EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009O0001

Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 20 ta’ Jannar 2009 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta' l-Eurosistema (BĊE/2009/1)

OJ L 36, 5.2.2009, p. 59–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011; Imħassar b' 32011O0014

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2009/101/oj

5.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 36/59


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ Jannar 2009

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta' l-Eurosistema

(BĊE/2009/1)

(2009/101/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105(2),

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem ’l-Istatut SEBĊ’) u b’mod partikolari l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 14.3 flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 18.2 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20,

Billi:

(1)

Biex ikun hemm politika monetarja waħda hemm bżonn li jiġu ddefiniti l-istrumenti u l-proċeduri li għandhom jintużaw mill-Eurosistema, li tikkonsisti mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li adottaw l-euro (minn hawn ’il quddiem ‘l-Istati Membri parteċipanti’) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), sabiex tiġi implimentata din il-politika b’mod uniformi ġewwa l-Istati Membri parteċipanti.

(2)

Minħabba żviluppi riċenti fis-swieq tat-titoli sostnuti minn assi, hemm bżonn ta’ ċertu tibdil fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja waħda tal-Eurosistema. B’mod partikolari, hemm bżonn li jinbidlu r-rekwiżiti tal-klassifikazzjoni fir-rigward tat-titoli sostnuti minn assi, u biex tiġi eskluża ċerta kategorija ta’ titoli sostnuti minn assi milli jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema, sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ li l-operazzjonijiet ta’ kreditu mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħrajn tas-suq għandhom ikunu bbażati fuq garanziji adegwati.

(3)

Waħda mill-miżuri tal-kontroll tar-riskju li tista’ tiġi applikata mill-Eurosistema biex ikun hemm protezzjoni adegwata tar-riskju tal-Eurosistema skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ hija l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet dwar min jagħmel il-ħruġ jew assi użati bħala garanziji. Biex l-Eurosistema tiġi mħarsa kontra l-espożizzjoni tal-kreditu, jinħtieġ li tiġi limitata l-konċentrazzjoni ta’ min joħroġ bonds mhux koperti tal-banek bħala garanzija,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi ta’ Anness I

L-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta’ l-Eurosistema (1) qed jiġi emendat skont l-Anness ta’ din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Verifika

Il-BĊNi għandhom jibagħtu dettalji tat-testi u l-mezzi dwar kif fiħsiebhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida lill-BĊE mhux iktar tard mit-30 ta’ Jannar 2009.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2009. L-Artikolu 1 għandu jgħodd mill-1 ta’ Marzu 2009.

Artikolu 4

Indirizzati

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi tal-Istati Membri parteċipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 20 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


ANNESS

L-Anness I tal-Linja Gwida BCE/2000/7 jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fit-Taqsima 6.2.1 taħt l-intestatura “Tip ta’ Assi” punt c) ir-raba’ paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“(c)

m’għandhomx jikkonsistu, għal kollox jew parzjalment, attwalment jew potenzjalment, minn noti marbutin ma’ kreditu jew klejms simili li jirriżultaw mit-trasferiment ta’ kreditu permezz ta’ derivattivi ta’ kreditu jew tranches jew titoli oħrajn sostnuti minn assi (*). Titoli sostnuti minn assi maħruġin qabel l-1 ta’ Marzu 2009 għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li m’għandhomx jikkonsistu minn tranches ta’ titoli oħrajn sostnuti minn assi sal-1 ta’ Marzu 2010.

