MIPC u tal-MIB.

L-interazzjoni bejn l-MIB u Kumitati oħrajn tas-SEBĊ għandha ssir permezz ta' konsultazzjonijiet bil-miktub.

L-attivitajiet tal-MIB huma soġġetti għar-rieżami tal-IAC.

5.   Fluss estern ta' informazzjoni, trasparenza u rappreżentanza

Iċ-Chairperson regolarment jinforma lill-partijiet interessanti rilevanti dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha li jirrigwardaw servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MIB. Iċ-Chairperson jiżgura t-trasparenza permezz tad-disponibbiltà f'waqtha u konsistenti ta' dokumentazzjoni teknika rilevanti relatata mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema fit-taqsima dedikata lill-MIB tas-sit web tal-BĊE.

Il-membri għandhom jinformaw liċ-Chairperson bil-quddiem qabel ma jassumu kwalunkwe attività/komunikazzjoni esterna rilevanti u sostanzjali fir-rigward tar-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-MIB, bħalma huma li jitkellmu fuq servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MIB f'konferenzi jew laqgħat ma' partijiet interessati rilevanti, u għandhom jipprovdu lill-MIB b'sommarju bil-miktub fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara l-okkażjoni. Kwalunkwe attività/komunikazzjoni esterna sostanzjali għandha tkun fl-interess tal-Eurosistema u għandha tkun konsistenti ma' kwalunkwe deċiżjoni ta' politika tal-Kunsill Governattiv.

6.   Appoġġ

L-MIB għandu jirċievi appoġġ organizzattiv mill-BĊE, fost l-oħrajn, għat-tħejjija tal-laqgħat tal-MIB, inkluża d-dokumentazzjoni tal-laqgħat.

Bħala regola, il-BĊE jibgħat dokumenti għad-diskussjoni lill-membri ħamest ijiem tax-xogħol qabel laqgħa. Madankollu, dokumenti qosra jistgħu jintbagħtu jum tax-xogħol bil-quddiem. Dokumenti mibgħuta anqas minn jumejn tax-xogħol qabel huma meqjusa “table documents” li ma jistgħux iwasslu għal deċiżjoni tal-MIB, sakemm il-membri kollha ma jaqblux mod ieħor.

Wara kull laqgħa tal-MIB, il-BĊE iħejji abbozz tal-minuti li jirreġistra t-temi li kienu kkunsidrati u r-riżultati tad-diskussjoni kif ukoll is-segwitu miftiehem. L-abbozz tal-minuti jinkludi pożizzjonijiet espressi matul il-laqgħa minn membri individwali meta mitluba. L-abbozz tal-minuti jiġi ċċirkolat lill-membri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mil-laqgħa.

Ukoll wara kull laqgħa tal-MIB, il-BĊE iħejji abbozz ta' lista ta' azzjonijiet li jridu jittieħdu li jkun fiha l-kompiti u l-iskadenzi li jkunu ġew allokati u miftiehma matul dik il-laqgħa, li jiġi ċċirkolat lill-membri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mil-laqgħa.

L-abbozz tal-minuti u l-lista ta' azzjonijiet jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-MIB fil-laqgħa ta' wara (jew qabel, jekk meħtieġ, permezz ta' proċedura bil-miktub) u jiġu ffirmati miċ-Chairperson.

L-MIB għandu jaħtar, u jirċievi input mingħand, Kontrollur, li jista' jkun wieħed mill-membri tiegħu.

L-MIB jista' joħloq substrutturi bi ftehim mal-BĊE. Subtstruttura tista' tiġi stabbilita b'mod differenti mill-kompożizzjoni tal-MIB, u tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-BĊNi kollha tal-Eurosistema u, fejn rilevanti, għall-BĊNi li mhumiex tal-Eurosistema.

7.   Reviżjoni tal-mandat

Il-mandat tal-MIB jista' jiġi rivedut kull ħames snin fid-dawl tal-esperjenza miksuba.


