EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0005(01)

2010/281/: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 14 ta’ Mejju 2010 li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli (BĊE/2010/5)

OJ L 124, 20.5.2010, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 005 P. 259 - 260

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/281/oj

20.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/8


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2010

li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli

(BĊE/2010/5)

(2010/281/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1, l-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro (minn hawn il quddiem il-“BĊNi taż-żona tal-euro”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (minn hawn ‘il quddiem imsejħin kollettivament bħala l-“banek ċentrali tal-Eurosistema”) jistgħu joperaw fis-swieq finanzjarji billi, fost affarijiet oħra, jixtru u jbiegħu b’titolu definittiv strumenti negozjabbli.

(2)

Fid-9 ta’ Mejju 2010 l-Kunsill Governattiv iddeċieda u ħabbar pubblikament li, minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li hawn bħalissa fis-swieq finanzjarji, ikkaratterizzati b’tensjonijiet kbar f’ċerti setturi tas-suq li qed itellfu l-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u b’hekk it-tħaddim effettiv tal-politika monetarja orjentata lejn l-istabbiltà tal-prezzijiet fi żmien medju, għandu jiġi mniedi programm temporanju għas-swieq tat-titoli (minn hawn ‘il quddiem il-“programm”). Taħt il-programm, il-BĊNi taż-żona tal-euro, skont l-ishma ta’ persentaġġ tagħhom fl-iskema ta’ sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE, u l-BĊE, f’kuntatt dirett mal-kontropartijiet, jistgħu jagħmlu interventi b’titolu definittiv fis-swieq tat-titoli ta’ dejn pubbliku u privat taż-żona tal-euro.

(3)

Il-programm jifforma parti mill-politika monetarja waħdanija tal-Eurosistema u ser japplika temporanjament. L-għan tal-programm huwa li jindirizza l-funzjonament ħażin tas-swieq tat-titoli u jqajjem mill-ġdid mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja xieraq.

(4)

Il-Kunsill Governattiv ser jiddeċiedi dwar l-ambitu tal-interventi. Il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-istqarrija tal-gvernijiet tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li huma “ser jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jilħqu l-miri fiskali tagħhom din is-sena u fis-snin li ġejjin skont il-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv” u l-impenji addizzjonali preċiżi li daħlu għalihom uħud mill-gvernijiet tal-Istati Membri taż-żona tal-euro biex titħaffef il-konsolidazzjoni fiskali u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom.

(5)

Bħala parti mill-politika monetarja waħdanija tal-Eurosistema, ix-xiri b’titolu definittiv ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli eliġibbli minn banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-programm għandu jiġi implimentat skont il-kundizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Twaqqif tal-programm għas-swieq tat-titoli

Taħt il-kundizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jixtru dan li ġej: (a) fis-suq sekondarju, strumenti ta’ dejn negozzjabbli eliġibbli maħruġin mill-gvernijiet ċentrali jew minn entitajiet pubbliċi tal-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro; u (b) fis-swieq primarji u sekondarji, strumenti ta’ dejn negozjabbli eliġibbli maħruġin minn entitajiet privati inkorporati fiż-żona tal-euro.

Artikolu 2

Kriterji ta’ eliġibbiltà għall-istrumenti ta’ debitu

Strumenti ta’ dejn negozjabbli għandhom ikunu eliġibbli għal xiri definittiv taħt il-programm jekk huma kollha minn dawn li ġejjin: (a) denominati f’euro; u (b) jew (i) maħruġin mill-gvernijiet ċentrali jew entitajiet pubbliċi tal-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro; jew (ii) maħruġin minn entitajiet oħrajn inkorporati fiż-żona tal-euro u jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà tal-assi speċifikati fil-Kapitolu 6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1).

Artikolu 3

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontropartijiet eliġibbli għall-programm: (a) kontropartijiet eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema kif iddefiniti fit-Taqsima 2.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7; u (b) kwalunkwe kontroparti oħra li tintuża minn bank ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolji ta’ investiment tagħha denominati f’euro.

Artikolu 4

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-websajt tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Mejju 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.


Top