(*)  B’mod partikolari, dan l-obbligu ma jeskludix titoli sostnuti minn assi fejn l-istruttura tal-ħruġ tinkludi żewġ vetturi ta’ għan speċjali u r-rekwiżit tal-‘bejgħ veru’ jiġi sodisfatt fir-rigward ta’ dawk il-vetturi ta’ għan speċjali biex l-istrumenti ta’ debitu maħruġin mit-tieni vettura ta’ għan speċjali ikunu sostnuti direttament jew indirettament mill-ġabra oriġinali ta’ assi mingħajr ma jkun hemm tranching. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ tranches ta’ titoli oħrajn sostnuti minn assi ma jinkludix bonds koperti li jikkonformaw mal-Artikou 22(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3).”;"

(2)

Fil-ħames paragrafu tat-taqsima 6.3.1, tiddaħħal is-sentenza li ġejja wara t-tieni sentenza:

“Għal titoli sostnuti minn assi maħruġa mill-1 ta’ Marzu 2009 ’l quddiem, l-obbligu ta’ l-Eurosistema għal standards għolja ta’ kreditu tfisser skont valutazzjoni ta’ kreditu ‘AAA’ fil-ħruġ b’limitu ta’ kwalità ta’ kreditu minimu fuq il-ħajja ta’ titolu ffissat fil-livell ta’ valutazzjoni ta’ kreditu ‘single A (**).

(**)  ‘AAA’ tfisser klassifikazzjoni fit-tul ‘AAA’ minn Fitch, Standard & Poor jew DBRS jew ‘Aaa’ minn Moody.”;"

(3)

Fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 6.4.2, jiddaħħal it-tielet inċiż li ġej:

“—

L-Eurosistema tillimita l-użu ta’ bonds tal-bank mhux koperti maħruġin minn xi entità li magħha min jagħmel il-ħruġ ikollu rabtiet mill-qrib skond l-obbligi legali stabbiliti fit-Taqsima 6.2.3. Il-bonds mhux koperti tal-banek maħruġin minn persuna (issuer) jew entità waħda li magħha min jagħmel il-ħruġ ikollu rabtiet mill-qrib, jistgħu jintużaw biss bħala garanziji minn kontroparti sakemm il-valur mogħti lil dik il-garanzija mill-Eurosistema wara l-applikazzjoni ta’ haircuts, ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-valur totali tal-garanzija mogħtija minn dik il-kontroparti wara l-haircuts. Din il-limitazzjoni ma tapplikax għal bonds mhux koperti tal-banek iggarantiti minn entità tas-settur pubbliku li għandha dritt timponi taxxi, jew jekk il-valur wara l-haircuts tal-bonds mhux koperti tal-banek imsemmija hawn fuq, ma jaqbiżx EUR 50 miljun. Bonds mhux koperti tal-banek mogħtija bħala garanzija lill-Eurosistema sa l-20 ta’ Jannar 2009 m’humiex suġġetti għal din il-limitazzjoni sa l-1 ta’ Marzu 2010. Fil-każ li jkun hemm għaqda bejn entità waħda jew iżjed li jagħmlu l-ħruġ ta’ bonds tal-bank li mhumiex koperti jew it-twaqqif ta’ rabta mill-qrib bejn dawn, dawn l-entitajiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp wieħed ta’ min jagħmel il-ħruġ, fil-kuntest ta’ din il-limitazzjoni, sena biss wara d-data tal-għaqda jew minn meta tiġi stabbilita rabta mill-qrib.”;

(4)

Il-kaxxa 7 fit-Taqsima 6.4.1 hija sostitwita b’li ġej:

“KAXXA 7
Miżuri ta’ kuntroll tar-riskju
L-Eurosistema tapplika l-miżuri ta’ kuntroll tar-riskju li ġejjin:

Haircuts ta’ valutazzjoni
L-Eurosistema tapplika “haircuts ta’ valutazzjoni” fil-valutazzjoni ta’ l-assi fundamentali. Dan jimplika li l-valur ta’ l-assi fundamentali huwa kkalkulat bħala l-valur tas-suq ta’ l-assi mnaqqas b’ċertu perċentwali (haircut).