ANNESS III

KODIĊI TA' KONDOTTA

TAL-BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ

INTRODUZZJONI

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa kompost minn membri maħtura mill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Il-membri għandhom jaġixxu biss fl-aqwa interess tal-Eurosistema u għandhom jallokaw ħin biżżejjed għall-involviment attiv tagħhom fil-ħidma tal-MIB.

L-MIB huwa l-korp ta' governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv sabiex jiġi żgurat li l-infrastrutturi, il-pjattaformi, l-applikazzjonijiet tal-Eurosistema u s-servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral (is-“servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema”) jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, kif ukoll li l-proġetti li jirrigwardaw servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema ġodda jew eżistenti (il-“proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f'konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitat SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. L-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Huwa essenzjali għat-teħid ta' deċiżjonijiet informati u indipendenti tal-Kunsill Governattiv li l-ħidma tal-MIB ma tkunx affettwata minn ċirkustanzi li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess għal xi membru tiegħu. Huwa wkoll essenzjali għar-reputazzjoni tajba u l-kredibbiltà tal-Eurosistema u tas-SEBĊ u għas-sodizza legali tas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema illi l-membri tal-MIB ikunu ggwidati u jidhru bħala li jkunu ggwidati mill-interess ġenerali tal-Eurosistema. Għaldaqstant il-membri għandhom (a) jevitaw sitwazzjonijiet fejn jeżistu jew jidhru li jeżistu kunflitti ta' interess; (b) jaġixxu biss fl-aħjar interessi tal-Eurosistema fit-trattattivi tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi, banek ċentrali, rappreżentanti tal-industrija u partijiet oħra interessati esterni involuti fid-disinn, l-iżvilupp u t-tħaddim ta' infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati offruti mill-Eurosistema; u (c) jiżguraw l-oġġettività, in-newtralità u l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri b'interess fl-infrastrutturi, il-pjattaformi, l-applikazzjonijiet tas-suq u s-servizzi relatati offruti mill-Eurosistema.

L-obbligu tas-segretezza professjonali ddikjarat fl-Artikolu 37.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) japplika kemm għall-persunal tal-BĊE kif ukoll għal persunal ta' bank ċentrali nazzjonali (BĊN) li jwettaq kompiti tas-SEBĊ, u jkopri, fost affarijiet oħra, informazzjoni kunfidenzjali li tirrigwarda s-sigrieti tan-negozju jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha valur kummerċjali. Obbligu ekwivalenti japplika għall-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali. Membri li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jikkonformaw ukoll ma' kwalunkwe regola ta' kondotta addizzjonali li għaliha jista' jkun hemm provvediment fl-ittra tal-ħatra tagħhom u fil-kuntratt tagħhom mal-BĊE.

Huwa xieraq u skont il-prattiċi ta' amministrazzjoni tajba, illi l-Kundizzjonijiet tal-Impieg applikabbli għaċ-Chaiperson tal-MIB, u d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Membri tal-MIB li huma membri tal-istaff ta' BĊN, għandhom jipprovdu għal kumpens legali għal ksur ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta (“il-Kodiċi”). Dispożizzjoni ekwivalenti tapplika għall-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali, kif deskritt fl-Anness IV.

Dan il-Kodiċi huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit li jirriżulta minn dispożizzjonijiet ta' etika oħrajn li jista' jkun applikabbli għall-membri tal-MIB fil-funzjoni tagħhom bħala membri tal-istaff tal-BĊE jew ta' BĊN.

1.   Definizzjonijiet

Ghall-finijiet ta' dan il-Kodiċi:

(a)

“Chairperson” tfisser il-persuna maħtura mill-Kunsill Governattiv biex tippresjedi l-MIB;

(b)

“Deputat Chairperson” tfisser il-persuna li tappoġġa liċ-Chairperson li jinħatar minn fost il-membri tal-MIB mill-Kunsill Governattiv. Il-kompitu esklussiv tad-Deputat Chairperson għandu jkun li jippresjedi l-laqgħat tal-MIB, fl-assenza temporanja taċ-Chairperson waqt laqgħa, skont l-aġenda ddeterminata minn qabel għal-laqgħa tal-MIB inkwistjoni.

