European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X'inhi l-bitcoin?

13 ta' Frar 2018(aġġornat fl-24 ta' Ġunju 2021)

Il-bitcoin qed tissejjaħ kriptoassi. Iżda x'inhi fil-fatt u xi tfisser fil-konfront ta' muniti reali?

Essenzjalment hi simbolu li jista' jiġi skambjat elettronikament. Ma teżistix f'forma fiżika. Il-bitcoins jinħolqu u jinżamm kont tagħhom permezz ta' netwerk ta' kompjuters bl-użu ta' formuli matematiċi kumplessi, pjuttost milli minn awtorità jew organizzazzjoni unika.

Għalhekk virtwali, iva, iżda munita, le. Għaliex le?

M'għandha l-appoġġ ta' ħadd

Il-Bitcoin ma tinħariġx minn awtorità pubblika ċentrali. Ma jistax ikollok l-istess livell ta' fiduċja fiha bħal ma jkollok f'munita uffiċjali bħall-euro, li hija sostnuta mill-banek ċentrali taż-żona tal-euro. Bħala gwardjani tal-euro, naħdmu biex niggarantixxu d-dritt tiegħek li tħallas bl-euro u biex nippreservaw il-valur tiegħu.

Mhijiex aċċettata b'mod ġenerali bħala forma ta' ħlas

Kieku l-bitcoin kienet munita, tista' tistenna li tkun tista' tużaha b'mod estensiv. Iżda, fil-fatt, veru ftit huma l-postijiet fejn tista' tħallas bil-bitcoin. U fejn tista' tħallas biha, it-tranżazzjonijiet isiru bil-mod u għandhom prezz għoli.

L-utenti mhumiex imħarsa

Huwa possibbli li l-hackers jisirqu l-bitcoin. Jekk jiġri dan, inti m'għandek ebda ħarsien legali.

Hi instabbli wisq

Munita hija sors affidabbli ta' valur biex inti tista' tkun żgur li bil-flus li jkollok tista' tixtri bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta' oġġetti llum kif ukoll għada jew is-sena d-dieħla. Il-bitcoin mhijiex stabbli. Il-valur tagħha għola mas-smewwiet u waqa' drammatikament ukoll fl-ispazju ta' ftit jiem.

Jekk mhijiex munita, x'inhi?

Il-bitcoin hi assi spekulattiv. Fi kliem ieħor, hi xi ħaġa li tista' tużaha bħal fl-imħatri biex tagħmel qligħ, iżda bir-riskju li titlef l-investiment tiegħek.

L-istablecoins huma l-istess bħall-bitcoins?

L-istablecoins għandhom l-għan li jkunu forma aktar stabbli ta’ kripto-assi minn bitcoins. L-emittenti jorbtuhom ma’ tip ta’ valur ta’ fiduċja, bħal assi ta’ kumpanija jew deheb. Madankollu, il-valur ta’ stablecoin huwa biss wegħda magħmula minn kumpanija privata. M'hemm l-ebda istituzzjoni pubblika li tappoġġjaha, għall-kuntrarju tal-muniti uffiċjali.

Min jissorvelja l-kripto-assi?

Mhuwiex possibbli li jiġi verifikat jekk l-emittenti internazzjonali tal-istablecoin jistgħux verament iżommu l-wegħda tagħhom ta’ “valur stabbli” jew jekk joħorġux aktar stablecoins milli jistgħu jħallsu lura. Biex tindirizza din il-problema l-Kummissjoni Ewropea pproponiet leġiżlazzjoni ġdida biex tipproteġi l-utenti ta’ stablecoins fl-UE.

Il-BĊE se jipprojbixxi l-bitcoin?

Mhix ir-responsabbiltà tal-BĊE li jipprojbixxi jew jirregola l-bitcoin jew kriptoassi oħra, peress li mhumiex valuta legali. Iżda, minħabba n-nuqqas ta' ħarsien tal-konsumatur, hu importanti li wieħed joqgħod attent.

ARA WKOLL

Skopri iktar dwar kontenut relatat

Tgħallem aktar dwar l-euro diġitali

Euro diġitali jkun strument veloċi, faċli u sigur għall-pagamenti ta’ kuljum tiegħek.

Ċentru tal-euro diġitali

Il-fluss tal-flus

Aqra l-artiklu ta’ Christine Lagarde fir-rivista L’ENA hors les murs dwar flus u pagamenti.

Il-futur tal-flus – l-innovazzjoni u ż-żamma tal-fiduċja