EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AB0024

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 17 ta’ Marzu 2011 dwar abbozz ta’ Deċìżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (CON/2011/24)

OJ C 140, 11.5.2011, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/8


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Marzu 2011

dwar abbozz ta’ Deċìżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

(CON/2011/24)

2011/C 140/05

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-10 ta’ Jannar 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (1) (minn issa ’l quddiem “l-abbozz tad-deċiżjoni”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 48(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

F’unjoni monetarja, sorveljanza fiskali u makroekonomika msaħħa hija l-istrument xieraq biex jimminimizza r-riskji ta’ kriżijiet ta’ dejn sovran tal-kobor u s-severità li l-Unjoni Ewropea ġarrbet fil-passat riċenti. Għal dan il-għan, il-BĊE sejjaħ għal “qabża kwalitattiva” fil-governanza ekonomika ta’ unjoni ekonomika u monetarja (UEM), li għandha twassal għal unjoni ekonomika aktar profonda li hija proporzjonata mal-grad ta’ integrazzjoni ekonomika u interdipendenza diġa’ miksub mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-BĊE ressaq il-proposti tiegħu għal “qabża kwalitattiva” bħal din fil-komunikazzjoni tiegħu 'Reinforcing economic governance in the euro area’ tal-10 ta’ Ġunju 2010 u għamel suġġerimenti legali konkreti għal dan il-għan fl-Opinjoni tal-BĊE CON/2011/13 tas-16 ta' Frar 2011 dwar ir-riforma tal-governanza ekonomika fl-Unjoni Ewropea (2).

2.

Sal-punt li r-riskju ta’ kriżijiet ta’ dejn sovran jibqa’ xorta rilevanti anke taħt din is-sorveljanza fiskali u makroekonomika msaħħa, u sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha, huwa mixtieq li jiġi stabbilit qafas permanenti għall-immaniġġjar tal-kriżijiet li jista’, bħala ultima ratio, jipprovdi għajnuna finanzjarja temporanja lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li qed jesperjenzaw xkiel fl-aċċess għal finanzjament fis-suq. Tali qafas għandu jkun iddisinjat b’mod li jimminimizza r-riskju morali u jsaħħaħ l-inċentivi għall-aġġustament fiskali u makroekonomiku preventiv.

3.

Fil-passat riċenti, Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro emfasizzaw id-determinazzjoni tagħhom biex jieħdu azzjoni biex jissalvagwardjaw l-istabbiltà taż-żona tal-euro, u, għal dak il-għan, huma għaqqdu pakkett ta’ self bilaterali lir-Repubblika Ellenika u waqqfu l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbilità Finanzjarja (EFSF) bħala faċilità temporanja intergovernattiva taż-żona tal-euro biex tipprovdi assistenza lil Stati Membri f’diffikultà. L-EFSF teżisti flimkien mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSM) tal-Unjoni Ewropea u, l-istess bħall-pakkett ta’ self lir-Repubblika Ellenika, il-finanzjament tiegħu huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti nnegozjati bejn l-Istati Membri li jeħtieġu l-assistenza u l-Kummissjoni Ewropea li taġixxi f’isem l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, flimkien mal-BĊE, u l-Fond Monetarju Internazzjonali, u għandu jkun approvat mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li qed jipprovdu l-assistenza.

4.

F’dan l-isfond, u filwaqt li jtenni s-sejħa tiegħu għat-tisħiħ ulterjuri tas-sorveljanza fiskali u makroekonomika skont Opinjoni CON/2011/13, il-BĊE jilqa’ l-abbozz tad-deċiżjoni. Wara l-approvazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-abbozz tad-deċiżjoni, Artikolu 136(3) ġdid ser jidher fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE. Bi qbil miegħu, Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma mistennija li jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti, magħruf bħala Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilità (MES) (3). Il-MES għandu jkun attivat jekk huwa indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha u assistenza finanzarja temporanja tista’ tingħata taħtu biss jekk tkun suġġetta għal kundizzjonijiet stretti. Il-MES ser jieħu post l-arranġamenti temporanji preżenti tal-EFSM u l-EFSF, li ser jibqgħu fis-seħħ sa Ġunju 2013 jew sa data li jkunu ntemmu l-attivitajiet tagħhom.

5.

Barra minn dan, u anke qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, it-test tal-Artikolu 136(3) TFUE ġdid jgħin biex jiġi spjegat, u b’hekk jikkonferma, l-ambitu ta’ Artikolu 125 TFUE fir-rigward tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, jiġifieri l-attivazzjoni ta’ assistenza finanzjarja temporanja hija fil-prinċipju kumpatibbli mal-Artikolu 125 TFUE sakemm tkun indispensabbli għal tali salvagwardja u suġġetta għal kundizzjonijiet stretti. Ukoll, l-Artikolu 136(3) TFUE ġdid ma jżidx il-kompetenzi tal-Unjoni.

6.

Fir-rigward tad-disinn eżatt tal-MES, il-preparazzjonijet neċessarji huma diġa għaddejjin. Hemm erba’ karatteristiċi li kieku jkabbru l-effettività u jiffaċilitaw il-funzjonament tal-MES: (a) huwa għandu jiġi stabbilit permezz ta' Trattat suġġett għad-dritt pubbliku internazzjonali approvat mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex liġijiet nazzjonali jkunu jridu jsiru kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat; (b) ir-regoli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-MES għandhom jiffavorixxu l-effiċjenza, per eżempju billi jipprovdu għall-attivazzjoni tal-MES permezz ta’ ftehim reċiproku tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; (ċ) b’konformità sħiħa mat-Trattati, il-MES għandu jingħata l-kapaċità li juża firxa xierqa ta’ strumenti sabiex ikun jista’ jiġġieled kontra t-tixrid b’mod effettiv f’sitwazzjonijiet ta’ instabbiltà akuta fis-suq, u (d) il-MES għandu josserva l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja kawta u soda u jkun suġġett għal verifiki minn awdituri esterni u interni.