(c)

mingħajr preġudizzju għall-obbligu tas-segretezza professjonali fl-Artikolu 37.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jew ta' dokumenti kklassifikati skont ir-reġim tal-kunfidenzjalità li huma pprovduti lil kull membru tal-MIB, “informazzjoni kunfidenzjali” tfisser (i) sigrieti tan-negozju tal-Eurosistema jew ta' partijiet terzi u kull informazzjoni li għandha valur kummerċjali ħlief għall-finijiet tax-xogħol tal-MIB; (ii) kull informazzjoni li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista' jagħmel ħsara lill-interessi essenzjali tal-Eurosistema; u (iii) kwalunkwe informazzjoni illi persuna raġonevoli tqis bħala kunfidenzjali; “informazzjoni kunfidenzjali” ma tinkludix informazzjoni li: (i) hija jew issir ġeneralment disponibbli għall-pubbliku, minbarra permezz ta' ksur ta' dan il-Kodiċi; jew (ii) hija żviluppata indipendentement minn parti terza mingħajr ebda aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali; jew (iii) billi hija soġġetta għal Taqsima 3, tenħtieġ li tiġi żvelata mil-liġi;

(d)

“membru li mhuwiex minn bank ċentrali” tfisser membru tal-MIB li mhuwiex membru tal-istaff tal-BĊE jew ta' BĊN;

(e)

“mandat” tfisser il-mandat stipulat f'Anness I;

(f)

“membru” tfisser membru tal-MIB, inkluż iċ-Chairperson;

(g)

“fornituri” tfisser entitajiet kummerċjali u organizzazzjonijiet ta' negozju li attwalment jipprovdu jew għandhom interess li jipprovdu merkanzija u/jew servizzi relatati mal-infrastrutturi, il-pjattaformi, l-applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati offruti mill-Eurosistema.

2.   Evitar ta' kunflitti ta' interess

(a)

Fir-rigward tal-provvista ta' merkanzija u/jew servizzi rilevanti għall-mandat tal-MIB, kunflitt ta' interess għandu jitqies li jirriżulta fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-Artikolu 0.2.1.2 tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE, u b'mod partikolari, fejn membru għandu interess kummerċjali jew professjonali, jew sehem, f'fornitur, kemm permezz ta' proprjetà, kontroll, investiment, lealtà personali jew mod ieħor, li attwalment jinfluwenza jew jista' jinfluwenza t-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet ta' dak il-membru.

(b)

Il-membri għandhom jaġixxu fl-interess ġenerali tal-Eurosistema u skont ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-MIB. Huma għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li x'aktarx twassal għal kunflitt ta' interess.

(c)

Jekk jirriżulta jew x'aktarx jirriżulta kunflitt ta' interess b'konnessjoni mal-kompiti tal-MIB, il-membru kkonċernat għandu jgħarraf b'dan il-kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali lill-awtorità għall-konformità tal-bank ċentrali tiegħu (jew, fil-każ ta' membru tal-bord li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE) permezz tal-formola stipulata f'Appendiċi 2 u fl-istess ħin jinforma liċ-Chairperson b'dan. Jekk l-awtorità għall-konformità (jew, f'każ ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, l-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE) tikkonkludi illi jeżisti kunflitt ta' interess, hija tagħti r-rakkomandazzjoni tagħha lill-Gvernatur jew lill-President tal-bank ċentrali kkonċernat (jew f'każ ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-President tal-BĊE) fir-rigward tal-ġestjoni xierqa tal-kunflitt ta' interess inkwistjoni.