Marġins ta’ varjazzjoni (immarkar għas-suq)
L-Eurosistema teżiġi biex il-valur tas-suq aġġustat skond il-haircut ta’ l-assi fundamentali wżati fit-tranżazzjonijiet imreġġa’ b’lura (reverse transactions) u li jipprovdu likwidità, jinżamm matul iż-żmien. Dan jimplika li jekk il-valur, imkejjel fuq bażi regolari, ta’ l-assi fundamentali jaqa’ anqas minn ċertu livell, il-bank ċentrali nazzjonali jitlob lill-kontroparti tissupplixxi assi jew flus kontanti addizzjonali (jiġifieri jagħmel sejħa għall-marġins (margin call)). Bl-istess mod, jekk il-valur ta’ l-assi fundamentali, wara r-rivalutazzjoni tagħhom, jaqbeż ċertu livell, il-kontroparti tista’ takkwista lura l-attiv jew il-flus kontanti żejda. (Il-kalkoli relevanti għall-eżekuzzjoni tas-sejħiet għall-marġins (margin calls) huma ppreżentati f’Kaxxa 8).

Limiti fir-rigward ta’ l-użu ta’ bonds mhux koperti tal-banek
L-Eurosistema tapplika limiti għall-użu ta’ bonds mhux koperti tal-banek li huma deskritti fit-Taqsima 6.4.2.
Il-miżuri ta’ kuntroll tar-riskju li ġejjin jistgħu jiġu applikati wkoll mill-Eurosistema f’kull żmien jekk ikun jinħtieġ biex tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata ta’ l-Eurosistema konformi ma’ l-Artikolu 18.1 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ:

Marġins inizjali
L-Eurosistema tista’ tapplika marġins inizjali fit-tranżazzjonijiet imreġġa’ b’lura (reverse transactions) u li jipprovdu likwidità. Dan jimplika li l-kontropartijiet ikollhom jipprovdu assi fundamentali b’valur li ta’ lanqas ikunu daqs il-likwidità mogħtija mill-Eurosistema flimkien mal-valur tal-marġin inizjali.

Limiti fir-rigward ta’ issuers/debituri jew garanti
L-Eurosistema tista’ tapplika limiti addizzjonali, minbarra dawk applikati għal bonds mhux koperti tal-banek, għall-espożizzjoni fil-konfront ta’ issuers/debituri jew garanti. Dawn il-limiti jistgħu jiġu applikati għal kontropartijiet speċifiċi, b’mod partikolari jekk il-kwalità tal-kreditu tal-kontroparti tidher li turi korrelazzjoni qawwija mal-kwalità tal-kreditu tal-garanziji mogħtija mill-kontroparti.

Garanziji addizzjonali
L-Eurosistema tista’ titlob garanziji addizzjonali minn entitajiet finanzjarjament b’saħħithom sabiex taċċetta ċerti assi.

Esklużjoni
L-Eurosistema tista’ teskludi ċerti assi milli jintużaw fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tagħha. Dawn il-limiti jistgħu jiġu applikati wkoll għal kontropartijiet speċifiċi, b’mod partikolari jekk il-kwalità tal-kreditu tal-kontroparti tidher li turi korrelazzjoni qawwija mal-kwalità tal-kreditu tal-garanziji mogħtija mill-kontroparti.”

(5)

It-tabella f’Appendiċi 5 hija sostitwita b’li ġej:

“IS-SITI ELETTRONIĊI TA’ L-EUROSISTEMA

Bank Ċentrali

Sit elettroniku

Bank Ċentrali Ewropew

www.ecb.europa.eu

Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

www.nbb.be or www.bnb.be

Deutsche Bundesbank

www.bundesbank.de

Central Bank and Financial Services Authority of Ireland

www.centralbank.ie

Bank of Greece

www.bankofgreece.gr

Banco de España

www.bde.es

Banque de France

www.banque-france.fr

Banca d’Italia

www.bancaditalia.it

Central Bank of Cyprus

www.centralbank.gov.cy

Banque centrale du Luxembourg

www.bcl.lu

Bank Ċentrali ta’ Malta

www.centralbankmalta.org

De Nederlandsche Bank

www.dnb.nl

Oesterreichische Nationalbank

www.oenb.at

Banco de Portugal

www.bportugal.pt

Národná banka Slovenska

www.nbs.sk

Banka Slovenije

www.bsi.si

Suomen Pankki

www.bof.fi”



Top