EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0021(01)

2013/376/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 28 ta’ Ġunju 2013 li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2013/13 dwar miżuri temporani marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru (BĊE/2013/21)

OJ L 192, 13.7.2013, p. 75–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ L 192, 13.7.2013, p. 53–53 (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/376/oj

13.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/75


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Ġunju 2013

li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2013/13 dwar miżuri temporani marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru

(BĊE/2013/21)

(2013/376/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1, flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stipulati f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dokumentazzjoni Ġenerali”).

(2)

Bis-saħħa tat-Taqsima 1.6 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Bis-saħħa tat-Taqsima 6.3.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħruġ, emittent, debitur jew min qed jiggarantixxi jissodisfax il-ħtiġijiet tagħha għal standards ta’ kreditu għoljin fuq il-bażi ta’ kull informazzjoni li hija tista' tqis relevanti.

(3)

Id-Deċiżjoni BĊE/2013/13 tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri temporani marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru (2) issospendiet b’mod temporanju, bħala miżura b'eċċezzjoni, il-ħtiġijiet minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi ta’ kwalità tal-kreditu applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru.

(4)

Ir-Repubblika ta’ Ċipru iddeċidiet li tvara eżerċizzju għall-ġestjoni tad-dejn li jinvolvi strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin minnha.

(5)

L-adegwatezza ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-Eurosistema kien effettwat aktar negattivament mid-deċiżjoni li jiġi varat eżerċizzju għall-ġestjoni tad-dejn.

(6)

Id-Deċiżjoni BĊE/2013/13 għandha għalhekk titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Tħassir ta’ Deċiżjoni BĊE/2013/13

Id-Deċiżjoni BĊE/2013/13 hija mħassra.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2013.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Ġunju 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 133, 17.5.2013, p. 26.


Top