(d)

Jekk, matul laqgħa tal-MIB, membru jkollu raġuni biex jemmen illi l-parteċipazzjoni ta' membru ieħor fid-diskussjoni, votazzjoni jew proċedura bil-miktub tal-MIB tista' toħloq kunflitt ta' interess, huwa għandu jinforma liċ-Chairperson immedjatament.

(e)

Iċ-Chairperson għandu jistieden lill-membru li dwaru jkun tqajjem tħassib dwar kunflitt ta' interess skont il-paragrafu (c) u (d), biex jiddikjara jekk jeżistix kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali. Iċ-Chairperson għandu jinforma lill-awtorità għall-konformità tal-bank ċentrali kkonċernat (jew f'każ ta' membru tal-bord li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE) dwar kull każ bħal dan mingħajr dewmien żejjed u, jekk meqjus neċessarju, lill-Kunsill Governattiv ukoll.

(f)

Jekk iċ-Chairperson huwa l-membru kkonċernat taħt il-paragrafu (c), (d) jew (e), iċ-Chairperson għandu jinforma lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE.

(g)

Il-membri għandhom minnufih jeskludu lilhom infushom milli jieħdu sehem fi kwalunkwe diskussjoni, deliberazzjoni jew vot dwar kwalunkwe kwistjoni li fir-rigward tagħha dak il-membru għandu kunflitt ta' interess u m'għandux jingħata dokumentazzjoni relatata.

3.   Użu xieraq ta' informazzjoni kunfidenzjali

(a)

Il-membri għandhom jużaw l-informazzjoni kunfidenzjali biss għall-finijiet, u fl-interessi tal-Eurosistema u biex jilħqu l-objettivi tal-MIB, skont il-mandat tal-MIB.

(b)

Il-membri m'għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jiżvelaw, lil hinn mill-mandat tagħhom, informazzjoni kunfidenzjali lil partijiet terzi u/jew entitajiet fi jew barra l-Eurosistema. Fir-rigward taċ-Chairperson tal-MIB u tal-membri tal-istaff tal-BĊNi, huma jistgħu jiżvelaw biss informazzjoni kunfidenzjali lil membri tal-istaff tal-bank ċentrali tagħhom fuq bażi stretta ta' ħtieġa ta' tagħrif, u bl-iskop uniku li jipprovdu pariri li jippermettu li tiġi ffurmata opinjoni dwar kwistjoni speċifika. Informazzjoni kunfidenzjali mmarkata “membri biss” m'għandhiex, fil-prinċipju, tiġi żvelata minn membri lil membri tal-istaff tal-bank ċentrali tagħhom, sakemm ma jkunx hemm qbil mill-MIB.

(c)

Il-membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjenu l-iżvelar aċċidentali ta', jew l-aċċess mhux awtorizzat għal, informazzjoni kunfidenzjali.

(d)

Il-membri m'għandhomx jużaw l-informazzjoni kunfidenzjali għall-benefiċċju tagħhom jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna oħra skont l-Artikolu 4.1.3 tal-Qafas tal-Etika tal-BĊE u miżuri nazzjonali li jimplimentaw l- Artikolu 7(2) tal-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (1). B'mod partikolari, m'għandhomx jieħdu vantaġġ minn informazzjoni kunfidenzjali fi kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja privata jew meta jirrakkomandaw jew jagħtu pariri kontra tali tranżazzjonijiet.