7.

Minbarra dawn l-erba’ karatteristiċi, hemm ħtieġa fondamentali għall-MES biex ikun salvagwardjat kontra r-riskju morali inerenti fi kwalunkwe mekkaniżmu għall-immaniġġjar tal-kriżijiet. Salvagwardji bħall-involviment tal-FMI f’analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn, in-negozjati tal-programm u l-finanzjament, termini non-konċessjonali konsistenti mal-prattika tal-FMI u sorveljanza regolari u stretta tal-konformità mill-Istati Membri assistiti mal-programm ta’ aġġustament fiskali u makroekonomiku li fuqu l-assistenza finanzjarja hija kundizzjonali, huma indispensabbli biex jiġu pprovduti inċentivi b’saħħithom u dejjiema għal politika fiskali u ekonomika soda fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Barra minn dan, tali salvagwardji jsostnu l-effettività tal-fuq imsemmi qafas ta’ sorveljanza fiskali u makroekonomika msaħħa tal-Unjoni.

8.

Element ewlieni tal-abbozz tad-deċiżjoni huwa li tipprovdi għal mekkaniżmu intergovernattiv minflok mekkaniżmu tal-Unjoni. Il-BĊE jappoġġja r-rikors għall-metodu tal-Unjoni u jilqa’ l-fatt li, bil-benefiċċju tal-esperjenza miksuba, il-MES kieku jsir mekkaniżmu tal-Unjoni f’perijodu ta’ żmien xieraq. Sadattant, il-BĊE jinkoraġġixxi illi fir-rigward ta’ ċirkostanzi li jwasslu għall-attivazzjoni tal-MES u fir-rigward ta’ kundizzjonijiet dwar l-assistenza finanzjarja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jingħataw rwol prominenti minħabba l-kompetenza tagħhom u l-fokus tagħhom fuq l-interess kollettiv tal-Unjoni.

9.

Fir-rigward tar-rwol tal-BĊE u l-Eurosistema, filwaqt illi l-BĊE jista’ jaġixxi ta’ aġent fiskali għall-MES skont l-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), bl-istess mod kif skont il-Faċilità ta’ Għajnuna Finanzjarja għal Żmien Medju (4), l-EFSM u l-EFSF, Artikolu 123 TFUE ma jippermettix lill-MES isir kontroparti tal-Eurosistema tal-Artikolu 18 tal-Istatut tas-SEBĊ. Dwar dan l-aħħar element, il-BĊE ifakkar illi l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju f’Artikolu 123 TFUE hija waħda mill-pilastri bażiċi tal-arkitettura legali tal-UEM (5), kemm għal raġunijiet ta’ dixxiplina fiskali tal-Istati Membri u sabiex tiġi preżervata l-integrità tal-politika monetarja waħdanija kif ukoll l-indipendenza tal-BĊE u l-Eurosistema.

10.

Il-BĊE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex japprovaw l-abbozz tad-deċiżjoni fil-pront sabiex hi tkun tista tidħol fis-seħħ fid-data msemmija fiha, li hija l-1 ta' Jannar 2013.

11.

Il-BĊE jirrakkomanda illi l-abbozz tad-deċiżjoni tkun emendata fuq punt legali tekniku. Proposta speċifika għall-abbozzar qed tiġi stabbilita fl-Anness flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 sas-17 ta’ Diċembru 2010.

(2)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Ara wkoll id-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE wara l-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-4 ta’ Novembru 2010.

(3)  Ara d-Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-28 ta’ Novembru 2010.

(4)  Ara t-tieni sub-paragrafu ta’ punt 1 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2009/37 tal-20 ta’ April 2009 fuq proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU C 106, 8.5.2009, p. 1).

(5)  Ara r-Rapport ta’ Konverġenza tal-BĊE, Mejju 2010, pġ. 24.


ANNESS

Proposta ghall-abbozzar

Test propost mill-Kunsill Ewropew

Emenda proposta mill-BĊE (1)

Emenda

Artikolu 2, it-tieni paragrafu

“Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, dment li n-notifiki kollha …”.

Artikolu 1 ta’ din id-Deċizjoni għandjidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, dment li n-notifiki kollha …”.

Spjegazzjoni

Huwa l-Artikolu 1 biss tal-abbozz tad-deċiżjoni li ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, skont l-Artikolu 48(6) tat-Trattat UE, bil-patt li l-proċeduri nazzjonali għall-approvazzjoni jkunu tlestew sa dik id-data, jew f’data aktar tard wara t-tlestija tal-proċeduri nazzjonali għall-approvazzjoni. Artikolu 2, li jittratta l-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw it-tlestija tal-proċeduri nazzjonali għall-approvazzjoni, ser jidħol fis-seħħ, bħall-abbozz tad-deċiżjoni nnifsu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE (jiġifieri fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma tiġix speċifikata data fl-abbozz tad-deċiżjoni), fin-nuqqas ta’ referenza fl-Artikolu 48(6) tat-Trattat UE għad-dħul fis-seħħ ta' dan l-obbligu speċifiku tan-notifika.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid.


Top