EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AB0038

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta’ Awwissu 2018 dwar proposta għal regolament fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita (CON/2018/38)

OJ C 382, 23.10.2018, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/7


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta’ Awwissu 2018

dwar proposta għal regolament fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita

(CON/2018/38)

(2018/C 382/04)

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-27 ta’ Ġunju 2018 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 924/2009 fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mar-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 3.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, peress li r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tħaddim bla xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Ir-regolament propost għandu l-ħsieb li jipprovdi liċ-ċittadini u lill-kumpanniji kollha fl-Unjoni li jagħmlu trasferimenti transkonfinali tal-euro, kemm bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro u dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro kif ukoll bejn Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, bil-livelli baxxi ta’ imposti li huma disponibbli bħalissa fir-rigward tal-pagamenti domestiċi magħmula fil-munita uffiċjali ta’ Stat Membru. Meta jagħmel dan, ir-regolament propost itejjeb it-trasparenza u l-protezzjoni tal-konsumatur, isaħħaħ is-Suq Intern għal servizzi ta’ ħlas f’euro u jsaħħaħ l-euro bħala l-munita tal-għażla għal ħlasijiet intra-UE sakemm l-euro tiġi adottata bħala l-munita tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Ambitu tad-dispożizzjonijiet dwar l-imposti tal-konverżjoni tal-munita

Id-dispożizzjonijiet tar-regolament propost dwar l-imposti tal-konverżjoni tal-munita huma ddikjarati li japplikaw għall-ħlasijiet transkonfinali kollha, irrispettivament jekk humiex denominati f’euro jew f’munita nazzjonali ta’ Stat Membru li mhijiex l-euro. Madankollu, bħala kwistjoni teknika, ħlasijiet transkonfinali denominati f’euro minn kontijiet ta’ ħlas denominati f’euro, fejn kemm il-fornitur tas-servizz tal-ħlas (Payment Services Provider - PSP) ta’ min iħallas kif ukoll dak li jitħallas jinsabu fi Stati Membri taż-żona tal-euro, normalment m’għandhom ikunu suġġetti għall-ebda konverżjoni. Għalhekk, fir-realtà, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għal ħlasijiet transkonfinali f’euro biss fejn il-munita tal-kont tal-ħlas ma tkunx l-euro jew fejn il-PSPs ta ’ min iħallas u min qed jitħallas, jew tal-benefiċjarju biss, ikunu jinsabu barra miż-żona tal-euro. Il-BĊE jissuġġerixxi li dan il-punt għandu jiġi ċċarat fir-regolament propost.

Peress li r-regolament propost jindirizza pagamenti permezz ta’ PSPs biss, ma jinkludix il-possibbiltà ta’ negozjant li jipprovdi s-servizz ta’ konverżjoni tal-valuta indipendentement minn PSP. Il-BĊE jissuġġerixxi li dan il-punt għandu jiġi ċċarat fir-regolament propost.

2.   Servizzi u alternattivi ta’ munita alternattiva

Ir-regolament propost ma fihx artikolu dwar id-definizzjonijiet, għalkemm jintroduċi kunċetti ġodda u importanti fir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Pereżempju, it-termini “għażliet alternattivi ta’ kambju tal-munita” jew “għażliet alternattivi ta’ kambju tal-munita” jistgħu jingħaqdu f’terminu wieħed, li jista’ jiġi ddefinit b’mod utli. B’mod aktar speċifiku, jista’ jkun iktar ċar jekk dawn is-servizzi jirreferux għal dawk offruti mill-PSP u l-affiljati tiegħu, u jekk iva, id-daqs tal-obbligu tal-PSP biex ifittex u jirreklama servizzi offruti mill-kompetituri diretti tiegħu. Għandu jiġi ċċarat ukoll li s-servizzi tal-konverżjoni tal-munita jistgħu jiġu offruti minn fornituri mhux regolati.

3.   Reġim applikabbli għall-ħlasijiet tal-konverżjoni tal-munita u għall-perjodu tranżitorju

3.1.

Skont ir-regolament propost, l-Awtorità Bankarja Ewropea hija fdata bil-kompitu li tiżviluppa standards tekniċi regolatorji biex tiżgura t-trasparenza u l-paragunabbiltà tal-prezz tal-għażliet tas-servizz ta’ konverżjoni tal-valuta.

3.2.

Għall-benefiċċju tal-protezzjoni tal-konsumatur, huwa ssuġġerit li l-perjodu tranżitorju għall-konformità ma’ obbligi ta’ trasparenza fir-rigward tal-ispiża sħiħa tas-servizzi ta’ konverżjoni tal-valuta għandu jitnaqqas għal 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tar-regolament propost.

Meta l-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu previsti proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Awwissu 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM (2018) 163 final.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).


Top