(e)

Sa fejn membru huwa ordnat minn qorti jew awtorità regolatorja, superviżorja jew kompetenti oħra li għandha ġurisdizzjoni fuq dak il-membru sabiex jiżvela jew jagħmel disponibbli informazzjoni kunfidenzjali, dak il-membru għandu:

(i)

meta permess mil-liġi, jagħti minnufih avviż bil-miktub ta' ordni bħal din liċ-Chairperson u lill-awtorità għall-konformità (jew, f'każ ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE)) tal-bank ċentrali tiegħu, bl-aktar dettall possibbli;

(ii)

jikseb parir legali espert għal dak li jirrigwarda l-legalità u l-infurzabbiltà ta' ordni bħal din, jekk meqjus neċessarju miċ-Chairperson;

(iii)

jikkoopera mal-banek ċentrali kollha kkonċernati u jipprovdu l-assistenza li ċ-Chairperson jista' jitlob raġonevolment sabiex l-MIB jew il-BĊN tal-membru kkonċernat jitħalla jfittex rimedji legali biex jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali;

(iv)

jinnotifika lill-qorti jew lill-awtorità kkonċernata bin-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni u jitlob lill-qorti jew awtorità biex tippreżerva l-kunfidenzjalita tal-informazzjoni, sa fejn hu permess mil-liġi.

Jekk iċ-Chairperson huwa kkonċernat minn din it-Taqsima, huwa għandu jinforma lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE.

4.   Prinċipji ta' komunikazzjoni ma' partijiet esterni

(a)

Bla ħsara għar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-informazzjoni kunfidenzjali, fil-kuntatti tagħhom ma' fornituri jew organizzazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw lill-fornituri, il-membri għandhom iħabirku biex tinżamm kompetizzjoni ġusta u jipprovdu informazzjoni oġġettiva u pertinenti lill-fornituri jew lir-rappreżentanti b'mod ikkoordinat u mhux diskriminatorju. Skont l-informazzjoni li għandha tingħata, dan il-għan jista' jinkiseb billi huma jiġu involuti fi djalogu kostruttiv u billi tinqasam id-dokumentazzjoni magħhom fi gruppi konsultattivi.

(b)

Il-membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil kull komunikazzjoni bil-miktub indirizzata lilhom mill-fornituri jew mill-organizzazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw lill-fornituri. Il-membri għandhom jittrattaw dawn il-komunikazzjonijiet bħala kunfidenzjali, sakemm ma jiġix espressament iddikjarat il-kuntrarju mill-fornitur jew mir-rappreżentant.

(c)

Il-paragrafi 3(a) u 3(b) m'għandhomx ikunu miftehma bħala li jimpedixxu kuntatti bejn l-MIB u l-fornituri jew l-organizzazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw lill-fornituri.

5.   Parir fuq mistoqsijiet ta' etika

Jekk membru jkollu xi mistoqsija dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi, dak il-membru għandu jitlob parir mingħand l-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE.

6.   Sanzjonijiet u dispożizzjonijiet finali

(a)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-proċeduri dixxiplinari inklużi fil-kundizzjonijiet tal-impieg tagħhom jew għal kull penali kriminali, dixxiplinari, amministrattiva jew kuntrattwali applikabbli, membru li jikser dan il-Kodiċi għandu jitkeċċa immedjatament mill-MIB u jiġi sostitwit.

(b)

Membru għandu jibqa' marbut mit-Taqsimiet 2 u 3 anki wara li dak il-membru jkun waqaf minn dmirijietu bħala membru tal-MIB.

(c)

Ex-membru m'għandux juża informazzjoni kunfidenzjali sabiex jikseb impieg ma' fornitur, jew jiżvela jew juża informazzjoni kunfidenzjali miksuba permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-MIB bħala impjegat ta' fornitur.

(d)

Matul l-ewwel sena wara li jkunu waqfu minn dmirijiethom, il-membri għandhom ikomplu jevitaw kull kunflitt ta' interess li jista' jinqala' minħabba attività professjonali jew ħatra ġdida. B'mod partikolari, huma għandhom jinformaw bil-miktub liċ-Chairperson dwar jekk għandhomx il-ħsieb jinvolvu ruħhom f'xi attività professjonali jew jaċċettaw ħatra, u għandhom jitolbu l-parir tal-MIB qabel ma jintrabtu. L-MIB għandu jirreferi l-kwistjonijiet lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza, kif xieraq.

(e)

Jekk ex-membru ma jirrispettax ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi (c) u (d), l-MIB jista' jinforma lil min iħaddem lil dak l-ex-membru illi jirriżulta, jew aktarx li jirriżulta, kunflitt ta' interess bejn il-pożizzjoni l-ġdida tal-ex-membru u dik li kellu qabel.

7.   Indirizzati u distribuzzjoni

Dan il-Kodiċi huwa indirizzat lill-membri. Titqassam kopja lil kull membru eżistenti u lil membri ġodda mal-ħatra. Il- Membri huma mitluba jiffirmaw l-Appendiċijiet 1 u 2 qabel ma jattendu għall-ewwel laqgħa tagħhom tal-MIB.


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l- prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23).

Appendiċi 1

DIKJARAZZJONI TA' KONFORMITÀ MAL-KODICI TA' KONDOTTA

B'din id-Dikjarazzjoni, jiena naċċetta l-Kodiċi ta' Kondotta anness u nirrikonoxxi l-obbligi tiegħi hawn taħt, b'mod partikolari l-obbligu tiegħi biex (a) inżomm il-kunfidenzjalità stretta ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali u ma niżvelax informazzjoni kunfidenzjali miksuba minni, anki skont l-Iskema ta' kunfidenzjaliltà tal-BĊE; (b) nevita u niddikjara sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu kunflitt ta' interess fit-twettiq ta' dmirijieti bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (l-“MIB”) b'rabta mal-kompetenzi tal-MIB; u (c) ma nużax informazzjoni kunfidenzjali għall-benefiċċju tiegħi stess jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna oħra; b'mod partikolari, m'għandix nieħu vantaġġ minn informazzjoni kunfidenzjali fi kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja privata jew fir-rakkomandazzjoni jew fl-għoti ta' pariri kontra tali tranżazzjonijiet.

(Firma u data)

(Isem sħiħ)

(Indirizz)

Appendiċi 2

DIKJARAZZJONI TAL-INTERESSI (1)

(Isem sħiħ)

(Indirizz)

(Impjieg)

Il-kompetenzi tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (l-“MIB”) huma direttament jew indirettament (eż. fir-rigward ta' membru tal-familja) affettwati mill-interessi ta' flus u/jew mhux ta' flus, li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess fit-tifsira tal-Kodiċi ta' Kondotta (2):

Investiment (eż. dirett jew indirett f'entità kummerċjali, inkluż sussidjarji jew entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp korporattiv, li għandu interess bħala fornitur, sakemm ma jkunx miżmum permezz ta' fondi ta' investiment jew tal-pensjonijiet jew xi ħaġa simili):

Pożizzjoni (eż kurrenti jew preċedenti, imħallsa jew mhux imħallsa, ma' entità kummerċjali illi għandha interess bħala fornitur):

Introjtu jew rigali (eż. remunerazzjoni kurrenti, preċedenti jew mistennija, inkluż benefiċċji differiti, għażliet li għandhom jiġu eżerċitati fi stadju aktar tard u trasferimenti ta' drittijiet tal-pensjoni, jew rigali, riċevuti mingħand entità kummerċjali li għandha interess bħala fornitur):

Oħrajn:

Jien b'dan niddikjara, fuq l-unur tiegħi, illi sa fejn naf jien l-informazzjoni żvelata hija vera u kompleta.

(Firma u data)

(Isem sħiħ)


(1)  Jekk membru m'għandu ebda interess rilevanti, dan għandu jkun indikat billi jiddikjara “l-ebda” fil-parti(jiet) rilevanti.

(2)  Membru b'interess rilevanti għandu jiddeskrivi l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, billi juża wkoll spazju addizzjonali jekk meħtieġ.


ANNESS IV

PROĊEDURI U REKWIŻITI GĦALL-GĦAŻLA, IL-ĦATRA U L-BIDLA TAL-MEMBRI TAL-BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ LI MHUMIEX MINN BANK ĊENTRALI

1.   Avviż ta' Kompetizzjoni

1.1.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (il-“BĊE”) għandu jippubblika avviż ta' kompetizzjoni sabiex jinħatru esperti bħala membri tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (l-“MIB”) li mhumiex minn bank ċentrali u għall-ħolqien ta' lista ta' riżerva. L- avviż ta' kompetizzjoni għandu jsir skont id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/2) (1). Mandakollu, għandu jiddevja mill-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2). L-avviż ta' kompetizzjoni għandu jirrispetta tal-inqas il-prinċipji ewlenin tal-akkwist pubbliku u jiżgura kompetizzjoni xierqa u trasparenti.

1.2.

L-avviż ta' kompetizzjoni għandu jistabbilixxi, fost l-oħrajn: (a) ir-rwol tal-MIB; (b) ir-rwol tal-membri li mhumiex minn bank ċentrali fl-MIB; (c) il-kriterji tal-għażla; (d) l-aspetti finanzjarji rilevanti; u (e) il-proċedura tal-applikazzjoni, inkluż skadenza għar-riċevuta tal-applikazzjonijiet.

1.3.

L-avviż ta' kompetizzjoni għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tal-BĊE fl-istess ħin. Fejn xieraq, il-BĊE jista' juża mezzi addizzjonali biex jirriklama l-avviż ta' kompetizzjoni. F'każ ta' diskrepanzi, il-verżjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tieħu l-preċedenza fuq verżjonijiet oħra.

1.4.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tal-kandidati għandha tkun tal-anqas 35 jum kalendarju wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta' kompetizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-proċedura tal-għażla

2.1.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE (il-“Kunsill Governattiv”) għandu jaħtar lill-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali abbażi ta' proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (il-“Bord Eżekuttiv”), wara li jkun lesta l-proċedura tal-akkwist rilevanti.

2.2.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jevalwa lill-kandidati skont il-kriterji tal-għażla stipulati fit-Taqsima 3 ta' dan l-Anness IV.

2.3.

Iċ-Chairperson tal-MIB, rappreżentanti mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, u staff tal-BĊE jistgħu jagħtu appoġġ lill-Bord Eżekuttiv fil-mili tal-formoli għall-evalwazzjoni tal-kandidati, li jinkludu sommarju tal-merti u n-nuqqasijiet tal-kandidat fil-kuntest tal-kriterji tal-għażla għall-mandat u rakkomandazzjoni għall-ħatra skont l-adattabbiltà tal-kandidat.

2.4.

Bil-kontra tal-Artikolu 22(6) tad-Deċiżjoni BĊE/2016/2, żewġ kandidati għandhom jinħatru direttament, u għandha tiġi stabbilita lista ta' riżerva għal kandidati għal postijiet fil-futur.

3.   Il-kriterji tal-għażla

Il-kriterji tal-għażla huma kif ġej:

(a)

għarfien espert bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tal-pagamenti jew għarfien espert fl-industrija tat-titoli, jew bħala fornitur ta' servizz jew bħala utent ta' servizzi f'dan il-qasam, kif ukoll għarfien espert relatat mas-settur finanzjarju usa' tal-Unjoni;

(b)

mill-anqas 10 snin esperjenza ta' interazzjoni mal-parteċipanti ewlenin fis-swieq finanzjarji tal-Unjoni;

(c)

esperjenza rilevanti, preferibbilment fil-ġestjoni tal-proġetti; u

(d)

il-kapaċità ta' komunikazzjoni effettiva bl-Ingliż.

4.   Lista ta' riżerva

4.1.

Il-BĊE għandu jimmira li dejjem iżomm lista ta' riżerva ta' kandidati potenzjali biex timla l-pożizzjonijiet ta' membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali.

4.2.

F'każ ta' post battal fl-MIB ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, il-Bord Eżekuttiv jista' jagħżel kandidat mil-lista ta' riżerva skont il-klassifikazzjoni tiegħu u jipproponih lill-Kunsill Governattiv bħala membru mhux ċentrali tal-MIB għal mandat ta' 36 xahar jew iqsar. Il-mandat jista' jiġġedded għal mandat ieħor ta' mhux aktar minn 36 xahar biex il-mandat totali ma jkunx jaqbeż il-mandat massimu ta' [sitt] snin permess għall-membri li mhumiex minn bank ċentrali.

4.3.

Il-lista ta' riżerva għandha tibqa' valida għal perijodu ta' sitta u tletin xahar ladarba tiġi approvata mill-Kunsill Governattiv. Il-Kunsill Governattiv jista' jestendi l-validità tal-lista ta' riżerva għal perijodu ieħor ta' 36 xahar jekk iqis li huwa xieraq li jagħmel hekk.

4.4.

B'devjazzjoni mill-Artikolu 22(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2), il-lista ta' riżerva m'għandhiex tkun miftuħa għal applikanti ġodda.

4.5.

B'devjazzjoni mill-Artikolu 22(8) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2), il-kandidati jistgħu jaċċessaw, jaġġornaw jew jikkoreġu d-data tagħhom iżda ma jistgħux jaġġornaw jew jikkoreġu informazzjoni rilevanti biex jissodisfaw il-kriterji tal-għażla wara d-data tal-għeluq tal-avviż ta' kompetizzjoni.

5.   Ħatra

5.1.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jinħatru f'kapaċità personali. Huma ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor jew parti terza.

5.2.

Il-ħatriet kollha għandhom ikunu soġġetti għall-iffirmar ta' kuntratt ta' ħatra minn min jinħatar, iffirmat ukoll miċ-Chairperson tal-MIB kif ukoll kuntratt mal-BĊE, li jistabbilixxi l-indennizzi u r-rimborż tal-ispejjeż applikabbli fir-rigward ta' spejjeż, u wkoll id-dikjarazzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 6.1.

5.3.

Il-Kunsill Governattiv għandu jaħtar membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali bħala membri mingħajr vot tal-MIB għal massimu ta' 36 xahar, li jiġġeddu għal mandat ieħor ta' mhux aktar minn 36 xahar biex il-mandat totali ma jkunx jaqbeż il-mandat massimu ta' sitt snin permess għall-membri li mhumiex minn bank ċentrali.

6.   Dikjarazzjonijiet

6.1.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali jintrabtu li jimxu mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-MIB. Għal dan il-għan, huma meħtieġa jiffirmaw id-“Dikjarazzjoni ta' konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta” fl-Appendiċi 1 tal-Anness III u li jimlew u jiffirmaw id-“Dikjarazzjoni tal-interessi” fl-Appendiċi 2 tal-Anness III.

6.2.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali huma meħtieġa wkoll jiffirmaw id-dikjarazzjonijiet ipprovduti mal-avviż ta' kompetizzjoni.

7.   Terminazzjoni u sostituzzjoni

7.1.

Il-Kunsill Governattiv jista' jittermina l-mandat ta' membru tal-MIB li mhuwiex minn bank ċentrali jekk, fil-każ ta' dak il-membru li mhuwiex minn bank ċentrali, iseħħ xi wieħed minn dawn li ġejjin: kunflitt ta' interess, ksur ta' dmir, l-inabbiltà li jwettaq dmirijietu, ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta u/jew nuqqas serju fl-imġieba.

7.2.

Il-mandat ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali jitqies bħala itterminat meta dak il-membru li mhuwiex minn bank ċentrali jirriżenja jew jiskadilu l-mandat tiegħu mingħajr ma jiġi mġedded.

7.3.

Jekk mandat jiġi tterminat qabel ma jintemm il-perijodu ta' 36 xahar, għandhom japplikaw it-Taqsimiet 4.2 u 4.3.

(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Frar 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/2) (ĠU L 45, 20.2.2016, p. 15).


Top